Yazd
Yazd (bil-Persjan: یزد [jæzd]), li qabel kienet magħrufa bħala Yezd,[1][2] hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Yazd, fl-Iran. Il-belt tinsab 270 kilometru (170 mil) fix-Xlokk ta' Esfahan. Skont iċ-ċensiment tal-2016, il-popolazzjoni tal-belt kienet ta' 529,673 ruħ.[3] Fl-2017 il-belt storika ta' Yazd tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4][5]
Yazd | |
---|---|
Iran | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Iran |
Province of Iran | Provinċja ta' Yazd |
County of Iran | Kontea ta' Yazd |
District of Iran | Distrett Ċentrali |
Isem uffiċjali | یزد |
Ismijiet oriġinali | یزد |
Ġeografija | |
Koordinati | 31°53′50″N 54°22′03″E / 31.8972°N 54.3675°EKoordinati: 31°53′50″N 54°22′03″E / 31.8972°N 54.3675°E |
Għoli | 1,216 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 529,673 abitanti (2016) |
Informazzjoni oħra | |
Kodiċi tat-telefon |
0351 |
Żona tal-Ħin | UTC+03:30 |
bliet ġemellati | Jászberény, Homs, Ġakarta, Nizwa, Holguínu Herat |
yazd.ir |
Minħabba ġenerazzjonijiet sħaħ ta' adattamenti fl-ambjent ta' deżert tal-madwar, Yazd għandha arkitettura Persjana unika. Hija mlaqqma bħala l-"Belt tat-Torrijiet tar-Riħ" (bil-Persjan: شهر بادگیرها, b'ittri Rumani: Shahr-e Badgirha) minħabba l-bosta eżempji ta' torrijiet tar-riħ fil-belt. Hija magħrufa sew ukoll għat-tempji tan-nar tagħha taż-Żoroastrijaniżmu, għall-ab anbars (ċisterni), għall-qanat (kanali taħt l-art), għall-yakhchal (postijiet tat-tkessiħ), għall-artiġjanat Persjan, għad-drappijiet minsuġa bl-idejn (termeh Persjan), għall-insiġ tal-ħarir, għall-ħelu Persjan qisu tajjar, u għad-dolċeriji antiki tagħha. Yazd hija magħrufa wkoll bħala l-Belt tar-Roti, minħabba l-istorja antka tagħha ta' ċiklisti, u l-ogħla għadd ta' roti per capita fl-Iran. Huwa rrapportat li l-kultura tar-roti fl-Iran oriġinat f'Yazd bħala riżultat tal-kuntatt mal-viżitaturi u mat-turisti Ewropej f'dan l-aħħar seklu.[6]
Yazd tfisser "safja" u "sagra"; il-Belt ta' Yazd tfisser il-"Belt Sagra [jiġifieri ta' Alla]". Fl-imgħoddi l-belt kienet magħrufa wkoll bħala Kath jew Isatis.[7]
Storja
immodifikaL-evidenza arkeoloġika 12-il kilometru fit-Tramuntana ta' Yazd tissuġġerixxi li l-inħawi ilhom popolati minn żmien l-Imperu Akemenid (550 Q.K.-330 Q.K.).[8] Fl-Istorja Naturali tiegħu, Plinju x-Xiħ (li miet fid-79 W.K.) isemmi raħal fl-Imperu Partiku (247 Q.K.-224 AD) jismu "Issatis", li x'aktarx kien marbut mal-isem ta' Asagarta/Istachae/Sagartjani.[9] B'hekk, xi studjużi ssuġġerew li isem Yazd oriġina minn Issatis (trażlitterata wkoll bħala Isatichae, Ysatis jew Yasatis), u li dan l-isem tal-aħħar beda jintuża fi żmien il-Medjani jew l-Akemenidi.[10]
Iż-żona li tinkludi lil Yazd bdiet tikseb prominenza għall-ewwel darba fl-Antikità Aħħarija, l-iktar taħt l-Imperu tas-Sassanidi (224-651). Taħt Yazdegerd I (li rrenja bejn it-399 u l-420), ġiet stabbilita zekka f'Yazd (bil-marka taz-zekka "YZ" fuq il-muniti), li turi kemm il-belt kienet kisbet importanza.[11] Skont il-kronaka Persjana l-ġdida Tarikh-i Yazd ("L-Istorja ta' Yazd") tal-1441, Yazd ġiet stabbilita mill-ġdid minn "Yazdegerd, iben Bahram", jiġifieri Yazdegerd II (li rrenja fl-438-457).[12] Il-kelma yazd tfisser Alla.[13] Wara l-ħakma Musulmana tal-Persja, bosta Żoroastrijani wettqu migrazzjoni lejn Yazd mill-provinċji ġirien. Permezz tal-ħlas ta' imposta, Yazd tħalliet tibqa' Żoroastrijana anke wara l-ħakma, u l-Iżlam sar ir-reliġjon dominanti tal-belt maż-żmien biss.
Minħabba l-pożizzjoni remota tagħha fid-deżert u d-diffikultà tal-aċċess, Yazd fil-biċċa l-kbira ma ġietx affettwata minn battalji kbar u mill-qerda u t-tifrik tal-gwerra. Pereżempju, kienet post għall-kenn għal dawk li kienu jaħarbu mill-qerda f'partijiet oħra tal-Imperu Persjan matul l-invażjoni tal-Mongoli. Fl-1272 Marco Polo żar il-belt u enfasizza l-industrija tal-insiġ tal-ħarir fin tal-belt. Fil-ktieb Il-Vjaġġi ta' Marco Polo, huwa ddeskriva lil Yazd b'dan il-mod:
Hija belt twajba u nobbli, u għandha kummerċ kbir. Hawnhekk jinsġu kwantitajiet ta' tessut partikolari tal-ħarir magħruf bħala ta' Yazd, li l-merkanti jieħdu f'bosta kwartieri biex jiddisponu minnu. Meta tiġi biex titlaq minn din il-belt biex tkompli l-vjaġġ tiegħek, iddum tivvjaġġa għal sebat ijiem fil-pjanuri kbar, u ssib il-kenn jilqgħek fi tliet postijiet biss. F'din it-triq hemm ħafna boskijiet fini li jipproduċu t-tamal, pjuttost aċċessibbli; u fihom wieħed jista' jikkaċċja u jiddeverti bl-arti tal-falkunerija, peress li hemm bosta ħaġliet u summien, kif ukoll abbundanza ta' annimali tal-kaċċa; b'hekk il-merkanti li jgħaddu minn hemm jistgħu jgħaddu ż-żmien b'diversi modi. Hemm ukoll ħmir selvaġġi, ħlejqiet tassew ħelwin. U fl-aħħar, wara dawk is-sebat ijiem ta' vvjaġġar fil-pjanura, tasal f'renju fin imsejjaħ Kerman. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Għal żmien qasir, Yazd kienet il-belt kapitali tad-dinastija Mużaffarida fis-seklu 14, u ġiet assedjata bla suċċess fl-1350-1351 mill-Inġuwidi taħt Shaikh Abu Ishaq. Il-Moskea tal-Ġimgħa (jew Kongregazzjonali), x'aktarx l-ikbar attrazzjoni arkitettonika tal-belt, kif ukoll binjiet importanti oħra, imorru lura għal dan il-perjodu. Matul id-dinastija Qajar (is-seklu 18), il-belt ġiet immexxija mill-Khan Bakhtiari.
Taħt it-tmexxija tas-Safavidi (is-seklu 16), xi nies wettqu migrazzjoni minn Yazd u insedjaw żona li llum il-ġurnata tinsab fil-fruntiera bejn l-Iran u l-Afganistan. L-insedjament, imsejjaħ Yazdi, kien jinsab f'dik li issa hija magħrufa bħala l-belt ta' Farah fil-provinċja bl-istess isem fl-Afganistan. Sal-lum il-ġurnata, in-nies minn dawn l-inħawi jitkellmu b'aċċent li jixbah ħafna lil dak tal-poplu ta' Yazd.
Waħda mill-affarijiet notevoli dwar Yazd hi l-kultura tagħha ċċentrata fuq il-familja. Skont l-istatistika uffiċjali mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għar-Reġistru Ċivili tal-Iran, Yazd hija fost it-tliet bliet bl-iżjed rata baxxa ta' divorzji fl-Iran.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Belt Storika ta' Yazd ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4]
Demografija
immodifikaLingwa u gruppi etniċi
immodifikaIl-maġġoranza tan-nies f'Yazd huma Persjani. Jitkellmu bil-Persjan b'aċċent ta' Yazd, li huwa differenti mill-aċċent Persjan ta' Tehran.
Reliġjon
immodifikaIl-biċċa l-kbira tan-nies f'Yazd huma Musulmani Xiiti. Yazd hija belt konservattiva, tradizzjonalista u tassew reliġjuża.[14] Diversi tradizzjonijiet tal-belt huma marbuta ma' festi u okkażjonijiet Musulmani tal-ġemgħa, li b'mod prinċipali huma purċissjonijiet imsejħa azadari li jsiru biex ifakkru l-avvenimenti li esperjenzaw il-martri Iżlamiċi ewlenin u figuri importanti oħra. Dawn l-avvenimenti pubbliċi kbar ħolqu sensiela ta' spazji, li peress li l-biċċa l-kbira huma qrib monumenti urbani importanti, jintużaw fi żminijiet oħra bħala ċentri li minnhom il-viżitaturi jistgħu jesploraw l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt.[15]
Fil-belt hemm popolazzjoni mdaqqsa ta' Żoroastrijani. Fl-2013, Sepanta Niknam ġie elett fil-kunsill tal-belt ta' Yazd u sar l-ewwel kunsillier Żoroastrijan fl-Iran. Is-santwarju ta' Pir-e-Naraki huwa waħda mid-destinazzjonijiet importanti tal-pellegrinaġġi Żoroastrijani,[16] fejn issir kongregazzjoni annwali u matul is-sena jsiru żjarat frekwenti; is-santwarju issa sar attrazzjoni turistika tal-belt ukoll. Il-ġrajja tal-aħħar prinċep Persjan li żar Yazd qabel il-wasla tal-Iżlam iżżid l-importanza tas-sit. Tali trasformazzjoni seħħet diversi drabi.
Fl-imgħoddi kien hemm ukoll komunità relattivament kbira ta' Lhud f'Yazd, madankollu, wara l-ħolqien ta' Iżrael, bosta marru jgħixu hemmhekk għal raġunijiet differenti. L-eks President ta' Iżrael Moshe Katsav huwa eżempju minnhom.
Popolazzjoni
immodifikaSkont iċ-ċensiment tal-2006, il-popolazzjoni tal-belt ta' Yazd kienet ta' 423,006 ruħ f'114,716-il unità domestika.[17] Skont iċ-ċensiment ta' wara, tal-2011, il-popolazzjoni tal-belt kienet ta' 486,152 ruħ f'141,572 unità domestika.[18] Fiċ-ċensiment tal-2016, il-popolazzjoni żdiedet għal 529,673 ruħ f'158,368 unità domestika.
Fi żmien il-Qajar, parti kbira mit-tribù Kord-Qeshlaqi Kurda f'Piranshahr fil-Majjistral tal-Iran ġiet ittrasferita lejn il-bliet ta' Yazd u ta' Mehriz u l-kwartieri tagħhom imsejħa "Kordmahaleh" għadhom preżenti fil-partijiet l-iktar antiki taż-żewġ bliet.
Sena | Pop. | ±% p.a. |
---|---|---|
1986 | 230,483 | — |
1991 | 275,298 | +3.62% |
1996 | 326,776 | +3.49% |
2006 | 432,194 | +2.84% |
2011 | 486,152 | +2.38% |
2016 | 529,673 | +1.73% |
Sors:[19] |
Siti storiċi
immodifikaYazd hija ċentru importanti tal-arkitettura Persjana. Minħabba l-klima tagħha, għandha wieħed mill-ikbar networks ta' qanat (sistemi tal-provvista tal-ilma taħt l-art) fid-dinja, u l-bennejja tal-qanat minn Yazd jitqiesu bħala dawk bl-ikbar ħiliet fl-Iran.
Sabiex jindirizzaw is-sjuf estremament sħan, bosta binjiet antiki f'Yazd għandhom torrijiet tar-riħ mill-isbaħ kif ukoll żoni kbar taħt l-art.
Il-belt fiha wkoll eżempji mill-aqwa ta' yakhchals, li kienu jintużaw għall-ħżin tas-silġ mill-glaċieri fil-muntanji fil-qrib. Yazd hija wkoll waħda mill-ikbar bliet li nbniet kważi għalkollox mit-tajn.
Il-wirt ta' Yazd bħala ċentru taż-Żoroastrijaniżmu huwa importanti wkoll. Fil-periferiji hemm Torri tas-Silenzju, u l-belt għandha ateshkadeh b'ħuġġieġa li jingħad li ilha mixgħula kontinwament mill-470 W.K. Iż-Żoroastrijani huma minoranza sinifikanti tal-popolazzjoni tal-belt, madwar 20,000-40,000 ruħ jew 5 sa 10 fil-mija.
Il-mawżolew tal-brikks tas-seklu 11 u s-santwarju ta' Davāzdah Imām huwa l-eqdem binja fil-belt.[20]
Mibnija fis-seklu 12 u għadha tintuża, il-Moskea tal-Ġimgħa ta' Yazd hija eżempju tal-ifjen mużajk Persjan u ta' arkitettura eċċellenti. Il-minareti tagħha huma l-ogħla fil-pajjiż. Qrib il-moskea hemm ukoll il-Qabar ta' Sayyed Rukn ad-Din.
Ġeografija
immodifikaKlima
immodifikaYazd għandha klima sħuna tad-deżert (BWh skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Hija l-iżjed belt kbira niexfa fl-Iran, b'preċipitazzjoni fis-sena ta' 60 millimetru (2.4 pulzieri) u 14-il jum biss bil-preċipitazzjoni. It-temperaturi tas-sajf spiss jaqbżu l-40 °C (104 °F) meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha, b'umdità baxxa. Anke billejl, it-temperaturi fis-sajf ikunu pjuttost għoljin. Fix-xitwa, il-jiem jibqgħu miti u xemxin, iżda filgħodu l-arja u s-sħab baxx jikkawżaw temperaturi kesħin li xi kultant jinżlu sew taħt iż-0 °C (32 °F).
Data klimatika għal Yazd (1951-2010, temp. normali u rekord fl-1951-2020) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 27.0
(80.6) |
29.4
(84.9) |
35.2
(95.4) |
38.0
(100.4) |
41.0
(105.8) |
44.1
(111.4) |
45.6
(114.1) |
45.6
(114.1) |
42.0
(107.6) |
36.4
(97.5) |
30.8
(87.4) |
28.5
(83.3) |
45.6
(114.1) |
Temp. għolja medja ta' kuljum f'°C (°F) | 12.7
(54.9) |
16.0
(60.8) |
21.0
(69.8) |
26.9
(80.4) |
32.5
(90.5) |
38.1
(100.6) |
39.6
(103.3) |
38.0
(100.4) |
34.5
(94.1) |
27.8
(82.0) |
19.9
(67.8) |
14.5
(58.1) |
26.8
(80.2) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 6.4
(43.5) |
9.3
(48.7) |
14.2
(57.6) |
19.9
(67.8) |
25.3
(77.5) |
30.5
(86.9) |
32.3
(90.1) |
30.2
(86.4) |
26.3
(79.3) |
19.9
(67.8) |
12.7
(54.9) |
7.8
(46.0) |
19.6
(67.2) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | -0
(32) |
2.6
(36.7) |
7.4
(45.3) |
12.9
(55.2) |
18.0
(64.4) |
22.8
(73.0) |
24.9
(76.8) |
22.3
(72.1) |
18.1
(64.6) |
12.0
(53.6) |
5.5
(41.9) |
1.1
(34.0) |
12.3
(54.1) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −14
(7) |
−10.1
(13.8) |
−7
(19) |
0.0
(32.0) |
2.0
(35.6) |
11.0
(51.8) |
16.0
(60.8) |
12.0
(53.6) |
2.0
(35.6) |
−3
(27) |
−10
(14) |
−16
(3) |
−16
(3) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 12.2
(0.48) |
7.6
(0.30) |
12.5
(0.49) |
7.3
(0.29) |
3.6
(0.14) |
0.3
(0.01) |
0.2
(0.01) |
0.1
(0.00) |
0.1
(0.00) |
1.2
(0.05) |
4.1
(0.16) |
10.0
(0.39) |
59.2
(2.32) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni | 4.8 | 3.5 | 4.8 | 4.3 | 2.2 | 0.3 | 0.2 | 0.1 | 0.1 | 0.8 | 2.2 | 3.7 | 27 |
Medja ta' jiem bil-borra | 2.1 | 0.8 | 0.2 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.1 | 0.8 | 4 |
Umdità relattiva medja (%) | 54 | 44 | 37 | 32 | 25 | 18 | 17 | 17 | 19 | 27 | 38 | 50 | 32 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 194.1 | 210.3 | 225.4 | 246.2 | 302.7 | 343.1 | 347.2 | 346.1 | 316.4 | 286.9 | 226.2 | 200.3 | 3,244.9 |
Sors 1:[21] | |||||||||||||
Sors 2:[22] |
Ekonomija
immodifikaYazd minn dejjem kienet magħrufa għall-kwalità tal-ħarir u tat-twapet tagħha u llum il-ġurnata l-belt hija waħda miċ-ċentri industrijali tal-Iran għall-produzzjoni tat-tessuti. Hemm ukoll industrija konsiderevoli taċ-ċeramika u tal-materjali tal-kostruzzjoni, kif ukoll tad-dolċeriji u tal-ġojjellerija. Parti sinifikanti mill-popolazzjoni tal-belt hija impjegata f'industriji oħra, inkluż l-agrikoltura, il-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, il-metallurġija, u l-manifattura tal-makkinarju. Hemm għadd ta' kumpaniji involuti fl-industrija dejjem tikber tat-teknoloġija informatika, l-iktar fil-manifattura ta' materjali primarji bħal kejbils u konnetturi. Attwalment, Yazd tospita l-ikbar manifattur tal-fibra ottika fl-Iran.
Id-dolċeriji ta' Yazd huma magħrufa sew fl-Iran kollu u ilhom sors ta' turiżmu għall-belt. Il-ħwienet tad-dulċiera (khalifehs jew esperti) iżommu r-riċetti tagħhom sigrieti, u ħafna baqgħu jaħdmu f'negozju privat tal-familja għal bosta ġenerazzjonijiet. Il-baklava, il-ghotab u l-pashmak huma l-iżjed ħelu popolari fil-belt.
Fis-sena 2000, infetaħ il-Mużew tal-Ilma ta' Yazd li għandu għall-wiri reċipjenti tal-ħżin tal-ilma u teknoloġiji storiċi marbuta mal-ilma.
Yazd wessgħet iż-żoni industrijali tagħha mis-snin 80 tas-seklu 20. Bis-saħħa ta' mill-inqas tliet żoni industrijali prinċipali, b'iktar minn 70 fabbrika f'kull waħda, Yazd saret waħda mill-iżjed bliet avvanzati teknoloġikament tal-Iran.
Trasport
immodifikaApparti li hija kkollegata mal-bliet Iranjani ewlenin permezz tal-Linji Ferrovjarji Iranjani, Yazd hija moqdija wkoll mill-Ajruport ta' Shahid Sadooghi.[23]
Politika
immodifikaLista ta' sindki ta' Yazd
immodifika- Eskandar Aslani (għall-ħabta tal-1979);
- Muhammad-Ali Vahdati;
- Ali-Akbar Farshi;
- Muhammad-Hassan Khorshidnam;
- Hosseyn A'laii;
- Muhammad-Mahdi Sherafat;
- Ali-Akbar Aramun;
- Morteza Shayeq;
- Ali-Akbar Mirvakili;
- Mohammad Azim Zadeh (għall-ħabta tal-2017).
Residenti famużi
immodifika- Mohammad Khatami, eks President tal-Iran, li twieled f'Ardakan;
- Mohammad Ali Jafari, kmandant tal-Armata tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran;
- Mohammad Reza Aref, Viċi President tal-Iran mill-2001 sal-2005;
- Mirza Mohammad Farrokhi Yazdi, poeta u politiku;
- Vahshi Bafghi, poeta;
- Habibollah Bitaraf, eks Ministru għall-Enerġija;
- Moshe Katsav, eks President ta' Iżrael;
- Mohammad-Ali Eslami Nodooshan, awtur Iranjan;
- Mehdi Azar Yazdi, awtur tal-istejjer tat-tfal;
- Reza Amrollahi, Kap tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika tal-Iran bejn l-1981 u l-1997;
- Iraj Afshar, biblijografu, storiku u figura ikonika fil-qasam tal-istudji Persjani;
- Ahmad Fardid, filosfu Iranjan prominenti u professur iddedikat u ta' ispirazzjoni;
- Sharaf ad-Din Ali Yazdi, storiku Persjan tas-seklu 15;
- Zia'eddin Tabatabaee, politiku Iranjan u Prim Ministru tal-Iran;
- Reza Ardakanian, professur, politiku u eks Ministru għall-Enerġija tal-Iran;
- Sems Kesmai, poeta;
- Ardeshir Jamshid Khosraviani, newrokirurgu Iranjan prominenti u tabib iddedikat u ta' ispirazzjoni.
Edukazzjoni
immodifikaL-Università ta' Yazd ġiet stabbilita fl-1988. Għandha kulleġġ tal-arkitettura speċjalizzat fl-arti u fl-arkitettura Persjani tradizzjonali. Yazd u l-irħula tal-madwar fihom l-istituti tal-edukazzjoni għolja li ġejjin:
- l-Istitut tax-Xjenza u r-Riċerka ta' Yazd;
- l-Università ta' Yazd;
- l-Università Shahid Sadoughi tax-Xjenzi Mediċi u s-Servizzi tas-Saħħa;
- l-Università Payam e Nour ta' Yazd;
- l-Istitut tal-Edukazzjoni Għolja ta' Yazd (ACECR);
- l-Università Azad Iżlamika ta' Bafq;
- l-Università Azad Iżlamika ta' Maybod;
- l-Università Azad Iżlamika ta' Yazd;
- iċ-Ċentru ta' Informazzjoni Sampad ta' Yazd;
- il-Park tax-Xjenza u t-Teknoloġija ta' Yazd;
- l-Università tax-Xjenza Applikata ta' Yazd;
- il-Kulleġġ Universitarju tal-Imam Java;
- l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Barazande Muqadam (Tizhushan);
- l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Shahid Sadoughi (Tizhushan);
- l-Iskola Sekondarja ta' Shahid Sadoughi (Tizhushan);
- l-Iskola Sekondarja ta' Farzanegan (Tizhushan);
- l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Bahadori;
- l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Farzanegan (Tizhushan);
- l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Iranshahr.
Ġemellaġġ
immodifikaYazd hija ġemellata ma':
Gallerija
immodifika-
Dad Hotel, Yazd, Iran
Referenzi
immodifika- ^ Yazd. Miġbur 2023-12-31.
- ^ Yezd (city). Volume 28. Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Ċensiment tal-2016". web.archive.org. 2020-11-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-11-18. Miġbur 2023-12-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic City of Yazd". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Historical City Of Yazd Inscribed As World Heritage Site - Iran Front Page". ifpnews.com (bl-Ingliż). 2017-07-09. Miġbur 2023-12-31.
- ^ "GhoolAbad \ Yazd Popular Articles \ شهر دوچرخه". ghoolabad.com. Miġbur 2023-12-31.
- ^ "معنی یزد در فرهنگ لغات ها (دهخدا،معین و ... ) + سایر منابع اطلاعاتی | جدول یاب". jadvalyab.ir (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-31.
- ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. p. 222. ISBN 978-90-04-43433-2.
- ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 222-223. ISBN 978-90-04-43433-2.
- ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 223. ISBN 978-90-04-43433-2.
- ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 227. ISBN 978-90-04-43433-2.
- ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 225. ISBN 978-90-04-43433-2.
- ^ Steingass, Francis Joseph. A Comprehensive Persian-English dictionary, including the Arabic words and phrases to be met with in Persian literature. Londra: Routledge & K. Paul, 1892.
- ^ Michael M. J. Fischer (2003). University of Wisconsin Press (ed.). Iran: From Religious Dispute to Revolution. p. XV. ISBN 9780299184735.
- ^ "آشنایی با برخی آئینهای عزاداری در استان یزد". همشهری آنلاین (bil-Persjan). 2012-11-24. Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Pir-e Seti. Pir-e Naraki. Pilgrimage in Zoroastrianism". www.heritageinstitute.com. Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Ċensiment tal-2006". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ċensiment tal-2011". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-01-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Iran: Provinces, Major Cities & Towns - Population Statistics, Maps, Charts, Weather and Web Information". www.citypopulation.de. Miġbur 2023-12-31.
- ^ Anisi, Alireza (2009). "The Davāzdah Imām Mausoleum at Yazd: A Re-Examination". Iran. 47: 57–68.
- ^ "Climate & Weather Averages in Yazd, Iran". www.timeanddate.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Yazd Annual Weather Averages". WorldWeatherOnline.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
- ^ "Yazd Transportation – Taxi, Train, Bus, and Airport Tips". SmarterTravel (bl-Ingliż). 2017-02-23. Miġbur 2023-12-31.