Konċilju Ekumeniku

Konċilju Ekumeniku huwa konferenza tal-isqfijiet u ta' esperti teoloġi biex jiddiskutu materji tad-duttrina u prattika Kattolika.

Il-Konċilju ta' Niċea

immodifika

L-Ewwel Konċilju kien dak ta’ Niċea fis-Sena 325. Dam xahrejn u tnax-il ġurnata. Ħadu sehem 318-il Isqof, bl-Isqof Hosju ta’ Kordova ikun preżenti bħala l-Legat tal-Papa Silvestru. L-Imperatur Konstantinu kien preżenti wkoll. Lil dan il-Konċilju nafu l-Kredu ta’ Niċea, li irribatta it-tagħlim ta’ Arju u ta t-tifsira tad-Divinità ta’ l-Iben t’Alla. Kien f’dan il-Konċilju li d-data ta’ Għid ġiet iffissata, biex ma jiġix iċċelebrat fl-istess jum ta’ l-Għid tal-Lhud.

Il-Konċilju ta' Kostantinopli

immodifika

It-Tieni Konċilju kien dak magħruf bħala l-Ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli fis-sena 381 taħt il-Papa Damasu u l-Imperatur Teodosju I bis-sehem ta’ 150 isqof. Il-mira prinċipali ta’ dan il-Konċilju kienet kontra s-segwaci ta’ Macedonju li kien jargumenta bis-sħiħ kontra id-Divinità ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt mal-Kredu ta’ Niċea li semmejna aktar qabel żdiedu...”U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja: li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u ma’ l-Iben...” u jibqa’ sejjer sal-kelma ’Amen’.

Il-Konċilju ta' Efesu

immodifika

It-Tielet Konċilju kien dak ta’ Efesu fis-Sena 431 fejn ħadu sehem aktar minn 200 Isqof, taħt il-Presidenza ta’ San Ċirillu ta’ Lixandra, li kien jirrappreżenta lill-Papa Ċelestinu I. F’dan il-Konċilju ġiet imfissra l-unità personali ta’ Kristu, Alla u Bniedem, u Marija ġiet idikkjarata Omm Alla (Theotokos) kontra dak li kien ixandar Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli. Fl-istess Konċilju ġiet imġedda l-kundanna ta’ Pelagju.

Il-Konċilju ta' Kalċedonja

immodifika

Ir-Raba’ Konċilju kien dak ta’ Kalċedonja sar għoxrin sena wara, fis-sena 451. Ħadu sehem 150 Isqof immexxija mill-Papa Ljun il-Kbir u mill-Imperatur Marċjanu. Ġew imfissra bir-reqqa ż-żewġ naturi ta’ Kristu, Divina u Umana, kontra dak li kien qed jgħallem Ewtike, li ġie skomunikat.

It-Tieni Konċilju ta' Kostantinopli

immodifika

Il-Ħames Konċilju kien it-Tieni Konċilju ta’ Kostantinopli fis-Sena 553 fejn ħadu sehem 165 Isqof taħt it-tmexxija tal-Papa Vigilju u l-Imperatur Ġustinjanu I. Hawnhekk ġew ikkundannati t-tagħlim ta’ Origene u t-Tliet Kapitli miktuba minn Teodoret, Isqof ta’ Mopsuestia u ta’ Ibas, Isqof ta’ Edessa. Matul dan il-Konċilju ġie kkonfermat dak kollu li ħareġ mill-ewwel erba’ Konċilji, speċjalment dak li twettaq fir-Raba’ wieħed ta’ Kalċedonja li l-awtorità tiegħu kienet qed tiġi sfidata minn xi eretici.

It-Tielet Konċilju ta' Kostantinopli

immodifika

Is-Sitt Konċilju kien it-Tielet Konċilju ta’ Kostantinopli li sar bejn is-snin 680 u 681 taħt il-Papa Agatu u l-Imperatur Kostantinu Pogonatus. Ħadu sehem il-Patrijarki ta’ Konstantinopli u ta’ Antjokja, 174 isqof, u l-Imperatur innifsu. Dan il-Konċilju ġab fi tmiemu il-‘Monoteliżmu’ billi ta t-tifsira taż-żewġ naturi ta’ Kristu distinti minn xulxin, dik Divina u dik umana. B’hekk ġabu fix-xejn it-tagħlim zbaljat ta’ Sergju, Pirrus, Pawlu, Mararju, u d-dixxipli tagħhom.

It-Tieni Konċilju ta' Niċea

immodifika

Is-Seba’ Konċilju kien it-Tieni wieħed ta’ Niċea fis-Sena 787. Kien ġie msejjaħ mill-Imperatur Kostantinu VI u minn ommu Irene, taħt il-Papa Adrijanu I. Il-Konċilju, li ħadu sehem fih bejn 300 u 367 isqof, kien immexxi mil-Legati tal-Papa. Matulu intlaħaq ftehim dwar il-qima lejn ix-xbihat imqaddsa.

Ir-Raba' Konċilju ta' Kostantinopli

immodifika

It-Tmien Konċilju kien ir-Raba’ ta’ Kostantinopli li sar fis-Sena 869 taħt il-Papa Adrijanu II u l-Imperatur Basilju. Preżenti kien hemm 102 isqfijiet, 3 legati tal-Papa, u 4 patrijarki. Kien konċilju li għarbel u ħaraq l-Atti kollha li ħarġu minn Konċilju rregolari (conciliabulum) msejjaħ minn Fozju kontra l-Papa Nikola u Injazju il-Patrijarka leġittimu ta’ Kostantinopli; ikkundanna lil Fozju li ħataf illegalment it-dinjità patrijarkali. Madankollu ix-Xiżma ta’ Fozju ntlaqgħet bil-kbir ġewwa l-Knisja Griega, u ebda konċilju ieħor ma sar fil-Lvant.

L-Ewwel Konċilju ta' Lateran

immodifika

Id-Disa’ Konċilju kien l-Ewwel Konċilju Lateran, fis-sena 1123 ġewwa Ruma taħt il-Papa Kallistu II. Kien hemm mad-900 isqof u abbati. Matulu tneħħa għal kollox id-dritt tal-prinċipijiet lajċi ta’ investitura biċ-ċurkett u l-bastun ta’ isqof u l-benefiċċji ekklesjastiċi li kellhom x’jaqsmu mad-dixxiplina tal-Knisja u t-teħid lura ta’ l-Art Imqaddsa minn taħt idejn l-Islam.

It-Tieni Konċilju ta' Lateran

immodifika

L-Għaxar Konċilju kien it-Tieni Konċilju tal-Lateran li nżamm ġewwa Ruma fl-1139 taħt il-Papa Innoċenz II. Ħadu sehem ma' l-1000 prelat u l-Imperatur Korradu. Il-ħsieb prinċipali kien jġieb fi tmiemhom l-iżbalji ta’ Arnoldu ta’ Brescia.

It-Tielet Konċilju ta' Lateran

immodifika

Il-Ħdax-il Konċilju kien it-Tielet wieħed tal-Lateran li sar fl-1179 taħt il-Papa Alessandru III u l-Imperatur Federiku I. Kien hemm 302 isqfijiet. Matul dan il-Konċilju ġew ikkundannati l-Albigizi u l-Valdezi barra li ġew imxandra bosta digrieti dwar ir-riforma tal-morali.

Ir-Raba' Konċilju ta' Lateran

immodifika

It-Tnax-il Konċilju kien ir-Raba’ wieħed tal-Lateran fl-1215, taħt il-Papa Innoċenz III. Kien hemm preżenti il-Patrijarki ta’ Konstantinopli u ta’ Ġerusalemm, 71 Arċisqof, 412-il Isqof, 800 Abbati, il-Primat tal-Maroniti, u San Duminku. Ħareġ Kredu imkabbar (simbolu) kontra l-Albiġiżi (Firmiter credimus), ġew ikkundannati l-iżbalji Trinitarjani ta’ l-Abbati Ġwakkin, u ġew ippubblikati 70 digrieti riformatorji. Dan kien l-aktar Konċilju importanti taż-Żmenijiet tan-Nofs, fil-fatt magħruf bħala l-”Konċilju l-Kbir”, peress li ta tifsira siwja tal-ħajja ekklezjastika u l-qawwa tal-papat.

L-Ewwel Konċilju ta' Lyons

immodifika

t-Tlettax-il Konċilju kien l-Ewwel Konċilju ta’ Lyons fl-1245, taħt il-presidenza tal-Papa Innoċenz IV li miegħu kien hemm il-Patrijarki Latini ta’ Konstantinopli, Antjokja, u Aquileia(Venezja). Ħadu sehem 140 Isqof; Baldwinu II ta’ Kostantinopli; San Lwiġi (IX), Re ta’ Franza; Rajmondu VII, Konti ta’ Toulouse; u Rajmundu Bérenger IV, Konti ta’ Provence. Ġie skumnikat u mneħħi l-Imperatur Federiku II u ġiet mnedija kruċjata ġdida taħt il-Kmand ta’ San Lwiġi kontra s-Saraċini u l-Mongoli.

It-Tieni Konċilju ta' Lyons

immodifika

L-Erbatax-il Konċilju kien it-Tieni Konċilju ta’ Lyons u sar 29 sena wara, fl-1274, taħt il-Papa Gregorju X; flimkien mal-Patrijarki ta’ Antijokja u ta’ Kostantinopli; ħmistax-il Kardinal; 500 Isqof; u aktar minn 1000 dinjitarju ieħor, fosthom Ġakbu I, Re ta’ Aragona; ambaxxaturi tar-Rejiet ta’ Franza u ta’ l-Ingilterra; ambaxxaturi ta’ l-Imperatur Mikiel Paleaologus, flimkien ma’ membri tal-Kleru Grieg; u ambaxxaturi ta’ Khan tat-Tartari. Bis-saħħa ta’ dan il-Konċilju, kif rajna minn dawk preżenti, kien hemm għaqda temporanja bejn il-Knisja Rumana u dik Griega. Il-kelma filioque ġiet miżjuda mas-simbolu ta’ Konstantinopli u sar attentat biex jinstabu riżorsi biex l-Art Imqaddsa terġa’ tintrebah minn ħdan it-Torok. Ġew ukoll stabbiliti regoli ġodda għal l-elezzjoni ta’ Papa.

Il-Konċilju ta' Vienne

immodifika

Il-Ħmistax-il Konċilju kien dak ta’ Vienne ġewwa Franza fl- 1311 fuq ordni tal-Papa Klement V, l-ewwel mill-Papiet Avignon. Ħadu sehem il-Patrijarki ta’ Antjokja u ta’ Lixandra; flimkien ma’ 300 isqof, għalkemm xi awtoritajiet storiċi jsostnu li kienu 114; u tliet rejiet...Filippu IV ta’ Franza, Dwardu II ta’ l-Ingilterra, u Ġakbu II ta’ Aragona. Dan il-Konċilju ħada qatta bla ħabel kontra l-iżbalji tal-Kavallieri Templari, tal-Fraticelli, il-Begardi, u l-Begwini. Ġew mistħarrġa proġetti ta’ kruċjati ġodda, ir-riforma tal-kleru, u t-tagħlim ta’ I-ilsna Orjentali fl-Universitajiet.

Il-Konċilju ta' Konstanzu

immodifika

Is-Sittax-il Konċilju kien dak imsejjaħ ta’ Konstanzu (1414-1418) li kien inżamm fi żmien ix-Xiżma l-kbira tal-Punent bil-ħsieb li jintemmu d-diversi qasmiet li kien hemm fil-Knisja. Sar leġittimu meta ġie mlaqqa’ formalment minn Gregorju XI. Dan il-fatt għen biex inqerdet ix-xiżma billi ġie elett il-Papa Martinu V, ħaġa li l-Konċilju ta’ Pisa(1403) ma kenx irnexxielu jagħmel għax bħala konċilju kien meqjus illegali. Il-Papa leġittimu kkonferma d-digrieti tas-sinodu kontra Wyclif u Hus. Dan il-konċilju kien għaldaqstant ekumeniku fl-aħħar sessjonijiet tiegħu, XLII sa XLV inklużi, u bid-digrieti tas-sessjonijiet ta’ qabel approvati minn Martinu V.

Il-Konċilju ta' Basle

immodifika

Is-Sbatax-il Konċilju kien dak ta’ Basle fl-1431 meta l-Papa kien Ewgenju IV u Sigismundu Imperatur ta’ l-Imperu Ruman Qaddis. L-għan prinċipali kien il-paċi reliġjuża tal-Boħimja. Kien hemm bosta nkwiet mal-Papa u l-Konċilju ġie trasferit l-ewwel lejn Ferrara fl-1438 u mbagħad lejn Firenze fl- 1439 fejn ġiet stabbilita għaqda, għalkemm ma tantx damet, mal-Knisja Griega li min-naħa tagħha aċċettat qbil dwar punti li kienu ħolqu l-firda. Il-Konċilju ta’ Basle kien ekumeniku biss sa tmiem il-ħamsa u għoxrin sessjoni, u mid-digrieti li ħarġu l-Papa Ewgenju IV approva biss dawk li kellhom x’jaqsmu ma’ l-eliminazzjoni sħiħa ta’ l-ereżija, il-paċi qalb il-Kristjani, u r-riforma fil-Knisja, li fl-istess waqt ma dderogatx mid-drittijiet tas-Santa Sede.

Il-Ħames Konċilju ta' Lateran

immodifika

It-Tmintax-il Konċilju kien il-Ħames wieħed tal-Lateran. Fil-fatt il-Papa Ġulju II kien sejjaħ dan il-Konċilju b’digriet tat- 18 ta’ Lulju 1511 minħabba bosta taħwid minn Kardinali xiżmatiċi, li mgħejuna mir-Re ta’ Franza Luigi XII, kienu ser jibdew Konċilju f’Pisa. Il-Konċilju proprju beda fl- 10 ta’ Mejju 1512 u ntemm fis- 16 ta’ Marzu 1517. L-ewwel ħames sessjonijiet, li kienu taħt Ġulju II, ikkundannaw l-għemejjel ta’ dawk il-Kardinali. F’Marzu ta’ 1513 ġie magħżul Papa Ljun X, u, dejjem bil-għajnuna ta’ l-Imperatur Massimiljanu I, ħadu sehem 15-il kardinal u mat-80 Arċisqfijiet u Isqfijiet.Kif ġara fl-ewwel ħames sessjonijiet il-biċċa l-kbira tad-digrieti kienu miżuri dixxiplinarji. Ġiet ippjanata kruċjata ġdida kontra t-Torok li ntemmet qabel ma bdiet minħabba l-ferment li qam ġewwa l-Ġermanja b’dak li beda jwettaq Luteru.

Il-Konċilju ta' Trentu

immodifika

Id-19-il Konċilju kien dak ta’ Trentu li dam sejjer 18-il sena, bejn l-1545 u l-1563, taħt ħames papiet: Pawlu III, Ġulju III, Marċellu II, Pawlu IV u Piju IV, u taħt l-Imperaturi Carlu V u Ferdinandu. Kien hemm preżenti 5 Kardinali legati tas-Santa Sede, 3 Patrijarki, 33 Arċisqof, 235 Isqof, 7 Superjuri ta’ Abbatiji, 7 Ġenerali ta’ Ordnijiet Monastiċi, u 160 studjuż tad-divinità. Il-Konċilju kien ġie msejjaħ biex jeżamina u jikkundanna l-iżbalji mqajma minn Luteru u Riformatisti oħra, u biex tiġi rriformata d-dixxiplina tal-Knisja. Mill-Konċilji dan kollha kien l-aktar wieħed li dam, minnu ħarġu l-akbar numru ta’ digrieti dogmatiċi u riformatorji, u wettaq l-akbar numru ta’ riżultati pożittivi.

Konċilju Vatikan I

immodifika

L-Għoxrin Konċilju kien Konċilju Vatikan l-Ewwel li tlaqqa’ minn Piju IX. Beda jiltaqa’ fit-8 ta’ Diċembru, 1869, u dam sejjer sat-18 ta’ Lulju, 1870, meta kien ġie aġġornat u baqa’ bla ma reġa’ ġie msejjaħ. Preżenti kien hem 6 Arcisqfijiet-prinċipi, 49 Kardinal, 11-il Patrijarka, 680 Arċisqof u Isqfijiet, 28 Abbati, 29 Ġenerali ta’ l-Ordnijiet...b’kollox 803 persuni. Barra kanoni importanti li għandhom x’jaqsmu mal-Fidi u l-Kostituzzjoni tal-Knisja, dan il-Konċilju pproklama l-infallibilità tal-Papa meta jitkellem ex cathedra, jiġifieri

              i. bħala ragħaj u għalliem tal-Kristjani kollha,
             ii. bil-virtù ta’ l-awtorità suprema u appostilika tiegħu,
            iii. jagħti tifsira dottrinali dwar il-Fidi jew il-Morali għall- Knisja kollha.

Konċilju Vatikan II

immodifika

Il-wieħed u għoxrin Konċilju, Vatikan II, li għadna kemm fakkarna l-40 Anniversarju mill-għeluq tiegħu, infetaħ mill-Papa Ġwanni XXIII fil-11 ta’ Ottubru, 1962, waqt sessjoni pubblika fejn mill-2908, imsejħa biex jagħtu s-sehem tagħhom, kien hemm 2540 preżenti...bil-medja matul is-sessjonijiet kollha kienet tvarja bejn 2100 sa ’l fuq minn 2300. Għal din l-ewwel laqgħa kien hemm rappreżentanti minn 86 gvern u għaqdiet internazzjonali. Dan minbarra numru ta’ esperti għall-konsultazzjonijiet teoloġiċi li taw sehemhom tul it-tliet snin. Preżenti wkoll kien hemm osservaturi mill-Knejjes Ortodossi u Protestanti. Fit-8 ta’ Diċembru sar l-aġġornament u beda x-xogħol fuq l-iskeda għas-sena 1963. Imma fit-3 ta’ Ġunju, 1963, miet Papa Ġwanni. Madankollu il-Papa Pawlu VI, li ġie elett 18-il ġurnata wara, ħabbar li l-Konċilju kien ser ikompli. Fil-fatt it-Tieni Sessjoni bdiet fid-29 ta’ Settembru. It-Tielet Sessjoni bdiet fl-14 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. Ir-Raba’ u l-aħħar Sessjoni bdiet fl-14 ta’ Settembru 1965 meta ġie mwaqqaf is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet biex dawn iżommu kuntatt mal-Papa wara l-Konċilju. L-għeluq sar fit-8 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena bl-Isqfijiet kollha jistqarru l-ubbidjenza tagħhom lejn id-Digrieti tal-Konċilju u li jmexxu ’l quddiem ix-xogħol ta’ l-istess Konċilju.

Biex dan kollu jitwettaq:

§ Twaqqfet Kummissjoni Papali għall-Media tal-Kummissjonijiet Soċjali; § Ġie ddikkjarat ġubilew mill-1 ta’ Jannar sas-26ta’ Mejju 1966 biex il-Kattolċi istudjaw id-deċiżjonijiet tal-Konċilju u jgħinnuhom biex jiksbu tiġdid spiritwali; § Fl-1965 inbidlu xi ismijiet u proċeduri ta’ Uffiċju Sagru u dipartimenti tal-Kurja Rumana bl-ewwel wieħed isir Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi; § Twaqqfu segretarjati permanenti għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda Kristjana, għar-Reliġjonijiet mhux Kristjani, u għal dawk li ma jemmnux.

Id-diskussjoni ġenerali kienet dwar:Il-Knisja fid-Dinja Moderna, l-ekumeniżmu.

Bħala Dokumenti ħarġu erba’ Kostituzzjonijiet:

§ Dei Verbum (Rivelazzjoni Divina) § Gaudium et Spes(Il-Knisja fid-Dinja Moderna) § Lumen Gentium(Il-Knisja) § Sacrosanctum Concilium(Il-Liturġija)

Kien hemm 9 Digrieti:

§ Ad Gentes(Attivitajiet Missjunarji); § Apostolicam Actuositatem(għal-Lajċi); § Christus Dominus(L-Isqfijiet fil-Knisja); § Inter Mirifica(Komunikazzjoni Soċjali); § Optatam Totius(Ħidma għas-Saċerdozju); § Orientalium Ecclesiarum(Knejjes tal-Lvant); § Perfectæ Caritatis(Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża); § Presbyterorum Ordinis(Il-ħajja Saċerdotali); § Unitatis Redintegratio(Ekumeniżmu).

Barra dan kien hemm tliet dikjarazzjonijiet:

§ Dignitatis Humanæ(Ħelsien Reliġjuż); § Gravissimum Educationis(Edukazzjoni Nisranija); § Nostra Ætate(Relazzjonijiet ma’ dawk mhumiex Nsara).