Ħelsien (rumanz)

Ħelsien huwa rumanz Malti miktub mit-tabib, politiku u kittieb Ġużè Bonnici fl-1939. Huwa t-tielet rumanz tiegħu minn sensiela t'erbgħa, ippubblikat għall-ewwel darba fl-1940, is-sena ta' mewtu.[nb. 1] Ħelsien huwa ambjentat f'raħal prototipiku Malti jismu Ħal Rażul fil-perjodu bejn iż-żewġ gwerer dinjija. Jirrakonta l-ġrajja traġika tal-protagonista Feliċ Bonnici u l-antagonista Luretu Debrinkat li indirettament jikkompetu għall-imħabba tar-raħlija Rożina Falzon.

Ħelsien
Qoxra tal-edizzjoni SKS tar-rumanz Ħelsien maħruġa fl-2019
Il-qoxra tat-tielet edizzjoni SKS ta' Ħelsien, maħruġa fl-2019
Awtur Ġużè Bonnici
Lingwa Malti
Sena 1940
Tip Rumanz
Stil Realiżmu

Huwa rumanz sentimentali, psikoloġiku u kemxejn gotiku. Jesplora t-temi tal-imħabba, l-ambizzjoni, id-destin, l-għira , l-egoiżmu u l-biża'.[1] Il-kuntrast bejn ir-raħal u l-belt, bejn il-faqar, tradizzjonaliżmu u sempliċità ta' Ħal Rażul u l-klassiżmu, modernità u libertiniżmu tal-Belt ukoll għandu sehem sħiħ f'Ħelsien. Fuq kollox, huwa kummentarju soċjali fuq Malta tas-snin tletin. Ħafna mill-ġrajjiet tar-rumanz, jekk hux l-iskop sħiħ tiegħu, isibu l-għeruq tagħhom fit-twemmin politiku ta' Bonnici favur id-drittijiet tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni ta' ġerarkija soċjali stretta. Fil-fatt, it-titlu "Ħelsien" primarjament jirreferi għal-liberazzjoni tal-klassi l-baxxa—tal-ħaddiema—mill-moħqrija tal-minoranza għanja. Għalhekk, jitqies bħala rumanz realist minħabba li jikkonċerna tħassib soċjali veru, minkejja li jissellef elementi Romantiċi u idealistiċi.

L-ideat lingwistiċi ta' Bonnici wkoll jinfiltraw ir-rumanz. Bħala purist, kien jemmen li l-uniku mod kif il-Malti seta' jeleva l-istatus tiegħu fost il-poplu u jikkumbatti d-dominanza tal-lingwa Taljana huwa l-użu esklussiv ta' vokabularju Semitiku—kliem derivat mill-Għarbi u mhux mit-Taljan, il-Latin, il-Franċiż, et cetera. Għalhekk, iħaddem neoloġiżmi (kliem imfassal mill-awtur) abbażi t'għerq konsonantali u arkajżmi (kliem mejjet), sentenzi kumplessi, kif ukoll stil elokwenti u deskrittiv. Dan kollu sabiex il-Malti jingħata l-bixra ta' prestiġġjuż li jistħoqqlu jingħaraf bħala lingwa nazzjonali, mhux biss tal-klassi l-baxxa.

Mil-lat letterarju, Ħelsien jesebixxi ċerta rikezza fl-implementazzjoni tat-tekniċi letterarji. Bosta esperti fil-letteratura Maltija jenfasizzaw il-kumplessità tal-karatterizzazzjoni li jħaddem Bonnici, tant li jippreżenta l-kuxjenza u l-emozzjonijiet/sentimenti tagħhom fid-dettall—karatteristiċi tipiċi għal rumanz sentimentali u psikoloġiku. Madankollu, jiffoka fuq karattru wieħed, il-protagonista Feliċ. In-narrattur tar-rumanz, vuċi omnixxjenti fit-tielet persuna, ukoll huwa s-suġġett ta' studju estensiv minn esperti. Ta' min jinnotah għall-intervent indirett tiegħu fil-ġrajja; jikkumenta fuq l-azzjonijiet tal-karattri jimmanifesta l-ideoloġija politika/filosofika tiegħu. Ta' spiss jidħol fl-imħuħ tal-personaġġi u jeżamina l-kuxjenza tagħhom—id-dimensjoni psikoloġika tal-qagħda u l-aġir tagħhom.

Ħelsien huwa wieħed mill-aktar xogħlijiet letteraji Maltin rikonoxxuti—wieħed mir-rumanzi klassiċi tas-snin tletin fost Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta' Ġwann Mamo (1930–31), Is-Salib tal-Fidda ta' Wistin Born (1935) u Leli ta' Ħaż-Żgħir ta' Ġużè Ellul Mercer (1938). Flimkien mar-rumanzi l-oħra tiegħu, Imħabba u Mibegħda (1927), Il-Qawwa tal-Imħabba (1938) u Lejn ix-Xemx (1974)[nb. 2], kellu sehem sħiħ fil-maturazzjoni tar-rumanz Malti fl-interbellum[nb. 3]. Inkiteb fi żmien meta l-valur tal-lingwa Maltija ma kienx għadu apprezzat mill-kittieba u l-politiċi, li kien jinqaleb darba għal dejjem wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan kien parzjalment sforz ix-xogħlijiet letterarji ta' dik l-epoka li ħaddmu l-Malti b'mod rfinat u elaborat, bħalma jagħmel Bonnici. Ħafna esperti jisħqu fuq is-sinfikanza ta' Ħelsien bħala kommentarju fuq is-soċjetà Maltija fil-bidu tas-seklu 20, li ppopolarizza l-istil realist fost kittieba Maltin. Eleva l-istatus tar-rumanz psikoloġiku u sentimentali. Fuq kollox, Ħelsien ikkontribwixxa għall-avvanz tal-letteratura u l-lingwa Maltija minn waħda kkalpestata għal waħda prestiġġjuża u nazzjonali. Hekk hu li:[2]

Wara t-twelid u l-ewwel żviluppi tagħha fi ħdan l-ideoloġija Romantika u l-letteratura popolari, bejn iż-żewġ gwerer dinjija l-letteratura Maltija bdiet tinbidel. Dan x'aktarx seħħ minħabba l-konsegwenzi li kellhom il-gwerer fuq pajjiżna li ispiraw lill-kittieba biex jagħtu xbihat kemm jista' jkun qrib tar-realtà tal-poplu ta' dak iż-żmien, maqbud f'morsa ta' faqar kbir u nuqqas ta' edukazzjoni. Bħala tabib b'kuxjenza soċjali, Bonnici seta' jara u jmiss b'idejh il-faqar fiżiku u mentali tal-biċċa l-kbira tal-poplu Malti.
 
Ġuże Bonnici: tabib, politiku, grammaturgu u awtur li kiteb Ħelsien.

Gużè Bonnici twieled fil-Belt Valletta fl-14 ta' Diċembru 1907 minn ġenituri Nadurin, Giovanna (née Debono) u Paolo.[3] Minn tfulitu, kien bniedem ħawtieli u avventuruż—viżżjunarju t'enerġija bla tarf.[3][4] Kien organizzat u metodiku. Kull xogħol li daħal fih kien jagħmlu b'reqqa u devozzjoni.[5] Studja s-Seminarju t'Għawdex bejn l-1917 u l-1923 u wara, fl-Iskola St. Paul tal-Belt. Bonnici daħal l-Università ta' Malta biex jistudja l-mediċina u ggradwa bħala tabib fl-1931.[3][6] Huwa żżewweġ lil Eveljn (magħrufa bħala Evellina) Testa fl-1934, meta t-tnejn kellhom 27 sena; kellhom tliet ulied.[3][6] Skont Shanna Spiteri, kien 'missier ċajtier u protettiv u raġel tal-familja u tar-rispett'.[7] Qattgħu l-kumplament ta' ħajjithom f'dar kbira fi Strada San Paolo l-Belt, salv għal xi snin f'Ħal Balzan waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.[3] Bonnici miet wara ġlieda qalila kontra l-kanċer fil-Ħamrun, fis-6 t'Ottubru 1940. Kellu biss 33 sena.[6] Minkejja li miet qasir il-għomor, għamel ħafna għal pajjiżu f'ħajtu, speċjalment fl-oqsma tal-mediċina, il-politika u l-lingwa Maltija.

Ħidma medika

immodifika

Bonnici kien tabib eminenti b'karriera ta' suċċess. Fl-1932, sar Assistent Uffiċjal Mediku tal-kirugu Peter Paul Debono,[8] li kellu sehem sħiħ fl-avvanz tal-oqsma dijanjostiċi u terapewtiċi waqt l-interbellum.[9] Laħaq il-quċċata tas-suċċess mediku tiegħu fl-1938 meta nħatar Kap tad-Dipartiment tal-Veneroloġija u Dermatoloġija fl-Isptar Ċentrali.[6] Imħasseb fuq in-nuqqas t'għarfien fuq is-saħħa fost il-poplu Malti tal-bidu tas-seklu 20,[10] Bonnici nieda żewġ kotba b'tagħlim u pariri mediċi, it-Trobbija tat-Tfal (1932) u Il-Ġmiel ta' Ġisimna (1939).[8] Il-karattru sensittiv tiegħu xeraq xogħlu sew; kien simpatetiku ma' dawk żvantaġġati u lest li jgħin lil kulħadd.[11] Kien qrib mal-pazjent u ħafna drabi ma kienx iżommlu flus.[8] Shanna Spiteri tinnota li: 'Kien tabib sensittiv, ġentlhom u mimli enerġija'.[7] Id-dedikazzjoni ta' Bonnici għaż-żgħir influwenzat il-fehma politika tiegħu bis-sħiħ.

Ħidma politika

immodifika

Bonnici kien politiku prominenti fit-tletinijiet; ħadem b'ruħu u ġismu għall-Partit tal-Ħaddiema (illum magħruf bħala l-Partit Laburista), għalkemm qatt ma kkontesta elezzjoni.[12] Fl-għoxrinijiet, ix-xena politika Maltija kienet għada ġdida—nebbtet wara s-Self Government tal-1921 u d-dominanza sussegwenti t'erba' partiti: dak Kostituzzjonali, Nazzjonalista, Laburista u l-Unjoni Politika Maltija.[13] Kienet waħda ta' tensjoni, instabbiltà u firda fost il-Maltin.[14] Meta fl-1926, ta' dsatax-il sena, inħatar delegat fis-Seduta Ġenerali,[8] il-Partit tal-Ħaddiema kien għadu biss fis-sitt sena tiegħu.[15] Imwieled fl-1920 wara l-irvellijiet tas-Sette Guigno,[15] il-Partit tal-Ħaddiema stabbilixxa ruħu bħala difensur tad-drittijiet taċ-ċittadini ordinarji—ċittadini oppressi minn nuqqas t'obbligu politiku għall-benesseri tal-ħaddiem.[bżonn referenza] It-tliet partiti prominenti taż-żmien, dak Kostituzzjonali, Nazzjonalista u l-Unjoni Politika Maltija, kollha kienu dominati mill-klassi l-għolja.[bżonn referenza]

 
L-emblema tal-Partit tal-Ħaddiema; Bonnici kien membru attiv tiegħu.

Meta Bonnci ssieħeb fih, il-Partit tal-Ħaddiema kien ingħaqqad f'koalizzjoni (il-"Compact") mal-Partit Kostituzzjonali ta' Gerald Strickland, li temmet fl-1932.[8] Din l-amministrazzjoni rnexxilha tgħaddi leġiżlazzjoni kruċjali għall-ħaddiema, bħall-Workmen's Compensation Act (1929),[15] kif ukoll għall-ilsien Malti, li saret wieħed mill-lingwi uffiċjali tal-Qrati.[8] Fil-fatt, il-partit kontinwament issielet għal rikonoxximent akbar tal-Malti fis-snin tletin meta l-Kwistjoni tal-Lingwa kienet għada taħraq.[15]

Fl-1929, Bonnici laħaq segretarju tal-Kumitat Distrettwali tal-Belt;[12] wieħed jinnota li dan iż-żmien kien ilaqqgħu f'dan missieru stess peress li ma kellhomx post fiss fejn jinġemgħu.[16] Barra minn hekk, kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit tal-Ħaddiema, imwaqqaf fl-1928. Minnufih ġie mitlub li jiddokumenta l-istorja tal-partit fl-għoxrinijiet, li tnieda fl-1931 bl-isem L-Istorja tal-Partit tal-Ħaddiema.[12][17] Fih, jistqarr li l-ewwel appell tal-partit kien li:[bżonn referenza]

Tistaqsi lin-nies tax-xoghol ta' kull sengħa dwar il-bżonnijiet u kundizzjonijiet tagħhom; tfittex li titkellem mas-sidien u man-nies tax-xogħol; tersaq lejn il-gvern tant direttament kif ukoll indirettament skond jekk ikollha jew ma jkolliex min jirrappreżentaha fil-Kunsill; biex tgħin kemm tista' u ġġib għall-aħjar l-istat ekonomiku tal-ħaddiema, l-għaqda fi ħsiebha tagħmel kummissjonijiet bl-inkarigu li jiġbru informazzjoni dwar it-talb ta' xogħol.

Skont fehmet ħafna, Bonnici kien politiku ħawtieli u t'integrità, kif jisħaq ix-xandar Joe Julian Farrugia: 'Minkejja l-mewġ li dejjem ħabbat kontra l-prinċipji politiċi tiegħu kontra lsienna, għamel minn kollox biex dejjem kompla għolla l-ideali tiegħu.[18] Kien dedikat lill-missjoni populista tal-Partit tal-Ħaddiema, tant li jingħad li qatt ma falla laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv.[19] Simili għas-simpatija konsiderevoli tiegħu mal-morda bħala tabib sforz il-karattru sensittiv tiegħu, Bonnici ħadem b'ċerta passjoni għall-fqar u dawk emarġinati sabiex jiksbu opportunitajiet ugwali fil-ħajja.[12] L-għalliema Shanna Spiteri taqbel; il-prijoritajiet populisti tiegħu dehru biċ-ċar: 'Kien viċin il-poplu u kien iġarrab maż-żgħir u jipprova jedukah'.[7]

Ħidma għal-lingwa Maltija

immodifika
 
L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-Osborne Hotel fl-1938; ikkontribwew bis-sħiħ għar-rikonoxximent tal-Malti bħala ilsien nazzjonali u għall-iżvilupp ta' konvenzjonijiet grammatikali/ortografiċi bil-Malti uniformi. Bonnici huwa l-ħames figura fir-ringiela ta' wara.

Il-professur Adrian Grima jsostni li ħidmet Bonnici f'ġieħ il-Malti, imqassma matul biss 33 sena, 'żgur ħadd ieħor ma kien jagħmlu f'ħafna iżjed snin'.[20] Kien wieħed mill-pijunieri li ħadmu biex il-Malti jiġi rikonoxxut bħala lingwa uffiċjali.[5] Sa mill-1926, integra ruħu mal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti) u tħallat mal-aktar kittieba prominenti Maltin ta' żmienu, fosthom, Ninu Cremona u Dun Karm.[21]

Il-ħtieġa soċjopolitika għall-kitba Maltija kienet ila tinħass mis-seklu 18, imma ma kienx sas-seklu li jmiss li dan il-movimenti qam fuq tiegħu. Id-dominanza tat-Taljan bħala l-lingwa taċ-ċirku letterarju ġarrbet diżapprovazzjoni minn bosta kittieba li xtaqu jelevaw l-istatus t'ilsienna fuq livell nazzjonali. Fl-1920, ħafna minn dawn il-kittieba xirku f'koalizzjoni waħda, l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, dedikata għall-iżvilupp ta' sistema grammatikali Maltija strutturata.[22] Minnufih kisbu suċċess fl-unità ta' konvenzjonijiet lingwistiċi. Fl-1921, ħarġu dokument fuq l-istruttura tal-alfabett Malti; tliet snin wara, ippubblikaw kodiċi ta' regoli ortografiċi uniformi, Tagħrif fuq il-Kitba Maltija.[23]

Il-Gvern għaraf il-leġittimità ta' dis-sistema ortografika fl-1933,[23] u sena wara, din u l-alfabett Malti saru mandati bħala uffiċjali.[24] Ħidmet l-Għaqda tal-Kittieba ikkontribwixxiet mill-aqwa għar-rikonoxximent tal-Malti bħala lingwa nazzjonali fl-1934.[24][25] L-awtur Ġuże Chetcuti jirrimarka li: 'l-Ilsien Malti, imkażbar u mżeblaħ għal snin twal, ħa libsa uffiċjali u beda jintgħallem fl-iskejjel kollha, mill-iżgħar sal-ogħla waħda, sal-Università. Dik kienet rebħa kbira għal kull min ħadem fis-snin ta' qabel biex l-Ilsien Malti jieħu l-istatus li kien jixraqlu fl-edukazzjoni u fl-amministrazzjoni'.[25]

Ħidma għal-letteratura Maltija

immodifika

Il-kontribwizzjoni ta' Bonnici għall-iżvilupp tal-letteratura Maltija hija konsiderevoli daqs dik għal-lingwa Maltija. Huwa wieħed mill-ewwel novellisti Maltin u kellu sehem fit-tirqim ta' dan il-ġeneru; nieħdu x-xogħlijiet Ġenn (1928) u Bħal Sokrate (1929).[26][27][28] Mill-erba' rumanzi tiegħu, Imħabba u Mibegħda (1927), Il-Qawwa tal-Imħabba (1938), Ħelsien (1940) u Lejn ix-Xemx (1974),[29] stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-pijunieri tar-rumanz Malti. Bis-saħħa ta' ħidmietu, kompla javvanza u jirfina stilistikament u mil-lat ta' valur.[30][2]

 
L-awtur Malti Ġużè Chetcuti: ħabib kbir ta' Bonnici li ħadem għall-Ġabra ta' Kitba Maltija.

Bonnici ħatar proġett essenzjali għal-popolarizzazzjoni tal-letteratura Maltija, sensiela ta' pubblikazzjonijiet Maltin organizzata minnu stess, il-Ġabra ta' Kitba Maltija. Sa mill-1938, għen lill-kittieba Maltin iniedu xogħolhom u jagħmluh disponibbli għall-pubbliku.[31] Kull tliet xhur, kienu jinħarġu rumanz jew ġabra ta' noveIli miktuba bil-Malti.[32] Il-kittieb kien jara xogħlu stampat bla dewmien u nfiq ta' flus; anzi, kien jingħata nofs il-qligħ iġġenerat mill-bejgħ ta' xogħlu.[32] Skont Bonnici, il-proġett kien intenzjonat li 'jħajjar iż-żgħażagħ Maltin jimirħu għal qalbhom fil-ġmiel tal-kitba u jgħinhom ilibbsuha l-libsa li tixriqilha biex aktar tingħoġob u taqlgħalhom il-ġieħ li jistħoqqilhom'.[31] Dak iż-żmien, ftit kienu jitħajru jiktbu bil-Malti minħabba l-ispejjeż involuti (pereżempju, xi erbgħin lira sabiex rumanz jiġi pubblikat u reklamat)[32] u n-nuqqas ta' promozzjoni tal-lingwa Maltija mill-gvern.[33] Fil-fatt, Ġużè Chetcuti—personaġġ ewlieni għall-iżvilupp tal-proġett—jinnota li qabel il-Ġabra, 'aħna stajna biss inqiegħdu taħt għajnejn il-poplu bħala xhieda tal-kitba tajba u tal-ħsieb għoli tliet rumanzi, jew aktarx erbgħa, imma mhux iżjed'.[34]

Però, b'riħet ir-rikonixxment tal-Malti fost iċ-ċirku letterarju, Bonnici ta ġieħu sabiex il-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet Maltin isir vijabbli u konvenjenti.[35] Sal-aħħar tas-sena li nħatret, il-Ġabra kienet diġà ħarġet erba' kotba, Taħt Tliet Saltniet ta' Ġużè Aquilina, L-Anġli tan-Niket ta' Ġino Muscat Azzopardi, Il-Qawwa tal-Imħabba ta' Bonnici stess u Leli ta' Ħaż-Żgħir ta' Ġużè Ellul Mercer.[36] Chetcuti jisħaq li l-karatteristiċi ta' dawn ix-xogħlijiet—l-ewwel tnejn rumanzi storiċi u l-aħħar tnejn kummentarji tas-soċjetà Maltija—huma xhieda tal-kruċjalità tal-Ġabra għall-apprezzament tal-kultura Maltija.[36] Ħelsien kien l-aħħar pubblikazzjoni tal-Ġabra tal-1939,[31] imma ġie maħruġ għall-ewwel darba sena wara.

Stil tal-kitba

immodifika

L-istil lingwistiku u letterarju li jħaddem Bonnici isib l-għeruq tiegħu fix-xena letterarja Maltija tat-tletinijiet, kif ukoll fil-movimenti grammatikali ta' dik l-epoka.

Mil-lat lingwistiku

immodifika
 
Il-qoxra tal-esej X'Inhu l-Malti Safi ta' Ninu Cremona, fejn jopponi l-mentalità purista ta' kittieba Maltin u l-idea ta' Malti Safi.

Bħala membru akkinit tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li ssielet għar-rikonoxximent t'ilsienna, Bonnici xtaq jesebixxi l-lingwa bħala prestiġġjuża daqs it-Taljan, jekk hux aktar.[37][38] Dan kien 'fi żmien meta min kien jikteb bil-Malti kien jaqa' fuqu l-għajb u l-għadab ta' nies li kienu jippreferu lingwa barranija mil-lingwa tal-art li tathom il-ħajja'.[39] Minħabba f'hekk, ħafna kittieba fil-bidu tas-seklu 20 bdew jirriġettaw kliem Malti derivat mit-Taljan sabiex ilsienna jkollu l-bixra ta' 'ħieles'. B'hekk, isseddqet il-fehma purista favur il-Malti Safi—safi minn influwenzi lingwistiċi barranin li dehru li qed jimminaw l-istatus tal-Malti fuq livell soċjali.[40][41]

Sa mid-Damma ta' Ġan Franġisk Agius de Soldanis u l-Lexicon ta' Mikiel Anton Vassalli, dizzjunarji klassiċi tas-seklu 18,[42] ħafna mix-xogħlijiet Maltin inkorporaw kliem Semitiku (derivat mill-Għarbi) biss, mingħajr ħjiel t'element Rumanz (derivat mit-Taljan, il-Latin, l-Isqalli, il-Franċiż jew l-Ispanjol).[43] Peress li l-pedamentgrammatikali, morfoloġika u lessikali t'ilsienna huwa Semitiku, dan kien ikkunsidrat bħala l-forma 'pura' tal-lingwa Maltija.[44][45] Il-moviment tal-Malti Safi laħaq il-quċċata tiegħu fis-seklu 20 meta bosta membri tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, fosthom il-poeta Dun Karm Psalia u l-awtur Alfons Maria Galea, rreaġixxu bis-sħiħ kontra l-Italjanizzazzjoni tal-lingwa billi adottaw stil lingwistiku purist.[43]

Dan involva t-tfassil ta' kliem ġdid fuq għerq konsonantali (aspett Semitiku) minflok jirrikorru għall-kelma Taljana.[46] Pereżempju, jidderivaw l-aġġettiv "mżarġan" mill-għerq ż-r-ġ-n ta' "żarġan" minflok "prużuntuż", li ġejja mit-Taljan.[47] F'Ħelsien, Bonnici ta' spiss iħaddem in-nom "silta" mibni fuq l-għerq s-l-t ta' "ssielet" sabiex jevita l-kelma "elezzjoni",[kw. 1] kif ukoll in-nom "rahan" fuq l-għerq r-h-n minflok "garanzija".[kw. 2] Wieħed jinnota li dawn il-kliem m'għadhomx sehem fil-vokabularju Malti modern, u għalhekk jitqiesu bħala "arkajżmi" peress li m'għadhomx ħajjin fil-lingwa.[48] Dan kien it-tieni għan stilistiku tal-puristi—li jirxuxtaw arkajżmi Semitiċi bl-iskop tal-eleganza u t-tnaqqis t'influwenzi lessikali barranin.[46] Pereżempju, ċerti kittieba kienu jimplementaw il-kelma mejta "immaħmaħ" (minn "moħħ")—arkajżmu tal-kelma Taljana "makkak".[49] Bonnici mhuwiex eċċezzjoni; f'Ħelsien wieħed jinnota l-preżenza tal-kelma "Dinu", li tfisser "ir-reliġjon tiegħu",[kw. 3] ta' "marqad", sinonimu għal "dormitorju",[kw. 4] u t'"għamnewwel", li tfisser "is-sena li għaddiet".[kw. 5]

Il-moviment tal-Malti Safi beda jiddeklina mal-publikazzjoni tal-esej X'Inhu l-Malti Safi ta' Ninu Cremona, fl-1925. Cremona jara l-puriżmu bħala preġudizzju, preferenza għat-tradizzjoni kulturali u twemmin fis-supremazija tal-lingwa Maltija fuq dawk barranin, u mhux bħala għodda għas-salvagwardjar t'ilsienna.[43][45] Anzi, pjuttost jara l-Malti bħala lingwa mħallta li għandha tilqa' influwenzi barranin biex tibqa' ħajja.[44] Jistqarr illi:[40]

Il-Malti jibqa' safi meta l-kelma taqbel ma' dak il-leħen u l-aċċenti li jridhom ilsienna. M’għandux x’jaqsam jekk il-kelma hija barranija, misselfa, qadima jew ġdida, mill-Grieg, mil-Latin, mit-Taljan jew mill-Franċiż: jekk hi toqgħod u tieħu s-sura Maltija, nistgħu ngħidu li hija safja.

Mill-eżempji msemmija, wieħed jiddeduċi li Ġużè Bonnici kien purist. Xtaq jippreżenta l-lingwa Maltija Semitika bħala vijabbli għall-kitba u l-użu soċjali sabiex jegħleb il-mentalità elitista li t-Taljan kien superjuri. Għalhekk, f'Ħelsien, juża stil retoriku msebbaħ iżda pjuttost tqil, imżewwaq b'espressjonijiet li 'l-kittieb modern jiddarras jużahom'.[50]

Sabiex isaħħaħ is-sbuħija tal-wirt kulturali Malti, Bonnici iħaddem bosta għajduti u idjomi tradizzjonali.[kw. 6] Iħaddem ukoll bosta nomi bil-pronomi mehmużin, minflok isemmi n-nom u l-verb "ta" konġugat separati. Pereżempju, ma jużax "il-ħwejjeġ tagħhom", imma "ħwejjiġhom".[kw. 4]

Bosta qarrejja llum il-ġurnata jopponu dan il-lingwaġġ pjuttost bombastiku peress li jrendi r-rakkont tqil u diffiċli biex jinqara. Reċensura bl-isem ta' Shirley tisħaq li 'kieku mhux għax kien parti mill-kotba tal-Malti Avvanzat forsi kont nifhmu inqas jew forsi kien jogħġobni inqas'.[51] Reċensura oħra, Cherise Aquilina, tikteb li d-deskrizzjonijiet tas-sitwazzjonijiet imtawla 'normalment ma jkunux jinteressaw[ha]'.[51] Madankollu, Ġuże Chetcuti jinnota li: 'Dan it-tirqim u tiżjin żejjed ta' kliem illum forsi hemm ħafna li ma jaqblux miegħu [...] [i]mma ma nistgħux ma nagħtux lil Gużè Bonnici l-merti u l-preġji li jistħoqqlu ta' kittieb tajjeb ta' novelli u ta' rumanzi u ta' ħaddiem mill-iżjed ħabrieki għall-mixi 'l quddiem tal-Ilsien Malti'.[39]

Mil-lat letterarju

immodifika

Is-sehem ta' Bonnici, sikwit romantiku u sentimentali, idealista konvint, sikwit realista fid-direzzjoni tan-narrativa Taljana ta' tmiem is-seklu dsatax, huwa importanti għaliex jinkludi kemm lir-rumanz.[52] 'Il hinn minn Ħelsien biss, jibqa' magħruf għad-deskrizzjoni rikka u d-dettalji profondi li jipprovdi,[53][kw. 7] kif ukoll l-implementazzjoni tal-ossimoru[54] u s-sarkażmu.[55]

L-istil tar-rumanz

immodifika
 
Il-faċċata ta' wħud mill-aktar rumanzi Maltin importanti tas-snin tletin, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (Ġwann Mamo, 1930–31), Is-Salib tal-Fidda (Wistin Born, 1935) u Leli ta' Ħaż-Żgħir (Ġużè Ellul Mercer, 1938).

Filwaqt li jadotta stil għalkollox uniku,[2] Ħelsien jissellef bosta elementi tar-rumanz tipiku Malti tas-snin tletin. Rumanz huwa għamla ta' proża narrativa (tirrakkonta storja twila) imżewwqa b'sitwazzjonijiet li jqanqlu l-interess, sentimenti qawwija u kunflitti lkoll imnissġa sabiex ipinġu stampa unika tal-ħajja.[56][57] Ħafna drabi jduru fuq l-aġir/qagħda tal-karattri li jaffettwaw lil xulxin u l-involviment tal-imħabba.[56][57] In-narrazzjoni prevalenti, fejn vuċi wieħed jirrifletti fuq il-ġrajjiet tal-plott, u l-karatterizzazzjoni kumplessa, b'diversi personaġġi identifikati minn skop u mentalità differenti, jiddefinixxu l-istruttura tar-rumanz.[58] Jiġi distingwit minn novella minħabba l-kumplessità tal-plott u l-profondità tal-ġrajjiet.[26] It-tipi ewlenin ta' rumanz huma dak storiku, erojku, politiku, immaġinarju, realistiku, Romantiku, gotiku, soċjali, psikoloġiku u sentimentali;[30][59] Ħelsien huwa mibni fuq elementi tal-aħħar sitta.[60]

L-ewwel rumanzi Ewropej infeġġu lejn tmiem is-seklu 17.[57] F'Malta, dehru għall-ewwel darba fit-tieni nofs tas-seklu 19 u ġeneralment kienu miktuba bit-Taljan.[30] Sabiex jappellaw għall-poplu Malti, rumanziera bħal Ġużè Muscat Azzopardi daru għall-użu tal-Malti, li jidher f'Toni Bajjada (1878) u Ċensu Barbara (1893).[30] Lejn it-tletinijiet, ir-rumanz Malti beda jieħu demm ġdid; immatura f'kummentarju soċjali u rfina fl-istil.[bżonn referenza] Fost l-aktar rumanzi magħrufa ta' din l-epoka nsibu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta' Ġwann Mamo (1930–31), Is-Salib tal-Fidda ta' Wistin Born (1935) u Leli ta' Ħaż-Żgħir ta' Ġużè Ellul Mercer (1938).[30][59][61][bżonn referenza] Xi aspetti ta' Ħelsien ixaqilbu lejn ix-xogħlijiet imsemmija,[62] speċjalment Leli ta' Ħaż-Żgħir.[2]

Karattri

immodifika

Feliċ Bonnici

immodifika

iI-protagonista maskili u l-antieroj. Huwa ġuvni dgħajjef u emarġinat li gradwalment irawwem attitudni ċinika lejn is-soċjetà.

Luretu "Lorry" Debrinkat

immodifika

L-antagonista tar-rumanz, żgħir fl-età.[nb. 4] Huwa avukat u politiku ta' suċċess li jgħix il-Belt, iżda jitwieled u jqatta' ħafna minn tfulitu f'Ħal Rażul sakemm jibda' jattendi s-Seminarju t'Għawdex ta' tmien snin u jemigra lill-Belt għalkollox f'żgħożitu. Għandu karattru makkak, ambizzjuż u determinat għall-aħħar. Bħala tifel, huwa innoċenti, studjuż u mentalment kapaċi li jħobb raħal twelidu iżda bħala adoloxxenti, la jkun assimila ruħu fl-ambjent Belti u rrassenja ruħu li jilħaq avukat, isir aktar ċiniku, qarrieqi u libertin. Fil-fatt, jabbanduna l-identità raħlija tiegħu u lill-ġenituri tiegħu b'riħet l-ambizzjoni tiegħu. Luretu huwa oratur/avukar kapaċi u mfittex sew mill-Beltin. Eventwalment isir politiku prominenti li jagħti sehmu fl-elezzjoni ġenerali. Huwa popolari fost in-nisa Beltin u jużahom sabiex jikkunsma x-xewqiet sesswali tiegħu. Iħobb lil Rożina u jgħix f'konkubinaġġ magħha iżda eventwalment jisfurzha biex titlaq. Luretu jirrappreżenta l-individwi tal-klassi l-baxxa li jerfgħu ġieħhom u jsiru membri tal-klassi l-għolja, kif ukoll dawk li jikkorrompu ruħhom sforz l-ambizzjoni u s-suċċess tagħhom.

Rożina Falzon

immodifika

Il-protagonista femminili tar-rumanz. Hija tfajla.

Paċikku "tat-Tafli"

immodifika

Żagħżugħ Rażuli ta' xi 25 sena. Huwa tallab u żbandut b'ftit oġġetti li jisraq il-frott mill-għelieqi u jistkenn fid-djar tan-nies. Jinbagħad mir-raħal; in-nisa jaħarbu minnu u ftit huma dawk lesti li jgħinuh, imma kapaċi jqajjem briju kull meta jattendi xi festin. Paċikku jikkuntenta ruħu bil-ftit li għandu. Għandu qalbu tajba u jaħseb fil-ġid ta' xi individwi, l-aktar lil Feliċ. Iħobb lil Madliena imma qatt ma tisseddaq relazzjoni bejniethom.

Madliena

immodifika

Oħt Ġamri, żgħira fl-età. Taħdem fil-MUSEUM. Hija mara mistħija u twajba, imma r-raħal jitmejjel biha, speċjalment Gerit.[kw. 8]

Ġamri Bonnici "tat-Tamli"

immodifika

Missier Feliċ u l-"magna" tal-familja Bonnici; bidwi ħawtieli, qalbieni, paċenzjuż u diliġenti li jagħmel ħiltu sabiex jgħajjex lill-familtu; jiddedika ruħu sabiex jemanċipa lil familtu, parti mill-klassi l-baxxa, mill-faqar u jtejjeb il-qagħda tagħhom.

Żabbetta Bonnici

immodifika

Omm Feliċ u mart Ġamri; mara tad-dar għaqlija u perseveranti li tinkwieta għal binha, iżda wkoll għajjura għan-nisa Rażulin[nb. 5]; hija soċjabbli għax ta' spiss titħallat man-nisa l-oħra u kultant torganizza festini kbar; tagħmel li tista' biex tissapporti l-istat finanzjarju prekarju tagħha u tgħix b'dak li tiddobba.

Lippu Debrinkat "tat-Twila"

immodifika

Missier Luretu;

Karmni Debrinkat "tat-Twila"

immodifika

Omm Luretu u mart Lippu; mara tad-dar żorra

Karattri minuri

immodifika

Fost il-bosta karattri minuri li jissemmew kultant fir-rumanz, hemm Kurun, ħabib ta' Paċikku li jakkumpanjah ta' spiss. Huwa żbandut li jikkuntenta ruħu bil-ftit li għandu.

Kapitli I–III

immodifika

Ir-rumanz jiftaħ bir-rit tal-magħmudija ta' Feliċ—wieħed folkloristiku u għalkollox differenti minn dak tal-lum il-ġurnata. Jinvolvi t-tqegħid tal-melħ f'ilsien it-tarbija, iżda Feliċ jobżqu 'l barra. Il-ġenituri tiegħu, Ġamri u Żabbetta, jagħżlu lil Lippu biex joqgħodlu parrinu sabiex jaqilgħu xi ħaġa tal-flus; mhijiex l-ewwel darba li l-bdiewa talbuh dan. Ta' min jistenniha minn popolazzjoni nieqsa mid-divertiment (peress li ma setgħux jaffordjawh), il-mistednin jidħqu meta Lippu jkun se jidgħi, ħaġa pjuttost sempliċi.[kw. 9]

Sabiex jiċċelebraw il-magħmudija ta' binhom, Ġamri u Żabbetta jorganizzaw festin fejn ħafna mir-raħal hu mistieden. Bħala raħal prototipiku Malti tat-tletinijiet, il-popolazzjoni ta' Ħal Rażul żgur m'eċċedietx ftit mijiet ta' nies. Kulħadd li attenda r-rit javvanza għad-dar tal-familja Bonnici, għorfa waħda fejn jgħixu tmienja min-nies. Żabbetta hija magħrufa għaż-żambur[nb. 6] tagħha,[kw. 10] li tipprepara biss f'okkażjonijiet partikolari bħal dan minħabba faqarha. Uliedha jistennew bil-ħerqa għall-okkażjoni għaliex jingħataw l-opportunità li jduqu l-ħelu, ħaġa ta' darba f'mitt qamar. Riżolut biex jinħeles mill-ħajja iebsa ta' bidwi u jerfa' ġieħ familtu, Ġamri jikkunsidra jinvesti f'biċċa art moxa[nb. 7] sabiex jiġġenera aktar qligħ.

Fil-festin, il-qarrej jintebaħ bis-sempliċità u l-primittività ta' ħajjet ir-Rażulin. Bħas-soltu, l-irġiel jitkellmu fuq l-uċuh tar-raba' li ħażnu u jillittikaw fuq liem bhima minn tagħhom tiġri l-aktar.[kw. 11] Daqs kemm jitmasħnu fuq il-ġiri tal-bhejjem li Toni isabbat idu fuq ġebla u jisfa muġugħ; Ġamri jipprova jikkalma s-sitwazzjoni.[kw. 12] In-nisa mill-ewwel jinvolvu ruħhom fl-inċident u jipproponu tipi differenti ta' mediċina tradizzjonali sabiex ifiq.[kw. 13] Tinħass il-preżenza ta' Dun Xand fil-festin li, bħala figura t'awtorità, jissejjaħ biex jagħmilha tat-tabib u jsib kura għall-weġgħa ta' Toni.

Barra minn hekk, l-irġiel jesebixxu nuqqas ta' manjieri, hekk li Wenzu Brejbes jaqbad ma' Nazju u jgħajjar lil Feliċ "Tork". In-nisa, neqsin minn oġġetti materjali, jitkabbru bil-ftit li għandhom u jgħiru għal xulxin. Pereżempju, Ċensa tal-Grabiel tfassal assunzjoni li Żabbetta għandha saqajha minfuħa u tipprova tmaqdarha abbażi ta' dan.[kw. 14] Karmni, ta' klassi soċjali ogħla mill-oħrajn, ma tkunx tixtieq titħallat mal-oħrajn.[kw. 15] Tispikka l-farza fejn Żabbetta titħasseb bil-biża' li l-mistendin se jiskopru l-karkur mkagħbar tagħha li kienet iżżomm moħbi sabiex ma joqogħdux jgħidu fuqha. Il-pika ta' bejn in-nisa tkompli titlaħħam hekk li Madliena u Gerit jikkompetu biex iservu l-mistednin—din tal-ewwel toħroġ b'gabarrè b'biskuttini tal-lewz u tal-aħħar biż-żambur.

Minkejja li ma kinux mistednin, il-vagabondi Paċikku u Kurun eventwalment jerħulha għal dar Żabbetta u jqajmu l-briju.[kw. 16] Meta jinfexx f'żifna, Madliena twissi lil Paċikku li se jweġġa' lilu nnifsu u ġġiegħlu jieqaf. Dan il-mument jaħsad lill-qarrej peress li t-tnejn jaġixxu b'mod sentimentali u kemxejn intimu.[kw. 17]

Kapitli IV–VI

immodifika

Minn tfulitu, jiddispjaċih li ma jirnexxilux jibni relazzjoni ma' Rożina, raħlija li inizzjalment taħdem fil-mitħna. Eventwalment temigra lill-Belt wara li tingħalaq il-mitħna sabiex isib aktar kumdità, u tispiċċa taħdem bħala seftura għall-Barunessa De Angelis. Iħobbha b'ruħu u ġismu, imma Rożina titlef għaqliha lejn Belti bl-isem ta' Luretu.

Avukat ta' suċċess u politiku prominenti, Luretu jqatta' tfulitu f'raħal twelidu, Ħal Rażul, imma eventwalment jiddeċiedi li jerħiha għall-Belt sabiex jilħaq avukat. Luretu wkoll jitlef għaqlu lejn Rożina, imma jispiċċa jabbuża mir-relazzjoni tiegħu u jwarrab lil Rożina f'żmien l-elezzjoni ġenerali. Meta Feliċ jintebaħ b'dan, u speċjalment wara konfront qalil mal-avukat, isir riżolut li jivvindika ruħu b'xi mod jew ieħor. Għalhekk, joqtol lil Luretu u minnufih jagħti ruħu b'idejh lill-pulizija. Jittella' l-qorti u jiddikjara ruħu innoċenti minkejja li m'għandux tama li se jevita l-piena tal-mewt. Però, meta l-ġurija ssir taf li d-delitt kien motivat minn imħabbitu lejn Rożina, Feliċ jinħeles.

L-imħabba

immodifika

Il-parti l-kbira tal-ġrajjiet fir-rumanz huma ffukati fuq it-trijanglu t'imħabba Feliċ–Rożina–Luretu. Iż-żewġ ġuvintur jikkompetu indirettament għall-istess tfajla, imma bi skopijiet kompletament differenti.[63]

Firda soċjali u kuntrast raħal–belt

immodifika

Il-qasma tal-klassi, sia fiżika in relazzjoni tal-belt u r-raħal, sia moralistika, hija sinjal li Bonnici għaraf iħoss il-polz tal-ħajja ta' pajjiżna u jittraskrevih permezz tal-kitba tiegħu.[64] Dan isir permezz ta' kuntrast li jinħoloq bejn l-imġiba tal-karattri, l-aspett kulturali u dak soċjali.[65]

L-ambizzjoni

immodifika

Fir-rumanz, l-ambizzjoni timmotiva l-azzjonijiet tal-karattri peress li jkunu jixtiequ jasserixxu lilhom infushom. L-iżvilupp karatteristiku u psikoloġiku huwa frott ix-xenqa tagħhom għas-suċċess.[66]

Id-destin

immodifika

F’Ħelsien, l-iżvilupp u x-xorti kuntrastanti ta’ Feliċ u Luretu jidhru li mhumiex frott il-ħila tagħhom imma prodott tad-destin, li ħejjielhom rotta għal suċess jew falliment minn mindu ġew konċepiti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bażi tal-azzjonijiet tagħhom biex jaslu sa fejn jaslu mhijiex neċessarjament frott il-ħażen tagħhom, imma d-destin.[60] In-narrattur ta' spiss jiġġustifika d-delitt ta' Feliċ għas-sempliċi raġuni li d-destin ma daħaqx bih.[kw. 18]

L-għira

immodifika

Waqt il-festin, Żabbetta tagħmel li tista' biex tħossha superjuri minn dawn in-nisa ta' bdiewa, xhieda qawwija tal-firdiet soċjali f'Ħal Rażul.[kw. 19]

Stil letterarju

immodifika

Karatterizzazzjoni

immodifika

Tipika fl-istil narrattiv tiegħu, Bonnici jitfa' l-enfasi prinċipali fuq persuna waħda li tinħakem minn ansjetà u malinkolija.[67] Hekk hu li l-rumanz idur mal-qagħda psikosoċjali tal-protagonista Feliċ li ma jikseb l-ebda suċċess fuq livell soċjali, u minħabba f'dan, jinħakem minn dwejjaq intens.[68] Bonnici, li, bħala tabib, kien jempatizza mal-fqir u l-marid,[7] iħaddem ton empatiku lejn il-protagonista—huwa vittma tan-natura tiegħu stess. Fil-fatt, Oliver Friggieri jinnota li l-protagonista huwa 'bniedem imweġġa' mill-fatt stess li jeżisti', għax fih 'hemm konfront bejn x'jixtieq u xi jsib'.[69] L-aġent huwa l-viljakk li jtaħħat lill-vittma tal-azzjoni tiegħu, maħkum mill-qawwa tad-destin aktar milli tal-pazjent.[70]

Narrazzjoni

immodifika

In-narratur jidħol fl-imħuħ tal-personaġġi u janalizza l-kuxjenza tagħhom.[kw. 20]

Tliet edizzjonijiet tar-rumanz inħarġu: l-ewwel fl-1940 mill-Excelsior Press,[nb. 1] it-tieni fl-1985 mill-SKS Publishers u t-tielet fl-2019 ukoll mill-SKS Publishers.[71] Sa mis-sena skolastika tal-2021–22,[72] ir-rumanz huwa inkluż fis-sillabu tal-Malti Livell Avvanzat tas-sitt sena post-sekondarja.[73]

Nota bene

immodifika
  1. ^ a b Il-paġna copyright ta' Bonnici 2019: Filwaqt li r-rumanz inħareġ bħala parti mill-Ġabra ta' Kotba Maltija fl-1939, ġie ppubblikat u stampat propju sena wara mill-Excelsior Press.
  2. ^ Bonnici ma rnexxilux joħroġ Lejn ix-Xemx f'ħajtu, allura ġie pubblikat wara mewtu, fl-1974.
  3. ^ F'dan il-kuntest, il-kelma "interbellum" (mil-Latin "inter" li tfisser "bejn" u "bellum" li tfisser "gwerra") tirreferri għall-perjodu bejn iż-żewġ gwerer dinjija, jiġifieri mill-1918 sal-1939.
  4. ^ Bonnici 2019, p. 114: Sieħbu Beltin jibdew isejħulu "Lorry", Angliċizzazzjoni tal-isem raħli "Luretu", meta jkun dara jitħallat magħhom.
  5. ^ Id-demonimi ta' Ħal Rażul, filwaqt li mhumiex imsemmija fir-rumanz, huma "Rażuli" (maskili), "Rażulija" (femminili) u "Rażulin" (plural). Dawn jixirqu l-mudell tal-isem simili Ħal Balzan: "Balzani" (maskili), "Balzanija" (femminili) u "Balzanin" (plural).
  6. ^ Bonnici 2019, p. 24: Żambur kien spirtu ħelu li jsir mill-aniżett.
  7. ^ Bonnici 2019, p. 28: Art moxa kienet blatija jew inkella bi ftit ħamrija, tinsab fost ħaxix ħażin.

Kwotazzjonijiet mir-rumanz

immodifika

Dawn kollha meħudin minn Bonnici 2019 (it-tielet edizzjoni tar-rumanz):

  1. ^ p. 159: 'U s-sellieta mxejna u megħluba f'dik il-laqgħa mqanqla, minflok bejtuh, aktar għożżewh għax għarfu l-għoli ta' ħiltu u l-qawwa ta' dehnu'.
  2. ^ p. 159: 'Ismu kien rahan ta' dehen qawwi u ta' reqqa kbira f'xogħlu u ħiltu kienet wegħda ta' faraġ għall-imnikkta u ta' rebħ għall-imġarrba'.
  3. ^ p. 86: 'U kien jara ruħu qaddis jissielet għall-Fidi ta' Kristu mal-għedewwa tagħha moħbija ġo artu, jew imlaħħaq missjunarju jmur f'artijiet imbiegħda u barrija jxerred il-kelma ħajja ta' Dinu, imħejji jilqa' l-martirju biex iwettaq il-kobor u l-qawwa ta' fehmtu u juri l-ħerqa u l-imħabba tiegħu f'twemminu'.
  4. ^ a b p. 79: 'Xħin waslu s-Siminarju [Seminarju] u marru fil-Marqad biex iqiegħdu ħwejjiġhom fi mkienhom, huma ma nsewx imġibtu u marru jtarrfu xi ħaġa lil wieħed minn sħabhom li kien donnu xi ftit akbar minnhom u li mix-xeħta kien imżarġan sewwa".
  5. ^ p. 42: '"Ommi, Alla jaħfrilha, ġurnata biss kienet iddum fis-sodda... u qatt ma qalet ajma, u li ma kinetx għal dik il-misħuta ta' ċmajra li ħadet fl-Imnarja ta' għamnewwel, kieku għadha mimlija għomor... Aħna m'aħniex sinjuri bħalek, Karm!"'.
  6. ^ Fost dawn l-għajduti u idjomi, hemm: "dak li jaqa' u jqum, ma jissejjaħx waqgħa" (p. 46), "tibkix il-mejjet qabel ma jmut" (p. 46), "żaqqi f'fommi" (p. 59)
  7. ^ p. 13: 'Dun Xand, ħelu żokkra u ta' qalbu f'idejh, kien daqsxejn ta' xwejjaħ li ra r-raħal kollu jitwieled u jitfarfar u jikber, u kollu tjieba u hena kien jaħseb tajjeb f'kulħadd u f'kollox u jistħajjel li kulħadd kien hieni bħalu'.
  8. ^ p. 52: 'Gerit kienet fuq tagħha u meta kienet tkun ma' Madlien kienet tħobb tagħmilha ta' żbanduta u ta' xebba ħażina biex tinbixha u taraha titmasħan u tismagħha twissiha'.
  9. ^ pp. 15–16: 'Biex jitilgħulu [lil Lippu] ma kienx irid wisq u, meta kien jara aħmar u kien isib li ma jistax iserraħ il-fwar tal-qilla tiegħu, kien jiftaħ dirgħajh, jarfa' [jerfa'] rasu 'l fuq, iħares ċass lejn is-sema, ibexxaq xofftejh u jxengel wiċċu u jdur kwart jew nofs ta' dawra fuqu nnifsu: aktar ma kienet tkun kbira d-dawra u aktar ma kien idum iħares lejn is-sema, eħrex kienet tkun id-dagħwa. Il-ġirien, ħbiebu, dawk kollha li kienu jafuh, kienu jogħxew bih u xi minn daqqiet kienu jaraw x'joħolqu biex iġegħluh jidgħi [...]'.
  10. ^ p. 24: '"Imma mistagħġbin kemm taf tagħmlu ż-żambur!... Illejla nduquh, Kurun."'.
  11. ^ p. 54: 'Issa [l-irġiel mistiedna] kienu donnhom bi mħatra bejniethom min minnhom iniggeż 'il sieħbu bl-aktar kliem iebes u jġiegħlu jiċħad fehmtu u jistqarr li m'hemmx bhima aktar ġerrejja u li tinqala' għal-lbit minn dik li togħġob lilu'.
  12. ^ p. 57: 'Fil-fixla u t-taħwid li nqala' għal għarrieda, Ġamri ħabat sejjer jitlef rasu, ma kienx jaf x'jaqbad jagħmel biex isamma' [isemma'] leħnu u jġib ftit tas-skiet'.
  13. ^ p. 62: '"Ċarruta bl-ilma kiesaħ!..."; "Ġbara tal-lbieba tal-ħobż bil-ħalib tal-mara!..."; "Werqa misbula!..."; "Werqa tal-fejġel!..."'
  14. ^ p. 40: 'Ċensa ta' Grabiela, tabirruħa biex tifraħ biha, messitilha u qabditilha l-għaksa ta' sieqa biex tara jekk kienx minnu dak li għadda minn widnejha li saqajn Żabbetta kienu ntefħu daqs sieq mejda tan-nofs mill-kbar'.
  15. ^ p. 40: 'Karmni, il-parrina, kienet qagħdet ftit imġennba għax dehrilha li ma tridx titħallat ma' dawk il-ħafna nisa ta' bdiewa li, għalkemm lebsin l-aħjar ilbies tagħhom, kellhom fuqhom riħa qawwija ta' ġbejniet u ta' mogħoż li tinxtamm minn seba' ħarat [kantunieri] bogħod'.
  16. ^ p. 69: 'Il-mistednin ta' Ġamri ma kinux b'inqas minn oħrajn u d-dehra ta' Paċikku, wara dak il-waqt ta' sikta, qanqlet ħeġġa ġdida: il-għajjat żdied, il-għana kotor, iċ-ċapċip issaħħaħ u t-taħbit tqawwa'.
  17. ^ p. 70: 'Dak il-mess ta' mara li ħafnitu u għelbitu u jassritu għar-rieda tagħha, l-ewwel darba f'ħajtu, qanqlu u heżżu sa fi-qiegħ moħbi tal-ħolqien tiegħu'.
  18. ^ pp. 218–219: 'Minn ċkunitu deher li xortih xeħħet miegħu u ħallietu nieqes mill-għaqal u mill-ħila li jagħżel it-triq ta’ ħajtu u jissara u jagħleb il-ġibdiet ħżiena li jonogħsu fiha'.
  19. ^ p. 44: 'Martu, Karmni, minn taħt il-għajn, kienet qiegħda tara u tgħarbel kollox: it-tqanqila ta' Żabbetta, il-bluha ta' żewġha, il-kurżità tan-nisa l-oħra [...]'.
  20. ^ p. 28: 'Dan il-ħsieb għoġbu ħafna u ħass, għall-ewwel darba wara ħafna snin ta' mrar u ta' dwejjaq, mewġa ta' hena dieħla ġo qalbu'.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Ilsienna 2021, 4:39–4:50.
  2. ^ a b ċ d Simiana 2019, p. 306.
  3. ^ a b ċ d e Spiteri 2019, pp. 263–264.
  4. ^ Ilsienna 2021, 1:09–1:13.
  5. ^ a b Chetcuti 1998, pp. 99–100.
  6. ^ a b ċ d L-appendiċi ta' Bonnici 1985.
  7. ^ a b ċ d Spiteri 2019, p. 272.
  8. ^ a b ċ d e f Spiteri 2019, p. 265.
  9. ^ Cassar 1975, pp. 127–128.
  10. ^ Ilsienna 2021, 1:26–1:32.
  11. ^ Chetcuti 1998, p. 120.
  12. ^ a b ċ d Spiteri 2019, p. 266.
  13. ^ Pirotta 2012, pp. 33–40.
  14. ^ Spiteri 2019, p. 267.
  15. ^ a b ċ d Partit Laburista.
  16. ^ Sammut 1974, p. 40.
  17. ^ Ilsienna 2021, 1:37–1:52.
  18. ^ Farrugia 2017, 01:45–01:55.
  19. ^ Sammut 1974, p. 39.
  20. ^ Ilsienna 2021, 0:59–1:08.
  21. ^ Spiteri 2019, pp. 267–272.
  22. ^ Briffa 2021, p. 27.
  23. ^ a b Briffa 2021, p. 28.
  24. ^ a b Farrugia 2009.
  25. ^ a b Chetcuti 2019, p. 273.
  26. ^ a b Chectuti 1985, p. 140.
  27. ^ Id-daħla ta' Bonnici 2007.
  28. ^ Spiteri 2019, p. 268.
  29. ^ Simiana 2019, p. 281.
  30. ^ a b ċ d e Chetcuti 1985, p. 171.
  31. ^ a b ċ Id-daħla ta' Bonnici 2019.
  32. ^ a b ċ Bonnici 1937, p. 118.
  33. ^ Bonnici 1937, pp. 117–118.
  34. ^ Chetcuti 1939, p. 162.
  35. ^ Bonnici 1937, pp. 118–119.
  36. ^ a b Chetcuti 1939, p. 163.
  37. ^ Chetcuti 2019, pp. 278–279.
  38. ^ Chetcuti 1985, p. 189.
  39. ^ a b Chetcuti 2019, p. 279.
  40. ^ a b Friggieri 2000, p. 636.
  41. ^ Cremona 1925, p. 5.
  42. ^ Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti 2022.
  43. ^ a b ċ Friggieri 2000, pp. 636–637.
  44. ^ a b Cremona 1925, pp. 9–10.
  45. ^ a b Chetcuti 1985, pp. 161–162.
  46. ^ a b Friggieri 2000, p. 637.
  47. ^ Cremona 1925, p. 18.
  48. ^ Friggieri 2000, p. 87.
  49. ^ Cremona 1925, p. 15.
  50. ^ Chetcuti 2019, p. 278.
  51. ^ a b Goodreads.
  52. ^ Friggieri 1989, pp. 43–44.
  53. ^ Chetcuti 1985, p. 46.
  54. ^ Chetcuti 1985, p. 144.
  55. ^ Chetcuti 1985, pp. 176–177.
  56. ^ a b Chetcuti 1985, p. 170.
  57. ^ a b ċ Friggieri 2000, p. 680.
  58. ^ Friggieri 2000, pp. 680–681.
  59. ^ a b Friggieri 2000, p. 681.
  60. ^ a b Simiana 2019, pp. 281–284.
  61. ^ Spiteri 2019, p. 270.
  62. ^ Spiteri 2019, p. 271.
  63. ^ Ilsienna 2023, 0:33–1:06.
  64. ^ Zarb & Sammut 2020, pp. 4–6.
  65. ^ Gatt 2023, pp. 6–7.
  66. ^ Żarb & Sammut 2020, pp. 6–9.
  67. ^ Bonnici 2007, pp. xix–xx.
  68. ^ Simiana 2019, pp. 289–291.
  69. ^ Bonnici 2007, p. xx.
  70. ^ Friggieri 2000, p. 22.
  71. ^ Il-paġna copyright ta' Bonnici 2019.
  72. ^ MATSEC 2021, p. 2.
  73. ^ MATSEC 2024, pp. 16–17.
  • Bonnici, Ġużè (1985). Ħelsien (2 ed.). Malta: SKS.
  • ——— (2007). In-Novelli. Malta: L-Università ta' Malta. ISBN 978-99932-05-55-5.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
  • ——— (2019). Ħelsien (3 ed.). Malta: SKS. ISBN 978-99932-17-62-6.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link), li jinkorpora l-istudji individwi fis-sezzjoni "Bijografija u Kummenti Kritiċi":
    • Spiteri, Shanna (2019). "Ġużè Bonnici: Tabib, Politiku, Awtur u Pubblikatur". Ħelsien. pp. 263–272.
    • Chetcuti, Ġużè (2019). "Pijunier fil-Ġlieda għall-Ilsien Malti". Ħelsien. pp. 273–279.
    • Simiana, Maria (2019). "Konvenzjonijiet Letterarji u Individwalità". Ħelsien. pp. 281–309.

Studji/Rivisti/Fajls PDF

immodifika

Siti/Filmati/Podcasts

immodifika