Residenza tal-Metropolitani ta' Bukovina u tad-Dalmazja

residenza u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Ukrajna

Ir-Residenza tal-Metropolitani ta' Bukovina u tad-Dalmazja f'Chernivtsi, l-Ukrajna nbniet għall-Isqof Metropolitan Ortodoss tal-Lvant bejn l-1864 u l-1882 skont id-disinni tal-arkitett Ċek Josef Hlávka mill-Awstrija-Ungerija. Ir-residenza, b'binjiet li issa jagħmlu parti mill-Università ta' Chernivtsi, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO World Heritage Site in 2011.

Veduta tar-Residenza mill-għoli

Kostruzzjoni

immodifika
 
Is-Sala tal-Irħam

Fl-1782, wara l-inkorporazzjoni ta' Bukovina fil-Monarkija Asburga, is-sede tal-Isqfijiet Ortodossi tal-Lvant tal-Moldova ta' Rădăuți ġiet ittrasferita lejn Chernivtsi (li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Czernowitz). L-amministrazzjoni militari tal-provinċja bniet residenza f'qasir żmien għall-isqof Dositei Herescu. Il-binja, li tlestiet fl-1783, ma tantx kellha dehra sabiħa, peress li kienet maqsuma fi kmamar żgħar u baxxi, b'kappella żgħira bl-art tal-brikks. Minħabba t-tkabbir tal-fungi kkawżat mill-umdità, parti mill-binja ċediet u ġġarrfet fl-1790 u l-kumplament twaqqgħet. B'hekk, Herescu u s-suċċessuri tiegħu Daniil Vlahovici, Isaia Baloșescu u għal xi żmien, Eugenie Hacman, kienu obbligati jiċċaqilqu minn post tal-kiri għall-ieħor. Fl-1851-1852, Hacman bagħat sensiela ta' rapport lill-amministrazzjoni f'Lviv, fejn ilmenta dwar din is-sitwazzjoni li skontu xejn ma kienet dinjituża. Fl-1860, il-Ministeru għall-Affarijiet Reliġjużi ħareġ digriet li ħabbar kompetizzjoni biex jintgħażel arkitett għal residenza episkopali ġdida. L-arkitett Ċek Josef Hlávka ntgħażel biex jiżviluppa l-proġett.

Fit-tħejjija tad-disinni tiegħu, Hlávka rriċerka t-tradizzjonijiet tal-bini fir-reġjun, u ppubblika artiklu msejjaħ "Binjiet tal-Knisja Griega tal-Lvant f'Bukovina", fl-Austrian Review fl-1866. Il-proposti ta' Hlávka għall-kumpless kienu jinkludu mhux biss il-palazz tal-isqof iżda wkoll uffiċji amministrattivi, swali ta' lqugħ, librerija, skola għall-kor, mużew tal-arti tal-knisja u kappella. Ix-xogħol li rriżulta jgħaqqad flimkien l-istil Biżantin u l-istil Għarbi fi Spanja, bis-sit ta' Alhambra bħala sors ta' ispirazzjoni.

Il-kostruzzjoni bdiet fl-1864 iżda kienet soġġetta għal dewmien sostanzjali minħabba problemi tekniċi; mill-mard ta' Hlávka mill-1872 'il quddiem, għan-nuqqas ta' qbil bejn Hlávka u l-amministrazzjoni lokali, li wassal għar-riżenja ta' Hlávka. In-nuqqas ta' kompetenza tas-suċċessur ta' Hlávka, Feliks Ksiezarski, kompla jdewwem il-progress. Il-binja u l-knejjes ġew ikkonsagrati fix-xitwa tal-1882-1883.

Karatteristiċi

immodifika
 
Id-Daħla Prinċipali tar-Residenza

Il-binjiet tal-kumpless huma distribwiti fuq tliet naħat ta' bitħa li bejn wieħed u ieħor hija fonda 100 metru u wiesa' 70 metru: ir-raba' naħa tal-bitħa fiha d-daħliet prinċipali, stabbiliti fi ħdan xatbiet għoljin tal-ħadid.

Faċċata tad-daħliet hemm l-ikbar binja waħedha, ir-residenza tal-Metropolitan, li fiha wkoll il-Kappella ta' Ġwanni l-Ġdid ta' Suceava. Il-binja attwalment tospita l-Fakultà tal-Lingwi Moderni tal-Università. Fiha wkoll is-Sala tas-Sinodu (illum il-ġurnata msejħa s-Sala tal-Irħam), b'saqaf impitter. Oriġinarjament din is-sala kellha ritratti ta' monarki Awstrijaċi magħmula minn Epaminonda Bucevschi (1843-1891). Swali kbar oħra f'din il-binja jinkludu l-eks librerija tal-Metropolitan (illum il-ġurnata msejħa s-Sala l-Blu), spazju żgħir fejn kienu jsiru xi laqgħat (illum il-ġurnata msejħa s-Sala l-Ħamra) u l-eks sala ta' lqugħ tal-Metropolitan (illum il-ġurnata msejħa s-Sala l-Ħadra). Ir-rapport tal-UNESCO dwar is-sit jiddeskrivi s-Sala l-Ħamra bħala "senduq tal-injam straordinarju u mill-isbaħ, b'ħitan impittrin li qishom lavur sofistikat bil-ħarir aħmar taċ-Ċina".

Fuq ix-xellug tad-daħliet hemm il-binja tas-seminarju (li tiġi l-parti tal-lemin tal-kumpless) u l-Knisja tat-Tliet Ġerarkiji Sagri, li fiha pitturi mal-ħitan magħmula minn Karl Jobst u artisti oħra.

Fuq in-naħa l-oħra tal-bitħa (li tiġi l-parti tax-xellug tal-kumpless), il-binja tal-eks monasteru attwalment hija d-dipartiment tal-ġeografija tal-Università. It-torri tal-arloġġ ta' din il-binja huwa mżejjen bl-Istilel ta' David bħala ġieħ għall-komunità Lhudija ta' Czernowitz li kkontribwiet għall-kostruzzjoni tal-kumpless.

Il-kumpless kollu ġie stabbilit f'park b'pajsaġġ estensiv, li fih monument iddedikat lil Hlávka li ġie skolpit fl-1937.

 
Il-monument ta' mafkar ta' Hlávka

Oriġinarjament, il-binjiet kienu jospitaw fakultà teoloġika sostanzjali li baqgħet tiffunzjona anke meta Czernowitz saret parti mir-Rumanija bl-isem ta' Cernăuți wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Fit-28 ta' Novembru 1918, fis-Sala tas-Sinodu, ġiet irratifikata l-unjoni ta' Bukovina mar-Rumanija. Ir-rikkezzi tal-binjiet insterqu u l-binjiet ġarrbu ħsarat konsiderevoli min-nirien matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara l-gwerra, meta r-reġjun ġie taħt il-kontroll Sovjetiku, il-fakultà tat-teoloġija ngħalqet; meta l-binjiet bdew jiġu rrestawrati fl-1955, ġew ittrasferiti lill-università tar-raħal. F'dan iż-żmien, il-binjiet kienu ntużaw għall-ħżin u ħafna mill-pitturi mal-ħitan ġew mgħottija b'passata żebgħa. It-tiżjin intern mill-ġdid, bir-restawr ta' xi karatteristiċi oriġinali, twettaq mill-1957 sal-1967, meta l-kumpless ingħata l-protezzjoni tal-gvern. Fl-1991 il-binja tniżżlet fuq ir-Reġistru Statali tal-Ukrajna indipendenti. Mill-2005 'il quddiem twettaq restawr estensiv, u dan eventwalment wassal biex il-kumpless jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-28 ta' Ġunju 2011.[1] Ir-residenza ntgħażlet ukoll f'kompetizzjoni b'vot online bħala waħda mis-Seba' Għeġubijiet Arkitettoniċi tal-Ukrajna fl-2011.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Is-saqaf tal-Knisja tas-Seminarju

Ir-Residenza tal-Metropolitani ta' Bukovina u tad-Dalmazja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

L-UNESCO tiddeskrivi l-valur universali straordinarju tas-sit kif ġej:

Il-kumpless arkitettoniku jinkludi l-eks Residenza tal-Metropolitani bil-Kappella ta' San Ġwann il-Ġdid ta' Suceava; l-eks seminarju u l-Knisja tas-Seminarju, u l-eks monasteru bit-torri tal-arloġġ tiegħu fi ħdan ġnien u park b'pajsaġġ mirqum. Ir-Residenza, b'fużjoni drammatika ta' referenzi arkitettoniċi, tesprimi l-identità kulturali tas-seklu 19 tal-Knisja Ortodossa fi ħdan l-Imperu Awstro-Ungariku matul perjodu ta' tolleranza reliġjuża u kulturali. Fis-seklu 19, l-arkitettura storika setgħet tibgħat messaġġi dwar l-iskop tagħha u r-Residenza tal-Metropolitani ta' Bukovina u tad-Dalmazja hija eżempju eċċellenti ta' dan.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Residence of Bukovinian and Dalmatian Metropolitans". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-02.