Regensburg

belt fil-Bavarja, il-Ġermanja

Regensburg hija belt fil-Lvant tal-Bavarja, fil-konfluwenza tax-xmajjar Danubju, Naab u Regen. Hija l-belt kapitali tas-sottoreġjun Oberpfalz fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. B'popolazzjoni ta' iżjed minn 150,000 abitant, Regensburg hija r-raba' l-ikbar belt fl-Istat tal-Bavarja wara Munich, Nuremberg u Augsburg. Mill-istabbiliment tagħha bħala forti imperjali Ruman ta' max-xmara, il-belt kienet iċ-ċentru politiku, ekonomiku u kulturali tar-reġjun tal-madwar; għadha magħrufa fil-lingwi Latini bħala "Ratisbona". Iktar 'il quddiem, taħt it-tmexxija tal-Imperu Ruman Sagru, ospitat id-Dieta Perpetwa ta' Regensburg.

Regensburg
 Ġermanja
Amministrazzjoni
Stat sovranĠermanja
Federated state of GermanyBavarja
Regional district in BavariaOberpfalz
Kap tal-Gvern Gertrud Maltz-Schwarzfischer (en) Translate
Isem uffiċjali Regensburg
Ismijiet oriġinali Regensburg
Kodiċi postali 93047, 93049, 93051, 93053, 93055u 93057
Ġeografija
Koordinati 49°01′N 12°05′E / 49.02°N 12.08°E / 49.02; 12.08Koordinati: 49°01′N 12°05′E / 49.02°N 12.08°E / 49.02; 12.08
Regensburg is located in Germany
Regensburg
Regensburg
Regensburg (Germany)
Superfiċjenti 80.85 kilometru kwadru
Għoli 346 m
Fruntieri ma' Regensburgu Q854173 Translate
Demografija
Popolazzjoni 159,465 abitanti (31 Diċembru 2023)
Unitajiet domestiċi 60,905
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0941
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Aberdeen, Bressanone, Clermont-Ferrand, Plzeň, Odessa, Qingdao, Distrett I ta' Budapestu Tempe
regensburg.de

Iċ-ċentru Medjevali tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006[1] bis-saħħa tal-arkitettura ppreservata sew tagħha, peress li hija l-ikbar belt Medjevali fit-Tramuntana tal-Alpi[2], u l-importanza storika tal-belt għall-assemblej matul l-Imperu Ruman Sagru. Fl-2014, Regensburg kienet fost l-iżjed attrazzjonijiet tal-ivvjaġġar popolari fil-Ġermanja.[3]

Storja bikrija

immodifika
 
Il-fdalijiet tat-Torri tal-Lvant tal-Porta Praetoria ta' Żmien ir-Rumani.

L-ewwel insedjamenti fl-inħawi ta' Regensburg imorru lura għal Żmien il-Ħaġar. L-eqdem isem Ċeltiku li ngħata lil insedjament ħdejn Regensburg kien Radasbona, li kien sit fejn għall-ħabta tad-90 W.K. inbena forti Ruman.

Fil-179, inbena forti Ruman kbir ġdid, imsejjaħ Castra Regina ("fortizza max-xmara Regen"), għal-Legio III Italica matul ir-renju tal-Imperatur Marku Awrelju. Kien kamp importanti fl-iżjed punt fit-Tramuntana tad-Danubju; jikkorrispondi għal dik li llum il-ġurnata hija l-qalba taċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg jew l-Altstadt fil-Lvant tal-Obere u l-Untere Bachgasse u fil-Punent tax-Schwanenplatz. Huwa maħsub li saħansitra mill-aħħar ta' Żmien ir-Rumani, il-belt kienet is-sede ta' isqof, u San Bonifaċju reġa' stabbilixxa l-Veskovat ta' Regensburg fis-739.

Mill-bidu tas-seklu 6, Regensburg kienet is-sede ta' familja fit-tmun magħrufa bħala l-Agilolfingi. Mill-ħabta tal-530 sal-ewwel nofs tas-seklu 13, kienet il-belt kapitali tal-Bavarja. Regensburg baqgħet belt importanti matul ir-renju ta' Karlu Manju. Fis-792, Regensburg ospitat is-sezzjoni ekkleżjastika tal-Assemblea Ġenerali ta' Karlu Manju, l-isqfijiet fil-kunsill li kkundanna l-ereżija tal-adozzjoniżmu mgħallem mill-kontropartijiet Spanjoli tagħhom, Elipandus ta' Toledo u Felix ta' Urgell. Wara l-qsim tal-Imperu Karolinġju fit-843, il-belt saret is-sede tal-mexxej Frank tal-Lvant, Lwiġi II il-Ġermaniż. Sentejn wara, erbatax-il prinċep tal-Boemja ġew f'Regensburg biex jiġu mgħammda hemmhekk. Il-belt kienet il-punt ta' tluq tal-Kristjanizzazzjoni taċ-Ċeki, u d-djoċesi ta' Regensburg saret id-djoċesi ewlenija tad-djoċesi ta' Praga. Dawn l-avvenimenti kellhom impatt wiesa' fuq l-istorja kulturali tal-artijiet Ċeki, għaliex konsegwentement saru parti mid-dinja Kattolika Rumana u mhux ta' dik Ortodossa-Slavika. Fil-Knisja ta' San Ġwann (fejn allegatament kienu jsiru l-magħmudijiet) ġiet żvelata plakka ta' mafkar xi ftit snin ilu, li tfakkar l-inċident biċ-Ċek u bil-Ġermaniż.

 
Regensburg fis-seklu 16.

Fit-800 il-belt kellha popolazzjoni ta' 23,000 abitant, u sal-1000 żdiedet għal 40,000 ruħ.[4]

Fit-8 ta' Diċembru 899, Arnulf tal-Karinzja, dixxendent ta' Karlu Manju, miet f'Regensburg.[5]

Fl-1096, fi triqtu lejn l-Ewwel Kruċjata, Pietru l-Eremita mexxa grupp ta' ġellieda tal-kruċjati li ppruvaw iġiegħlu l-konverżjoni tal-massa tal-Lhud ta' Regensburg u qatlu lil dawk li rreżistew.[6]

Bejn l-1135 u l-1146, f'Regensburg inbena l-Pont tal-Ġebel minn naħa għall-oħra tad-Danubju. Dan il-pont fetaħ ir-rotot kummerċjali internazzjonali ewlenin bejn it-Tramuntana tal-Ewropa u Venezja, u dan witta t-triq għall-perjodu tad-deheb ta' Regensburg bħala residenza tal-familji tal-merkanti għonja. Regensburg saret iċ-ċentru kulturali tan-Nofsinhar tal-Ġermanja u kienet iċċelebrata għax-xogħol tad-deheb u għad-drappijiet tagħha.

Medju Evu Aħħari u Perjodu modern bikri

immodifika
 
Il-Belt Imperjali Ħielsa (bl-isfar) u l-Veskovat tal-Prinċep (bil-vjola) fis-seklu 18.

Fl-1245 Regensburg saret Belt Imperjali Ħielsa u kienet ċentru kummerċjali qabel it-tibdil tar-rotot kummerċjali fil-Medju Evu aħħari. Regensburg dejjem kienet post fejn isiru l-laqgħat internazzjonali. Dan kien il-każ ukoll fl-1471 meta kellha tiġi deċiża gwerra kontra t-Torok. Fl-1486, Regensburg saret parti mid-Dukat tal-Bavarja, iżda l-indipendenza tagħha reġgħet ingħatat mill-Imperatur Ruman Sagru għaxar snin wara. L-ewwel Dieta ta' Regensburg seħħet fl-1541. Il-belt adottat ir-Riformazzjoni Protestanta fl-1542 u l-Kunsill tal-Belt baqa' Luteran għalkollox. Mill-1663 sal-1806, il-belt kienet is-sede permanenti tad-Dieta Imperjali tal-Imperu Ruman Sagru, li saret magħrufa bħala d-Dieta Perpetwa ta' Regensburg. B'hekk, Regensburg kienet waħda mill-bliet ċentrali tal-Imperu, u attirat għadd kbir ta' viżitaturi.

 
Il-wasla ċerimonjali fid-Dieta Imperjali, l-1711.

Minoranza tal-popolazzjoni baqgħet Kattolika Rumana, u l-Kattoliċi Rumani ġew miċħuda d-drittijiet ċiviċi (Bürgerrecht). Għalkemm il-belt imperjali kienet adottat ir-Riformazzjoni, il-belt baqgħet is-sede ta' isqof Kattoliku Ruman u ta' diversi abbaziji. Tlieta minnhom, l-Abbazija ta' San Emmeram, l-Abbazija ta' Niedermünster u l-Abbazija ta' Obermünster, kienu kostitwenzi imperjali ħielsa fi ħdan l-Imperu Ruman Sagru, li jfisser li ngħataw siġġu u vot fid-Dieta Imperjali (Reichstag). B'hekk kien hemm is-sitwazzjoni unika li l-belt ta' Regensburg kienet tħaddan ħames "stati" indipendenti (f'termini tal-Imperu Ruman Sagru): il-belt Protestanta nnifisha, il-veskovat Kattoliku Ruman, u t-tliet monasteri. Barra minn hekk, kienet titqies bħala l-belt kapitali tradizzjonali tar-reġjun tal-Bavarja (mhux l-istat), aġixxiet bħala l-kokapitali funzjonali tal-Imperu (it-tieni flimkien mal-qorti tal-Imperatur fi Vjenna) minħabba l-preżenza tad-Dieta Perpetwa, u kienet ir-residenza tal-Kummissarju-Prinċipal tal-Imperatur tal-istess Dieta, li b'eċċezzjoni qasira ħafna kien Prinċep ukoll (għal bosta snin il-Prinċep ta' Thurn u Taxis, residenti fil-belt).

Perjodu modern aħħari

immodifika

Fl-1803 il-belt tilfet l-istatus tagħha bħala belt imperjali wara l-inkorporazzjoni tagħha fil-Prinċipat ta' Regensburg. Ingħatat lill-Arċisqof-Elettur ta' Mainz u lill-Arċikanċillier tal-Imperu Ruman Sagru Carl von Dalberg bħala kumpens għat-territorju tal-Elettorat ta' Mainz fuq ix-xatt tax-xellug tar-Renu li kien ġie anness minn Franza skont it-termini tat-Trattat ta' Lunéville fl-1801. L-Arċisqof ta' Mainz ġie ttrasferit formalment lejn Regensburg. Dalberg għaqqad il-veskovat, il-monasteri u l-belt innifisha, u sawwar il-Prinċipat ta' Regensburg (Fürstentum Regensburg). Dalberg immodernizza ferm il-ħajja pubblika. B'mod importanti wkoll, huwa ta drittijiet indaqs lill-Protestanti u lill-Kattoliċi Rumani. Fl-1810 Dalberg ċeda Regensburg lir-Renju tal-Bavarja, u hu stess ġie kkumpensat bl-għoti ta' Fulda u ta' Hanau lilu flimkien mat-titlu ta' "Gran Duka ta' Frankfurt".

Bejn id-19 ta' April u t-23 ta' April 1809, f'Regensburg seħħet il-Battalja ta' Ratisbona bejn il-forzi kkmandati minn Henri Gatien Bertrand u Napuljun innifsu u l-forzi Awstrijaki li kienu qed jirtiraw. Il-belt eventwalment ġiet mirbuħa, wara li l-provvisti u l-munizzjon spiċċaw. Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi matul il-battalja, u nħarqu madwar 150 dar u oħrajn insterqu. Il-poeżija ta' Robert Browning Inċident fil-Kamp Franċiż tiddeskrivi l-battalja mill-perspettiva Franċiża, iżda hija miżgħuda żbalji storiċi.

Nażiżmu u t-Tieni Gwerra Dinjija

immodifika
 
Mafkar għall-vittmi tas-sottokamp lokali tal-kamp ta' konċentrament ta' Flossenbürg.

Il-komunità Lhudija ġiet ippersegwitata wara li l-Partit Nażista kiseb il-poter fil-Ġermanja fl-1933; bosta Lhud ħarbu fis-snin ta' wara, u oħrajn tkeċċew lejn il-Polonja. Madankollu, bis-saħħa ta' ftehim bejn il-Polonja u l-Ġermanja tħallew jerġgħu lura fil-belt. Fid-9 ta' Novembru 1938, matul il-Kristallnacht, is-Sinagoga ta' Regensburg u diversi djar u ħwienet tal-Lhud inqerdu, u madwar 220 Lhud ġew arrestati, u wħud ġew deportati lejn il-kamp ta' konċentrament ta' Dachau. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, bosta Lhud emigraw lejn diversi pajjiżi u fl-1942, iktar minn 200 Lhud ġew deportati lejn Piaski fil-Polonja okkupata mill-Ġermaniżi jew fil-Getto ta' Theresienstadt fiċ-Ċekoslovakkja okkupata mill-Ġermaniżi. Fl-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija, f'Marzu u f'April 1945, is-sottkamp ta' Regensburg tal-kamp ta' konċentrament ta' Flossenbürg ġie stabbilit fil-belt, b'460 ħaddiem sfurzat ta' diversi nazzjonalitajiet, 40 minnhom mietu.

Regensburg kienet tospita fabbrika tal-inġenji tal-ajru Messerschmitt Bf 109 u raffinerija taż-żejt, li ġew ibbumbardjati mill-Alleati fis-17 ta' Awwissu 1943, fil-missjoni ta' Schweinfurt-Regensburg, u fil-5 ta' Frar 1945, matul il-Kampanja taż-Żejt tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm iż-żewġ binjiet fil-mira ġarrbu ħsarat estensivi, Regensburg innifisha ġarrbet ftit ħsarat mill-kampanja strateġika ta' bbumbardjar tal-Alleati, u ċ-ċentru storiku Medjevali kważi intatt iktar 'il quddiem tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. It-telfa kulturali l-iktar importanti li ġarrbet il-belt kienet dik tal-Knisja Rumaneska ta' Obermünster, li nqerdet f'attakk mill-ajru f'Marzu 1945 u ma reġgħetx inbniet (il-kampnar baqa' jeżisti). Barra minn hekk, l-irkupru ekonomiku kajman ta' Regensburg wara l-gwerra żgura li l-binjiet storiċi ma twaqqgħux u ma ġewx sostitwiti b'oħrajn iktar ġodda. Meta l-mewġa tar-restawr waslet f'Regensburg fl-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, il-ħsieb prevalenti kien dak tal-preservazzjoni tal-wirt tal-belt.

Storja wara l-1945

immodifika
 
Kanċellazzjoni mill-Posta tal-Kamp Ukren fil-Kamp ta' persuni spustjati ta' Regensburg.

Bejn l-1945 u l-1949, Regensburg kienet is-sit tal-ikbar kamp ta' persuni spustjati fil-Ġermanja. Fl-aqwa tiegħu fl-1946-1947, id-distrett tal-ħaddiema ta' Ganghofersiedlung kien jospita kważi 5,000 persuna spustjata u refuġjat Ukreni u 1,000 refuġjat u persuna spustjata mhux Ukreni. Bl-approvazzjoni tal-Gvern Militari tal-Istati Uniti fiż-Żona Amerikana tal-Okkupazzjoni tal-Alleati, Regensburg u kampijiet oħra ta' persuni spustjati organizzaw is-servizz tal-posta tal-kampijiet stess. F'Regensburg, is-servizz postali tal-kamp beda jopera fil-11 ta' Diċembru 1946.

Fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, Regensburg investiet ferm fl-infrastruttura teknika u soċjali biex tattira l-industrijay. Is-Siemens kienet l-ewwel kumpanija multinazzjonali li stabbiliet ruħha f'Regensburg, li kien pass sinifikanti fl-iżvilupp tal-blet wara t-Tieni Gwerra Dinijija. Fl-1965 ġiet stabbilita l-Università ta' Regensburg; l-Università tax-Xjenzi Applikati ta' Regensburg ġiet stabbilita fl-1971. It-tieni kumpanija multinazzjonali, il-BMW, waslet fl-1986 u stabbiliet impjant kbir tal-produzzjoni. Mis-snin 90 tas-seklu 20, diversi kumpaniji magħrufa sew tat-teknoloġija avvanzata stabbilew ruħhom f'Regensburg, fosthom Infineon u OSRAM, u dawn ikkontribwew għall-ġid attwali tal-belt.

Fl-1997, Regensburg ingħatat il-Premju Ewropew għall-kisbiet straordinarji tagħha fl-integrazzjoni Ewropea.

Il-Kumitat tal-Wirt Dinji niżżel iċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2006.[1] Huwa wieħed mill-ikbar ċentri storiċi Medjevali fit-Tramuntana tal-Alpi u huwa ppreservat sew ħafna, tant li l-belt hija mlaqqma bħala "l-iżjed belt fit-Tramuntana tal-Italja". Qrib il-Pont tal-Ġebel, il-belt ta' Regensburg stabbiliet Ċentru tal-Wirt Dinji fis-Salzstadl storiku fl-2007, fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-istorja ta' 2,000 sena ta' Regensburg.

Ġeografija

immodifika

Topografija

immodifika
 
Il-Kanal tar-Renu-Main-Danubju fl-imgħalaq ta' Stadt-am-Hof, Regensburg.

Regensburg tinsab fil-parti l-iktar fit-Tramuntana tax-xmara Danubju f'salib it-toroq ġeoloġiku ta' erba' pajsaġġi distinti:

  • lejn it-Tramuntana u l-Grigal hemm il-Foresta Bavarjana bil-muntanji tal-granit u tal-gneiss, foresti wesgħin u l-park nazzjonali;
  • lejn il-Lvant u x-Xlokk hemm il-pjanura għammiela tad-Danubju (Gäuboden) tal-loess;
  • lejn in-Nofsinhar hemm l-artijiet tal-Għoljiet Terzjarji, li huma kontinwazzjoni tal-ewwel artijiet Alpini;
  • lejn il-Punent hemm il-Jura Frankonjani.

Regensburg għandha klima li tvarja bejn klima kontinentali umduża (Dfb) u klima oċeanika (Cfb) skont il-klassifikazzjoni ta' Köppen. Filwaqt li t-temperatura medja ta' 8.5 °C (47.3 °F) fil-perjodu mill-1971 sas-sena 2000 kienet kemxejn ogħla mill-medja Ġermaniża (7.8 °C jew 46.0 °F), ħames bliet biss minn 80 belt fil-Ġermanja b'iktar minn 100,000 abitant kienu iksaħ. Il-preċipitazzjoni medja ta' 636 millimetru (25.0 pulzier) fis-sena tvarja kemxejn taħt il-medja Ġermaniża (madwar 700 millimetru jew 28 pulzier). Għall-perjodu mill-1981 sal-2010 it-temperatura u l-preċipitazzjoni medja telgħu sa 8.9 °C (48.0 °F) u 658 millimetru (25.9 pulzier) rispettivament. Peress li din iż-żieda fit-temperatura medja kienet preżenti fil-bliet l-oħra, Regensburg għadha fil-ħames post (flimkien ma' Ingolstadt u Kiel) fil-klassifika msemmija iktar 'il fuq. B'total ta' 1,670 siegħa ta' xemx fis-sena, Regensburg ikollha madwar 120 siegħa ta' xemx iżjed mill-medja Ġermaniża.[7]

L-iżjed xahar sħun tas-sena, bħala medja, huwa Lulju. L-iżjed xahar kiesaħ tas-sena, bħala medja, huwa Jannar.

Data klimatika għal Regensburg
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 2.6

(36.7)

4.1

(39.4)

10.5

(50.9)

17.3

(63.1)

20.6

(69.1)

24.2

(75.6)

26.3

(79.3)

24.5

(76.1)

20.6

(69.1)

14.4

(57.9)

7.2

(45.0)

2.9

(37.2)

14.6

(58.3)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −2.6

(27.3)

−2.8

(27.0)

0.1

(32.2)

4.4

(39.9)

8.1

(46.6)

11.8

(53.2)

13.6

(56.5)

12.5

(54.5)

9.3

(48.7)

5.1

(41.2)

1.8

(35.2)

−1.7

(28.9)

5.0

(41.0)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 51

(2.0)

34

(1.3)

37

(1.5)

41

(1.6)

76

(3.0)

77

(3.0)

81

(3.2)

79

(3.1)

43

(1.7)

38

(1.5)

45

(1.8)

56

(2.2)

658

(25.9)

Umdità relattiva medja (%) 88 84 78 72 71 71 70 74 79 84 88 89 79
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 44 73 140 194 211 226 240 194 158 105 45 37 1,667
Sors 1: L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija.[8]
Sors 2: Is-Servizz Ġermaniż tat-Temp.[9]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika ta' Regensburg.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Old town of Regensburg with Stadtamhof". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-01.
  2. ^ Hintermeier, Hannes. "Regensburg bewirbt sich als Kulturhauptstadt 2010" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-05-01.
  3. ^ e.V, Deutsche Zentrale für Tourismus. "The TOP 100 sights and attractions in Germany - Germany Travel". www.germany.travel (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-01.
  4. ^ Tellier, L.N. (2009). Urban World History: An Economic and Geographical Perspective. Presses de l'Universite du Quebec. p. 266. ISBN 9782760522091.
  5. ^ The Biographical Dictionary of the Society for the Diffusion of Useful Knowledge, Vol. III, Part II (p. 623), stampat minn William Clowes and Sons, Stamford Street, Londra, 1844.
  6. ^ Herald of Destiny ta' Berel Wein. New York: Shaar Press, 1993, p. 144.
  7. ^ "DWD". www.dwd.de. Miġbur 2023-05-01.
  8. ^ WMO. "World Weather Information Service". World Weather Information Service (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-01.
  9. ^ "Klima Regensburg". Wetterdienst.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-05-01.