Edwin Hubble
Edwin Powell Hubble (twieled fl-20 ta' Novembru 1889 – miet fit-28 ta' Settembru 1953)[1] kien astronomu Amerikan. Huwa kellu rwol kruċjali fl-istabbiliment tal-oqsma tal-astronomija ekstragalattika u l-kożmoloġija tal-osservazzjonali.[2][3]
Hubble wera bil-provi li bosta oġġetti li qabel kien maħsub li kienu sħab tat-trab u tal-gass u kklassifikati bħala nebuli, fil-fatt kienu galassji li jmorru lil hinn mit-Triq ta' Sant'Anna. Huwa uża r-rabta diretta b'saħħitha bejn il-luminożità u l-perjodu tal-pulsazzjoni ta' varjabbli klassika ta' Cepheid (skoperta fl-1908 minn Henrietta Swan Leavitt) għall-iskalar tad-distanzi galattiċi u ekstragalattiċi.
Hubble pprovda evidenza li l-veloċità ta' reċessjoni ta' galassja tiżdied mad-distanza tagħha mid-Dinja, proprjetà li issa hija magħrufa bħala l-liġi ta' Hubble, għalkemm kienet ġiet proposta sentejn qabel minn Georges Lemaître. Il-liġi ta' Hubble timplika li l-univers qed jespandi. Deċennju qabel, l-astronomu Amerikan Vesto Slipher kien ipprovda l-ewwel evidenza li d-dawl minn bosta minn dawn in-nebuli kellu redshift qawwija, jiġifieri kellu żiedu fit-tul tal-mewġ, u tnaqqis korrispondenti fil-frekwenza u fl-enerġija fotonika, tar-radjazzjoni elettromanjetika, xi ħaġa li hija indikattiva tal-veloċitajiet kbar tar-reċessjoni.
Kunjom Hubble huwa magħruf l-iktar għat-Teleskopju Spazjali ta' Hubble, li ssejjaħ hekk għalih, u f'raħal twelidu, Marshfield, Missouri, hemm mudell tiegħu muri bi kburija.
Ħajja bikrija u edukazzjoni
immodifikaEdwin Hubble twieled fil-familja ta' Virginia Lee Hubble (kunjomha xebba James; 1864-1934) u John Powell Hubble, uffiċjal eżekuttiv tal-assigurazzjoni, f'Marshfield, Missouri, u fl-1900 mar jgħixu f'Wheaton, Illinois. Meta kien għadu żgħir, huwa kien magħruf iktar għas-saħħa atletika tiegħu milli għall-ħiliet intellettwali tiegħu, għalkemm kellu marki tajbin f'kull suġġett għajr l-ortografija. Edwin kellu talent bħala atleta, u kien jilgħab il-baseball, il-futbol, u kien jiġri fit-trakka kemm fl-iskola kif ukoll fil-kulleġġ. Huwa rebaħ seba' medalji tal-ewwel post u medalja waħda tat-tielet post f'jum l-isport tal-iskola fl-1906, u lagħab f'diversi pożizzjonijiet fil-court tal-basketball minn plejer ċentrali għal plejer fid-difiża. Hubble mexxa lit-tim tal-basketball tal-Università ta' Chicago għall-ewwel titolu tiegħu tal-Konferenza tal-Aqwa Għaxra fl-1907.
Studji tal-ewwel lawrja
immodifikaL-istudji ta' Hubble fl-Università ta' Chicago kienu kkonċentrati fuq il-matematika, l-astronomija u l-filosofija, li rriżultaw f'lawrja tax-xjenza sal-1910. Għal sena huwa kien ukoll student u assistent tal-laboratorju flimkien mal-fiżiku Robert Millikan, li iktar 'il quddiem rebaħ il-Premju Nobel. Hubble sar ukoll membru tal-Fratellanza Kappa Sigma. Huwa kien studjuż ta' Rhodes u qatta' tliet snin f'The Queen's College, Oxford jistudja l-ġurisprudenza minflok ix-xjenza (bħala wegħda lil missieru meta kien qed imut), u iktar 'il quddiem żied l-istudji fil-letteratura u fl-Ispanjol, u eventwalment kiseb il-lawrja tal-Masters.
Fl-1909, missier Hubble ttrasferixxa l-familja tiegħu minn Chicago għal Shelbyville, Kentucky, sabiex il-familja setgħet tgħix f'raħal żgħir, u fl-aħħar mill-aħħar marru jgħixu f'Louisville fil-qrib. Missieru miet fix-xitwa tal-1913, meta Edwin kien għadu fl-Ingilterra. Is-sajf ta' wara, Edwin reġa' lura d-dar biex jieħu ħsieb lil ommu, liż-żewġ aħwa bniet, lil ħuh iż-żgħir u lil ħuh William. Il-familja ttrasferiet ruħha għal darb'oħra lejn Everett Avenue, fil-kwartier tal-artijiet għoljin ta' Louisville, sabiex jakkomodaw lil Edwin u lil William.
Hubble kien ukoll iben ħabrieki u tal-kelma, li minkejja l-interess qawwi tiegħu fl-astronomija minn mindu kien żgħir, żamm mal-wegħda lil missieru li jistudja l-liġi, l-ewwel fl-Università ta' Chicago u iktar 'il quddiem f'Oxford. Matul dan iż-żmien, huwa studja wkoll f'korsijiet tal-matematika u tax-xjenza. Wara l-mewt ta' missieru fl-1913, Edwin reġa' lura lejn il-Midwest minn Oxford, iżda ma kellux il-motivazzjoni li jipprattika l-liġi. Minflok, mar jgħallem l-Ispanjol, il-fiżika u l-matematika fl-Iskola Postsekondarja ta' New Albany, Indiana, fejn kien ukoll il-kowċ tat-tim tal-basketball tas-subien. Wara sena jgħallem fil-livell postsekondarju, huwa attenda skola preuniversitarja bl-għajnuna tal-eks professur tiegħu mill-Università ta' Chicago biex jistudja l-astronomija fl-Osservatorju ta' Yerkes tal-università, fejn kiseb id-dottorat tiegħu fl-1921. It-teżi tiegħu kellha t-titlu: "Investigazzjonijiet Fotografiċi ta' Nebuli li Bil-kemm Jidhru". F'Yerkes, huwa kellu aċċess għal wieħed mill-iżjed teleskopji qawwijin fid-dinja dak iż-żmien, li kellu riflettur innovattiv ta' 26 pulzier (61 ċentimetru).
Studji tad-dottorat
immodifikaWara li l-Istati Uniti ddikjaraw gwerra kontra l-Ġermanja fl-1917, Hubble ħaffef biex ilesti d-dottorat tiegħu sabiex ikun jista' jingħaqad mal-militar. Hubble kien volontarju mal-Armata tal-Istati Uniti u ġie assenjat fis-86 Diviżjoni li kienet għadha kemm inħolqot, fejn serva fit-Tieni Battaljun tat-343 Riġment tal-Fanterija. Huwa laħaq il-grad ta' Maġġur, u tqies bħala idoneu biex iwettaq dmirijietu barra mill-pajjiż fid-9 ta' Lulju 1918, iżda s-86 Diviżjoni qatt ma ġew skjerati għall-ġlied. Wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, Hubble qatta' sena fl-Università ta' Cambridge, fejn reġa' kompla bl-istudji tiegħu fl-astronomija.
Karriera
immodifikaFl-1919, Hubble ġie offrut kariga bħala persunal fl-Istituzzjoni ta' Carnegie għall-Osservatorju tax-Xjenza ta' Mount Wilson, qrib Pasadena, California, mingħand George Ellery Hale, il-fundatur u d-direttur tal-osservatorju. Hubble baqa' bħala persunal f'Mount Wilson sa mewtu fl-1953. Ftit qabel ma miet, Hubble sar l-ewwel astronomu li uża t-Teleskopju ta' Hale b'riflettur ġgantesk ta' 200 pulzier (5.1 metri) li kien għadu kemm tlesta fl-Osservatorju ta' Palomar qrib San Diego, California.
Hubble ħadem ukoll bħala uffiċjal ċivili mal-Armata tal-Istati Uniti fl-Aberdeen Proving Ground f'Maryland matul it-Tieni Gwerra Dinjija bħala l-Kap tal-Fergħa tal-Ballistika Esterna tal-Laboratorju tar-Riċerka tal-Ballistika, u matul dan iż-żmien huwa dderieġa volum kbir ta' riċerka fil-qasam tal-ballistika esterna, li żiedet il-qawwa effettiva tal-bombi u tal-projjettili. Ix-xogħol tiegħu ġie ffaċilitat mill-iżvilupp personali tiegħu ta' diversi oġġetti ta' tagħmir għall-istrumentazzjoni li tintuża fil-ballistika esterna. L-iżjed żvilupp straordinarju kien il-kamera bil-ħin ta' veloċità għolja, li permezz tagħha sar possibbli l-istudju tal-karatteristiċi tal-bombi u tal-projjettili b'veloċità baxxa fl-ajru. Ir-riżultati tal-istudji tiegħu ġew akkreditati li tejbu ferm id-disinn, il-prestazzjoni u l-effettività militari tal-bombi u tar-rokits. Għax-xogħol tiegħu f'dan il-qasam, huwa ngħata l-premju tal-Leġjun tal-Merti.
Skoperti
immodifikaL-univers imur lil hinn mill-galassja tat-Triq ta' Sant'Anna
immodifikaIl-wasla ta' Edwin Hubble fl-Osservatorju ta' Mount Wilson, California, fl-1919 inzertat bejn wieħed u ieħor mat-tlestija tat-Teleskopju ta' Hooker ta' 100 pulzier (2.5 metri), li dak iż-żmien kien l-ikbar wieħed fid-dinja. Dak iż-żmien, il-ħsieb kożmoloġiku prevalenti kien li l-univers kien magħmul biss mill-Galassja tat-Triq ta' Sant'Anna.
Permezz tat-Teleskopju ta' Hooker f'Mount Wilson, Hubble identifika l-varjabbli ta' Cepheid, xemgħa standard skoperta minn Henrietta Leavitt. It-tqabbil tal-luminożità apparenti tagħhom mal-luminożità intrinsika jagħti d-distanza tagħhom mid-Dinja. Hubble sab Cepheids f'diversi nebuli, inkluż in-Nebula ta' Andromeda u n-Nebula ta' Triangulum. L-osservazzjonijiet tiegħu tal-1924 urew bi provi konklużivi li dawn in-nebuli kienu wisq 'il bogħod biex jagħmlu parti mit-Triq ta' Sant'Anna u fil-fatt kienu galassji sħaħ 'il barra minn tagħna; b'hekk illum ma għadhom jitqiesu bħala nebuli.
Dan il-ħsieb tressaq bħala ipoteżi għall-ewwel darba saħansitra fl-1755 meta tfaċċat l-Istorja Ġenerali tan-Natura u t-Teorija tas-Smewwiet ta' Immanuel Kant. Din l-ipoteżi ġiet irrifjutata minn bosta fil-qasam tal-astronomija ta' dak iż-żmien, b'mod partikolari minn Harlow Shapley tal-Università ta' Harvard. Minkejja l-oppożizzjoni, Hubble, li dak iż-żmien kien xjenzat ta' 35 sena, ippubblika s-sejbiet tiegħu f'The New York Times fit-23 ta' Novembru 1924, u mbagħad ippreżentahom lil astronomi oħra fil-laqgħa tal-1 ta' Jannar 1925 tas-Soċjetà Astronomika Amerikana. Ir-riżultati ta' Hubble għal Andromeda ma ġew ippubblikati formalment f'ġurnal xjentifiku b'rieżami tal-pari qabel l-1929.
Is-sejbiet ta' Hubble bidlu ta' taħt fuq il-ħsieb xjentifiku rigward l-univers. Dawk li kienu favur jiddikjaraw li l-iskoperta ta' Hubble ta' nebuli 'l barra mill-galassja tagħna għenet biex twitti t-triq għall-astronomi futuri. Għalkemm uħud mill-kollegi iktar rinomati tiegħu sempliċement kemxu xofftejhom meta raw ir-riżultati tiegħu, Hubble rnexxielu jippubblika s-sejbiet tiegħu rigward in-nebuli. Dan ix-xogħol ippubblikat qallgħu l-Premju tal-Assoċjazzjoni Amerikana u ħames mitt dollaru mingħand Burton E. Livingston tal-Kumitat tal-Premjijiet.
Hubble vvinta wkoll l-iżjed sistema użata għall-klassifikazzjoni tal-galassji, fejn jiġu raggruppati skont id-dehra tagħhom f'immaġnijiet fotografiċi. Huwa rranġa l-gruppi ta' galassji differenti f'dik li saret magħrufa bħala s-sekwenza ta' Hubble.
Ir-redshift jiżdied bid-distanza
immodifikaHubble ħadem qatigħ biex jistma d-distanzi sa 24 nebula ekstragalattika, billi uża varjetà ta' metodi. Fl-1929 Hubble eżamina r-rabta bejn dawn id-distanzi u l-veloċitajiet radjali tagħhom kif iddeterminati mir-redshifts tagħhom. Issa huwa magħruf li d-distanzi stmati kollha tiegħu huma żgħar wisq, b'fattur sa madwar 7. Dan kien minħabba fatturi bħall-fatt li hemm żewġ tipi ta' varjabbli ta' Cepheid jew sħab tal-gass b'dawl qawwi li jista' jitfixkel mal-istilel b'dija qawwija. Madankollu, id-distanzi tiegħu kienu bejn wieħed u ieħor proporzjonali mad-distanzi reali, u billi kkombina d-distanzi tiegħu mal-kejliet tar-redshifts tal-galassji ta' Vesto Slipher, u tal-assistant tiegħu Milton L. Humason, huwa sab rabta pjuttost lineari bejn id-distanzi tal-galassji u l-veloċitajiet radjali tagħhom (korretti għaċ-ċaqliq solari), skoperta li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala l-liġi ta' Hubble.
Dan kien ifisser li iktar ma tkun kbira d-distanza bejn kwalunkwe żewġ galassji, ikbar tkun il-veloċità relattiva tas-separazzjoni tagħhom. Jekk jiġu interpretati b'dan il-mod, il-kejliet ta' Hubble rigward 46 galassja jwasslu għal valur għall-kostanti ta' Hubble ta' 500 km/s/Mpc, li huwa ferm ogħla mill-valuri aċċettati attwalment ta' 74 km/s/Mpc (il-metodu mtarraġ tad-distanzi kożmiċi) jew ta' 68 km/s/Mpc (il-metodu CMB) minħabba żbalji fil-kalibrar tad-distanzi tagħhom.
Minkejja dan, ir-raġuni wara r-redshift baqgħet mhux ċara. Georges Lemaître bassar fuq bażi teorika, abbażi tal-ekwazzjonijiet ta' Einstein tar-relattività ġenerali, ir-rabta bejn ir-redshift u d-distanza, u ppubblika sostenn osservazzjonali għaliha, sentejn qabel l-iskoperta tal-liġi ta' Hubble. Għalkemm uża t-terminu "veloċitajiet" fid-dokument tiegħu (u "veloċitajiet radjali apparenti" fl-introduzzjoni), iktar 'il quddiem esprima dubji dwar l-interpretar ta' dawn il-veloċitajiet reali. Fl-1931 huwa kiteb ittra lill-kożmologu Olandiż Willem de Sitter u esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-interpretazzjoni teorika tar-rabta bejn ir-redshift u d-distanza:
"Mr. Humason u jien sensittivi ferm rigward l-apprezzament tiegħek tad-dokumenti dwar il-veloċitajiet u d-distanzi tan-nebuli. Aħna nużaw it-terminu "apparenti" biex nenfasizzaw il-karatteristiċi empiriċi tal-korrelazzjoni. Aħna tal-fehma, li l-interpretazzjoni, għandha titħalla f'idejk u l-ftit nies oħra li huma kompetenti biex jiddiskutu l-kwistjoni b'awtorità".
Ħajja personali
immodifikaHubble żżewweġ lil Grace Lillian (Burke) Leib (1889-1980), bint John Patrick u Luella (Kepford) Burke, fis-26 ta' Frar 1924.
Hubble trabba bħala Kristjan Protestant iżda wħud mill-istqarrijiet tiegħu iktar tard f'ħajtu ma jagħtux ċertezza dwar dan.
Problemi ta' saħħa u mewt
immodifikaHubble kellu attakk tal-qalb f'Lulju 1949 meta kien fuq vaganza f'Colorado. Ħadet ħsiebu martu u kompla għaddej b'dieta mmodifikati u skeda ta' eżerċizzji. Huwa miet bi trombożi ċerebrali (embolu tad-demm f'moħħu) fit-28 ta' Settembru 1953, f'San Marino, California. Ma sar l-ebda funeral, u martu qatt ma żvelat fejn indifen.
Id-dokumenti ta' Hubble li jinkludu l-qofol tal-korrispondenzi, tar-ritratti, tan-noti, tal-logbooks tal-osservazzjonijiet, u ta' materjali oħra, jinsabu fil-Librerija ta' Huntington f'San Marino, California. Ingħataw bħala donazzjoni minn martu Grace Burke Hubble meta mietet fl-1980.
Kontroversji
immodifikaAkkużi rigward il-priorità ta' Lemaître
immodifikaFl-2011, il-ġurnal Nature rrapporta dikjarazzjonijiet li Hubble kellu rwol fit-tfassil tal-partijiet ewlenin tat-traduzzjoni tad-dokument tal-1927 ta' Lemaître, li ddikjaraw dik li issa hija msejħa bħala l-Liġi ta' Hubble u pprovdew gwida osservazzjonali ukoll. L-istoriċi kkwotati fl-artiklu kienu xettiċi li t-tfassil kien parti minn kampanja biex jiġi żgurat li Hubble jibqa' jingħata prijorità. Madankollu, l-astronomu osservazzjonali Sidney van den Bergh ippubblika dokument fejn issuġġerixxa li filwaqt li l-omissjonijiet jaf saru minn xi traduttur, xorta waħda jaf saru apposta.
F'Novembru 2011, l-astronomu Mario Livio rrapporta f'Nature li dokumenti fl-arkivju ta' Lemaître wrew li t-tfassil tabilħaqq kien twettaq minn Lemaître nnifsu, li milli jidher ma rax għalfejn kellu jinkludu kontenut xjentifiku li diġà kien ġie rrapportat minn Hubble. Madankollu, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li Lemaître ppubblika dan bil-Franċiż, mingħajr l-ebda omissjoni, sentejn qabel Hubble.
Tentattiv biex jikseb il-Premju Nobel
immodifikaDak iż-żmien, il-Premju Nobel għall-Fiżika ma kienx jirrikonoxxi x-xogħol li kien isir fil-qasam tal-astronomija. Hubble qatta' l-biċċa l-kbira tal-aħħar parti tal-karriera tiegħu jagħmel ħiltu biex l-astronomija tiġi kkunsidrata bħala qasam tal-fiżika, minflok bħala xjenza apparti. Huwa għamel dan l-iktar sabiex l-astronomi — inkluż hu stess — setgħu jiġu rrikonoxxuti mill-Kumitat tal-Premju Nobel għall-kontributi siewja tagħhom fl-astrofiżika. Din il-kampanja ma kellhiex suċċess matul il-ħajja ta' Hubble, iżda ftit wara mewtu, il-Kumitat tal-Premju Nobel iddeċieda li x-xogħol astronomiku kien eliġibbli għall-premju għall-fiżika. Madankollu, il-premju mhuwiex wieħed li jista' jingħata wara l-mewt.
Unuri
immodifikaPremjijiet
immodifika- Il-Premju Newcomb Cleveland fl-1924;
- il-Medalja ta' Bruce fl-1938;
- il-Medjalja ta' Franklin fl-1939;
- il-Medalja tad-Deheb tas-Soċjetà Astronomika Rjali fl-1940;
- il-Leġjun tal-Merti għall-kontribut straordinarju għar-riċerka fil-qasam tal-ballistika fl-1946.
Unuri
immodifika- Elett bħala membru tal-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi tal-Istati Uniti fl-1927;
- Elett bħala membru tas-Soċjetà Filosofika Amerikana fl-1929.
Tributi
immodifika- L-Asterojde 2069 Hubble;
- il-krater Hubble fuq il-Qamar;
- it-Teleskopju Spazjali Orbitanti ta' Hubble;
- il-Planetarju ta' Edwin P. Hubble, li jinsab fl-Iskola Postsekondarja ta' Edward R. Murrow, Brooklyn, New York;
- l-Awtostrada ta' Edwin Hubble, il-biċċa tat-Triq Interstatali Nru 44 li tgħaddi minn raħal twelidu Marshfield, Missouri;
- l-Iskola Medja ta' Hubble, skola pubblika f'Wheaton, Illinois, fejn għex meta kellu minn 11-il sena 'il fuq.
Bolla
immodifikaFis-6 ta' Marzu 2008, is-Servizz Postali tal-Istati Uniti ħareġ bolla ta' 41 ċenteżmu f'ġieħ Hubble fuq folja bit-titlu "Xjenzati Amerikani" ddisinjat mill-artist Victor Stabin. Il-kwotazzjoni tiegħu tgħid:
Spiss imsejjaħ "pijunier tal-istilel imbiegħda", l-astronomu Edwin Hubble (1889-1953) kellu rwol ċentrali fid-deċifrar tan-natura vasta u kumpless tal-univers. L-istudji metikolużi tiegħu tan-nebuli spirali wrew bil-provi l-eżistenza ta' galassji oħra apparti t-Triq ta' Sant'Anna tagħna stess. Li kieku ma mietx ħabbta u sabta fl-1953, Hubble kien jirbaħ il-Premju Nobel għall-Fiżika ta' dik is-sena.
(Ta' min jinnota li l-kwotazzjoni li x'aktarx kien jirbaħ il-Premju Nobel fl-1953 probabbli hija falza, għalkemm ġie nnominat għall-premju dik is-sena)
Ix-xjenzati l-oħra tal-folja tax-"Xjenzati Amerikani" jinkludu Gerty Cori, bijokimiku; Linus Pauling, spiżjar, u John Bardeen, fiżiku.
Dehriet notevoli oħra
immodifika- 1934: għamel il-Lekċer ta' Halley fl-Università ta' Oxford;
- tniżżel fil-lista tal-iżjed nies famużi tal-Missouri fl-2003;
- ħarġet bolla tiegħu mis-sensiela ta' bolol tal-Istati Uniti tal-2008 imsejħa "Xjenzati Amerikani", bil-valur ta' $0.41;
- tniżżel fil-lista tal-2017 tal-iżjed nies famużi tal-basketball ta' Indiana.
Fil-kultura popolari
immodifikaFid-dokumentarju tal-1980 Cosmos: A Personal Voyage tal-astronomu Carl Sagan, il-ħajja u x-xogħol ta' Hubble jidhru fuq l-iskrin fl-episodju 10: "The Edge of Forever".
Ir-reċta Creation's Birthday, miktuba mill-fiżiku minn Cornell, Hasan Padamsee, tirrakkonta l-istorja tal-ħajja ta' Hubble.
Referenzi
immodifika- ^ "Biography of Edwin Powell Hubble (1889 - 1953)". web.archive.org. 2011-06-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-30. Miġbur 2023-11-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Tillman, Nola Taylor; published, Ailsa HarveyContributions from Tom Chao (2022-02-19). "Famous Astronomers | List of Great Scientists in Astronomy". Space.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.
- ^ "Most Influential Astronomers of All Time". Futurism (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.