Bosra
Bosra (bl-Għarbi: بُصْرَىٰ, b'ittri Rumani: Buṣrā), li qabel kienet Bostra (bil-Grieg: Βόστρα) u li uffiċjalment tissejjaħ Busra al-Sham (bl-Għarbi: بُصْرَىٰ ٱلشَّام, b'ittri Rumani: Buṣrā al-Shām), hija belt fin-Nofsinhar tas-Sirja, li amministrattivament tagħmel parti mid-Distrett ta' Daraa tal-Governorat ta' Daraa u li ġeografikament tagħmel parti mir-reġjun ta' Hauran.
Bosra | |
---|---|
Sirja | |
Amministrazzjoni | |
Pajjiż | Sirja |
Governorate of Syria | Governorat ta' Dar'a |
Ismijiet oriġinali | بصرى |
Ġeografija | |
Koordinati | 32°31′N 36°29′E / 32.52°N 36.48°EKoordinati: 32°31′N 36°29′E / 32.52°N 36.48°E |
Għoli | 850 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 19,683 abitanti (2004) |
Informazzjoni oħra | |
Kodiċi tat-telefon |
15 |
Żona tal-Ħin | UTC+2 |
Skont l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tas-Sirja (CBS), Bosra kellha popolazzjoni ta' 19,683 ruħ fiċ-ċensiment tal-2004. Hija ċ-ċentru amministrattiv tan-nahiyah ("sottodistrett") ta' Bosra li huwa magħmul minn disa' lokalitajiet b'popolazzjoni kollettiva ta' 33,839 ruħ fl-2004. L-abitanti ta' Bosra huma predominantement Musulmani Sunniti, għalkemm fil-belt hemm komunità Musulmana Xiita żgħira.
Bosra għandha storja antika u matul żmien ir-Rumani kienet belt kapitali provinċjali għanja u Arċiveskovat Metropolitan, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Patriarkat Ortodoss tal-Lvant ta' Antjokja u l-Lvant Kollu. Baqgħet importanti amministrattivament matul l-era Iżlamika, iżda gradwalment saret inqas prominenti matul l-era Ottomana. Saret ukoll sede titolari Kattolika Latina u s-sede episkopali ta' Arċipatriarkat Kattoliku Melkit. Illum il-ġurnata, il-belt hija sit arkeoloġiku ewlieni u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Storja
immodifikaBosra kienet l-ewwel belt tan-Nabatej fis-seklu 2 Q.K. Ir-Renju tan-Nabatej inħakem minn Cornelius Palma, ġeneral ta' Trajanu, fil-106 W.K.
Skont John Malalas, il-belt kienet tissejjaħ Bostra (bil-Grieg Antik: Βόστρα) f'ġieħ Bostras, ġeneral Ruman li kien intbagħat fil-pajjiż.
Era Rumana u Biżantina
immodifikaTaħt l-Imperu Ruman Bosra ngħatat l-isem ġdid ta' Nova Trajana Bostra u kienet ir-residenza tal-Legio III Cyrenaica. Kienet il-belt kapitali tal-provinċja Rumana ta' Arabia Petraea. Il-belt iffjorixxiet u saret metropoli ewlenija f'salib it-toroq ta' diversi rotot kummerċjali, b'mod partikolari l-Via Traiana Nova, triq Rumana li kienet tikkollega Damasku mal-Baħar l-Aħmar. Saret ċentru importanti għall-produzzjoni tal-ikel u matul ir-renju tal-Imperatur Filippu l-Għarbi ta' Bosra bdiet tizzekka l-muniti tagħha stess. Iż-żewġ Kunsill tal-Arabja seħħew f'Bosra fil-246 u fil-247 W.K.
Sal-era Biżantina, li bdiet fis-seklu 5 W.K., il-Kristjaneżmu sar ir-reliġjon dominanti f'Bosra (Βόσρα bil-Grieg-Biżantin). Il-belt saret sede tal-arċisqof Metropolitan u fis-seklu 6 W.K. inbena katidral kbir. Bosra nħakmet mis-Sassanidi tal-Persja fil-bidu tas-seklu 7 W.K. iżda mbagħad reġgħet inħakmet mill-Biżantini.
Era Iżlamika
immodifikaBosra kellha rwol importanti fil-ħajja bikrija ta' Muħammed, kif deskritt fil-bijografija tal-patri Kristjan Bahira. Il-qawwiet tal-Kaliffat ta' Rashidun taħt il-ġeneral Khalid ibn Walid ħatfu l-belt mingħand il-Biżantini fil-Battalja ta' Bosra tas-634. Matul it-tmexxija Iżlamika, Bosra serviet bħala l-iżjed punt ta' kuntatt fin-Nofsinhar ta' Damasku, u l-prosperità tagħha tkattret bis-saħħa tal-importanza politika tal-belt kapitali. Bosra kellha importanza addizzjonali bħala ċentru tal-karovani tal-pellegrini bejn Damasku u l-bliet imqaddsa għall-Musulmani tal-Mekka u l-Medina, id-destinazzjonijiet tal-pellegrinaġġ annwali tal-hajj. It-tmexxija Iżlamika bikrija ma biddlitx l-arkitettura ġenerali ta' Bosra, tant li żewġ strutturi biss imorru lura għall-era tal-Umajjad (fis-721 u fis-746) meta Damasku kienet il-belt kapitali tal-Kaliffat. L-abitanti ta' Bosra gradwalment ikkonvertew għall-Iżlam u b'hekk is-siti mqaddsa tal-era Rumana bdew jintużaw għall-prattiki Musulmani. Fis-seklu 9 W.K. Ya'qubi kiteb li Bosra kienet il-belt kapitali tal-provinċja ta' Hauran.
Wara tmiem l-era tal-Umajjad fis-750, l-attività ewlenija f'Bosra waqfet għal madwar 300 sena sal-aħħar tas-seklu 11 W.K. Fl-aħħar snin tat-tmexxija Fatimida, fl-1068, ġew ikkummissjonati għadd ta' proġetti ta' kostruzzjoni. Bil-wasla tat-tmexxija tas-Seljuk fl-1076, bdiet issir iktar enfasi fuq id-difiżi ta' Bosra. B'mod partikolari, it-teatru Ruman ġie ttrasformat f'fortizza, u ġie miżjud sular ġdid mat-torri intern b'garigor taraġ. Bil-wasla tat-tmexxija tad-dinastija Burida f'Damasku, il-ġeneral Kumushtakin ingħata l-pjanura kollha tar-reġjun ta' Hauran bħala kumpens mill-atabeg Tughtakin. Taħt Kumushtakin, żdiedu l-isforzi biex tissaħħaħ in-natura Musulmana tal-belt permezz tal-kostruzzjoni ta' għadd ta' binjiet Iżlamiċi. Ir-restawr tal-Moskea ta' Umari kien wieħed minn dawn il-proġetti. Il-moskea kienet inbniet mill-Umajjad fis-721. Moskea oħra li ġiet ikkummissjonata kienet il-Moskea iżgħar ta' Al-Khidr, li nbniet fil-Majjistral tal-belt, u ġiet stabbilita taħt Kumushtakin fl-1134. Kumushtakin ordna li tinbena wkoll madrasa maġenb is-santwarju Musulman f'ġieħ il-mabrak an-naqa ("l-irkopptejn tal-ġemel"), li mmarkat l-impronti tal-ġemel li l-profeta Muħammed rikeb meta daħal f'Bosra fil-bidu tas-seklu 7 W.K. Fl-1147, ir-Re Baldwin III ta' Ġerusalemm mexxa qawwa tal-Kruċjati kontra l-belt biex jaħkimha, madankollu, it-tentattiv tiegħu ma rnexxiex, u l-armata ta' Damasku mmexxija minn Mu'in ad-Din Unur irnexxielha żżomm gwarniġjon fiċ-ċittadella ta' Bosra.
Matul ir-renju tas-sultan Ajjubid Al-Adil I (1196-1218) Bosra gawdiet minn epoka tad-deheb ta' attivitajiet politiċi u arkitettoniċi. Wieħed mill-ewwel żviluppi arkitettoniċi fil-belt kienet il-kostruzzjoni ta' tmien torrijiet esterni kbar fit-teatru Ruman li kien ġie kkonvertit f'fortizza. Il-proġett beda fl-1202 u tlesta fl-1253, lejn l-aħħar tal-era Ajjubida. Iż-żewġ torrijiet tat-Tramuntana fl-irkejjen, waħedhom okkupaw iktar spazju mis-sitta l-oħra. Wara l-mewt ta' Al-Adil fl-1218, ibnu As-Salih Ismail wiret is-setgħa tiegħu f'Bosra u kien jirresjedi fiċ-ċittadella ffortifikata l-ġdida tagħha. Matul it-tmexxija ta' Ismail, Bosra kisbet prominenza politika. Ismail uża l-belt bħala l-bażi tiegħu meta stabbilixxa s-sultanat tiegħu f'Damasku f'żewġ okkażjonijiet separati, u rrenja bejn l-1237-1238 u l-1239-1245.
Era Ottomana
immodifikaFl-1596 Bosra dehret fir-reġistri tat-taxxa tal-Ottomani bħala Nafs Busra, u kienet tagħmel parti min-nahiyah tal-Bani Nasiyya fil-Qada ta' Hauran. Kellha popolazzjoni Musulmana magħmula minn 75 unità domestika u 27 għażeb, u popolazzjoni Kristjana magħmula minn 15-il unità domestika u tmien għożżieba. Kien jitħallsu t-taxxi fuq il-qamħ, ix-xgħir, l-għelejjel tas-sajf, is-siġar tal-frott jew siġar oħra, il-mogħoż u/jew ix-xehdiet tan-naħal u l-imtieħen tal-ilma.
Era moderna
immodifikaIllum il-ġurnata, Bosra hija sit arkeoloġiku ewlieni, li jinkludi l-fdalijiet mill-era Rumana, Biżantina u Musulmana. Il-karatteristika prinċipali tagħha hija t-teatru Ruman ippreservat sew. Kull sena jsir festival nazzjonali tal-mużika li jiġi ospitat fit-teatru prinċipali.
Bosra ġiet affettwata minn bidliet soċjali u ekonomiċi sinifikanti mill-aħħar tal-Mandat Franċiż fl-1946. Filwaqt li sas-snin 50 tas-seklu 20 il-bejjiegħa fil-ħwienet ta' Bosra kienu minn Damasku, issa dawn huma residenti tal-belt ta' Bosra. Fl-aħħar tal-era Ottomana u fil-perjodu tal-Mandat Franċiż, kien hemm relazzjoni agrikola bejn is-sidien żgħar tal-artijiet u dawk li kienu jaħdmu l-artijiet u jitħallsu bil-qligħ mill-għelejjel, mentri mir-riformi agrarji fl-aħħar tas-snin 50 u 60 tas-seklu 20, ir-relazzjoni agrikola kienet bejn is-sidien tal-artijiet u ħaddiem imħallsa bil-pagi biex jaħdmu l-art. Bosta mir-residenti tal-belt marru jaħdmu fl-istati tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, u jibagħtu r-rikavat tagħhom lil qrabathom f'Bosra. Skont l-istoriku Hanna Batatu l-bidliet soċjali flimkien maż-żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni naqqsu ferm il-ħajja tradizzjonali tal-klans.
Matul il-presidenza ta' Hafez al-Assad (1970-2000), Bosra u l-villaġġi tal-madwar tħallew fil-biċċa l-kbira 'l barra mill-indħil tal-gvern, u ġeneralment kienu dominati politikament minn membri tal-klan prominenti tal-Al-Mokdad li kienu jagħmluha ta' intermedjarji bejn ir-residenti tar-raħal u l-gvernatur ta' Daraa u s-segretarju tal-fergħa tal-Partit ta' Ba'ath.
Fl-14 ta' Ottubru 2012, kien hemm sparar kbir minn forzi tal-gvern stazzjonati f'punti ta' kontroll tul it-triq prinċipali li tgħaddi minn nofs il-belt. Fit-13 ta' Novembru 2012 ġie rrapportat ġlied kbir fin-naħa tal-Lvant tal-belt. Sa Jannar 2013, wara 22 xahar ta' kunflitt qalb il-Gwerra Ċivili Sirjana li kienet għaddejja, xi refuġjati li ħarbu minn Bosra sostnew li l-vjolenza kienet skalat sew u ħafna katavri tħallew fit-toroq matul il-perjodu ta' vjolenza. Fil-15 ta' Jannar 2013 ġie rrapportat li ċ-ċittadella kienet qed tintuża mill-armata biex kuljum tispara fuq il-belt. Mill-bidu ta' Frar 2014, il-belt sfat taħt il-kontroll tal-Armata Sirjana. Madankollu, fil-31 ta' Jannar 2015, il-Ħames Diviżjoni tal-Armata kkonfrontat kontinġent tar-ribelli qrib it-teatru Ruman famuż u kien hemm ġlied kbir bl-armi tan-nar bejn iż-żewġ gruppi. Fl-1 ta' Frar 2015, il-forzi tal-Armata sparaw fuq xi żoni tal-kwartier tal-Lvant tal-belt. Fil-25 ta' Marzu 2015, ir-ribelli Sirjani ħatfu l-belt, u keċċew is-suldati Sirjani u l-milizji alleati wara erbat ijiem ta' ġlied intensiv.
Bosra reġgħet inħatfet mill-Armata Għarbija Sirjana fit-2 ta' Lulju 2018, wara li l-forzi ribelli arrendew. Il-ħtif mill-ġdid kien parti mill-Offensiva ta' Daraa, li kienet tinvolvi l-irtirar u/jew ir-rikonċiljazzjoni ta' bosta gruppi ribelli fl-inħawi.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Belt Antika ta' Bosra ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Attrazzjonijiet prinċipali
immodifikaMill-belt li xi darba kellha 80,000 abitant, illum il-ġurnata għad fadal biss villaġġ insedjat qalb il-fdalijiet arkeoloġiċi. It-teatru Ruman tas-seklu 2 W.K., li x'aktarx inbena taħt Trajanu, huwa l-unika monument ta' dan it-tip. Il-gallerija ta' fuq tiegħu għandha għamla ta' portiku msaqqaf u ġiet ippreservata b'mod integrali. It-teatru Ruman ġie ffortifikat bejn l-481 u l-1231.
Barra minn hekk, hemm ukoll diversi monumenti tan-Nabatejn u tar-Rumani, knejjes Kristjani, moskej u madrasahs fi ħdan il-fdalijiet tal-fortifikazzjonijiet tal-belt. L-istruttura tal-katidral, bi pjanta ċentrali b'apsidi fil-Lvant b'żewġ sagristiji maġenbhom, kellhom influwenza deċiżiva fuq l-evoluzzjoni tal-arkitettura Kristjana, u sa ċertu punt fuq l-istil Iżlamiku. Il-Moskea ta' Al-Omari ta' Bosra hija waħda mill-eqdem moskej eżistenti fl-istorja Iżlamika.
Fil-qrib hemm il-Pont ta' Kharaba u l-Pont ta' Gemarrin, li t-tnejn huma pontijiet Rumani.
Klima
immodifikaBosra għandha klima semiarida kiesħa (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Tinżel ferm iktar xita fix-xitwa milli fis-sajf. It-temperatura annwali medja f'Bosra hija 16.4 °C (61.5 °F). Kull sena l-preċipitazzjoni tlaħħaq madwar 247 millimetru (9.72 pulzieri).
Data klimatika għal Bosra | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 11.8
(53.2) |
13.5
(56.3) |
16.9
(62.4) |
21.9
(71.4) |
27.1
(80.8) |
30.7
(87.3) |
31.9
(89.4) |
32.3
(90.1) |
30.6
(87.1) |
26.7
(80.1) |
20.1
(68.2) |
13.9
(57.0) |
23.1
(73.6) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 2.1
(35.8) |
3.1
(37.6) |
5.3
(41.5) |
8.5
(47.3) |
11.9
(53.4) |
14.6
(58.3) |
16.1
(61.0) |
16.3
(61.3) |
14.6
(58.3) |
11.8
(53.2) |
7.7
(45.9) |
3.5
(38.3) |
9.6
(49.3) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 52
(2.0) |
53
(2.1) |
42
(1.7) |
15
(0.6) |
6
(0.2) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
10
(0.4) |
22
(0.9) |
47
(1.9) |
247
(9.7) |
Sors: climate-data.org[2] |
Demografija
immodifikaFl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, Bosra kellha popolazzjoni li kien stmat li kienet tlaħħaq it-12,000 ruħ. Il-popolazzjoni tagħha żdiedet għal 19,683 ruħ skont iċ-ċensiment tal-2004 census tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tas-Sirja. Il-popolazzjoni taż-żona metropolitana tagħha kienet ta' 33,839 ruħ.
L-abitanti ta' Bosra huma b'mod predominanti Musulmani Sunniti u fil-biċċa l-kbira huma maqsuma bejn tmien klans ewlenin. Il-klan ewlieni huwa dak tal-Al-Mokdad, li jingħad li huma dixxendenti ta' sieħeb il-profeta Muħammed, Miqdad ibn Aswad. Huwa interessanti li l-klan għandu bosta membri b'xagħarhom bjond u b'għajnejhom blu. Madankollu, l-eqdem klan ta' Bosra huwa dak tal-Hamd. Il-membri tiegħu jsostnu li huma dixxendenti tal-gvernatur Ruman tal-qedem ta' Bosra, għalkemm membri oħra jemmnu li oriġinaw mill-Kruċjati u mil-Lhud. Fir-rigward tas-sjieda tal-art, il-klan tal-Hamd għandu madwar 1,000 ettaru fil-belt filwaqt li l-klan tal-Al-Mokdad għandu bejn wieħed u ieħor 12,000 ettaru. Il-membri tal-klan tal-aħħar kienu influwenti storikament fir-reġjun ta' Hauran u lil hinn, peress li kellhom membru fil-parlament Ottoman ta' Abdul Hamid II f'Kostantinopli matul il-perjodu tat-Torok Żgħażagħ u membru fil-parlament Sirjan matul il-perjodu tal-mandat Franċiż. Mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, il-membri tal-klan tal-Al-Miqdad okkupaw il-karigi ta' sindku, imam ewlieni tal-Moskea prinċipali ta' Al-Omari, kap tal-uffiċċju tal-antikitajiet tal-belt, kif ukoll maniġer tal-ħanut tat-twapet ta' Bosra u sid il-kafetterija prinċipali. Filwaqt li l-membri tiegħu tradizzjonalment kien jirresjedu fin-naħa tal-Lvant taċ-ċentru storiku ta' Bosra, attwalment huma prevalenti fil-belt kollha.
Bosra għandha wkoll komunità żgħira ta' Musulmani Xiiti magħmula minn xi ħamsin familja. Skont l-istoriku Palestinjan-Amerikan Hanna Batatu, l-abitanti Xiiti ta' Bosra "waslu pjuttost dan l-aħħar" u wettqu emigraw lejn il-belt minn Nabatieh fin-Nofsinhar tal-Libanu. Il-biċċa l-kbira tal-membri ħaddiema tal-komunità Xiita huma artiġjani jew ħaddiema manwali tas-sengħa. Batatu huwa tal-fehma wkoll li l-bidliet soċjali f'Bosra mill-indipendenza Sirjana wasslu għad-diffużjoni tribali, u l-għadd ta' żwiġijiet bejn membri ta' klans differenti u bejn il-komunitajiet Sunniti u Xiiti żdied b'mod sinifikanti.
Nies notevoli
immodifika- San Timon id-Djaknu, is-seklu 1 W.K., protodjaknu u isqof Kristjan ta' Bosra;
- Berillus ta' Bostra, is-seklu 3 W.K., isqof;
- Shimon ben Lakish, is-seklu 3, amora tat-tieni ġenerazzjoni u rabbi;
- Titu ta' Bostra, is-seklu 4 W.K., teologu Kristjan;
- Sam Antipater ta' Bostra, is-seklu 5 W.K., isqof Kristjan;
- Bahira, għall-ħabta tas-600, patri Assirjan;
- Ibn Kathir (1301-1373), studjuż Iżlamiku.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Bosra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.
- ^ "Climate data for cities worldwide". en.climate-data.org. Miġbur 2023-11-29.