Tobias Michael Carel Asser
Tobias Michael Carel Asser (pronunzja bl-Olandiż: [ˈtoːbiɑs miˈʃɛl ˈkaːrəl ˈɑsər]; twieled fit-28 ta' April 1838 – miet fid-29 ta' Lulju 1913) kien avukat u ġurista Olandiż.
Fl-1911 rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi (flimkien ma' Alfred Fried) għall-ħidma tiegħu fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, u b'mod partikolari għall-kisbiet tiegħu għall-istabbiliment tal-Konferenza dwar id-Dritt Internazzjonali Privat f'Den Haag (HCCH).
Ħajja
immodifikaTobias Michael Carel Asser twieled fit-28 ta' April 1838 f'Amsterdam fin-Netherlands.[1] Huwa kien iben Carel Daniel Asser (1813-1885) u n-neputi ta' Carel Asser (1780-1836). Studja l-liġi fl-Università ta' Amsterdam u fl-Università ta' Leiden u kien professur tal-liġi fl-Università ta' Amsterdam.
Asser kien il-kofundatur tar-Revue de Droit International et de Législation Comparée flimkien ma' John Westlake u Gustave Rolin-Jaequemyns. Kien ukoll il-kofundatur tal-Institut de Droit International fl-1873.[2] Fl-1880 huwa sar membru tal-Akkademja Rjali tal-Arti u x-Xjenzi tan-Netherlands.[3]
Konferenza dwar id-Dritt Internazzjonali Privat f'Den Haag
immodifikaAsser kien il-moħħ legali ewlieni fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat u kien jemmen bis-sħiħ li oqfsa legali sodi li jirregolaw ir-relazzjonijiet privati transfruntiera jsarrfu fil-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà. Fl-1893, Asser beda jlaqqa' l-Ewwel Sessjoni Diplomatika tal-HCCH, l-organizzazzjoni globali ewlenija fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat. L-Istati li ħadu sehem kienu l-Awstrija-Ungerija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Russja, Spanja u l-Iżvizzera. Asser ġie elett bħala l-President tas-Sessjoni, u sussegwentement reġa' ġie elett bħala President tat-Tieni sar-Raba' Sessjoni li saru fl-1894, fl-1900 u fl-1904 rispettivament. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-HCCH fasslet għadd ta' trattati multilaterali, imsejħa l-Konvenzjonijiet ta' Den Haag, li wasslu għall-unifikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt internazzjonali privat fl-oqsma taż-Żwieġ (1902), id-Divorzju (1902), il-Kustodja (1902), il-Proċedura Ċivili (1905), l-Effetti taż-Żwieġ (1905), u ċ-Ċaħda tad-Drittijiet Ċivili (1905).
Fl-1911, Asser ingħata l-Premju Nobel għall-Paċi. Fid-Diskors tiegħu fiċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju tal-10 ta' Diċembru 1911, il-President tal-Kumitat tal-Premju Nobel Jørgen Gunnarsson Løvland enfasizza b'mod speċifiku l-ħidma ta' Asser fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, u l-kisbiet tiegħu fl-istabbiliment tal-HCCH, bħala raġunijiet li wasslu biex jingħata l-Premju Nobel għall-Paċi, u ddeskriva lil Asser bħala "suċċessur jew xprunatur tal-ħidma pijuniera tan-Netherlands fid-dritt internazzjonali fis-seklu sbatax", il-Hugo Grotius ta' żmienu.[4]
Konferenzi dwar il-Paċi f'Den Haag
immodifikaHuwa kien delegat tan-Netherlands fiż-żewġ Konferenzi dwar il-Paċi f'Den Haag li saru fl-1899 u fl-1907.[2]
Qort Permanenti tal-Arbitraġġ
immodifikaFl-1902, huwa kien membru tal-ewwel panel tal-arbitraġġ fi smigħ dwar kontroversja internazzjonali li tressqet minn żewġ stati taħt l-awspiċju tal-Qort Permanenti tal-Arbitraġġ, li ġiet stabbilita bħala riżultat tal-Konferenza dwar il-Paċi f'Den Haag li saret fl-1899 (il-Każ tal-Pious Fund of the Californias). Huwa kellu rwol ukoll fl-istabbiliment tal-entità li mbagħad saret magħrufa bħala l-Akkademja tad-Dritt Internazzjonali f'Den Haag, għalkemm l-istabbiliment tagħha seħħet wara mewtu fl-1923.[2]
Asser miet fid-29 ta' Lulju 1913 f'Den Haag.[2]
Legat
immodifikaIstitut tar-riċerka fl-oqsma tad-Dritt Internazzjonali Privat u Pubbliku, l-Arbitraġġ Kummerċjali Internazzjonali u tad-Dritt Ewropew issemma għal Tobias Michael Carel Asser u huwa magħruf bħala t-T.M.C. Asser Instituut, ibbażat f'Den Haag, in-Netherlands.[5]
Referenzi
immodifika- ^ owner, No (2013-11-12). "bwn2". resources.huygens.knaw.nl . Miġbur 2022-04-28.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ a b ċ d "In Memoriam: T. M. C. Asser". American Journal of International Law (bl-Ingliż). 8 (2): 343–344. 1914.
- ^ "Digitaal Wetenschapshistorisch Centrum" (bl-Olandiż). Miġbur 2022-04-28.
- ^ "The Nobel Peace Prize 1911". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-28.
- ^ "Tobias M.C. Asser". www.asser.nl (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-28.