Ġiljan l-Ospitalier

(Rindirizzat minn San Ġiljan)

San Ġiljan l-Ospitalier huwa qaddis tal-Knisja Kattolika.

Ġiljan l-Ospitalier

San Ġiljan mill-affresk ta' Domenico Ghirlandaio
Ħajja
Twelid Le Mans (en) Translate, 7 century
Mewt 1 millennium
Okkupazzjoni
Festa
12 ta' Frar

Ħafna studjużi tal-ħajjiet tal-qaddisin huma tal-fehma li dak li nafu dwar San Ġiljan l-Ospitalier huwa għal kollox leġġendarju. Uħud jaħsbu li twieled fi Franza, f’Le Mans. Oħrajn jgħidu li twieled f’Ath fil-Belġju, għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 7 wK[1] U oħrajn ħasbu li ġie minn Napli. L-iktar ħaġa magħrufa fuq dan il-qaddis hija li qatel lill-ġenituri tiegħu. Tant li għandna qawl jew espressjoni Maltija li tgħid hekk: ‘San Ġiljan qatel ’l ommu u lil missieru u sar qaddis!’. Jingħad li dan għamlu bi żball, u li meta ntebaħ mar Ruma biex jinħafirlu dnubu. Għal dan il-għan jingħad ukoll li bena sptar għall-pellegrini fuq ix-xtut tax-xmara Gardon, fi Provenza, jew forsi fl-inħawi ta’ Isola qrib ix-xmara Potenza, ħdejn Macerata.

Il-Leġġenda

immodifika

Aktarx li l-leġġenda ta’ San Ġiljan taf il-bidu tagħha fil-Medju Evu, fi Franza jew fil-Belġju. Din il-leġġenda malajr xegħlet l-immaġinazzjoni popolari ta’ l-Ewropej medjevali. San Ġiljan kien magħruf, l-istess bħall-Arkanġlu San Rafel u bħal San Kristoforu, bħala patrun tal-vjaġġaturi, u wkoll bħala patrun tal-lukandiera u tal-ibliet ta’ Gand u ta’ Macerata. Fid-Decameron (1353) ta’ Boccaccio, l-ewwel kapolavur letterarju tar-Rinaxximent Taljan (fil-ħdax -il jum, il-ħdax -il novella) diġà niltaqgħu mal-Paternoster ta’ San Ġiljan li sal-ġurnata tal-lum għadu jgħaddi minn fomm għal fomm f’ħafna nħawi tal-Italja. Il-leġġenda ta’ San Ġiljan ispirat ħafna poeżija popolari fit-tradizzjoni tal-Leggenda Aurea tal-aġjografu Ġenwiż, id-Dumnikan Giacomo da Vararazze. Il-punti ewlenin tal-leġġenda jinsabu miġburin f’orazione popolari ta’ endekasillabi (versi bi ħdax-il sillaba) epiċi. Din kienet imxandra mal-Italja kollha, mir-Romagna sal-Kalabrija. Din l-orazione nsibuha wkoll fil-Biblijoteka Nazzjonali tagħna, fil-Belt Valletta u tmur lura sas-seklu ħmistax, skond il-paleografu awtorevoli Dom Mauro Inguanez. Fl-1902 dehret għall-ewwel darba bil-Malti, f’forma ta’ proża, bl-isem ‘Il-Kaċċatur u iċ-Ċerv -Ġrajja tal-Fjandri’ fis-sensiela Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien. Il-leġġenda ispirat ukoll xogħlijiet ta’ l-arti mill-aqwa. Fis-seklu tlettax insibu vetrata mill-isbaħ li tirrafigura lil San Ġiljan, ta’ artist mghux magħruf, fil-Katidral ta’ Chartres. Fis-seklu erbatax saru affreski imponenti li juru lill-qaddis fil-Katidral ta’ Trento u fis-seklu ta’ wara saru affreski tiegħu fil-Palazzo Comunale ta’ Assisi.

Il-leġġenda tgħid li fil-lejla li fiha twieled San Ġiljan, missieru, minn familja nobbli, ra lis-sħaħar pagani jagħmlu seħer bil-moħbi fuq ibnu, li kellu jkun hu li joqtol lil ommu u lil missieru. Missieru ried jeħles minnu iżda martu ma ħallitux. It-tifel beda jikber u ‘tant kien sabiħ li ommu u missieru kienu mogħmijin warajh’ u kull meta ommu kienet tħares lejh kienet dejjem tinfaqa’ tibki u tgħid ‘Ibni, aħjar li ma twelidt xejn għax għad trid tagħmel dnub kbir.’ Meta Ġiljan kellu madwar għaxar snin, staqsa lil ommu għala kull meta tħares lejh kienet tinfaqa’ tibki. Ommu qaltlu x’kien id-destin tiegħu li b’xejn ma’ seta’ jeħles minnu. Ġiljan ‘li kien tajjeb u qalbieni’ qal ‘Ma jkun qatt li jiena nagħmel dnub bħal dan,’ u ‘b’tama qawwija fi Kristu li jista’ kollox telaq għal għonq it-triq mimli kuraġġ.’ Il-leġġenda tgħid li dam miexi ħamsin jum u mar jgħammar fil-Galizja fejn hemmhekk iżżewweġ mara ‘mill-aħjar’.

Għaddew għoxrin sena minn meta Ġiljan telaq mid-dar u missieru u ommu kellhom xewqa kbira li jerġgħu jaraw lil binhom, issa raġel ta’ tletin sena. Ma kellhomx iżjed tfal ħliefu u ddeċidew li jmorru jfittxuh. Meta waslu fil-Galizja daħlu jitolbu quddiem l-altar sabiħ ta’ San Ġakbu. ‘Hekk kif ħarġu mill-knisja ltaqgħu ma’ mara bil-qiegħda fuq siġġu, u l-pellegrini resqu fuqha u sellmulha. Dik il-mara sellmitilhom. Huma talbuha jekk, għall-imħabba ta’ Kristu, setgħetx tilqagħhom għandha dik il-lejla, jekk setgħux jirranġaw magħha għax kienu għajjenin mill-vjaġġ.’ Il-mara daħlithom f’darha u qaltilhom li żewġha, Ġiljan, dak il-ħin kien jinsab għall-kaċċa. (Minħabba f’hekk San Ġiljan huwa magħruf ukoll bħala patrun tal-kaċċaturi). L-omm u l-missier ferħu bil-kif li kienu sabu lil binhom u mart Ġiljan ferħet hi wkoll li saret taf lill-ġenituri ta’ żewġha. ‘Ħadet ħsiebhom sew u mbagħad ħadithom jistrieħu fis-sodda ta’ Ġiljan.’ Iżda “l-għadu” mar ifittex lil Ġiljan u qallu, ‘Aħbar ħażina għandi għalik. Int qiegħed hawn għall-kaċċa u martek tinsab fis-sodda, mgħannqa mal-ħabib tagħha. Hemm jinsabu mgħannqin flimkien, u issa, kemm wieħed kemm l-oħra jinsabu reqdin.’

Inħallu l-kliem tal-leġġenda jitkellem waħdu: “U Ġiljan ħass dwejjaq kbar u wiċċu tbiddel. Rikeb fuq iż-żiemel mingħajr ma qal xejn, u malajr wasal f’daru. Mar ħdejn is-sodda b’saħna kbira u hemm ra raġel u mara. F’soddtu kienu reqdin. Ħataf ix-xabla u biha nifidhom. U Ġiljan ried jitlaq u f’dik l-art ma riedx joqgħod iktar. Qiegħed idu biex jiftaħ il-bieb u ra lil martu bil-qiegħda man-nisa l-oħra. Lil Ġiljan hekk kellmitu: ‘Missierek u ommok ġew hawn u jinsabu mimdudin fis-sodda.’ Allura Ġiljan beda jagħti fuq sidru; u ħwejġu u laħmu beda jqatta’. ‘Daħak bija l-għadu makakk meta qal li marti kienet qiegħda tibdilni.’ U mimdudin kienu l-mejtin, mimdudin fis-sodda. Il-feriti kollha tagħhom beda jbusilhom u jgħid: ‘Jaħasra, imsejken jien. Aħjar ma twelidt xejn għax f’ruħi u ġismi jiena misħut.’ U martu t-twajba bdiet tkellem lil Ġiljan u qalet: ‘Afda fi Kristu li jista’ kollox, li huwa għajn ħajja ta’ kull ħniena.’ Ma kellhom la tifel u lanqas tifla. Deheb u fidda kellhom bil-bosta… U Ġiljan bena seba’ sptarijiet u ħamsa u għoxrin post, qabel kollox. U l-fqar bdew imorru joqogħdu hemm, għall-imħabba ta’ Ġesu Kristu li jista’ kollox.”

Ħafna jafu li San Ġiljan qatel lil ommu u lil missieru iżda forsi ftit jafu li dan għamlu bi żball u forsi inqas minn hekk jafu bil-konverżjoni tiegħu u bil-ġid li għamel mal-foqra u l-morda. Iżda l-leġġenda ma tiqafx hawn. “L-għadu qarrieqi beda jaħseb biex ipattilu mingħajr telf ta’ żmien. Taħt is-sura ta’ pellegrin magħdur, Ġiljan daħħlu jistkenn ma’ l-oħrajn. F’nofs il-lejl qam dak il-qarrieqi. Ir-rix tas-saqqu mat-tiben beda jħallat… Id-dar kollha beda jqalleb.” Meta l-għada filgħodu qam Ġiljan ra l-ħsara li kienu għamlulu f’daru u ħalef li ma jilqa’ ’l ħadd iżjed. Bir-rabja li kellu, keċċa ’l kulħadd ’il barra. ‘U Ġesu mar għandu u taħt sura ta’ pellegrin kellmu sabiex iħallih jistrieħ għandu. Talbu b’wiċċ umli, f’ġieħ Alla, sabiex Ġiljan idaħħlu għandu dik il-lejla. Iżda Ġiljan wieġbu b’disprezz: ‘Jien ma nilqakx għandi. Itlaq ’l hemm, għax il-lejl l-ieħor għamluli tant ħsara li bl-ebda mod ma ndaħħlek.’ U Kristu bil-ħlewwa qallu, ‘Żommli dan il-bastun, jekk jogħġbok.’ U Ġiljan staħa u bil-qalb kollha il-bastun mar biex jieħu. Mattar idejh u l-bastun weħel magħhom. U Ġiljan għarfu mill-ewwel, żgur li kien Ġesu Kristu, li kien iħobbu. U Ġiljan qal: ‘Daħak bija l-għadu makakk li ma jridx li jien inkun qaddej fidil tiegħek. Imma jiena nħaddnek miegħi u ma jimpurtanix minnu; u għall-imħabba tiegħek nagħti kenn lil min għandu bżonn.’ F’riġlejn Kristu mar jinxteħet għarkubbtejh, u Ġesu Kristu ħafirlu. U Ġiljan b’qalb niedma talab lil Kristu: ‘Tqisx biss li jiena midneb, O Kristu, imma aħfer lili u lil marti.’ U Kristu ħanin ħafrilhom. ‘U aħfer lil ommi u lil missieri.’ Huwa qaddes lill-missier u lill-omm bis-saħħa tal-ġid kollu li għamel lil Ġiljan.’

Min għandu ftit familjarità mal-mitoloġija Griega jew ma’ Freud jintebaħ minnufih bix-xebh li l-leġġenda ta’ San Ġiljan għandha ma’ l-istorja ta’ Edipu li minnha Freud ħareġ it-teorija tal-Kumpless ta' Edipu jew Oedipus Complex. Il-bażi tal-istorja hija l-istess jiġifieri d-destin ta’ iben li għad joqtol lil ommu u lil missieru, għalkemm it-tmiem ta’ l-istorja huwa differenti għall-aħħar. Minkejja li l-istorja ta’ San Ġiljan hija leġġenda mill-bidu sa l-aħħar, ma nistgħux niċħdu l-fatt li d-devozzjoni lejh hija qadima ħafna u mferrxa ħafna. Irridu ngħidu wkoll li leġġenda mhijiex ħrafa iżda storja tradizzjonali, taħlita ta’ storja u immaġinazzjoni. Il-kelma Latina medjevali legenda tfisser “ħwejjeġ għall-qari.” Kienu jissejħu leggenda wkoll il-ħajjiet tal-qaddisin li kienu jinqraw b’vuċi għolja fir-riti tal-Knisja tal-bidu.

Id-devozzjoni lejn San Ġiljan f'Malta

immodifika

Id-devozzjoni lejn San Ġiljan jidher li daħlet fil-ġżejjer Maltin fis-seklu ħmistax wara li fl-1442 instabu r-relikwji tiegħu fil-belt ta’ Macerata. Billi l-Isqof de Astis ta’ Macerata kellu rabtiet mal-familja nobbli De Astis li kienet minn ta’ quddiem f’Malta, jidher li kienu huma li daħħlu din id-devozzjoni. Qabel il-miġja tal-Kavallieri kien hawn tliet knejjes f’Malta ddedikati lil dan il-qaddis: f’Tabija, qrib l-Imdina, f’Ħal-Luqa u l-Isla. Tal-Isla hija l-aktar interessanti għax kienet marbuta ma’ riserva għall-kaċċa, karatteristika tal-qaddis. Il-knisja fl-Isla għenet biex tikber id-devozzjoni lejn San Ġiljan fost il-baħħara ta’ madwar il-Port il-Kbir, kif joħroġ mill-fatt li mriekeb b’kaptani mill-Birgu ssemmew għalih fis-seklu sittax. Karatteristika oħra tal-kult tal-qaddis torbtu mal-isptarijiet u mad-djar tal-ospizju. Fis-seklu sittax kien jeżisti sptar fiċ-Ċittadella t’Għawdex magħruf bħala Ospedale di San Giuliano. Meta ġew il-Kavallieri ta’ San Ġwann, billi kienu ordni ta’ Ospitalieri, xerrdu ħafna d-devozzjoni lejn San Ġiljan l-Ospitalier. Fl-1539 bnew mill-ġdid il-Knisja tal-Isla u fl-1590 bnew mill-ġdid dik ta’ San Ġiljan fil-parroċċa ta’ Birkirkara, fl-inħawi li fi tmiem is-seklu sittax bdew jissejħu San Ġiljan propju minħabba l-knisja ddedikata għalih. Fl-1891, din il-knisja saret parroċċa, l-ewwel u l-unika waħda f’Malta ddedikata lil San Ġiljan l-Ospitalier. Qabel ir-riforma fil-Kalendarju tal-Qaddisin it-tifkira ta’ San Ġiljan kienet issir fis-27 ta’ Jannar. Illum issir fit-12 ta’ Frar, għalkemm fir-raħal Malti ta' San Ġiljan baqgħet issir fis-27 ta' Jannar.

  1. ^ Għal din ir-raġuni fil-festa ta’ San Ġiljan, f'San Ġiljan, Malta, in-nies tal-post iżejnu bil-kuluri tal-bandiera Belġjana: iswed, isfar u aħmar.

Ħoloq Esterni

immodifika

https://web.archive.org/web/20120311223722/http://museumstjulians.webs.com/sangiljan.htm