Monasteru ta' Rila

monasteru Ortodoss tal-Lvant fil-Bulgarija

Il-Monasteru ta' San Ġwann ta' Rila, magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' Rila "Sveti Ivan Rilski" (bil-Bulgaru: Рилски манастир „Свети Иван Рилски“), huwa l-ikbar u l-iżjed monasteru Ortodoss tal-Lvant famuż fil-Bulgarija. Jinsab fil-Lbiċ tal-Muntanji ta' Rila, 117-il kilometru (73 mil) fin-Nofsinhar tal-belt kapitali Sofija fil-wied fond tax-xmara Rilska (ix-"Xmara ta' Rila"), f'elevazzjoni ta' 1,147 metru (3,763 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, fil-Park Naturali tal-Monasteru ta' Rila. Il-monasteru ngħata isem il-fundatur tiegħu, l-eremita Ivan ta' Rila (876-946 W.K.), u jospita madwar 60 patri.

Il-Monasteru ta' Rila.

Il-Monasteru ta' Rila ġie stabbilit fis-seklu 10 u jitqies bħala wieħed mill-iktar monumenti kulturali, storiċi u arkitettoniċi importanti tal-Bulgarija u huwa attrazzjoni turistika ewlenija kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. Fl-2008 biss, attira 900,000 viżitatur.[1] Il-monasteru jidher fuq in-naħa ta' wara l-karta tal-flus ta' 1 lev, maħruġa fl-1999.[2]

 
Il-monasteru minn ġewwa bit-Torri ta' Hrelyu.

Tradizzjonalment huwa maħsub li l-monasteru ġie stabbilit mill-eremita San Ivan ta' Rila, matul ir-renju tal-Ksar Pietru I (927-968). L-eremita effettivament għex f'għar mingħajr wisq oġġetti materjali, mhux wisq 'il bogħod mill-post fejn jinsab il-monasteru, filwaqt li l-kumpless inbena mill-istudenti tiegħu, li ġew lejn il-muntanji biex jingħataw l-edukazzjoni tagħhom.

Minn mindu nbena, il-Monasteru ta' Rila ġie appoġġat u rrispettat mill-mexxejja Bulgari. Ingħataw donazzjonijiet kbar minn kważi kull ksar tat-Tieni Imperu Bulgaru sal-Ħakma Ottomana, u b'hekk il-monasteru sar ċentru kulturali u spiritwali tal-kuxjenza nazzjonali Bulgara li laħaq l-apoġew tiegħu bejn is-sekli 12 sa 14.

Il-Monasteru ta' Rila reġa' nbena fil-pożizzjoni attwali tiegħu minn Hrelyu, sinjur fewdali, matul l-ewwel nofs tas-seklu 14. L-eqdem binjiet fil-kumpless imorru lura għal dan il-perjodu — it-Torri ta' Hrelja (1334-1335) u knisja żgħira maġenbu (1343). It-tron tal-isqof u d-daħliet imnaqqxa b'mod rikk tal-monasteru jmorru lura għal dan iż-żmien ukoll. Madankollu, il-wasla tal-Ottomani fl-aħħar tas-seklu 14 ġiet segwita minn bosta attakki u l-qerda tal-monasteru f'nofs is-seklu 15.

Bis-saħħa tad-donazzjonijiet mis-Sultana Mara Branković, mill-Knisja Ortodossa Russa u l-Monasteru ta' Rossikon tal-Muntanja Athos, il-Monasteru ta' Rila ġie rikostruwit fl-aħħar tas-seklu 15 minn tliet aħwa mir-reġjun ta' Dupnica. Bl-influwenza tas-Sultana Mara Branković Ivan ir-relikwi ta' Rila ġew ittrasferiti minn Tarnovo fil-kumpless il-ġdid fl-1469.

 
Xi patrijiet mill-kjostru ta' Rila fl-1927.

Il-kumpless għamilha wkoll ta' depożitorju tal-lingwa u tal-kultura Bulgara fiż-żminijiet bi tmexxija barranija. Matul żmien ir-Rinaxximent Nazzjonali Bulgaru (is-sekli 18-19), inqered min-nirien fl-1833 u mbagħad ġie rikostruwit bejn l-1834 u l-1862 bl-għajnuna tal-Bulgari għonja mill-pajjiż kollu, taħt l-arkitett famuż Alexi Rilets. Il-kostruzzjoni tal-binjiet residenzjali bdiet fl-1816, filwaqt li fl-1844 ġie miżjud it-Torri ta' Hrelyu. Neofit Rilski stabbilixxa skola fil-monasteru matul dan l-istess perjodu. Il-monasteru huwa magħruf li kien wieħed mill-moħbiet ta' rivoluzzjonarji Bulgari bħal Vassil Levski, Gotse Delchev, Peyo Yavorov, eċċ. Il-kumpless tal-monasteru, meqjus bħala wieħed mill-kapulavuri minn ta' quddiem nett tal-arkitettura tar-Rinaxximent Nazzjonali Bulgaru, ġie ddikjarat monument storiku nazzjonali fl-1976 u sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983. Mill-1991 ġie subordinat għalkollox għas-Sinodu Mqaddes tal-Knisja Ortodossa Bulgara.[3]

Fil-25 ta' Mejju 2002, il-Papa Ġwanni Pawlu II żar il-Monasteru ta' Rila matul il-pellegrinaġġ tiegħu fil-Bulgarija. Huwa ntlaqa' mill-igument tal-monasteru, l-Isqof Ioan, li kien osservatur fit-Tieni Konċilju tal-Vatikan.

Arkitettura

immodifika
 
Pjanta tal-monasteru.

Il-kumpless kollu jokkupa erja ta' 8,800 m² u għandu għamla rettangolari, iċċentrata fil-bitħa interna (3,200 m²), fejn jinsabu t-torri u l-knisja prinċipali.

Knisja prinċipali

immodifika

Il-knisja prinċipali tal-monasteru nbniet f'nofs is-seklu 19. L-arkitett tagħha kien Pavel Ioanov, li ħadem fuqha mill-1834 sal-1837. Il-knisja għandha ħames koppli, tliet artali u żewġ kappelli laterali, filwaqt li wieħed mill-iżjed oġġetti prezzjużi fuq ġewwa huwa l-ikonostażi indurata bid-deheb, famuża għat-tinqix fl-injam tagħha. Erba' artiġjani damu ħames snin jaħdmu fuqha biex ilestuha u dawn kienu: Atanas Teladur, Petar u Georgi Dashini u Dimitar Stanishev. Il-parteċipazzjoni ta' Petre Filipovich-Garkata hija dubjuża.[4] L-affreski, li tlestew fl-1846, huma xogħol bosta artisti minn Bansko, Samokov u Razlog, inkluż l-aħwa famużi Zahari Zograf u Dimitar Zograf. Il-knisja fiha wkoll bosta ikoni prezzjużi, li jmorru lura għas-sekli 14 sa 19. Il-portiċi fil-bitħa għandhom influwenza mill-Mamluk, miżbugħa bl-istrixxi, u fihom diversi koppli, li saru iktar popolari fl-Imperu Ottoman wara l-ħakma tal-Eġittu.

Parti residenzjali

immodifika

Il-parti residenzjali (mingħajr ma jingħadd il-pjan ta' taħt l-art) tal-kumplesx fiha erba' sulari u tikkonsisti minn 300 kompartiment, erba' kappelli, kamra għall-patri superjuri, kċina (famuża għar-reċipjenti tassew kbar tagħha), librerija b'250 manuskritt u 9,000 oġġett stampat, u kamra għad-donatur. Il-kumpless minn barra, bil-ħitan għoljin tal-ġebel tiegħu bi ftit twieqi żgħar, jidher qisu xi fortizza iktar milli monasteru.

 
L-affreski tal-Monasteru ta' Rila.

Mużew tal-monasteru

immodifika

Il-mużew tal-Monasteru ta' Rila huwa partikolarment famuż għaliex fih il-Kurċifiss ta' Rafail, li huwa salib tal-injam magħmul minn biċċa għuda waħda (81×43 cm). Ġie mnaqqax minn patri jismu Rafail b'għodda tal-azzar u b'lenti biex joħloq 104 xeni reliġjużi u 650 minjatura. Dam jaħdem fuq din l-opra tal-arti saħansitra 12-il sena u lestieh fl-1802, meta l-patri tilef id-dawl ta' għajnejh.

 
Dettall tal-affreski tal-Monasteru ta' Rila.
  • Ġwanni ta' Rila
  • Hreljo
  • Boris III tal-Bulgarija
  • James David Bourchier
  • Neofit Rilski

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Monasteru ta' Rila ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

Biblijografija

immodifika
  • Emil Ivanov: Das Bildprogramm des Narthex im Rila-Kloster in Bulgarien unter besonderer Berücksichtigung der Wasserweihezyklen, Diss., Erlangen, 2002.
  • Emil Ivanov: Rila-Kloster, Artikel: RGG4, Bd. 7, 2007, Sp. 520.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Bulgaria's Rila Monastery Builds Hydro Power Plant with EU Money - Novinite.com - Sofia News Agency". www.novinite.com. Miġbur 2023-06-10.
  2. ^ "(untitled)". www.bnb.bg. Miġbur 2023-06-10.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rila Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-10.
  4. ^ "Маргарита Коева - Иконостасите на Рилския манастир". liternet.bg. Miġbur 2023-06-10.