Qabar Traċjan ta' Kazanlak
Il-Qabar Traċjan ta' Kazanlak (bil-Bulgaru: Казанлъшка гробница, Kazanlǎška grobnica) huwa qabar bil-volti b'għamla ta' miġbħa (tholos) li jinsab qrib ir-raħal ta' Kazanlak fil-Bulgarija ċentrali.
Deskrizzjoni
immodifikaIl-qabar huwa parti minn nekropoli Traċjana rjali kbira fil-Wied tal-Mexxejja Traċjani qrib il-belt kapitali antika ta' Seuthopolis fejn jinsabu iktar minn elf qabar ta' rjali u ta' membri tal-aristokrazija Traċjana.
Il-monument imur lura għas-seklu 4 Q.K. u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1] Il-pitturi f'dan il-qabar żgħir huma fost l-iżjed kapulavuri artistiċi ppreservati l-aħjar mill-perjodu Ellenistiku.[2]
Is-sit jikkonsisti minn kuritur dejjaq li jagħti għal kompartiment tond imsaqqaf b'koppla ta' daqs li jesa' difna waħda. Iż-żewġ elementi huma mpittra u mżejna bl-affreski li jirrappreżentaw koppja Traċjana f'ċerimonja funebri ritwalistika.[3] L-affreski mal-ħitan ġew impittrin b'lewn aħmar skur jew kulur id-demm.
L-affresk ta' mal-koppla juri koppja bilqiegħda jżomm il-polz ta' xulxin filwaqt li oħrajn jidhru resqin lejhom f'purċissjoni b'għadd ta' gabarrejiet u b'diversi oġġetti, bil-qaddejja fl-isfond. Il-koppja tidher bilqiegħda separatament fuq siġġijiet elaborati differenti. L-istoriku tal-arti Bulgara Lyudmila Zhivkova tinterpreta l-ġest kondiviż bejn il-figuri ċentrali bħala indikattivi ta' mument ta' ħlewwa u ta' ugwaljanza, iżda din l-interpretazzjoni mhix kondiviża mill-ispeċjalisti kollha. Fil-purċissjoni jidhru mpittrin mużiċisti jdoqqu l-kurunetta. L-affresk juri żwiemel differenti: iż-żwiemel bis-sarġ jidhru mmexxija mingħajr rikkieba, qaddej iżomm grupp ta' żwiemel jiġbdu karru, filwaqt li mal-koppla hemm il-pittura ta' tellieqa bil-karrijiet. Fil-pedament tal-koppla hemm bordura prinċipali bi kranji ta' bhejjem imżejna bix-xalel tad-drapp mal-qrejjen tagħhom u dawn jalternaw mad-disinni ta' salib ekwilaterali li ġie interpretat bħala fjura. Fost borduri oħrajn li jiddividu l-affresk tal-koppla, bordura partikolari ta' tiżjin fiha mudell ta' bajda u vleġġa bi stil Ellenistiku, filwaqt li borduri oħrajn juru strixxi, pizzi u disinni li jaf kellhom tifsira kulturali jew familjali speċifika.
Sabiex l-affreski delikati jiġu ppreservati, il-qabar oriġinali mhuwiex miftuħ għall-pubbliku. Minflok, inbniet replika tal-istess daqs u qies fil-qrib għall-aċċess tal-pubbliku.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Qabar Traċjan ta' Kazanlak ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Kultura kontemporanja
immodifikaIl-mara bilqiegħda tal-affresk tal-qabar tidher fuq in-naħa ta' wara tal-munita Bulgara ta' 50 stotinki li nħarġet fl-2005.[5]
Gallerija
immodifika-
Dettall tal-affresk tal-koppja Traċjana u burdura bid-disinn.
-
Dettall tal-affresk tat-tellieqa bil-karrijiet u burdura bid-disinn.
-
Dettall tal-affresk taż-żwiemel bis-sarġ mingħajr rikkieba.
-
Dettall tal-affresk taż-żwiemel bis-sarġ mingħajr rikkieba.
-
Dettall tal-affresk tal-qaddejja b'oġġetti f'idejhom bħala offerta.
-
Dettall tal-affresk tal-qaddejja b'oġġetti f'idejhom bħala offerta u ta' karru.
-
Uħud mill-artefatti li nstabu fil-qabar.
-
Struttura protettiva li nbniet fuq il-qabar oriġinali.
-
Veduta tal-binja protettiva.
-
Veduta tal-binja protettiva.
-
Id-daħla tar-replika tal-qabar.
-
Il-plakka tal-qabar bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Thracian Tomb of Kazanlak". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
- ^ "Thracian tomb of Kazanlak | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-06-09.
- ^ Ivan (2019-02-15). "Explore the Valley of Thracian Kings - Bulgaria's Thracian Heritage" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
- ^ "Официален туристически портал на България | Открий България – Посети официалния туристически портал на България и планирай своята ваканция. Разбери къде да отидеш и какво да правиш по време на пътуването си из България" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
- ^ "(untitled)". www.bnb.bg. Miġbur 2023-06-09.