Kavallier ta' Madara

tinqixa Medjevali monumentali fil-Bulgarija

Il-Kavallier ta' Madara (bil-Bulgaru: Мадарски конник, Madarski konnik)[1] huwa riljiev Medjevali bikri kbir imnaqqax fuq il-Promontorju ta' Madara fil-Lvant ta' Shumen fil-Grigal tal-Bulgarija, qrib il-villaġġ ta' Madara. Il-monument imur lura għall-aħħar nett tas-seklu 7[2] jew il-bidu nett tas-seklu 8, matul ir-renju tal-mexxej Bulgaru Tervel.[3] Fl-1979, il-monument tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Il-Kavallier ta' Madara.

Deskrizzjoni

immodifika

L-iskultura turi kavallier maestuż, madwar 23 metru (75 pied) 'il fuq mil-livell tal-art, mnaqqax fil-blat ta' rdum kważi vertikali u għoli 100 metru (328 pied). L-iskultura għandha daqs kważi reali. Il-kavallier qed iħares lejn il-lemin u b'lanza f'idu qed joqtol iljun qrib iż-żiemel tiegħu, u fuq ix-xellug hemm kelb jiġri wara l-kavallier.[5] It-tinqix tar-raġġiera u tal-ilbies tal-kavallier, kif ukoll tal-għasfur quddiem wiċċ il-kavallier, bil-kemm jintgħarfu minħabba sekli sħaħ ta' erożjoni u inġenerali minħabba l-kundizzjoni batuta tal-monument. Ir-riljiev huwa simili għax-xbihat li nstabu f'Saltovo, f'Soulek, f'Pliska u f'Veliki Preslav.[6]

Oriġini

immodifika

Ma hemmx ċertezza rigward it-tifsira u s-simboliżmu tal-iskultura, u l-istess japplika għat-tradizzjoni tax-xogħol fil-ġebel u s-sors kulturali tagħha.

Ir-riljiev x'aktarx jinkorpora elementi kemm awtoktoni ta' Traċja kif ukoll ta' kulturi Bulgari partikolari li waslu wara.[7] Id-daqs u l-ikonografija monumentali, u l-bosta dettalji speċifiċi (l-istafef, ir-raġġiera, l-elmu, l-għasfur, eċċ.) ġeneralment huma parti mit-tradizzjoni Bulgara, filwaqt li d-direzzjoni lejn il-lemin u l-iljun huma iktar tipiċi tat-tradizzjoni ta' Traċja.[8]

Xi riċerkaturi bikrin ikkunsidraw ir-riljiev bħala eżempju ta' kavallier ta' Traċja – motiv rikorrenti ta' divinità b'għamla ta' kavallier fil-mitoloġija Paleo-Balkanika. Il-motiv tipikament jinkludi raġel liebes kappa fuq żiemel, b'lanza f'idu il-leminija. Spiss jintwera hu u joqtol xi bhima b'lanza, għalkemm xi kultant din il-karatteristika ma tkunx preżenti.[9][10][11] Inizjalment ikkunsidrata (u iktar 'il quddiem abbandunata) minn Konstantin Josef Jireček u Karel Škorpil, din is-suppożizzjoni gradwalment ġiet irrifjutata minħabba d-differenzi fid-dettalji ikonografiċi, u r-rabta mal-annimali (ma hemm l-ebda kelb).[12][13]

Bosta studjużi jikkollegaw l-oriġini tar-riljiev mal-etnoġenesi tal-Bulgari, kultura ekwestri seminomadika mill-Isteppa Ewropea.[14] Oħrajn raw xebħ fir-riljiev mat-tradizzjoni tar-riljievi fil-blat tas-Sassanidi.[15] Il-kavallier-eroj huwa karattru komuni tal-mitoloġija Torka u Iranjana-Alanika. Xi kultant jitqies li l-kavallier jirrappreżenta jew huwa marbut mad-divinità Bulgara, Tangra, filwaqt li Vladimir Toporov ikkollegah mad-divinità Iranjana, Mitra.

Oħrajn innutaw spjegazzjoni iktar sempliċi: li r-riljiev kien maħsub biex jirrappreżenta lill-Khan Tervel (701-718 W.K.), jew, fl-imgħoddi meqjus possibbli iżda issa hija ipoteżi rrifjutata, lill-Khan Krum (802-814 W.K.).

 
Il-blat fejn ġie mnaqqax il-Kavallier ta' Madara.

Fl-1924-1935, taħt ir-riljiev (xi 250 metru fit-Tramuntana) instabu l-fdalijiet ta' kumpless li huwa maħsub li serva bħala santwarju pagan (knisja bi tliet korsiji) u binja rettangolari, x'aktarx l-abitazzjoni privata tal-mexxej, fejn il-mexxej kien jagħmel ritwali sagri relatati ma' Tangra.[16][17] Fis-sit instabet ukoll kitba mnaqqxa danneġġata tal-Khan Omurtag li ssemmi lid-divinità Tangra.[18][19]

Inġenerali l-kumpless huwa datat li jmur lura għat-tieni kwart tas-seklu 9,[20] peress li l-iskavi tas-snin 70 tas-seklu 20 dataw il-bċejjeċ tal-fuħħar bejn is-sekli 8 u 10.[21] Uħud jargumentaw li l-iżjed binjiet bikrin ġew stabbiliti wara l-konverżjoni għall-Kristjaneżmu. B'hekk it-tempju pagan (jiġifieri l-knisja) u l-binja x'aktarx li nbnew fuq bażilika Biżantina bikrija.[22] Lejn il-Punent tal-binja nstabet evidenza ta' difna Kristjana, fejn instab ċintorin imżejjen bid-deheb, li ġie datat li jmur lura għall-ħabta tad-900 W.K.[23]

Iktar 'il quddiem fis-seklu 20, żewġ mili (madwar 3.2 kilometri) fil-Grigal mir-riljiev instab grupp ieħor ta' binjiet li jikkonsistu minn bażilika tas-seklu 5-6 bi struttura rettangolari interna, li wħud interpretawha bħala tempju pagan (għalkemm mingħajr evidenza ċara).

Kitbiet imnaqqxin

immodifika

Madwar ir-riljiev tal-Kavallier ta' Madara hemm tliet kitbiet imnaqqxin fil-blat, parzjalment ippreservati, bil-Grieg Medjevali. Dawn jagħtuna informazzjoni importanti rigward l-istorja tal-Bulgarija f'dak il-perjodu. L-eqdem kitba mnaqqxa hija xogħol Tervel (701-718 W.K.), u għaldaqstant jitqies li r-riljiev inħoloq matul it-tmexxija tiegħu jew eżatt wara li l-Bulgari insedjaw ir-reġjun fis-680-681 W.K. Il-kitbiet imnaqqxin l-oħra jirreferu għall-Khans Krum (802-814 W.K.) u Omurtag (814-831 W.K.), li wisq probabbli huma dawk li ordnaw li jsir it-tinqix.[24]

Kitba I:

L-imperatur Ġustinjanu għamel trattat [...] il-Bulgari [...] u ġie għand Tervel. Iz-zijiet tiegħi f'Thessaloniki ma fdawx lill-imperatur bl-imnieħer maqtugħ u marru lura għand il-Kisiniie [...] wieħed minn [...] Il-mexxej Tervel għamel trattat u lill-imperatur tah ħames mitt [...] bl-għajnuna tiegħi l-imperatur irnexxielu jagħmel rebħa kbira.[2]

Kitba II:

[...] deheb. Huwa ta tmintax [...] deheb lill-mexxej [...] suldati [...] mexxej [...] il-Griegi (Biżantini) [...] li tajtek, se nagħtik kull sena, u l-imperatur bagħat lill-mexxej [...] u staqsa lill-mexxej Krumesis [...] il-mexxej [...] qasam id-deheb [...] beda [...] huwa ta minn [...] il-mexxej Krumesis ta [...] dak il-baħar [...] inti [...] il-mexxej [...] gwerra u qattgħu t-trattati [...] gwerra [...] imbagħad [...] isem [...][2]

Kitba III:

[...] huwa trabba [...] qatta' u Omurtag il-mexxej mibgħut minn alla [...] għinni [...][25]

Kitba IV:

Il-Khan sybigi Omurtag, mexxej minn alla [...] kien [...] u ta b'sagrifiċċju lill-alla Tangra [...] itchurgu boila [...] deheb [...][26]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kavallier ta' Madara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem" u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4]

Il-Kavallier ta' Madara jintwera fuq in-naħa ta' wara tal-muniti ż-żgħar tal-Bulgarija (1 sa 50 stotinki) maħruġa fl-1999 u fis-sena 2000.[27]

Stħarriġ uffiċjali li sar fid-29 ta' Ġunju 2008 dwar id-disinn tal-muniti Bulgari futuri tal-ewro ntrebaħ mill-Kavallier ta' Madara b'25.44 fil-mija tal-voti.[28][29]

Il-Quċċata ta' Madara fil-Gżira ta' Livingston fil-Gżejjer tan-Nofsinhar ta' Shetland, l-Antartika ngħatat isem is-sit storiku Bulgaru tal-Kavallier ta' Madara.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Donchev, Slavi (1981). The Madara Horseman (PDF). Vol. 23–24. ICOMOS. pp. 41–46.
  2. ^ a b ċ Petkov, Kiril (2008). The Voices of Medieval Bulgaria, Seventh-Fifteenth Century: The Records of a Bygone Culture. Brill. ISBN 9789004168312. p. 5.
  3. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. p. 202.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Madara Rider". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  5. ^ Sophoulis, Panos (2011). Byzantium and Bulgaria, 775-831. Brill. ISBN 9789004206960. p. 83.
  6. ^ Donchev, Slavi (1981). The Madara Horseman (PDF). Vol. 23–24. ICOMOS. pp. 41, 45-46.
  7. ^ Donchev, Slavi (1981). The Madara Horseman (PDF). Vol. 23–24. ICOMOS. p. 43.
  8. ^ Donchev, Slavi (1981). The Madara Horseman (PDF). Vol. 23–24. ICOMOS. pp. 43-44.
  9. ^ Lurker, Manfred (1987). Dictionary of Gods and Goddesses, Devils and Demons. p. 151.
  10. ^ Nicoloff, Assen (1983). Bulgarian Folklore. p. 50.
  11. ^ Isaac, Benjamin H. (1986). The Greek Settlements in Thrace Until the Macedonian Conquest. p. 257.
  12. ^ Boteva, Dilyana. "Combat against a lion on the votive plaques of the Thracian Rider (a database analysis)". Thracia. Vol. XVI. pp. 213, 216, 218.
  13. ^ "Another points of view". web.archive.org. 2006-06-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-06-20. Miġbur 2023-06-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ Donchev, Slavi (1981). The Madara Horseman (PDF). Vol. 23–24. ICOMOS. pp. 41-42.
  15. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. p. 204.
  16. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. pp. 204-206.
  17. ^ Sophoulis, Panos (2011). Byzantium and Bulgaria, 775-831. Brill. ISBN 9789004206960. pp. 83-85.
  18. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. p. 207.
  19. ^ Sophoulis, Panos (2011). Byzantium and Bulgaria, 775-831. Brill. ISBN 9789004206960. pp. 84-85.
  20. ^ Sophoulis, Panos (2011). Byzantium and Bulgaria, 775-831. Brill. ISBN 9789004206960. p. 291.
  21. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. p. 205.
  22. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. p. 206.
  23. ^ Fiedler, Uwe (2008). "Bulgars in the Lower Danube region: A survey of the archaeological evidence and of the state of current research". In Curta, Florin; Kovalev, Roman (eds.). The Other Europe in the Middle Ages: Avars, Bulgars, Khazars and Cumans. Brill. pp. 151–236. ISBN 9789004163898. pp. 205-206.
  24. ^ Petkov, Kiril (2008). The Voices of Medieval Bulgaria, Seventh-Fifteenth Century: The Records of a Bygone Culture. Brill. ISBN 9789004168312. pp. 5, 11.
  25. ^ Petkov, Kiril (2008). The Voices of Medieval Bulgaria, Seventh-Fifteenth Century: The Records of a Bygone Culture. Brill. ISBN 9789004168312. p. 6.
  26. ^ Petkov, Kiril (2008). The Voices of Medieval Bulgaria, Seventh-Fifteenth Century: The Records of a Bygone Culture. Brill. ISBN 9789004168312. p. 11.
  27. ^ "Bank Nazzjonali Bulgaru". www.bnb.bg. Miġbur 2023-06-09.
  28. ^ "Bulgaria Chooses Madara Horseman for National Symbol at Euro Coin Design - Novinite.com - Sofia News Agency". www.novinite.com. Miġbur 2023-06-09.
  29. ^ "Bulgaria chooses heritage site to adorn euro coins — EUbusiness.com - business, legal and economic news and information from the European Union". web.archive.org. 2008-11-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-11-19. Miġbur 2023-06-09.