Delos
Il-gżira ta' Delos (pronunzja: /ˈdiːlɒs/; bil-Grieg: Δήλος [ˈðilos]; bil-Grieg Attiku: Δῆλος, bil-Grieg Doriku: Δᾶλος), qrib il-gżira ta' Mykonos, lejn in-nofs tal-arċipelagu taċ-Ċikladi, fiha wieħed mill-iżjed siti arkeoloġiċi, storiċi u mitoloġiċi importanti fil-Greċja. L-iskavi fil-gżira huma fost l-iżjed estensivi fil-Mediterran; għadu qed isir xi xogħol taħt it-tmexxija tal-Eforat tal-Antikitajiet taċ-Ċikladi, u bosta mill-artefatti li nstabu jinsabu għall-wiri fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Delos u fil-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Ateni.
Delos | |
---|---|
Greċja | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Greċja |
Decentralized administration of Greece | Amministrazzjoni Deċentralizzata tal-Eġew |
Administrative region of Greece | Reġjun tan-Nofsinhar tal-Eġew |
Regional unit of Greece | Unità Reġjonali ta' Mykonos |
Municipality of Greece | Muniċipalità ta' Mykonos |
Ismijiet oriġinali | Δήλος |
Kodiċi postali |
846 00 |
Ġeografija | |
Koordinati | 37°23′28″N 25°16′16″E / 37.39121°N 25.27122°EKoordinati: 37°23′28″N 25°16′16″E / 37.39121°N 25.27122°E |
Superfiċjenti | 350.64 hectare |
Għoli | 112 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 24 abitanti (2011) |
Delos kellha pożizzjoni importanti bħala santwarju mqaddes għal millenju qabel ma l-mitoloġija Griega Olimpika għamlitha l-post tat-twelid ta' Apollo u ta' Artemide. Mill-Port Sagru tagħha, ix-xefaq juri t-tliet tumbati koniċi li identifikaw il-pajsaġġi meqjusa sagri għal divinità (x'aktarx Atena) f'siti oħra: wieħed minnhom, li għadu jissejjaħ bl-isem Pre-Grieg tiegħu, huwa l-Muntanja Cynthus, u fil-quċċata tagħha hemm santwarju ta' Żeus.
Fl-1990 Delos tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bis-saħħa li s-sit arkeoloġiku eċċezzjonali "huwa xhieda ta' port kożmopolitu kbir tal-Mediterran", u minħabba l-influwenza tas-sit fuq l-iżvilupp tal-arkitettura Griega, kif ukoll l-importanza sagra tal-gżira fil-Greċja Antika kollha.[1]
Storja
immodifikaGreċja Antika
immodifikaMill-investigazzjoni tal-għorfiet tal-ġebel tal-qedem li nstabu fil-gżira ħareġ li kienet ilha abitata mit-tielet millenju Q.K. Thucydides jidentifika l-abitanti oriġinali bħala pirati Karjani li eventwalment sfaw imkeċċija mir-Re Minos ta' Kreta.[2] Skont l-Odissea, il-gżira diġà kienet famuża bħala l-post tat-twelid tal-allat tewmin Apollo u Artemide (għalkemm hemm xi konfużjoni rigward il-post tat-twelid ta' Artemide li jaf kien Delos jew Ortigia).
Bejn id-900 Q.K. u l-100 W.K., Delos kienet ċentru ewlieni ta' qima, fejn kienu meqjuma l-allat Dijoniżju u Leto, omm l-allat tewmin Apollo u Artemide. Eventwalment, Delos kisbet importanza reliġjuża Pan-Ellenika, u inizjalment saret post ta' pellegrinaġġi reliġjużi għall-Joniċi.
Għadd ta' "purifikazzjonijiet" kienu jsiru mill-belt-stat ta' Ateni f'tentattiv biex il-gżira tkun idonea għall-qima tal-allat. L-ewwel waħda seħħet fis-seklu 6 Q.K., taħt it-tmexxija tat-tirann Pisistratus, li ordna li l-oqbra kollha qrib it-tempju jitħaffru u l-katavri ttieħdu lejn gżira oħra fil-qrib. Fis-seklu 5 Q.K., matul is-sitt sena tal-Gwerra Peleponniża u skont l-ordni mill-Oraklu ta' Delphi, il-gżira kollha ġiet ippurifikata bit-tneħħija tal-katavri kollha. Eventwalment inħareġ digriet ġdid li kien jipprojbixxi d-dfin jew it-twellid fil-gżira minħabba l-importanza sagra tagħha, u biex jippreserva n-newtralità tagħha fil-kummerċ biex b'hekk ħadd ma seta' jiddikjara s-sjieda permezz ta' wirt. Eżatt wara din il-purifikazzjoni, hemmhekk ġie ċċelebrat l-ewwel festival ta' kull ħames snin tal-logħob ta' Delos.[3] Erba' snin wara, l-abitanti kollha tal-gżira ġew ittrasferiti lejn Adramyttium fl-Asja bħala purifikazzjoni ulterjuri.[4]
Wara l-Gwerer Persjani, il-gżira saret il-post naturali fejn kienet issir il-Lega ta' Delos, stabbilita fl-478 Q.K., sabiex isiru l-kungressi fit-tempju (kwartier separat kien irriżervat għall-barranin u għas-santwarji għall-allat barranin). It-teżor komuni tal-lega kien jinżamm hawnhekk ukoll sal-454 Q.K., meta Perikle ttrasferih lejn Ateni.[5]
Matul il-perjodu Ellenistiku, kolonja tal-Feniċi stabbilita sew fil-gżira kellha relazzjonijiet kummerċjali estensivi.[6]
Il-gżira ma kellha l-ebda kapaċità produttiva għall-ikel, għall-fibri jew għall-injam, li kollha kienu jiġu importati. Ammont limitat ta' ilma kien jiġi sfruttat permezz ta' sistema estensiva ta' ċisterni u akkwedotti, bjar, u drenaġġi. Diversi reġjuni kienu jarmaw l-agorae (swieq).
Suda kiteb li l-Griegi kienu jużaw il-proverbju "ᾌδεις ὥσπερ εἰς Δῆλον πλέων", li jfisser li tkanta qisek qed tbaħħar lejn Delos b'referenza għal xi ħadd li jkun kuntent, hieni u qed jieħu pjaċir.[7]
Iamblichus kiteb li ġew stabbiliti l-Misteri ta' Delos (simili għall-Misteri Eleusinjani).[8]
Żmien ir-Rumani
immodifikaStrabo stqarr li fil-166 Q.K., ir-Rumani kkonvertew Delos f'port ħieles, li parzjalment kienet motivata mit-tir li jxekklu l-kummerċ ta' Rodi, li dak iż-żmien kienet fil-mira tal-ostilità Rumana. Fil-167 jew fil-166 Q.K., wara r-rebħa tar-Rumani fit-Tielet Gwerra tal-Maċedonja, ir-Repubblika Rumana ċediet il-gżira ta' Delos lil Ateni, li keċċiet il-biċċa l-kbira tal-abitanti oriġinali.[9] Il-merkanti Rumani xtraw għexieren ta' eluf ta' skjavi maħtufa mill-pirati Ċiliċjani jew maqbuda fil-gwerer wara li sfaxxa l-Imperu tas-Selewċidi. Saret iċ-ċentru tal-kummerċ tal-iskjavi, bl-ikbar suq tal-iskjavi fl-inħawi.
Il-qerda ta' Korinzju mir-Rumani fil-146 Q.K. wasslet biex Delos mill-inqas tassumi parzjalment ir-rwol ta' Korinzju bħala ċ-ċentru kummerċjali ewlieni tal-Greċja, iżda l-prosperità kummerċjali, l-attività tal-kostruzzjoni, u l-popolazzjoni ta' Delos, battiet b'mod sinifikanti wara li l-gżira ġiet attakkata mill-qawwiet ta' Mithridates VI ta' Pontus fit-88 u d-69 Q.K., matul il-Gwerer ta' Mithridates ma' Ruma.[10] Qabel tmiem l-ewwel seklu Q.K., ir-rotot kummerċjali kienu nbidlu; Delos ġiet sostitwita minn Puteoli bħala l-enfasi ewlenija tal-kummerċ Taljan mal-Lvant, u bħala ċentru tal-qima wkoll, u b'hekk għaddiet minn deklin kbir.
Minkejja d-deklin tagħha, Delos żammet parti mill-popolazzjoni fil-perjodu bikri tal-Imperu Ruman. Pausanias (8,33,2), kiteb fit-tieni seklu W.K., u ddikjara li Delos kienet diżabitata għajr għal xi ftit kustodji tas-santwarji. Instabet evidenza ta' banjijiet, muniti, akkwedott, djar residenzjali u tal-elit, diversi knejjes, bażiliki u monasteru tar-Rumani, kollha mill-ewwel sas-sitt seklu W.K., li madankollu ma tissuġġerix li l-gżira kienet abitati kontinwament dak iż-żmien.[11][12] Il-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu jindikaw li prodotti, bħall-inbid u ż-żejt, baqgħu jiġu importati miċ-ċentri reġjonali. Barra minn hekk, għadd ta' preses tal-inbid instabu qalb il-fdalijiet tal-belt antika li jmorru lura għal dan il-perjodu, u dawn jissuġġerixxu li l-popolazzjoni dak iż-żmien kienet twettaq produzzjoni vitikulturali konsiderevoli.[13]
Delos eventwalment ġiet abbandunata għall-ħabta tas-seklu 8 W.K.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaDelos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Attrazzjonijiet ewlenin
immodifika- Il-lag sagru ċirkolari żgħir, li issa jitħalla niexef apposta fil-gżira sabiex tiġi evitata r-riproduzzjoni tan-nemus tal-malarja, huwa karatteristika topografika li ddeterminat il-kollokazzjoni ta' karatteristiċi li ġew wara.
- Il-Funtana ta' Minos kienet bir pubbliku rettangolari mħaffer fil-blat, b'kolonna ċentrali; ifformalizzat il-fawwara sagra fil-forma tas-seklu 6 Q.K. attwali, li ġiet rikostruwita fil-166 Q.K., skont kitba mnaqqxa. Madwaru hemm ħitan b'filati tal-ġebel; l-ilma għadu aċċessibbli permezz ta' xi taraġ fuq naħa minnhom.
- Instabu diversi pjazez tas-swieq; l-Agora Ellenistika tal-Kompetaljasti qrib il-Port Sagru għad fiha t-toqob tal-arbli tas-suq fil-pavimentar. Hemm ukoll diversi statwi u kolonni ta' żewġ xirkiet tal-merkanti Italiċi.
- It-Tempju ta' Delos, iddedikat lil Apollo, huwa eżempju klassiku tal-ordni Doriku. Maġenb it-tempju, fl-imgħoddi kien hemm kouros kolossali ta' Apollo, li għad fadal xi partijiet biss. Għad hemm partijiet ta' fuq tad-dahar u tal-pelvi li jmorru lura għas-seklu 6 Q.K., u hemm id li qed tinżamm fil-mużew lokali, u sieq fil-Mużew Brittaniku.
- It-Terrazza tal-Iljuni, iddedikat ukoll lil Apollo min-nies ta' Naxos ftit qabel is-600 Q.K. Oriġinarjament kellha 9-12-il iljun gwardjan tal-irħam tul il-Mogħdija Sagra; wieħed tneħħa u attwalment jinsab fuq id-daħla prinċipali tal-Arsenal Venezjan. L-iljuni joħolqu mogħdija monumentali qisha l-mogħdija Eġizzjana tal-isfinġi. Sfinġi Grieg jinsab fil-Mużew ta' Delos. Attwalment għad fadal seba' ljuni oriġinali fit-terrazza.
- L-Oikos ta' Naxos (id-Dar ta' Naxos), l-ewwel kwartier tas-seklu 6 Q.K., b'sala twila b'mogħdija ċentrali bil-kolonni Joniċi, zuntier fil-Punent bi stil triplu in antis, u prostasi tal-irħam fil-Lvant ta' nofs is-seklu 6 Q.K.[14]
- L-Istabbiliment tal-Posejdonjasti, stabbiliment tal-"Koinon tal-merkanti, tal-bennejja tal-bastimenti u tal-ħaddiema Posejdonjasti Beritjani",[15][16][17] matul is-snin bikrin tal-eġemonija Rumana, lejn l-aħħar tas-seklu 2 Q.K. Flimkien mat-trijade protettivi tagħhom ta' Baal/Posejdone, Astarte/Afrodite u Eshmun/Asklepju, żiedu Roma.
- It-Tempju Doriku ta' Isis inbena fuq għolja fil-bidu ta' żmien ir-Rumani għall-qima tat-trinità familjari ta' Isis, ta' Serapsis ta' Lixandra, u ta' Anubis.
- It-Tempju ta' Era, għall-ħabta tal-500 Q.K., huwa rikostruzzjoni ta' Heraion iktar bikri fis-sit.
- Id-Dar ta' Dijoniżju hija dar privata lussuża tas-seklu 2 famuża għall-mużajk tal-art ta' Dijoniżju riekeb pantera.
- Id-Dar tad-Dniefel għandha isem simili għall-mużajk tal-atriju, fejn l-eroti jidhru rekbin id-dniefel; is-sid Feniċju kkummissjona mużajk tal-art ta' Tanit fil-vestibolu tiegħu.
- L-iStoivadeion iddedikat lil Dijoniżju fih statwa tal-alla tal-inbid u l-qawwa tal-ħajja. Fuq kull naħa tal-pjattaforma, hemm pilastru li jirfed għamla fallika kolossali, is-simbolu ta' Dijoniżju. Il-pilastru tan-Nofsinhar, li huwa mżejjen b'riljievi ta' xeni ta' Dijoniżju, inbena għall-ħabta tat-300 Q.K. bħala ċelebrazzjoni ta' spettaklu teatrali rebbieħ. L-istatwa ta' Dijoniżju oriġinarjament kienet tinsab maġenb dawk ta' żewġ atturi tal-Paposilenoi (ikkonservata fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Delos). It-teatru tal-irħam huwa rikostruzzjoni ta' wieħed iktar antik, li nbena ftit wara t-300 Q.K.
- Is-"Sinagoga ta' Delos", il-fdalijiet ta' dik li fl-imgħoddi kienet maħsuba li kienet sinagoga Sammaritana antika.
Popolazzjoni
immodifikaIċ-ċensiment Grieg tal-2001 irrapporta popolazzjoni ta' 14-il abitant li jgħixu fil-gżira. Amministrattivament, il-gżira tagħmel parti mill-muniċipalità ta' Mýkonos.
Skont għadd iktar reċenti, fl-2011 il-gżira kellha 24 abitant.
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Delos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-20.
- ^ Thucydides, I,8.
- ^ Thucydides, III,104.
- ^ Thucydides, V,1.
- ^ Thucydides, I,96.
- ^ Boussac, Marie-Françoise (1982). "À propos de quelques sceaux déliens". Bulletin de correspondance hellénique (bil-Franċiż). 106 (1): 445–446. doi:10.3406/bch.1982.1923. ISSN 0007-4217.
- ^ Suda, alpha, 455.
- ^ Iamblichus, Life of Pythagoras, § 28.151.
- ^ Tang, Birgit (2005), Delos, Carthage, Ampurias: the Housing of Three Mediterranean Trading Centres, Ruma: L'Erma di Bretschneider (Accademia di Danimarca), p. 14, ISBN 8882653056.
- ^ Tang, Birgit (2005), Delos, Carthage, Ampurias: the Housing of Three Mediterranean Trading Centres, Ruma: L'Erma di Bretschneider (Accademia di Danimarca), pp. 14, 32, ISBN 8882653056.
- ^ DODD, EMLYN K. (2020). ROMAN AND LATE ANTIQUE WINE PRODUCTION IN THE EASTERN MEDITERRANEAN : a comparative ... archaeological study at antiochia ad cragum. ARCHAEOPRESS. ISBN 978-1-78969-403-1.
- ^ Le Quéré, Enora (2015). Les Cyclades sous l'Empire romain : histoire d'une renaissance. Impr. Université Rennes 2). Rennes: Presses universitaires de Rennes. ISBN 978-2-7535-4045-3.
- ^ DODD, EMLYN K. (2020). ROMAN AND LATE ANTIQUE WINE PRODUCTION IN THE EASTERN MEDITERRANEAN : a comparative ... archaeological study at antiochia ad cragum. [Place of publication not identified]: ARCHAEOPRESS. ISBN 978-1-78969-403-1.
- ^ Gruben G., Griechische Tempel und Heiligtümer, Münich, 2001.
- ^ Gazette numismatique suisse. 1992. p. 124.
- ^ Carter, Jane B. (1997). "Thiasos and Marzeaḥ". In Langdon, Susan (ed.). New Light on a Dark Age. University of Missouri Press. p. 99. ISBN 9780826210999.
- ^ Hephaistos. 2006. p. 129.