Riżerva Naturali ta' Srebarna
Ir-Riżerva Naturali ta' Srebarna (bil-Bulgaru: Природен резерват Сребърна, trażlitterata: Priroden rezervat Srebarna) hija riżerva naturali fil-Grigal tal-Bulgarija (in-Nofsinhar ta' Dobruja), qrib il-villaġġ ta' Srebarna, 18-il kilometru fil-Punent ta' Silistra u żewġ kilometri fin-Nofsinhar tax-xmara Danubju. Hija magħmula mil-Lag ta' Srebarna u l-inħawi ta' madwaru u hija art mistagħdra importanti li tinsab tul il-Via Pontica, li hija rotta tal-passa tal-għasafar bejn l-Ewropa u l-Afrika. B'hekk tipprovdi l-ħabitat għal bosta speċijiet mhedda ta' għasafar li jbejtu u jpassu hemmhekk.
Ir-riżerva fiha żona protetta ta' 6 km2 u żona ta' lqugħ ta' 5.4 km2. Il-lag għandu fond li jvarja bejn metru u tliet metri. Ħdejh inbena mużew fejn tintwera kollezzjoni ta' speċijiet ibbalzmati li huma tipiċi tar-riżerva.
Storja
immodifikaFilwaqt li l-Lag ta' Srebarna ġie studjat bosta drabi fl-imgħoddi minn bijologi barranin, l-ewwel xjenzat Bulgaru li interessa ruħu fl-inħawi kien Aleksi Petrov, li żar ir-riżerva fl-1911. Fl-1913, in-Nofsinhar kollu ta' Dobrudja ġie inkorporat fir-Rumanija, iżda mbagħad ġie rritornat lill-Bulgarija fl-1940, meta Petrov reġa' żar l-inħawi biex jeżamina l-kolonji ta' għasafar li jbejtu hemmhekk.
Iż-żona ġiet ipproklamata riżerva naturali fl-1948 u sit Ramsar fl-1975.[1] Ir-riżerva ġiet rikonoxxuta bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-1972 għall-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Riżerva Naturali ta' Srebarna ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Leġġendi
immodifikaHemm diversi leġġendi dwar l-oriġini ta' isem il-lag. Waħda hi dwar khan li kien jismu Srebrist, li miet fl-inħawi f'battalja mhux tas-soltu mal-Pecheneg. Oħra hi dwar dgħajsa mimlija fidda (srebro bil-Bulgaru) tul ix-xtut tal-lag. Skont it-tielet waħda, li titqies bħala l-iżjed waħda plawżibbli, l-isem oriġina mir-riflessjonijiet fiddiena fuq wiċċ il-lag meta jkun hemm qamar kwinta.
Flora u Fawna
immodifikaFlora
immodifikaFil-lag u fil-madwar hemm speċijiet idrofitiċi bħall-qasab. Ir-riżerva tospita 139 speċi ta' pjanti, u 11 minnhom jinsabu f'periklu ta' estinzjoni għajr fit-territorju ta' Srebarna.
Fawna
immodifikaFl-inħawi tar-riżerva naturali teżisti varjetà wiesgħa ta' fawna: 39 mammiferi, 21 rettili u anfibji u 10 speċijiet ta' ħut. Madankollu, ir-riżerva hija famuża l-iktar għall-179 speċi ta' għasafar li jbejtu fit-territorju. Dawn l-ispeċijiet jinkludu diversi speċijiet ta' russetti u marguni, il-velleran, il-pellikan tad-Dalmazja, iċ-ċinju, il-wiżża griża, il-bugħadam aħmar u l-kudirros blu. Fost il-mammiferi żgħar fir-riżerva hemm diversi speċijiet ta' bugeddum u ġrieden.[3]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ "Srébarna | Ramsar Sites Information Service". rsis.ramsar.org. Miġbur 2023-06-08.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Srebarna Nature Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-08.
- ^ Sichanov, Daniel; Popov, Vasil; Biserkov, Valko; Zidarova, Sirma; Chipev, Nesho (2006). "Spatial Pattern and Diversity of Small Mammal Assemblages in the Area of the Srebarna Managed Nature Reserve (NE Bulgaria)". Acta Zoologica Bulgarica. 58 (2): 209–222.