Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Bulgarija
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Bulgarija aċċettat il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO fis-7 ta' Marzu 1974, u b'hekk is-siti storiċi u naturali tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2022 il-Bulgarija għandha għaxar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel erba' siti tniżżlu fil-lista fl-1979: il-Knisja ta' Boyana, il-Kavallier ta' Madara, il-Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Ivanovo, u l-Qabar Traċjan ta' Kazanlak. Erba' siti oħra tniżżlu fil-lista fl-1983, wieħed fl-1985, u ieħor iktar reċenti fl-2017. Seba' siti huma kulturali u tlieta huma naturali. Hemm sit minnhom li huwa transnazzjonali, il-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa, li huwa kondiviż ma' 17-il pajjiż ieħor.[3]
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Knisja ta' Boyana | Sofija | 1979 | ii, iii (kulturali) | Il-Knisja Ortodossa Bulgara ta' Boyana fil-periferija ta' Sofija hija kumpless ta' tliet binjiet. L-ewwel parti nbniet fis-seklu 10, it-tieni fis-seklu 13, u t-tielet fil-bidu tas-seklu 19. Affreski mal-ħitan tal-knisja li jmorru lura għall-perjodi kollha tal-imgħoddi ġew ippreservati sħaħ jew bħala frammenti u ġew irrestawrati bir-reqqa fis-seklu 21. L-affreski minn nofs is-seklu 13 li ġew ikkummissjonati minn Kaloyan Sebastocrator jitqies li għandhom l-aqwa valur artistiku fil-kumpless.[4] | |
Kavallier ta' Madara | Provinċja ta' Shumen | 1979 | i, iii (kulturali) | Il-Kavallier ta' Madara huwa riljiev fuq il-blat li juri kavallier riekeb żiemel, jittrijonfa fuq iljun, u akkumpanjat minn għasfur u kelb. Ġie mnaqqax fuq irdum għoli 100 metru (330 pied), f'għoli ta' 23 metru (75 pied), qrib il-villaġġ ta' Madara. Imur lura għall-bidu tas-seklu 8, meta Madara kien sit sagru tal-Ewwel Imperu Bulgaru. Qrib ir-riljiev, hemm kitbiet imnaqqxin bil-Grieg Medjevali, li jiddeskrivi l-avvenimenti tal-istat Bulgaru bikri u tal-khan tiegħu.[5] | |
Qabar Traċjan ta' Kazanlak | Provinċja ta' Stara Zagora | 1979 | i, iii, iv (kulturali) | Il-qabar imur lura għall-perjodu Ellenistiku, fi tmiem is-seklu 4 Q.K. Huwa qabar b'għamla ta' miġbħa (tholos), b'kuritur dejjaq u b'kompartiment funebri ġej għat-tond. L-affreski fil-qabar juru l-kultura u r-riti funebri Traċjani. Il-qabar huwa parti minn nekropoli ikbar, li tinsab qrib il-belt Traċjana ta' Seuthopolis, il-belt kapitali tar-Re Seuthes III. Ġie skopert mill-ġdid fl-1944, u l-affreski tiegħu kienu tassew ippreservati tajjeb.[6] | |
Knejjes Imħaffrin fil-Blat ta' Ivanovo | Provinċja ta' Ruse | 1979 | ii, iii (kulturali) | Fis-seklu 12, l-eremiti bdew iħaffru l-knejjes, iċ-ċelel u l-monasteri fl-irdumijiet 'il fuq mix-xmara Rusenski Lom, ħdejn il-villaġġ ta' Ivanovo. L-affreski tas-seklu 14, matul it-Tieni Imperu Bulgaru, huma fost l-ifjen eżempji tal-istil Paleologali u jirrappreżentaw tbegħid mill-ikonografija Biżantina ta' qabel, bħala kompożizzjoni u l-motivi.[7] | |
Monasteru ta' Rila | Provinċja ta' Kyustendil | 1983 | vi (kulturali) | Il-monasteru ġie stabbilit fis-seklu 10 minn San Ġwann ta' Rila u kien ċentru kulturali u spiritwali importanti tal-Bulgarija tul is-sekli. Kien partikolarment importanti bħala ċentru Kristjan matul it-tmexxija Ottomana fil-Bulgarija. Il-monasteru nqered min-nirien fil-bidu tas-seklu 19 u reġa' ġie kostruwit mill-1834 sal-1862, fi żmien ir-Rinaxximent Nazzjonali Bulgaru.[8] | |
Belt Antika ta' Nessebar | Provinċja ta' Burgas | 1983 | iii, iv (kulturali) | Il-belt kostali ta' Nessebar bdiet bħala insedjament Traċjan u saret kolonja Griega tal-Baħar l-Iswed fis-seklu 6 Q.K. Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet tagħha jmorru lura għall-perjodu Ellenistiku, fosthom l-akropoli u t-tempju ta' Apollo. Il-belt kienet ċentru Kristjan Biżantin importanti fil-Medju Evu; fost il-fdalijiet ta' dan il-perjodu hemm bażilika u fortizza. Fis-seklu 19 inbnew djar tal-injam bl-istil tar-Rinaxximent Nazzjonali Bulgaru.[9] | |
Riżerva Naturali ta' Srebarna | Provinċja ta' Silistra | 1983 | x (naturali) | Il-Lag ta' Srebarna u l-artijiet mistagħdra tal-madwar qrib ix-xmara Danubju huma ħabitats importanti għall-għasafar, bħala post tat-tnissil, bħala post ta' mistrieħ fix-xitwa, jew bħala waqfa tul rotta migratorja. Fiż-żona ġew irreġistrati 178 speċi, fosthom diversi speċijiet mhedda globalment jew fil-periklu. Il-lag jospita l-ikbar kolonja ta' pellikan tad-Dalmazja fil-Bulgarija. Fl-2008 saret modifika ċkejna fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[10] | |
Park Nazzjonali ta' Pirin | Provinċja ta' Blagoevgrad | 1983 | vii, viii, ix (naturali) | Il-park nazzjonali fil-Muntanji ta' Pirin jinkludu tipi differenti ta' ħabitats tal-muntanji, li jvarjaw mill-foresti tas-siġar taż-żnuber, il-mergħat Alpini, u l-muntanji għoljin, bl-ogħla quċċata li tlaħħaq l-2,914-il metru (9,560 pied). Jospita bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali, inkluż l-ors kannella u l-lupu. Il-konfini tas-sit ġew estiżi fl-2010.[11] | |
Qabar Traċjan ta' Sveshtari | Provinċja ta' Razgrad | 1985 | i, iii (kulturali) | Il-qabar Traċjan imur lura għas-seklu 3 Q.K. u ġie skopert mill-ġdid fl-1982. It-tiżjin tiegħu ġie ppreservat tajjeb ħafna u l-qabar huwa eżempju rari tal-arkitettura Traċjana. Jirrappreżenta l-arti lokali tal-Geti, ispirati mill-Elleniżmu. Karatteristika prominenti tal-qabar huma l-10 karjatidi nofshom nisa u nofshom pjanti.[12] | |
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* | Diversi postijiet | 2017 | ix (naturali) | Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017 meta żdiedu d-disa' siti fi ħdan il-Park Nazzjonali tal-Balkani Ċentrali, u fl-2021 biex jiġu inklużi l-foresti f'total ta' 18-il pajjiż.[13] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Bulgaria - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Boyana Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Madara Rider". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Thracian Tomb of Kazanlak". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock-Hewn Churches of Ivanovo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rila Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Nessebar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Srebarna Nature Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Pirin National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Thracian Tomb of Sveshtari". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.