Villaġġi bil-Knejjes Iffortifikati f'Transilvanja
Il-Villaġġi bil-Knejjes Iffortifikati f'Transilvanja huma seba' villaġġi (sitta Sassoni u wieħed Székely) stabbiliti mis-Sassoni ta' Transilvanja. Huma ddominati minn knejjes iffortifikati u huma kkaratterizzati minn mudell speċifiku ta' insedjament li ġie ppreservat mill-Medju Evu Aħħari.
Ir-reġjun tax-Xlokk ta' Transilvanja fir-Rumanija attwalment għandu wieħed mill-ikbar numri ta' knejjes iffortifikati eżistenti mis-sekli 13 sa 16. Għandu iktar minn 150 knisja ffortifikata ppreservata b'varjetà kbira ta' stili arkitettoniċi (minn xi 300 knisja ffortifikata oriġinali).
Is-seba' villaġġi tniżżlu bħala sit wieħed fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Villaġġi bil-Knejjes Iffortifikati f'Transilvanja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993, b'estensjoni u b'modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Komponenti
immodifikaIs-seba' villaġġi li jiffurmaw Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO huma:
Isem bir-Rumen | Ritratt | Kontea | Isem bil-Ġermaniż | Isem bl-Ungeriż | Attrazzjonijiet prinċipali |
---|---|---|---|---|---|
Biertan | Sibiu | Birthälm | Berethalom | Il-knisja ffortifikata ta' Biertan | |
Câlnic | Alba | Kelling | Kelnek | Iċ-ċittadella ta' Câlnic | |
Dârjiu | Harghita | Ders | Székelyderzs | Il-knisja ffortifikata ta' Dârjiu | |
Prejmer | Brașov | Tartlau | Prázsmár | Il-knisja ffortifikata ta' Prejmer | |
Saschiz | Mureș | Keisd | Szászkézd | Il-knisja ffortifikata ta' Saschiz u ċ-ċittadella tar-raħħala ta'
Saschiz | |
Valea Viilor | Sibiu | Wurmloch | Nagybaromlak | Il-knisja ffortifikata ta' Valea Viilor | |
Viscri | Brașov | Weißkirch | Fehéregyháza | Il-knisja ffortifikata ta' Viscri |
Storja
immodifikaIl-villaġġi Sassoni ta' Transilvanja tfaċċaw fis-seklu 12 meta r-rejiet tal-Ungerija insedjaw kolonjalisti Ġermaniżi fl-inħawi. Kellhom status speċjali fost in-nazzjonijiet fil-provinċja u ċ-ċittadini tagħhom irnexxielhom jgħixu u jiffjorixxu, u ffurmaw komunità b'saħħitha ħafna ta' bdiewa, artiġjani u merkanti. Peress li kienu jinsabu f'reġjun li kien kostantement taħt it-theddida tal-invażjonijiet Ottomani u Tatari, huma bnew fortifikazzjonijiet ta' daqsijiet differenti. L-iżjed villaġġi importanti kienu ffortifikati għalkollox, u l-komunitajiet iż-żgħar ħolqu fortifikazzjonijiet iċċentrati fuq il-knisja, fejn żiedu torrijiet difensivi u mħażen biex jaħżnu l-iżjed oġġetti siewja tagħhom u biex ikunu jistgħu jirreżistu għal assedji twal.
Deskrizzjoni
immodifikaIt-topografija fin-Nofsinhar tat-Transilvanja hi ta' promontorju, li jgħaddu minnu widien wesgħin b'diversi xmajjar żgħar li jnixxu f'oħrajn ikbar, fosthom ix-xmajjar Olt, Mureș, Târnava Mare u Târnava Mică. Il-villaġġi jsegwu t-topografija mill-qrib u jippruvaw jisfruttawha kemm jistgħu; b'hekk il-villaġġi li jinsabu f'wied żviluppaw madwar triq ċentrali u x'aktarx xi oħrajn sekondarji, filwaqt li dawk li jinsabu f'art iktar ċatta jsegwu mudell iktar radjali u mhux riġidu. Minħabba raġunijiet ta' sigurtà u t-tradizzjonijiet tal-abitanti Sassoni, il-villaġġi huma kumpatti.
L-element prinċipali hija l-knisja li dejjem tinsab fil-qalba tal-villaġġi. Hemm tipi differenti ta' fortifikazzjonijiet: ħajt żgħir madwar il-knisja, ringiela ta' fortifikazzjonijiet madwar il-knisja jew fortizza reali b'diversi fortifikazzjonijiet iċċentrati fuq il-knisja. Il-knejjes ġew adattati biex jinkludu funzjonijiet difensivi; kollha huma bażiliki Rumaneski jew knejjes b'navata unika tal-Gotiku Aħħari. Spiss il-knejjes jinkludu bosta żidiet, li jvarjaw fl-età mill-perjodu oriġinali meta nbnew il-knejjes, jiġifieri bejn il-Medju Evu Aħħari sas-seklu 16. Bosta knejjes jinkludu wkoll elementi Barokki minn dak il-perjodu, peress li l-istil Barokk kien popolari ħafna fir-reġjun.
Kważi fil-każijiet kollha, il-knisja tinsab f'pożizzjoni li faċli tiddefendiha, ġeneralment fil-quċċata ta' xi għolja. Xi elementi tal-fortifikazzjonijiet fil-bliet prinċipali fl-inħawi ġew adattati, u huma xhieda tat-tekniki tal-kostruzzjoni li kienu jintużaw tul is-snin mill-komunità tas-Sassoni. Xi fortifikazzjonijiet kellhom torrijiet tal-osservazzjoni, u wħud minnhom kienu torrijiet tal-knisja li ġew adattati għall-ħtiġijiet ta' fortizza. Il-materjali tal-kostruzzjoni huma tradizzjonali, ġebel u brikks ħomor, b'soqfa miksijin b'tegoli ħomor tat-tafal, li hija karatteristika tipika tal-inħawi.
Qrib il-knisja kien ikun hemm il-pjazza prinċipali tal-villaġġ jew Tanzplaz (Pjazza taż-Żfin) li kienet tattira l-ħajja soċjali. L-unika binjiet qrib il-fortifikazzjonijiet kienu jkunu dawk ta' użu komunali: l-iskola jew il-muniċipju tal-villaġġ. Id-dar tal-kappillan tal-parroċċa, flimkien mad-djar tal-iżjed ċittadini għonja tal-villaġġ, kienu jkunu jinsabu madwar din il-pjazza. Fil-biċċa l-kbira tal-villaġġi wkoll, qrib iċ-ċentru tagħhom kien ikun hemm matmuriet għall-ħżin tal-qmuħ.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Villages with Fortified Churches in Transylvania". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-13.