Roșia Montană

komun fil-Kontea ta' Alba, ir-Rumanija

Roșia Montană (pronunzja bir-Rumen: [ˈroʃi.a monˈtanə], "Roșia tal-Muntanji"; bil-Latin: Alburnus Maior; bl-Ungeriż: Verespatak, [ˈvɛrɛʃpɒtɒk]; bil-Ġermaniż: Goldbach, Rotseifen) huwa komun tal-Kontea ta' Alba fil-muntanji Apuseni tal-Punent tat-Transilvanja, ir-Rumanija. Jinsab f'Valea Roșiei, il-wied li minnu tgħaddi xmara żgħira jisimha Roșia Montană wkoll. Il-komun huwa magħmul minn sittax-il villaġġ: Bălmoșești, Blidești, Bunta, Cărpiniș (Abrudkerpenyes), Coasta Henții, Corna (Szarvaspatak), Curături, Dăroaia, Gârda-Bărbulești, Gura Roșiei (Verespataktorka), Iacobești, Ignățești, Roșia Montană, Șoal, Țarina, u Vârtop (Vartop).

Roșia Montană
 Rumanija
Amministrazzjoni
Stat sovranRumanija
JudețKontea ta' Alba
Kap tal-Gvern Eugen Furdui (en) Translate
Ismijiet oriġinali Roșia Montană
Kodiċi postali 517615
Ġeografija
Koordinati 46°18′30″N 23°04′57″E / 46.308258°N 23.082606°E / 46.308258; 23.082606Koordinati: 46°18′30″N 23°04′57″E / 46.308258°N 23.082606°E / 46.308258; 23.082606
Roșia Montană is located in Romania
Roșia Montană
Roșia Montană
Roșia Montană (Romania)
Superfiċjenti 41.610000 kilometru kwadru
Għoli 850 m
Demografija
Popolazzjoni 2,428 abitanti (1 Diċembru 2021)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+2u UTC+3
primariarosiamontana.ro

Ir-riżorsi minerali rikki tal-inħawi ilhom jiġu sfruttati minn żmien ir-Rumani jew qabel. Il-minjiera tad-deheb immexxija mill-istat għalqet fl-aħħar tal-2006 qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea. Il-kumpanija Gabriel Resources tal-Kanada qed tippjana li tiftaħ minjiera ġdida. Dan ikkawża kontroversja sħiħa minn naħa fir-rigward tal-preservazzjoni tal-fdalijiet Rumani tal-estrazzjoni, minn naħa fir-rigward tal-biża' li jerġa' jiġi kkawżat tniġġis miċ-ċjanur f'Baia Mare, u min-naħa l-oħra fir-rigward tal-benefiċċji li din iġġib magħha għal din il-parti fqira u sottożviluppata tal-pajjiż.

Il-kampanja kontra l-estrazzjoni f'Roșia Montană kienet waħda mill-ikbar kampanji għal kawża mhux marbuta mal-politika fl-aħħar 20 sena fir-Rumanija. Ġabra ta' organizzazzjoni tkellmu kontra dan il-proġett, fosthom Greenpeace u l-Akkademja Rumena. Wara sensiela ta' protesti mal-pajjiż kollu fil-ħarifa tal-2013, il-Kamra tad-Deputati eventwalment irrifjutat il-proġett fit-3 ta' Ġunju 2014.[1] Barra minn hekk, Roșia Montană ġiet ikklassifikata bħala sit storiku ta' importanza nazzjonali, permezz ta' ordni tal-Ministeru għall-Kultura maħruġ fit-30 ta' Diċembru 2015.[2] B'hekk, l-attività industrijali fl-inħawi hija pprojbita.

Storja immodifika

Hemm evidenza arkeoloġika u metallurġika tal-estrazzjoni tad-deheb fil-"Kwadrilateru tad-Deheb" tat-Transilvanja mill-aħħar ta' Żmien il-Ħaġar. Il-komunità, dak iż-żmien magħrufa bħala Alburnus Maior, ġiet stabbilita mir-Rumani matul ir-renju ta' Trajanu bħala raħal tal-estrazzjoni, b'kolonjalisti Ilirjani min-Nofsinhar tad-Dalmazja. L-iżjed referenza bikrija għar-raħal hi fuq tavla tax-xama' datata s-6 ta' Frar 131. Fir-raħal l-arkeologi skoprew abitazzjonijiet tal-qedem, nekropoli, galleriji tal-estrazzjoni, għodod tal-estrazzjoni, 25 tavla tax-xama' u bosta kitbiet imnaqqxin bil-Grieg u bil-Latin, iċċentrati madwar l-Għolja ta' Carpeni. Ir-Rumani telqu minn Dacia fil-271.

Milli jidher ix-xogħol tal-estrazzjoni beda mill-ġdid fil-Medju Evu minn migranti Ġermaniżi (Sassoni tat-Transilvanja) li użaw tekniki simili għar-Rumani. Dan kompla sal-gwerer devastanti ta' nofs is-seklu 16.

 
Il-fdalijiet ta' Alburnus Maior f'Roșia Montană.

Ix-xogħol tal-estrazzjoni tkabbar ħafna taħt l-Imperu Awstrijakk, imħeġġeġ mill-awtoritajiet imperjali. Karlu VI iffinanza l-kostruzzjoni tal-vaski (tăuri) fl-1733. Wara li l-imperu sfaxxa fl-1918, il-biċċa l-kbira tal-vini li kien għad fadal spiċċaw taħt konċessjonijiet b'tul fiss li ngħataw liċ-ċittadini lokali. L-iskart rikk fis-sulfidi ġġenera volumi kbar ta' aċidu sulfuriku li mbagħad illibera l-metalli tqal fis-sorsi tal-ilma lokali, apparti l-merkurju li kien jintuża għall-estrazzjoni tad-deheb.

 
Roșia Montană fl-1890.

Fl-1948 il-minjieri ttieħdu f'idejn l-istat Rumen, u x-xogħol tal-estrazzjoni tradizzjonali taħt l-art fuq skala żgħira baqa' għaddej sal-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20. Imbagħad l-attenzjoni ngħatat lid-deheb inferjuri li nfirex mal-blat madwar il-vini. Fl-1975 inbenda foss fil-beraħ f'Cetate għall-estrazzjoni tal-massa. Dan il-foss tħaddem minn Roșiamin, fergħa sussidjarja tal-kumpanija b'sjieda statali Regia Autonomă a Cuprului din Deva (RAC), u pprovda 775 impjieg, li kienu jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fir-reġjun.[3] Il-minerali kienu kkonċentrati f'Gura Roșiei u mbagħad ġew estratti biċ-ċjanur li nixxa f'Baia de Arieș.[4] Dan il-foss kellu bżonn sussidji ta' $3 miljun fis-sena fl-2004 u ngħalaq fl-2006 qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-Pajsaġġ tal-Estrazzjoni ta' Roșia Montană ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]

Proġett tal-estrazzjoni immodifika

 
F'Roșia Montană hemm wieħed mill-iżjed networks estensivi ta' minjieri Rumani tad-deheb.

Il-proġett oriġina minn patt tal-1995 li ġie ffirmat minn RAC Deva man-negozjant Rumen-Awstraljan kontroversjali Frank Timiș dwar l-ipproċessar mill-ġdid f'Roșia Montană.[6] Diversi snin wara, il-liċenzja għall-estrazzjoni għal erja ta' 23.8823 km2 (9.2210 mili kwadri) madwar Roșia Montană ġiet ittrasferita lill-Korporazzjoni tad-Deheb ta' Roșia Montană (RMGC) minn Minvest Deva SA (is-suċċessur ta' RAC Deva). 80 % tas-sjieda ta' RMGC hija f'idejn il-kumpanija elenkata f'Toronto, Gabriel Resources, u 19.3 % tas-sjieda hija f'idejn il-gvern Rumen permezz ta' Minvest.

Fi ħdan il-proġett, il-Korporazzjoni tad-Deheb ta' Roșia Montană (RMGC) qed tippjana li tipproduċi 225 tunnellata ta' deheb u 819-il tunnellata ta' fidda fi 17-il sena, u dan ikun jinvolvi t-tħaffir ta' żona kbira, u l-ħolqien ta' erba' fosos tal-estrazzjoni li jkopru 205 ettari (510 akri); l-ewwel tnejn fis-siti tal-estrazzjoni ta' Cirnic u ta' Cetate, segwiti mill-fosos f'Jig u f'Orlea fil-Fażi II. Sa 250 miljun tunnellata ta' minerali biċ-ċjanur jinħażnu f'vaska ta' 363 ettaru (900 aku) fil-Wied ta' Corna wara diga għolja 185 metru.

 
Is-sit tal-estrazzjoni tad-deheb fil-beraħ ta' Cetate (1971-2006) qrib Roșia Montană.

Il-korporazzjoni ma rnexxilhiex tikseb l-awtorizzazzjoni sħiħa għall-proġett. L-awtoritajiet statali taw permessi li iktar 'il quddiem ġew annullati mill-qrati, bis-saħħa tal-appelli mill-gruppi ambjentalisti. Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali bdiet fl-2004, iżda xorta waħda ngħatat approvazzjoni finali.[7]

Il-kumpanija bdiet tixtri d-djar fil-belt, iżda madwar 100 resident irrifjutaw li jbigħu u bl-appoġġ tal-ambjentalisti, tal-arkitetti, tal-arkeologi u tal-avukati, issieltu kontra l-korporazzjoni u l-istat fil-qrati. It-tħassib prinċipali tal-oppożituri huwa marbut mal-perikli ambjentali tat-tnixxija taċ-ċjanur mid-deheb (kif ir-Rumanija esperjenzat fit-tixrid taċ-ċjanur f'Baia Mare fis-sena 2000), kif ukoll il-qerda tas-siti Rumani tal-qedem f'Roșia Montană.

 
Il-Mużew tal-Estrazzjoni tad-Deheb.

Ir-reżistenza għall-pjanijiet ta' RMGC segwiet rapport tal-Akkademja Rumena dwar il-proġett, li ġie rrilaxxat f'April 2003, li rrakkomanda li l-estrazzjoni kollha biċ-ċjanur tiġi sospiża f'Roșia Montană. Fis-snin ta' wara, il-Knisja Ortodossa Rumena, il-Knisja Kattolika Rumena u l-Knisja Unitarja Rumena kollha wrew l-oppożizzjoni tagħhom għall-proġett. Organizzazzjonijiet mhux governattivi kbar bħal Greenpeace u organizzazzjonijiet politiċi bħall-Federazzjoni Ewropea tal-Partiti Ħodor urew l-oppożizzjoni tagħhom ukoll.

F'Awwissu 2005, il-gvern Kanadiż ħabbar li jappoġġa l-proġett ta' Gabriel Resources; f'Ottubru 2005, Miklós Persányi, il-Ministru Ungeriż għall-Ambjent ħabbar li l-gvern Ungeriż huwa kontra l-proġett għalkollox.[8] Il-Knejjes Storiċi Ungeriżi huma partikolarment imħassbin dwar it-theddida għall-monumenti u għall-knejjes li huma parti mill-wirt kulturali Ungeriż komuni.[9]

 
Il-faċilitajiet tal-estrazzjoni ppjanati f'Roșia Montană.

Fl-2013, il-gvern ta' Victor Ponta ħabbar li kien se jgħaddi liġi ġdida mill-Parlament sabiex jippermetti n-nuqqas ta' osservanza tar-regolamenti ambjentali u tal-wirt li pprevenew il-proġett milli jibda. Dan wassal għall-protesti Rumeni tal-2013 kontra l-Proġett ta' Roșia Montană fil-bliet ewlenin tal-pajjiż.

F'Novembru 2013 is-senat irrifjuta abbozz ta' liġi li kien iwitti t-triq għall-proġett tal-estrazzjoni. Qabel dan, Kummissjoni Speċjali parlamentari kienet ikkonkludiet li l-formulazzjoni tal-abbozz ta' liġi ma kinitx adegwata u rrakkomandat li tiġi introdotta liġi ġdida għall-implimentazzjoni ta' proġetti tal-estrazzjoni fuq skala kbira fir-Rumanija. Fost l-ispekulazzjoni li r-rifjut tal-abbozz ta' liġi seta' jfisser tmiem il-proġett tal-estrazzjoni, Gabriel Resources qalu li dan kien "l-ewwel pass fid-definizzjoni tal-fażi li jmiss tal-iżvilupp ta' Roșia Montană".[10]

FânFest immodifika

 
Tined tat-turisti qrib id-djar lokali f'Roșia Montană waqt il-FânFest tal-2007.

F'Roșia Montană, kull sena mill-2004, f'Awwissu, diversi NGOs jorganizzaw festival tal-mużika b'xejn b'risq il-kampanja Insalvaw lil Roșia Montană. F'"FânFest" (Fân tfisser "ħuxlief" bir-Rumen) tul is-snin kienu preżenti bosta gruppi mużikali u kantanti Rumeni kbar, bħal Ada Milea, Luna Amară, Shukar Collective, Timpuri Noi, Sarmalele Reci, Vița de Vie u, mir-Repubblika tal-Moldava, Zdob și Zdub. L-artisti kollha jdoqqu u jkantaw pro bono b'risq il-kampanja u biex jiċċelebraw id-diversità artistika u l-multikulturaliżmu.

L-avveniment ta' tlett ijiem ta' FânFest jinkludi firxa wiesa' ta' attivitajiet kulturali, ambjentali, mużikali u fil-beraħ, u joffru l-opportunità ta' parteċipazzjoni f'diversi workshops. Il-palk prinċipali jospita gruppi rock, jazz, folk, reggae u tal-mużika dinjija. Il-FânFest tal-2006 kellu tinda b'"Attività Alternattiva" li ospitat spettakli teatrali u taż-żfin, filmati u attivitajiet kulturali, ambjentali u soċjali.

Madwar 10,000 ruħ attendew l-avveniment tal-2005 u 15,000 ruħ attendew l-avveniment tal-2006.[11]

Demografija immodifika

Sena Total Rumeni Ungeriżi Roma Referenzi
1850 5,756 4,651 (81%) 669 170 [12]
1880 5,640 4,130 (73%) 1,452
1890 5,543 4,037 (73%) 1,472
1900 5,665 4,211 (74%) 1,424
1910 5,165 3,623 (70%) 1,515
1920 4,252 3,341 (79%) 880
1930 4,362 3,673 (84%) 609 60
1941 5,409 4,557 (84%) 651
1956 4,169 3,684 (88%) 416 63
1966 4,591 4,178 (91%) 317 87
1977 4,393 4,060 (92%) 157 168
1992 4,146 3,808 (92%) 104 228
2002 3,872 3,518 (91%) 55 289 [13]
2011 2,656 2,239 (84%) 6 334

Nies notevoli immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ "Deputatii au respins proiectul de lege privind Rosia Montana". www.hotnews.ro (bir-Rumen). Miġbur 2023-06-16.
  2. ^ "Știri de ultimă oră și ultimele știri online". Gândul (bir-Rumen). Miġbur 2023-06-16.
  3. ^ Haiduc, Ionel (2003), "Report on Roșia Montană by the Romanian Academy", Academica: 77–80.
  4. ^ "Gabriel Resources Ltd. - Rosia Montana - General Overview - Mon Jan 15, 2007". web.archive.org. 2007-01-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-01-15. Miġbur 2023-06-16.
  5. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Roșia Montană Mining Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-15.
  6. ^ "Viata secreta a lui Vasile Frank Timis | Jurnalul National". web.archive.org. 2006-11-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-11-15. Miġbur 2023-06-16.
  7. ^ Ciobanu, Claudia (2013-09-05). "Romania's struggle for democracy is encapsulated in a village" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
  8. ^ "Romanian Gold Project Stalled". iwpr.net (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
  9. ^ "actual". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2023-06-16.
  10. ^ "Romania shuts door on Gabriel's giant Rosia Montana gold mine | Financial Post". web.archive.org. 2013-11-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-24. Miġbur 2023-06-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "FanFest, cel mai mare festival verde din Romania – Alternativ". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2023-06-16.
  12. ^ "Erdély etnikai és felekezeti statisztikája". varga.adatbank.transindex.ro. Miġbur 2023-06-16.
  13. ^ "Recensământ 2002". web.archive.org. 2008-03-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-03-17. Miġbur 2023-06-16.