Alfons Maria Galea
Alfons Maria Galea (twieled fit-23 ta' April 1861 – miet fit-30 ta' Lulju 1941), magħruf bħala s-Sur Fons, kien filantropu, senatur u awtur Malti.
Alfons Maria Galea | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 23 April 1861 |
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
Mewt | 30 Lulju 1941 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Malti Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
politiku kittieb filantropu |
Bin Pietru Pawl u Mary Carmen imwielda Galea, Alfons Maria kien ir-raba' fost sitt aħwa. Huwa ħa l-ewwel tagħlim fid-dar tal-ġenituri tiegħu mingħand l-għalliem u kittieb Annibale Preca li kien skrivan ma' missieru. Ta' tmien snin bagħtuh jistudja għand il-Ġiżwiti ta' Għawdex fejn dam tmien snin, u wara attenda l-Kulleġġ tal-Freres f'Marsilja.
Filantropu
immodifikaMeta missieru, negozjant tad-drappijiet, irtira, Alfons ta' 19-il sena ħa f'idejh in-negozju. Ta' 32 sena żżewweġ lil Elizabeth Asphar, minn familja Indjana li kellha wkoll negozju tad-drappijiet u tal-ħaġar prezzjuż. Tliet snin wara Galea għalaq in-negozju għax ħass li dik ma kinitx il-linja tiegħu u beda jqassam ħafna minn ġidu lill-istituti tal-karità. Huwa ta l-art biex jitwaqqaf l-Istitut tas-Sależjani ta' Don Bosco f'Tas-Sliema fejn kien mar jgħix meta żżewweġ. Wara li ġie inawgurat il-bini fl-1904, l-Istitut serva bħala ċentru ta' rikreazzjoni u biex jiġbor is-subien li kienu jgħixu hemmhekk. Fl-1908 fetaħ il-Juventutis Domus u l-Oratorju tas-subien għat-tagħlim tad-Duttrina. Ċentri bħal dawn inbnew fiż-Żejtun, il-Mosta, Bormla u Għawdex. Fl-1939 Galea waqqaf ukoll ċentru fejn jitgħallmu l-bniet: l-Istitut ta' Santa Eliżabetta tas-Sorijiet Franġiskani f'Tas-Sliema. Ta donazzjonijiet ukoll lill-Isptar tal-Blue Sisters u pprovda l-għajnuna finanzjarja meħtieġa lill-Kunvent tal-Bon Pastur, f'Ħal Balzan. Galea ta sehmu wkoll fil-missjoni. Meta fl-1896 inħatar bħala Teżorier fil-Kumitat tal-Missjoni ntebaħ li biex in-nies jikkontribwixxu jridu jkunu konxji tal-faqar li hawn fid-dinja u dan wasslu biex jibda jippubblika l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi li kien joħroġ darba fix-xahar. Għal bosta snin kien il-President tal-Anglo-Maltese Bank u aktar tard fl-1915 laħaq it-Teżorier tal-Kurja tal-Isqof, u teżorier tas-Sorijiet Klarissi ta' San Ġiljan.
Politiku
immodifikaGalea kien xhud fl-inkjesta tas-Sette Giugno 1919. Sentejn wara, il-Partit Laburista mmexxi mill-Kurunell William Savona kkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali li qatt saret f'Malta, dik tal-1921. Fiha l-Partit kiseb 23 % tal-voti u tella' żewġ senaturi, wieħed minnhom Alfons Maria Galea u l-ieħor kien dak li iktar tard sar Arċisqof ta' Malta, Monsinjur Mikiel Gonzi. Alfons Maria Galea serva ta' Senatur f'isem il-Partit Laburista fis-snin 1921-27. Tul dawn is-snin ħadem b'risq il-ħaddiem u l-batut billi semma' leħnu fuq l-istituti tal-karità, l-iskejjel tas-snajja', kundizzjonijiet xierqa fuq il-post tax-xogħol u t-tagħlim fl-iskejjel. Meta l-Partit Laburista ngħaqad b'Compact mal-Partit ta' Strickland, is-Sur Fons għażel li jinqata' mill-politika.
Awtur
immodifikaGalea ħass il-ġibda għall-kitba meta kellu madwar 35 sena. Għall-ewwel beda jittraduċi. Il-kitbiet ta' Galea bil-Malti li kellhom l-għan li jedukaw u jgħallmu lill-poplu bla skola, l-aktar lill-fqar. Huwa beda jikteb bil-Malti bis-saħħa ta' Annibale Preca u l-ewwel xogħol tiegħu kien it-traduzzjoni ta' stejjer qosra mit-Taljan. Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li jirtira min-negozju u l-kummerċ, kif fil-fatt għamel fl-1896, u jiddedika ħajtu għall-kitba.
F'Settembru 1899 beda joħroġ Il-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien li saru popolari ħafna tant li baqa' jippubblikahom sal-1915, san-numru 150. Kienu bħal enċiklopedija ta' storja, ġeografija, arkeoloġija, folklor, storja naturali u snajja'. Kiteb ukoll Muftieħ il-Ġenna (1889). Galea qaleb għall-Malti wħud mill-Kotba Mqaddsa mil-Latin għall-Malti, fosthom Ktieb il-Qwiel, is-Salmi, l-Għanja tal-Għanjiet, Ġob, Iżaija, il-Kotba tas-Slaten u l-Kotba tal-Makkabin.
Alfons Maria Galea kellu ħamest itfal, waħda minnhom soru. Huwa miet fil-Kunvent tal-Bon Pastur, fejn kien mar jgħix f'Ġunju 1940 bħala refuġjat tal-gwerra, fl-età ta' tmenin sena.