Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fir-Rumanija
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Ir-Rumanija aċċettat il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji fis-16 ta' Mejju 1990, u b'hekk is-siti storiċi u naturali tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2024 ir-Rumanija għandha ħdax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, disa' kulturali u tnejn naturali. L-ewwel sit fir-Rumanija, id-Delta tad-Danubju, żdied fil-lista fil-15-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar f'Kartaġni, it-Tuneżija, fl-1990. Fl-1993 u fl-1999 żdiedu siti oħra u xi siti sussegwentement ġew estiżi. Fl-2021 żdied mal-lista l-Pajsaġġ Kulturali tal-Estrazzjoni ta' Roșia Montană, u mill-ewwel tqiegħed fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu minħabba l-pjanijiet li hemm biex l-estrazzjoni titkompla. Il-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra fl-Ewropa huwa sit transnazzjonali kondiviż bejn 18-il pajjiż Ewropew. L-iżjed żewġ siti reċenti li żdiedu fl-2024 huma l-Kumpless Monumentali ta' Brâncuși f'Târgu Jiu u l-Fruntieri Rumani ta' Dacia.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal) u siti fil-periklu (bl-oranġjo ċar)
Sit | Ritratt | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Delta tad-Danubju | Kontea ta' Tulcea | 1991 | vii, x (naturali) | Id-Delta tad-Danubju, il-ħalq jew il-bokka tax-xmara Danubju li tagħti għall-Baħar l-Iswed, hija l-ikbar art mistagħdra Ewropea. Tospita iktar minn 300 speċi ta' għasafar u 45 speċi ta' ħut tal-ilma ħelu, inkluż l-isturjuni li jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni. Fost l-ispeċijiet ta' mammiferi nsibu l-viżun Ewropew, il-qattus selvaġġ Ewropew, il-lontra Ewrasjatika, u l-foka monaka mhedda.[4] | |
Villaġġi bil-Knejjes Iffortifikati f'Transilvanja | Kontej ta' Sibiu, Alba, Harghita, Brașov, u Mureș | 1993 | iv (kulturali) | Dan is-sit jinkludi seba' villaġġi bil-knejjes iffortifikati li nbnew bejn is-sekli 13 u 16 mis-Sassoni tat-Transilvanja. Il-mudell ta' insedjament u l-organizzazzjoni tal-villaġġi ġew ippreservati minn żmien il-Medju Evu. Sitt villaġġi (Câlnic, Dârjiu, Prejmer, Saschiz, Valea Viilor u Viscri) tniżżlu fin-nominazzjoni oriġinali fl-1993 filwaqt li l-villaġġ ta' Biertan (li tidher fir-ritratt fuq ix-xellug) żdiedet fl-1999.[5] | |
Monasteru ta' Horezu | Kontea ta' Vâlcea | 1993 | ii (kulturali) | Il-monasteru fir-raħal ta' Horezu ġie stabbilit fl-1690 minn Constantin Brâncoveanu, il-Prinċep tal-Wallakja. L-istil tal-monasteru huwa l-istil arkitettoniku ta' Brâncovenesc f'ġieħ il-prinċep. Dan is-sit jitqies mill-UNESCO bħala kapulavur ta' dan l-istil. Huwa magħruf għad-dettalji ornamentali rikki tiegħu u għall-pitturi mogħtija bħala wegħda. Fis-seklu 18, skola influwenti tal-pittura tal-ikoni u tal-affreski ġiet stabbilita fil-monasteru.[6] | |
Knejjes tal-Moldavja | Kontea ta' Suceava | 1993 | i, iv (kulturali) | Dan is-sit jinkludi tmien knejjes li nbnew fis-sekli 15 u 16. F'konformità mal-istil reġjonali ta' dak iż-żmien, il-faċċati tal-knejjes huma miksijin għalkollox bl-affreski ispirati mill-arti Biżantina. Il-pitturi juru temi Bibbliċi u huma ppreservati sew. Il-knejjes jinkludu l-Knisja tal-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann il-Battista, il-Knisja-Monasteru tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna u ta' San Ġorġ tal-Umur, il-Knisja-Monasteru tat-Tħabbira ta' Moldovița, il-Knisja tas-Salib Imqaddes, il-Knisja-Monasteru ta' San Nikola ta' Probota, il-Monasteru l-Ġdid ta' San Ġwann, il-Knisja ta' San Ġorġ tal-eks Monasteru ta' Voroneț, u l-Knisja tal-Irxoxt tal-Monasteru ta' Sucevița (ritratt). Din tal-aħħar żdiedet mal-lista fl-2010.[7] | |
Ċentru Storiku ta' Sighișoara | Kontea ta' Mureș | 1999 | iii, v (kulturali) | Iċ-ċentru storiku tal-belt ta' Sighișoara jmur lura għas-seklu 12. Huwa eżempju ppreservat sew ta' raħal Medjevali ffortifikat żgħir imsawwar bl-interazzjonijiet ta' kulturi mill-Ewropa Ċentrali u mix-Xlokk tal-Ewropa Biżantina-Ortodossa. Ġie stabbilit mis-Sassoni tat-Transilvanja, komunità ta' merkanti u artiġjani Ġermaniżi. Għexu fir-reġjun għal iktar minn 850 sena, iżda minħabba l-immigrazzjoni fiż-żminijiet moderni, il-kultura tagħhom se tkun ippreservata biss permezz tal-monumenti arkitettoniċi.[8] | |
Knejjes tal-Injam ta' Maramureş | Kontea ta' Maramureș | 1999 | iv (kulturali) | Dan is-sit jinkludi tmien knejjes mis-sekli 17 u 18 fil-Kontea ta' Maramureș. Il-knejjes tal-injam jikkombinaw influwenzi Ortodossi u Gotiċi fl-istili arkitettoniċi tagħhom. Uħud mill-karatteristiċi komuni tal-knejjes jinkludu torrijiet għoljin u rqaq tal-arloġġi u soqfa miksija bit-tavli ċatti tal-injam. Il-lista tinkludi l-Knisja tal-Preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju f'Bârsana, il-Knisja ta' San Nikola (ritratt) f'Budești, il-Knisja ta' San Paraskeva f'Desești, il-Knisja tan-Natività tal-Madonna f'Ieud Deal, il-Knisja tal-Arkanġli Mqaddsa f'Plopiș, il-Knisja ta' San Paraskeva f'Poienile Izei, il-Knisja tal-Arkanġli Mqaddsa f'Rogoz, u l-Knisja tal-Arkanġli Mqaddsa f'Șurdești.[9] | |
Fortizzi ta' Dacia tal-Muntanji Orăștie | Kontej ta' Hunedoara u Alba | 1999 | ii, iii, iv (kulturali) | Is-sitt fortizzi inklużi f'dan is-sit huma Sarmizegetusa, Costeşti-Cetăţuie, Costeşti-Blidaru, Luncani-Piatra Roşie, Bănița, u Căpâlna. Dawn inbnew bejn is-seklu 1 Q.K. u s-seklu 1 W.K. u ntużaw bħala protezzjoni mill-ħakma Rumana fil-gwerer bejn Ruma u Dacia. Huma eżempji rappreżentattivi ta' żewġ tipi karatteristiċi ta' fortijiet ta' Żmien il-Ħadid Aħħari fl-Ewropa, il-forti fil-quċċata ta' għolja u s-suċċessur tiegħu li evolva minnu, l-oppidum.[10] | |
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* | several sites | 2017 | ix (naturali) | Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017 meta żdiedu d-tnax-il sit fir-Rumanija u fl-2021 biex is-sit issa huwa kondiviż bejn total ta' 18-il pajjiż.[11] | |
Pajsaġġ Kulturali tal-Estrazzjoni ta' Roșia Montană | Kontea ta' Alba | 2021 | ii, iii, iv (kulturali) | Roșia Montană tinsab fil-parti tal-Punent tal-Karpazji Rumeni. L-inħawi tar-raħal huma rikki bid-depożiti ta' metalli prezzjużi u r-raħal ilu ċentru tal-estrazzjoni tad-deheb minn Żmien il-Bronż sas-seklu 21. Qabel l-iskoperta tal-Amerka, l-inħawi kienu s-sors ewlieni Ewropew tad-deheb. Fdalijiet importanti jmorru lura għal Żmien ir-Rumani, meta ġie stabbilit ir-raħal tal-estrazzjoni ta' Alburnus Maior. Fil-Medju Evu, l-estrazzjoni twettqet l-iktar minn familji ta' raħħala-minaturi, u din il-prattika preindustrijali baqgħet għaddejja san-nazzjonalizzazzjoni fl-1948. Wara li tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, is-sit tniżżel mill-ewwel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu minħabba t-theddid tal-pjanijiet ta' tkomplija tal-estrazzjoni.[12] | |
Kumpless Monumentali ta' Brâncuși f'Târgu Jiu | Kontea ta' Gorj | 2024 | i, ii (kulturali) | Il-kumpless monumentali f'Târgu Jiu ġie ddisinjat mill-iskultur Rumen Constantin Brâncuși fl-1937 biex ifakkar dawk li mietu fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Hemm tliet skulturi fi ħdan il-kumpless: Il-Mejda tas-Silenzju (Masa tăcerii), Id-Daħla tal-Bewsa (Poarta sărutului), u l-Kolonna bla Tmiem (Coloana fără sfârșit), li tidher fl-istampa. Fi ħdan il-kumpless monumentali, il-knisja Ortodossa antika ta' Targu-Jiu u d-djar minn Calea Eroilor huma inklużi fis-sit. | |
Fruntieri Rumani ta' Dacia | diversi siti | 2024 | ii, iii, iv (kulturali) | Dan is-sit huwa magħmul mis-sezzjoni ta' Dacia tal-Fruntieri Rumani. B'tul ta' iktar minn 1,000 kilometru (620 mil), din kienet l-itwal fruntiera tal-art Rumana fl-Ewropa. Ġew identifikati madwar 100 forti, 50 fortifikazzjoni żgħar, u iktar minn 150 torri fir-Rumanija. Fl-istampa jidhru l-fdalijiet ta' Micia. |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Romania - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2021-05-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-19. Miġbur 2023-06-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Danube Delta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Villages with Fortified Churches in Transylvania". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of Horezu". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Moldavia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Sighişoara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Churches of Maramureş". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Dacian Fortresses of the Orastie Mountains". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Roșia Montană Mining Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.