Nicolò Isouard

(Rindirizzat minn Nicolo isouard)

Nicolò Isouard (twieled fit-30 ta' Mejju 1775[a] – miet fit-23 ta' Marzu 1818) kien kompożitur Malti, famuż f'Pariġi għax-xogħol tiegħu fit-Théâtre de l'Opéra-Comique

Nicolò Isouard
Ħajja
Twelid Maltau Ħaż-Żebbuġ, 6 Diċembru 1775
Nazzjonalità Franza
Mewt Pariġi, 23 Marzu 1818
Post tad-dfin Iċ-Ċimiterju Père Lachaise
Grave of Isouard (en) Translate
Familja
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Franċiż
Għalliema Michelangelo Vella
Giuseppe Amendola (en) Translate
Nicola Sala (en) Translate
Pietro Alessandro Guglielmi (en) Translate
Francesco Azzopardi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
Moviment mużika klassika
Psewdonomu Nicolòu Nicolò de Malte
Moviment artistiku opra
Nicolò Isouard

Bijografija

immodifika

Nicolò Isouard twieled f'Ħaż-Żebbuġ, Malta, bin Fortunato Isouard Xuereb u Maria Helena mwielda Lombard Rigord.

Fl-1790, ta' ħmistax-il sena, missieru Fortunato, li kien negozjant, bagħtu jistudja fil-Kulleġġ Militari, l-Italja kif ukoll f'Pariġi fejn studja l-kummerċ. Minħabba r-Rivoluzzjoni Franċiża li faqqgħet fl-1789, Nicolò kellu jabbanduna l-istudju u jmur lura Malta. Kontra x-xewqat ta' missieru, Malta studja l-mużika taħt is-Surmast Don Michelangelo Vella (1715–1792) u s-Surmast Francesco Azzopardi (1745–1809), il-magħruf ‘Maestro di Cappella'. Dawn ikkonvinċew 'il missieru biex jibagħtu jkompli jistudja l-mużika Palermo. Hemm studja taħt Giuseppe Amendola u wara mar Napli fejn studja taħt Nicola Sala u Pietro Alessandro Guglielmi.

L-ewwel opra tiegħu Casaciello Persiguitato da un Mago ittellgħet fit-Teatru Manoel il-belt Valletta fl-1793. (Isouard kellu 18-il sena). It-tieni waħda, L'Avviso ai Maritati, li ttellgħet Firenze fl-1794, ma tantx irnexxiet, imma t-tielet waħda Artaserse, li saret f'Livorno sena wara fl-1795, għamlet suċċess ikbar.

Fuq talba tal-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavalieri ta' Malta, De Rohan, Nicolò Isouard reġa' lura Malta u l-Gran Mastru onorah billi għamlu Donat fl-Ordni u wara ħatru prim organista. Kompla jikkomponi aktar mużika imma l-maġġoranza kienet mużika sagra fuq versi tal-Gran Mastru De Rohan innifsu. Fl-1796 laħaq ‘Maestro di Cappella' f'San Ġwann, il-Knisja Konventwali tal-Ordni il-belt Valletta. Fl-istess sena żżewweġ 'l Partemia Dimech [1]. Bejn l-1794 sal-okkupazzjoni tal-Franċiżi f'Malta, Isouard ikkompona ħames opri, fosthom I Due Avari, Rinaldo d'Asti u Il Barbiere di Siviglia. Matul l-okkupazzjoni tal-Franċiżi f'Malta nħatar Kummissarju tat-Teatru Manoel.

Fis-sena 1800, Nicolò Isouard mar lura Pariġi fejn fl-1812 iżżewweġ lil Claudine Berthault[2]. Kif wasal Pariġi, Isouard iltaqa' mal-pjanista Rigel li ntroduċih mal-vjolinista u kompożitur prolifiku Rodolphe Kreutzer (1766–1831), apprezzat ħafna minn Beethoven, awtur ta' iżjed minn erbgħin opra. Bl-appoġġ ta' Kreutzer, l-opra Le Petit Page ou La Prison d'État ta' Isouard ġiet ippreżentata Pariġi fl-1800. Fl-1801, l-opra Flaminius à Corinthe (diretta u ffirmata wkoll minn Kreutzer) kellha l-premier Pariġi kif ukoll l-opra Il-Bottaio u l-verżjoni Franċiża ta' L'Improvisata in Campagna (l'Impromptu de campagne).

Xi awturi jsostnu li meta l-Franċiżi kienu Malta (1798-1800), Isuoard kien segretarju tal-ġeneral Belgrand de Vaubois u li ltaqa' ma' l-pjanista Rigel għax dan kien mar Malta ma' Napuljun. Wara t-telfa tal-Franċiżi, Belgard ħa 'l Isouard miegħu Pariġi[3].

Għall-ewwel sab diffikultà kbira biex jistabillixi ismu bħala kompożitur imma f'qasir żmien il-poplu in ġenerali aċċetta x-xogħol tiegħu fil-qasam mużikali u l-popolarità tiegħu kibret. Il-kompożizzjonijiet tiegħu inkludew opri, kanzunetti, dwetti u xogħlijiet oħra bħal La Paix, li kiteb għall-okkażjoni tat-Trattat ta' Amiens. Bejn is-snin 1805 u 1817, il-popolarità ta' Nicolò Isouard kienet fl-aqwa tagħha peress li x-xogħol tiegħu beda jindaqq fl-Opéra-Comique meta kiteb numru ta' opri liriċi b'libretti bil-Franċiż, inklużi Cendrillon, (opra fuq Cinderella, forsi l-aħjar biċċa mużika li kiteb), Jeannot et Colin u Joconde li għamlu su

B'kollox Nicolò ikkompona 42 opra u xi wħud minnhom kellhom rappreżentazzjoni Berlin, Copenhagen, Ruma, Londra, Budapest, San Pietruburgu, Moska u fi bliet oħra. Ikkompona wkoll quddies, motetti, kantati u romanzi. Meta fis-sena 1817 il-kompożitur François-Adrien Boieldieu mar lura Franza mir-Russja, Isouard iffaċċa kompetizzjoni kbira. Infatti fl-istess sena Boieldieu ġie elett minflok Nicolò Isouard biex jimla l-post f "l'Institut de France" li tbattal meta miet Étienne-Nicolas Méhul, pożizzjoni importanti ħafna fil-qasam mużikali. Din Nicolò ħadha bi kbira wisq u dar għax-xorb, li kien il-bidu tat-tmiem tiegħu. F'qasir żmien is-saħħa ta' Nicolò Isouard marret lura ħafna u l-mara u t-tfal abbandunawh. Miet fit-23 ta' Marzu tas-sena 1818 fl-età ta' 43 sena.

L-opri tiegħu Jeannot et Colin, Aladin ou La Lanterne Magique (li spiċċaha l-kollega Taljan tiegħu Angelo Maria Benincorsi fl-1821) u Une Nuit de Gustave Wasa, ispirata mix-xogħol ta' Alexis Piron, kellhom il-premiere Pariġi wara mewtu fl-1818, 1822 u fl-1825.

Ma' Luigi Cherubini, Méhul, Pierre Rode, Kreutzer u Boïeldieu , Isouard kien waqqaf id-dar editorjali Le magasin de musique, Pariġi fl-1802.

Bosta professuri tal-mużika, kompożituri, poeti u ħbieb taw l-aħħar tislima lil Isouard fil-funeral tiegħu li kien akkumpanjat minn marċi funebri. Fost dawk li ġarru t-tebut kien hemm il-kompożituri Henri Montan Berton u Cherubini flimkien ma' l-awtur Étienne-Joseph-Bernard Delrieu. Indifen fil-knisja Notre Dame des Victoires imma wara ġismu tmexxa għaċ-ċimiterju Père Lachaise[3].

Fil-faċċata ta' l'Opéra-Comique hemm bust ta' dan il-kompożitur Malti fost il-bustijiet ta' kompożituri oħra kif ukoll waħda mil-pjazzez ta' Pariġi hija msemmija għalih. Matul iż-żmien, bosta awturi tal-istorja kienu jaħsbu li dan il-kompożitur famuż Malti kien ta' nisel Franċiż minħabba il-pronunzja ta' kunjomu u l-assoċjazzjoni li kellu ma' l'Opéra-Comique ta' Pariġi.

Nicolò Isouard ħalla żewgt itfal bniet Sophie-Nicole (1809-?), kompożitriċi tar-rumanzi, u Annette-Julie (1814-1876), pjanista u kompożitriċi. Ħuh, Joseph (1794-1863), għamel karriera bħala kantant u direttur tal-opri u wara nħatar ispettur tal-Monumenti storiċi fil-belt ta' Rouen.

 
Bust ta' Nicolò Isouard, Malta

L-isem Nicolò Isouard huwa sinonimu ma' banda fil-Mosta li ġġib ismu, is-Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard. Il-kumitat ta' din is-Soċjetà kellu sodisfazzjon kbir meta fl-1990, wara ħafna attentati rnexxielu jixtri minn Franza tmien kotba oriġinali bl-opri ta' Nicolò Isouard.

Xogħlijiet

immodifika
  • L'Avviso a Maritati, Opra, 1794
  • Artaserse, re di Persia, Opra serja, 1794
  • Il barbiere di Siviglia, Opra buffa (ibbażata fuq Beaumarchais), 1796
  • Rinaldo d'Asti, Dramma giocoso, 1796
  • L'improvvisata in campagna, Opra buffa, 1797
  • I due avari, Commedia per musica, 1797
  • Il bottaio, Opéra comique, 1798
  • Il barone d'Alba chiara, Commedia per musica, 1798
  • Ginevra di Scozia, Dramma serio eroico, 1798
  • Le Petit Page ou La Prison d'état, Opra, 1800
  • Flaminius à Corinthe, Opra, 1801
  • La Statue ou La Femme avare, Opéra comique, 1802
  • Michel-Ange, Opra, 1802
  • Les Confidences, Opra, 1803
  • Le Baiser et la quittance ou Une aventure de garnison, Opéra comique, 1803
  • Le Médecin turc, Opéra bouffon, 1803
  • L'Intrigue aux fenêtres, Opra, 1805
  • La ruse inutile ou Les Rivaux par convention, Opra, 1805
  • Léonce ou Le Fils adoptif, Opra, 1805
  • La Prise de Passaw, Opéra comique, 1806
  • Le Déjeuner de garçons, Comédie mêlée de musique, 1806
  • Idala ou La Sultane, Opéra comique, 1806
  • Les Rendez-vous bourgeois, Opéra bouffon, 1807
  • Les Créanciers ou Le Remède à la goutte, Opera comique, 1807
  • Un jour à Paris ou La Leçon singulière, Opéra comique, 1808
  • Cimarosa, Opéra comique, 1808
  • Zélomir ou L'Intrigue au sérail, Opéra comique, 1809
  • Cendrillon, Opéra féerie, (ibbażata fuq Charles Perrault), 1810
  • La Victime des arts ou La Fête de famille, Opéra comique, 1811
  • La Fête de village ou L'Heureux militaire, Opéra comique, 1811
  • Le Billet de Loterie, Opéra comique, 1811
  • Le Magicien sans magie, Opéra comique, 1811
  • Lulli et Quinault ou Le Déjeuner impossible, Opéra comique, 1812
  • Le Prince de Catane, Opra, 1813
  • Le Français à Venise, Opéra comique, 1813
  • Bayard à Mézières ou Le Siège de Mézières, Opéra comique, 1814
  • Joconde ou Les Coureurs d'aventures, Opéra comique, 1814
  • Jeannot et Colin, Opéra comique, 1814
  • Les Deux Maris, Opéra comique, 1816
  • L'Une pour l'autre ou L'Enlèvement, Opéra comique, 1816
  • Aladin ou La Lampe merveilleuse, Opéra féerie, 1822 (mtella' wara mewtu)
  • Une nuit de Gustave Wasa, Opra, 1825 (mtella' wara mewtu)

Noti u referenzi

immodifika
Noti
  1. ^ Jidher li hemm xi konfużjoni dwar id-data tat-twelid. Il-verżjoni Franċiża ta' dan l-artiklu tagħti t-18 ta' Mejju 1773 u l-verżjoni Ġermaniża tagħti s-6 ta' Diċembru 1775.
Referenzi
  1. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-03. Miġbur 2007-09-24.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
  2. ^ Ma nafux jekk l-ewwel mara kinetx mietet, però jidher li kien faċli ħafna li tiddivorzja fi żmien Napuljun (ara pereżempju w:fr:Divorce#Le_divorce_en_France_depuis_la_R.C3.A9volution.)
  3. ^ a b [1]