Gżira ta' Kunta Kinteh

gżira żgħira fix-xmara Gambja, il-Gambja

Il-Gżira ta' Kunta Kinteh, li qabel kienet tissejjaħ il-Gżira ta' Ġakbu (bl-Ingliż: James Island) u l-Gżira ta' Sant'Indrija (bl-Ingliż: St Andrew's Island), hija gżira fix-xmara Gambja, 30 kilometru (19-il mil) mill-bokka tax-xmara u qrib Juffureh fir-Repubblika tal-Gambja. Il-Forti ta' Ġakbu jinsab fil-gżira. Tinsab inqas minn 3.2 kilometri (2 mili) minn Albreda fix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara. Bħala sit storiku importanti għall-kummerċ tal-iskjavi tal-Punent tal-Afrika, il-gżira tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003, flimkien ma' siti relatati, inkluż kappella Portugiża u maħżen kolonjali f'Albreda, il-Binja ta' Maurel Frères f'Juffureh, u l-Forti ta' Bullen u l-Batterija tas-Sitt Kanuni, li jinsabu fil-bokka tax-xmara Gambja.[1]

Il-Gżira ta' Ġakbu fl-2004.

Storja immodifika

L-ewwel tismija ta' interazzjoni Ewropea mal-gżira saret f'Mejju 1456, meta spedizzjoni Portugiża mmexxija mill-esploraturi Taljani Alvise Cadamosto u Antoniotto Usodimare rmiġġat mal-gżira. Huma difnu wieħed mill-baħħara, li kien jismu Andrew, fil-gżira, u minn hemm oriġina l-ewwel isem Ewropew — il-Gżira ta' Sant'Indrija.[2] Diogo Gomes ankra wkoll mal-Gżira ta' Sant'Indrija fl-ispedizzjoni tiegħu fl-1458.[3] Insedjament Portugiż, San Domingo, inbena max-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Gambja, faċċata tal-Gżira ta' Sant'Indrija, fis-seklu 15.[4]

L-ewwel insedjaturi Ewropej fil-gżira ġew mid-Dukat ta' Courland u ta' Semigallia, stat vassall tal-Commonwealth Pollakka-Litwana, li kellha territorji kolonjali oħra fl-inħawi, għalkemm il-Kuruna Ingliża kienet tat il-gżira lil żewġ kumpaniji separati fl-1588 u fl-1618. Fl-1651, l-insedjaturi bnew forti bl-isem ta' Forti ta' Jacob f'ġieħ Jacob Kettler, id-Duka ta' Courland, u użawh bħala bażi kummerċjali. Major Fock, suldat ta' Courland, kien responsabbli għall-ewwel insedjament u ssorvelja l-kostruzzjoni tal-fortifikazzjonijiet tal-Gżira ta' Sant'Indrija, li nbnew skont ir-regoli kontemporanji rikonoxxuti tal-inġinerija militari. Il-binja prinċipali kellha l-għamla ta' rettangolu, u f'kull kantuniera tiegħu kellu bastjun triangolari. Madankollu, il-forti ma kellux provvista tal-ilma, u kellu jiddependi fuq ir-rieda tajba tar-Re ta' Barra biex jibqa' jkun operattiv.[5]

Id-Duka ta' Courland kien beħsiebu jistabbilixxi insedjament permanenti fil-Gżira ta' Sant'Indrija, u b'hekk il-koppji miżżewġin kienu jintbagħtu fil-gżira flimkien ma' pastor tal-komunità. L-ewwel pastor kien Gottschalk Eberling, li ġie sostitwit fl-1655 minn Joachim Dannefeld. Il-gżira kellha knisja żgħira tal-qasab b'saqaf tal-ħuxlief, li fiha pprietkaw Eberling u Dannefeld. Kien jingħad ukoll li kien hemm depożitu tad-deheb fix-xmara, għaldaqstant id-Duka ta' Courland iddeċieda li jniedi spedizzjoni sħiħa lejn il-Gambja. Peress li ftit membri ta' Courland kellhom esperjenza fl-Afrika, u għalhekk id-Duka kellu jiddependi fuq il-barranin. Fis-6 ta' Settembru 1652, huwa ħatar lill-Olandiż Jacob du Moulin bħala d-Direttur tiegħu fil-Gambja, filwaqt li membru tad-Dukat ta' Courland, Frederick William Trotta von Treyden inħatar bħala l-logutenent tiegħu.[6]

Tliet vapuri, Crocodile, Patientia u Chur, kienu għad-dispożizzjoni ta' Moulin. Kien hemm għadd ta' problemi marbuta mal-ispedizzjoni, u f'Diċembru 1652, Treyden kiteb lid-Duka ta' Courland u ddeskriva lil Moulin bħala "raġel diżonest ta' nofs kedda". Wara li salpat f'Marzu 1653, l-ispedizzjoni ftit wara spiċċat mingħajr provvisti u kellha terġa' lura. Sussegwentement Moulin ġiet arrestat għall-bosta nuqqasijiet tiegħu, fosthom l-approprjazzjoni indebita ta' flus id-Duka. Fl-1654 sar tentattiv biex issir it-tieni spedizzjoni, taħt il-kmand ta' esploratur Daniż, Philip von Seitz. Madankollu, Seitz abbanduna l-ispedizzjoni f'Amburgu, wara li rnexxielu jikseb 15,000 rixdollaru biss mingħand id-Duka.

Wara dawn iż-żewġ spedizzjonijiet li ma rnexxewx, id-Duka dar fuq niesu stess. Il-Kaptan Otto Stiel, membru tad-Dukat ta' Courland li qabel kien żar il-Gambja, inħatar bħala l-Gvernatur tagħha u bħala l-Kmandant tal-Gżira ta' Sant'Indrija. Fl-1658, id-Duka ta' Courland u l-familja tiegħu nħatfu minn merċenarju Żvediż wara li nqabdu fl-invażjoni Żvediża tal-Commonwealth Pollakka-Litwana, u l-komunikazzjoni bejn Courland u l-Gżira ta' Sant'Indrija nqatgħet għal madwar sentejn.

B'hekk, il-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja waslet għal ftehim mar-rappreżentant tad-Duka fl-Olanda, Henry Momber, li permezz tiegħu setgħet terġa' tieħu l-Gżira ta' Sant'Indrija u terġa' timla l-provvisti minn hemmhekk. Momber qabel, fl-assenza ta' struzzjonijiet mid-Duka. L-Olandiżi bagħtu vapur suldati lejn il-gżira biex jaħtfuha. Stiel oġġezzjona, iżda malli sar jaf li l-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja kienet se tiggarantilhom il-paga tagħhom, il-gwarniġjon qabad u telaq u mar lura lejn l-Olanda fuq il-vapur li kien wassal il-gwarniġjon il-ġdid.[7]

Fl-1660, l-Olandiżi tilfu l-kontroll tal-gżira wara li bastiment armat Franċiż taħt is-servizz Żvediż ħasad il-forti billejl, keċċa l-gwarniġjon u seraq ir-rikkezzi tal-gżira. Sussegwentement il-bastiment armat iltaqa' ma' bastiment merkantili tal-kompartiment ta' Groningen tal-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja, li ladarba ma kienx hemm komunikazzjoni, irrifjuta li jerġa' jixtri l-gżira u qal li kienet proprjetà tad-Duka ta' Courland, minflok tal-kompartiment ta' Amsterdam tal-istess kumpanija. Momber ikkuntattja lil Stiel, li kien qed jgħix fl-Olanda, u vvjaġġa lura lejn il-Gżira ta' Sant'Indrija f'vapur ipprovdut mill-kompartiment ta' Groningen.[8]

Diversi ġimgħat wara, tliet vapuri tal-kompartiment ta' Amsterdam ankraw mal-gżira u talbu lil Stiel jarrendi. Huwa rrifjuta, u l-Olandiżi żbarkaw flimkien ma' ammont kbir ta' munizzjon biex jaħtfu l-forti. Bi ftit irġiel biss, Stiel kellu jarrendi. Madankollu, meta r-Re ta' Barra ra lil Stiel imkeċċi mill-ġdid, huwa ddeċieda li jgħinu billi qabad grupp Olandiżi li kienu żbarkaw f'Juffure għall-ilma. Ir-re talab li Stiel jerġa' jingħata l-kariga tiegħu u miegħu ngħaqdu għadd kbir ta' renji nattivi oħra, inkluż ir-Re ta' Kombo. L-Olandiżi majnaw wara staġnar ta' erba' ġimgħat, u l-kmandant tal-forti ħallih mingħajr provvisti u parzjalment meqrud qabel ma reġa' tah lil Stiel u lill-membri tad-Dukat ta' Courland. Matul it-tmien xhur ta' wara, il-gwarniġjon spiċċa ċċekken għal seba' Ewropej biss.[9]

L-Olandiżi kellhom il-forti f'idejhom għal żmien qasir mill-1659 sal-1661 meta l-Ingliżi ħatfuh. L-Olandiżi ċedew il-forti lill-Ingliżi fl-1664.

 
Mappa tal-Forti ta' Ġakbu u l-Gżira ta' Ġakbu mill-1755.

L-Ingliżi bidlu isem il-gżira għal Gżira ta' Ġakbu u isem il-forti għal Forti ta' Ġakbu f'ġieħ Ġakbu, id-Duka ta' York, li mbagħad sar ir-Re Ġakbu II tal-Ingilterra. L-Avventurieri Rjali fil-Kumpanija tal-Afrika amministraw it-territorju, u għall-ewwel użawh għall-kummerċ tad-deheb u tal-avorju, u iktar 'il quddiem għall-kummerċ tal-iskjavi. Fl-1 ta' Awwissu 1669, il-kumpanija ħalliet l-amministrazzjoni f'idejn l-Avventurieri tal-Gambja. Fl-1684, il-Kumpanija Afrikana Rjali ħadet f'idejha l-amministrazzjoni tal-Gambja.

Fl-1695, il-Franċiżi ħatfu l-Forti ta' Ġakbu wara battalja mal-baħrin Ingliżi, iżda sal-1702, il-Forti ta' Ġakbu reġa' spiċċa definittivament għal darb'oħra taħt il-kontroll tal-Ingliżi. Inqered u reġa' nbena bosta drabi f'dan il-perjodu, kemm fil-kunflitti bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, kif ukoll mill-pirati. Fit-13 ta' Ġunju 1750, il-Kumpanija tal-Merkanti li kienu jagħmlu kummerċ mal-Afrika ħadu f'idejhom l-amministrazzjoni tal-Gambja. Bejn l-1758 u l-1779, il-Gambja kienet tagħmel parti mis-Senegambja Brittanika.

 
Fdalijiet fil-gżira.

Il-Batterija tas-Sitt Kanuni (1816) u l-Fort ta' Bullen (1826), issa inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-Gżira ta' Ġakbu u li jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-bokka tax-xmara Gambja, inbnew bil-ħsieb speċifiku li jopponu l-kummerċ tal-iskjavi ladarba kien sar illegali fl-Imperu Brittaniku wara li għadda l-Att dwar il-Kummerċ tal-Iskjavi fl-1807. Dawn huma l-unika strutturi difensivi magħrufa fir-reġjun li nbnew biex iwaqqfu l-interessi tal-iskjavitù, minflok biex jinfurzawhom. Dawn is-siti flimkien mal-gżira ġew abbandunati fl-1870.

Fis-6 ta' Frar 2011, fuq it-talba tal-artist minn New York Chaz Guest lill-President tal-Gambja Yahya Jammeh, il-gżira bdiet tissemma bħala l-Gżira ta' Kunta Kinteh biex ikollha isem ta' xi ħadd mill-Gambja. Fiċ-ċerimonja tat-tismija mill-ġdid, Guest żvela replika tiegħu f'minjatura tal-istatwa ta' 9 metri (30 pied) ta' Kunta Kinteh biex tintwera fil-Gżira ta' Kunta Kinteh.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-Gżira ta' Kunta Kinteh u s-Siti Relatati ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Legat immodifika

Il-Gżira ta' Kunta Kinteh qed tittiekel minħabba erożjoni kbira u issa fiha bejn wieħed u ieħor 16.67 % tad-daqs tagħha meta l-forti kien attiv. Il-fdalijiet ta' diversi binjiet amministrattivi Brittaniċi (inkluż ċella individwali, li milli jidher kienet tospita l-iżjed ħabsin li kienu jaqilgħu l-inkwiet), moll żgħir u għadd ta' fdalijiet ta' siġar tal-baobab. Il-fdalijiet ġew stabbilizzati u protetti b'għata. Minħabba li l-gżira hija baxxa ferm, meta l-marea tkun għolja u jkun hemm il-maltemp, xi kultant il-mewġ iħabbat ma' wħud mill-istrutturi li għad fadal.[10]

Kunta Kinteh, karattru deskritt fil-ktieb ta' Alex Haley u fis-sensiela televiżiva Roots, sar assoċjat mal-Gżira ta' Ġakbu. Il-ktieb jiddikjara li Kunta Kinteh kien fost it-98 skjav li l-bastiment tal-iskjavi Lord Ligonier ittrasporta lejn Annapolis, Maryland fl-1767.

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Kunta Kinteh Island and Related Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-22.
  2. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. p. 6.
  3. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. p. 7.
  4. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. p. 11.
  5. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. p. 41.
  6. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. p. 42.
  7. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 47-49.
  8. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 49-50.
  9. ^ Gray, J. M. (1940). A History of the Gambia. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 50-51.
  10. ^ "Evalwazzjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO" (PDF).