Lag tal-Punent, Hangzhou

lag f'Hangzhou, iċ-Ċina

Il-Lag tal-Punent (biċ-Ċiniż: 西湖; bil-pronunzja Ċiniża Wu: [si ɦu]) huwa lag tal-ilma ħelu f'Hangzhou, iċ-Ċina. Huwa maqsum f'ħames sezzjonijiet permezz ta' tliet biċċiet ta' art olzati. Hemm bosta tempji, pagodi, ġonna u gżejjer naturali/artifiċjali fi ħdan il-lag. Gushan (biċ-Ċiniż: 孤山) hija l-ikbar gżira naturali, u hemm tliet gżejjer artifiċjali: Xiaoyingzhou (biċ-Ċiniż: 小瀛洲), il-Gżira tal-Paviljun ta' Huixin (biċ-Ċiniż: 湖心亭), u Ruan Gongdun (biċ-Ċiniż: 阮公墩) li jinsabu f'nofs il-lag. Il-Pagoda ta' Leifeng (biċ-Ċiniż: 雷峰塔) u l-Pagoda ta' Baochu (biċ-Ċiniż: 保俶塔) huma sseparati mil-lag. Bħala rifless ta' xulxin, huma jiffurmaw il-mudell bażiku ta' "muntanja waħda, żewġ torrijiet, tliet gżejjer, tlett ixtut, u ħames lagi".

Pagoda fil-Lag tal-Punent.

Il-Lag tal-Punent jinsab f'Nru 1, it-Triq ta' Longjing, id-Distrett ta' Xi Hu, il-Belt ta' Hangzhou, il-Provinċja ta' Zhejiang, fil-Punent tal-Belt ta' Hangzhou. L-erja totali taż-żona xenika hija ta' 49 kilometru kwadru, l-erja tal-maqbad tal-ilma hija ta' 21.22 kilometru kwadru, u l-erja tal-lag hija ta' 6.38 kilometru kwadru.

Il-Lag tal-Punent influwenza poeti u pitturi tul l-istorja taċ-Ċina bis-saħħa tas-sbuħija naturali u l-fdalijiet storiċi tiegħu, u kien wieħed mill-iżjed sorsi importanti ta' ispirazzjoni għad-disinjaturi tal-ġonna Ċiniżi. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011, bis-saħħa li "influwenza d-disinn tal-ġonna fil-kumplament taċ-Ċina kif ukoll fil-Ġappun u fil-Korea matul is-sekli" u peress li jirrifletti "fużjoni idealizzata bejn il-bniedem u n-natura".[1][2][3]

Il-kontorn tal-wiċċ tal-Lag tal-Punent huwa kważi ovali, u l-kontorn tal-qiegħ tal-lag huwa relattivament ċatt. Is-sors tal-ilma tal-wiċċ naturali tal-lag huma erba' nixxigħat: ix-xmara Jinsha, ix-xmara Longhong, Chishangrun (Huiyingrun) u x-xmara Changqiao. Il-Lag tal-Punent jinsab fit-tarf tax-Xlokk tal-għoljiet taċ-Ċina u fit-tarf tat-Tramuntana taż-żona subtropikali taċ-Ċina. Ir-radjazzjoni solari annwali totali tkun ta' bejn 100 u 110 kcal/cm2, u jkun hemm bejn 1,800 u 2,100 siegħa ta' xemx.

 
Il-Lag tal-Punent fil-ħarifa.

L-iżjed isem bikri li ġie rreġistrat għal-Lag tal-Punent kien dak tal-"Lagi ta' Wulin" (Wǔlín Shuǐ). Il-Ktieb ta' Han f'"Trattati dwar il-Ġeografija" jirrakkonta li l-"Muntanji Wulin (Wǔlín Shān) huma l-oriġini tal-Lagi ta' Wulin. Il-fluss tal-ilma jnixxi lejn il-Lvant għal ġol-baħar, u jkopri xi 830 li" (bejn wieħed u ieħor, 350 kilometru jew 220 mil). Ismijiet preċedenti oħra jinkludu x-"xmara Qian", il-"Lag ta' Qiantang", il-"Lag ta' Mingsheng", il-"Lag ta' Jinniu", il-"Lag ta' Shihan", il-"Lag ta' Shang", il-"Lag ta' Lianyan", l-"Għadira ta' Fangsheng", il-"Lag ta' Xizi", il-"Lag ta' Gaoshi", il-"Lag ta' Xiling", il-"Lag ta' Meiren", il-"Lag ta' Xianzhe" u l-"Lag ta' Mingyue". Madankollu, żewġ ismijiet biss kienu aċċettati b'mod mifrux fl-istorja u ġew irreġistrati fid-dokumenti storiċi. Wieħed minnhom huwa l-"Lag ta' Qiantang", minħabba l-fatt li Hangzhou kien jisimha "Qiantang" fil-qedem. L-isem l-ieħor huwa l-"Lag tal-Punent", minħabba li l-lag jinsab fil-Punent tal-belt. L-isem il-"Lag tal-Punent" tfaċċa għall-ewwel darba f'żewġ poeżiji ta' Bai Juyi, "Laqa' l-mistednin wara mawra sal-Lag tal-Punent filgħaxija, b'ħarstu lura lejn it-Tempju ta' Gushan" (biċ-Ċiniż: 西湖晚歸回望孤山寺贈諸客) u "Malli rritorna fuq id-dgħajsa lura lejn Hangzhou" (biċ-Ċiniż: 杭州回舫). Minn żmien id-dinastija Song tat-Tramuntana, il-biċċa l-kbira tal-poeżiji u tal-artikli tal-istudjużi użaw l-isem il-"Lag tal-Punent", filwaqt li l-isem il-"Lag ta' Qiantang" bil-mod il-mod ma baqax jintuża iktar. "It-talba tat-tħammil tal-Lag tal-Punent" miktuba minn Su Shi kien l-ewwel dokument li l-"Lag tal-Punent" issemma f'dokument uffiċjali b'dan il-mod.

Dinastija Qin

immodifika
 
Il-Pagoda ta' Leifeng.

Iktar minn 2,000 sena ilu, il-Lag tal-Punent kien għadu jagħmel parti mix-xmara Qiantang. Minħabba s-sedimentazzjoni tal-ħamrija, il-bażi tal-Muntanja Wu u tal-Muntanji Baoshi, il-muntanji tal-madwar fuq in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-lag, gradwalment ġew estiż u ffurmaw korpi tal-ilma bil-ġlejjeb tal-ħut. Iktar 'il quddiem, dawn il-fosos tar-ramel bil-mod il-mod ġew fużi f'xatt, u feġġet laguna lejn il-Punent tiegħu; dan kien il-Lag tal-Punent l-antik tad-dinastiji Qin u Han. It-"Tfittxija tal-Ħolm tal-Lag tal-Punent" (biċ-Ċiniż: 西湖夢尋), li nkitbet minn Zhang Dai, hija l-ġrajja ta' Qin Shi Huang żar l-inħawi u rmiġġa d-dgħajsa tiegħu ma' ġebla li iktar 'il quddiem żviluppat fit-Tempju Buddist tal-Ġebla l-Kbira. Il-ġebla kienet tinsab fuq il-Muntanja Baoshi, fit-Tramuntana tal-Lag tal-Punent, u għadha viżibbli.

Il-lag fl-imgħoddi, eżattament għexieren ta' eluf ta' snin ilu, kien laguna. Imbagħad id-depożiti imblukkaw il-passaġġ għall-baħar u fforma l-lag. Minn tħaffir fil-qiegħ tal-lag fl-1975 instab is-sediment tal-baħar, li kkonferma l-oriġini tal-lag. Il-preservazzjoni artifiċjali pprevjeniet l-evoluzzjoni tal-lag f'art mistagħdra.

Dinastija Sui

immodifika

Id-dinastija Sui, ta' għomorha qasir, hija magħrufa għall-opri l-kbar tal-inġinerija li wettqet matul l-eżistenza qasira tagħha. Wara s-610 W.K., infetaħ il-Kanal ta' Jiangnan u ġie kkollegat mal-Kanal tat-Tramuntana. B'hekk, ħames xmajjar ewlenin taċ-Ċina (ix-xmajjar Hai, Yellow, Huai, Yangtze u Qiantang) kollha kienu kkollegati: dan iffaċilita t-trasport minn Hangzhou u lejn Hangzhou, u b'hekk ta spinta lill-ekonomija reġjonali. It-turiżmu f'Hangzhou beda jiffjorixxi wkoll.

Dinastija Tang

immodifika
 
Il-Pagoda ta' Baochu.

Matul żmien id-dinastija Tang, il-Lag tal-Punent kellu erja ta' bejn wieħed u ieħor 10.8 kilometri kwadri. Il-partijiet tal-Punent u tan-Nofsinhar tal-lag kollha kienu estiżi lejn il-bażi tal-Għolja tal-Punent. Il-parti tat-Tramuntana kienet estiża lejn l-inħawi tad-Daħla ta' Wulin. Il-pellegrini setgħu jieħdu dgħajsa sal-bażi tal-għolja u jimxuha sal-quċċata għall-qima. Minħabba l-aggradazzjoni kontinwa tal-lag, flimkien man-nuqqas virtwali ta' kwalunkwe proġett idrawliku, f'dak iż-żmien il-lag kien ifur u jikkawża għargħar wara xi ħalba xita sew u kien jinxef għalkollox matul xi nixfiet twal.

 
Il-Lag tal-Punent billejl.

F'Settembru 781, l-istatista prominenti Li Mi (biċ-Ċiniż: 李泌) inħatar bħala l-gvernatur ta' Hangzhou. Sabiex jipprovdi l-ilma ħelu, b'kreattività kbira wassal l-ilma lejn il-belt. Huwa ordna li jitħaffru sitt bjar f'żoni popolati bħad-Daħla ta' Qiantang u d-Daħla ta' Yongjin, u stabbilixxa "network parallel taħt l-art" (b'pajpijiet tat-tafal u tal-bambù taħt l-art) biex iwassal l-ilma tal-lag lejn il-belt. Is-sitt bjar ilhom li għebu. L-unika fdal li għadu jeżisti minn dak iż-żmien huwa l-Bir ta' Xiangguo, li jinsab fil-Punent tal-Pont ta' Jinting tul it-Triq ta' Jiefang. Il-ħames bjar l-oħra kienu l-Bir ta' Xi (lejn il-Punent tal-Bir ta' Xiangguo), il-Bir ta' Fang (jew il-Bir tal-Erba' Għajnejn), il-Bir ta' Jinniu (fil-Majjistral tal-Bir ta' Xi), il-Bir ta' Baigui (fil-Punent tal-Pont ta' Longxiang), u l-Bir ta' Xiaofang (jew il-Bir tas-Sitt Għajnejn, fi ħdan id-Daħla ta' Qiantang, issa l-inħawi tal-Pont ta' Xiaoche).

F'nofs l-era ta' Zhenyuan (785–804) fid-dinastija Tang, il-poeta u l-uffiċjal tal-gvern Bai Juyi nħatar bħala l-gvernatur ta' Hangzhou. Huwa diġà kien poeta famuż u mlaħħaq, u għemilu f'Hangzhou għamluh gvernatur kbir. Huwa rrealizza li r-raba' agrikolu fil-qrib kien jiddependi fuq l-ilma tal-Lag tal-Punent, iżda minħabba n-negliġenza ta' gvernaturi preċedenti, id-diga l-antika kienet ċediet, u b'hekk il-lag nixef u l-bdiewa lokali batew minħabba nixfa kbira. Huwa ordna l-kostruzzjoni ta' diga ogħla u iktar b'saħħitha, bi struttura għall-kontroll tal-fluss tal-ilma, biex b'hekk jiġi pprovdut l-ilma għall-irrigazzjoni u tittaffa l-problema tan-nixfa. L-għajxien tan-nies lokali ta' Hangzhou tjieb matul is-snin ta' wara. Bai Juyi uża l-ħin liberu tiegħu biex igawdi s-sbuħija tal-Lag tal-Punent, u kien iżur il-lag kważi kuljum. Huwa ordna l-kostruzzjoni ta' biċċa art olzata biex dak li jkun seta' jaqsam minn parti għall-oħra tal-lag bil-mixi, minflok ma jkollu bilfors juża s-servizzi ta' dgħajsa. Biċċa art olzata, magħrufa bħala l-Art Olzata ta' Baisha, issa saret magħrufa iktar bħala l-Art Olzata ta' Bai (biċ-Ċiniż: 白堤) f'ġieħ Bai Juyi, iżda l-Art Olzata l-oriġinali ta' Bai ma għadhiex teżisti.

Ħames dinastiji

immodifika
 
Veduta panoramika mill-ajru tal-Lag tal-Punent u tal-muntanji tal-madwar.

L-iżjed eri prominenti fl-istorja tal-iżvilupp ta' Hangzhou, ir-Renju ta' Wuyue (907–960) u d-dinastija Song tan-Nofsinhar, kellhom impatti kbar fuq il-Lag tal-Punent. L-iżvilupp komprensiv u l-konfigurazzjoni fundamentali tal-Lag tal-Punent seħħew matul dawn iż-żewġ dinastiji. Matul il-perjodu tal-Ħames Dinastiji u tal-Għaxar Renji, ir-Renju ta' Wuyue stabbilixxa l-belt ta' Hangzhou bħala l-belt kapitali. Dan iffaċilita t-trasport lejn ir-reġjun kostali, u ppromwova l-kummerċ ma' pajjiżi barranin bħall-Ġappun u l-Korea. Sadanittant, mexxejja suċċessivi fir-Renju ta' Wuyue taw ġieħ kbir lill-Buddiżmu, u bnew għadd ta' tempji, pagodi, santwarji u grotti madwar l-inħawi tal-lag. Huma kabbru t-Tempju ta' Lingyin, stabbilew it-Tempju ta' Zhaoqing, it-Tempju ta' Jingci, it-Tempju ta' Li'an, it-Tempju ta' Liutong u t-Tempju ta' Taoguang, u bnew il-Pagoda ta' Baochu, il-Pagoda ta' Liuhe, il-Pagoda ta' Leifeng u l-Pagoda l-Bajda. Għaldaqstant l-inħawi tal-Lag tal-Punent bdiet tissejjaħ bħala l-"Pajsaġġ Buddist". It-Tempju ta' Lingyin, it-Tempju ta' Tianzhu u t-Tempju ta' Qiantang kienu l-iżjed żoni xeniċi famużi ta' dak iż-żmien. Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi, il-ħamrija bdiet tiġi ddepożitata malajr fil-Lag tal-Punent u t-tħammil sar xogħol ta' manutenzjoni regolari. B'hekk fid-927 W.K., ir-Re ta' Wuyue, Qian Liu, stazzjona armata għat-tħammil tal-lag ta' 1,000 ruħ biex jaqtgħu l-ħaxix u jżidu l-fond tal-fawwariet, u għaldaqstant il-korp tal-ilma tal-lag ġie ppreservat.

Dinastija Song (tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar)

immodifika
"Waslet iż-żiffa ħelwa tar-rebbiegħa

mill-ġdid fil-Lag tal-Punent.

L-ilmijiet tar-rebbiegħa tassew huma ċari u

Ħodor li donnhom għadhom kemm ġew impittra.

Is-sħab tal-irwejjaħ huma iktar ħelwin

Milli wieħed jista' qatt jimmaġina. Fir-riħ

Ġentili tal-Lvant il-petali

Jaqgħu qishom ħbub tar-ross".

Ouyang Xiu (1007–1072), silta minn Jum tar-Rebbiegħa fil-Lag tal-Punent. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
 
Veduta panoramika mill-ajru tal-Lag tal-Punent f'inżul ix-xemx.

Iktar minn mitt sena wara, fil-bidu tal-era ta' Yuanyou tad-dinastija Song (1086–1094), poeta kbir ieħor, Su Shi (magħruf ukoll bħala Su Dongpo), ġie f'Hangzhou biex jaqdi r-rwol ta' gvernatur tal-belt. Dak iż-żmien, il-bdiewa reġgħu batew nixfa kbira oħra, minħabba l-ħaxix ħażin żejjed li kiber fil-qiegħ tal-lag u li sadd il-pajpijiet tal-irrigazzjoni. Huwa ordna t-tħammil tal-lag u uża t-tajn kollu għall-ħolqien ta' biċċa art olzata oħra, bl-istil tal-Art Olzata ta' Bai, iżda ferm usa' u kważi tliet darbiet itwal: huwa ħawwel ukoll siġar taż-żafżafa tul ix-xtut ta' din l-art olzata li iktar 'il quddiem ingħatat ismu u saret magħrufa bħala "l-Art Olzata ta' Su". Tul din l-Art Olzata ta' Su (biċ-Ċiniż: 蘇堤), twila 2.6 kilometri (1.6 mil), hemm sitt pontijiet, u dawn huma magħrufa separatament bħala l-Pontijiet ta' Yingbo (biċ-Ċiniż: 映波), ta' Suolan (biċ-Ċiniż: 锁澜), ta' Wangshan (biċ-Ċiniż: 望山), ta' Yadi (biċ-Ċiniż: 压堤), ta' Dongpu (biċ-Ċiniż: 东浦), u ta' Kuahong (biċ-Ċiniż: 跨虹), u kollha kemm huma jissimbolizzaw il-karatteristiċi tal-pont innifsu u jesponu wkoll is-sbuħija strutturali u l-konnotazzjoni kkulurita tiegħu. Waħda mill-attrazzjonijiet ħdejhom huwa ż-"Żerniq fuq l-Art Olzata ta' Su fir-rebbiegħa" (biċ-Ċiniż: 蘇堤春曉).

 
Il-kosta tal-Lag tal-Punent f'inżul ix-xemx.

Wu Zimu ddeskriva din is-sbuħija f'"Mengliang lu" (Ħolma ta' Skutella Millieġ; biċ-Ċiniż: 夢粱錄): "Il-ħajja f'Lin'an hija lussuża fl-istaġuni kollha, mimlija ġmiel u apprezzament bla heda. Fil-Punent hemm lag sabiħ b'xeni tal-għaġeb, u fil-Lvant hemm il-mareat tax-xmara li huma spettakolari. It-tnejn li huma qishom mirakli". Apparti l-pellegrini, it-turisti f'Hangzhou kienu jinkludu l-mibgħuta ta' pajjiżi barranin, in-negozjanti, il-patrijiet u l-istudjużi kandidati tal-eżamijiet imperjali. Is-sbuħija tal-Lag tal-Punent malajr bdiet tikseb reputazzjoni mifruxa. Dak iż-żmien, mawra bid-dgħajsa fuq il-lag kienet divertiment popolari. Skont ir-rekords, kien hemm mijiet ta' dgħajjes fil-Lag tal-Punent. Kollha kienu mibnijiet b'mod delikat, imżejna b'tinqix u b'tiżjin mill-isbaħ, u ndurati bil-grazzja fuq l-ilma. Il-poeta Lin Sheng iddeskriva l-ostentazzjoni fil-poeżija tiegħu "Ma' ħajt ta' lukanda f'Lin'an". Barra minn hekk, il-poeta Yang Wanli ddeskriva x-xenarju sabiħ tal-Lag tal-Punent fil-poeżija tiegħu "Ħruġ mit-Tempju ta' Jingci fiż-Żerniq għat-Tislima ta' Lin Zifang fit-Tluq tiegħu". Dawn it-tismijiet kollha juru kemm din il-metropoli kienet qed tiffjorixxi dak iż-żmien u kemm kienet tattira nies dak iż-żmien. Il-pittur rinomat Muqi Fachang żar il-Lag tal-Punent u stabbilixxa mill-ġdid il-monasteru abbandunat tat-Tempju ta' Liutong fl-1215.

Dinastija Yuan

immodifika
"Madwar l-ilmijiet kalmi tal-lag kolluhemm muntanji ħodor.

Paviljuni u torrijiet bi sfumaturi tad-deheb

u koħol jispikkaw 'l hemm u 'l hawn.

Qisu pajsaġġ maħluq minn pittur.

Kemxejn lejn il-Lvant,

fejn ma hemm l-ebda għolja,

l-art tiftaħ xi ftit,

u hemm ileqqu qishom il-ġilda tal-ħut,

il-madumiet ikkuluriti jgħajtu ta' xi elf bejt".

Mill-Ħajja ta' Kuljum fiċ-Ċina Lejliet l-Invażjoni tal-Mongoli, 1250–1276. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Matul żmien id-dinastija Yuan, il-Lag tal-Punent kien għadu qed jiffjorixxi soċjalment, b'popolazzjoni mimlija eżuberanza għall-kant u għaż-żfin. Il-Volum 23 tal-Ktieb ta' Yuan isostni li fit-tieni sena tal-era ta' Zhida (1309), "f'Hangzhou, fl-inħawi ta' Jiang-Zhe, matul nofs sena kien hemm iktar minn 1,200 viżitatur barrani. Il-barranin Sangwu u Baoheding ġabu magħhom iljuni, panteri, ċawluni u falkuni u qagħdu hemmhekk għal 27 jum. In-nies u l-annimali kielu l-laħam ta' iktar minn 1,300 jin". Għadd dejjem ikbar ta' negozjanti u ta' vjaġġaturi minn reġjuni bħat-Turkestan u l-Punent tal-Ewropa bdew iżuru l-belt ta' Hangzhou. L-iżjed famuż fosthom kien l-esploratur Venezjan Marco Polo, li faħħar lil Hangzhou fin-nota tal-ivvjaġġar tiegħu bħala "l-iżjed belt li qisha ġenna fid-dinja". Fl-aħħar tad-dinastija Yuan, b'kollox kien hemm "Għaxar Post Xeniku ta' Qiantang", minbarra l-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent" tad-dinastija Song tan-Nofsinhar; l-eżistenza tagħhom kompliet iżżid it-turiżmu. Matul l-era ta' Zhiyuan tar-renju ta' Kublai Khan, il-lag tħammel, u ġie deskritt bħala "għadira tal-ħelsien tal-annimali mhux liberi" (biċ-Ċiniż: 放生池). Parti mill-inħawi tal-lag gradwalment ġiet arrikkita u nħolqu żoni tal-kultivazzjoni. Fl-aħħar tad-dinastija Yuan, il-Lag tal-Punent ma ngħatax wisq attenzjoni governattiva, u l-plutokrati u n-nobbli għalqu xi żoni tal-ilma, tant li l-lag mar lura u ħafna minnu mtela bid-depożiti u sar art bassasa.

Dinastija Ming

immodifika
 
It-Tliet Għadajjar li Jirriflettu l-Qamar fil-Lag tal-Punent.

Fl-aħħar tad-dinastija Yuan u fil-bidu tad-dinastija Ming, in-nies attribwew il-waqgħa tad-dinastija Song tan-Nofsinhar mal-Lag tal-Punent, minħabba li dawk tal-klassi għolja u l-imperaturi kienu iktar moħħhom fil-melodiji, fl-inbid u fix-xenarji tal-lag. Għaldaqstant, in-nies u l-gvernatur ma ridux li l-lag jerġa' jkun nadif u jiffjorixxi biex ma jerġax jiġri l-istess. Madankollu, iktar 'il quddiem matul żmien id-dinastija Ming, Hangzhou reġgħet bdiet tirpilja l-prosperità tagħha matul l-eri ta' Xuande u ta' Zhengtong (1426–1449). Imbagħad, il-gvern lokali qagħad b'seba' għajnejn fuq il-Lag tal-Punent. Fis-16-il sena tal-era ta' Hongzhi (sors partikolari jissuġġerixxi t-tielet sena tal-era ta' Zhengde), il-gvernatur ta' dak iż-żmien Yang Mengying (biċ-Ċiniż: 楊孟瑛), bl-appoġġ tal-mibgħut speċjali Ju Liang (biċ-Ċiniż: 車粱), kiseb l-approvazzjoni għat-tħammil tal-lag, minkejja r-reżistenza kbira tal-kbarat lokali. Dan il-proġett ġie ffinanzjat mid-Dipartiment tal-Inġinerija. Il-Gwida għal Żjara tal-Lag tal-Punent (biċ-Ċiniż: 西湖游覽志) irreġistrat li, "ix-xogħol beda fi Frar... u dam għaddej għal 152 jum, b'6,700,000 ħaddiem, għal kost ta' 23,607 tael tal-fidda, u wassal għat-tneħħija ta' 3,481 akru ta' għelieqi illegali... B'hekk, il-Lag tal-Punent irpilja matul id-dinastiji Tang u Song". Il-proġett tat-tħammil estenda l-wiċċ tal-ilma mill-Punent tal-Art Olzata ta' Su sal-Pont ta' Hongchun u Mao Jia Bu. Id-depożiti skavati ntużaw għat-twessigħ tal-Art Olzata ta' Su, u ntużaw ukoll għall-kostruzzjoni ta' art olzata twila fil-Lag Intern tal-Punent, imsejħa l-"Art Olzata ta' Yanggong" (biċ-Ċiniż: 楊公堤).

Matul id-dinastiji Ming u Qing, il-Lag tal-Punent tħammel diversi drabi. Id-depożiti mħaffra kienu ġew akkumulati f'munzelli li ffurmaw żewġ gżejjer fil-lag, il-"Gżira ta' Huxin" u "Xiao Ying Zhou".

Fl-1607, il-gvernatur tal-Kontea ta' Qiantang, Nie Xintang (biċ-Ċiniż: 聶心湯), bena art olzata ċirkolari min-Nofsinhar għall-Punent, 'il barra mill-Għadira ta' Fangsheng tal-gżira ta' "Xiao Ying Zhou", u din irriżultat f'veduta unika tal-"Gżira fil-Lag, il-Lag fil-Gżira". Fl-1611, Yang Wanli sussegwentement bena x-xatt ta' barra, u l-proġett kollu tlesta sal-1620. 'Il barra mill-għadira nbnew tliet pagodi żgħar tal-ġebel, imsejħa "Tliet Għadajjar (jew Vaski) li Jirriflettu l-Qamar" (biċ-Ċiniż: 三潭印月; bil-Pinjin: sān tán yìn yuè), li spiss jagħtu isimhom lill-gżira ta' Xiao Ying.

Dinastija Qing

immodifika
 
It-Tempju tar-Re tal-Qian.

L-imperaturi Kangxi u Qianlong tad-dinastija Qing żaru n-Nofsinhar taċ-Ċina u waqfu f'Hangzhou kemm-il darba; b'hekk dan għen għaż-żamma u għar-riabilitazzjoni tal-Lag tal-Punent. L-Imperatur Kangxi żar Hangzhou ħames darbiet, u kiteb l-ismijiet tal-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent" li ntgħażlu matul żmien id-dinastija Song tan-Nofsinhar. Imbagħad, il-gvernatur lokali naqqax bil-kalligrafija tal-imperatur għadd ta' steli u bena paviljuni fuqhom. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, dawk iż-żoni xeniċi bħaż-"Żewġ Qċaċet fis-Sħab" u l-"Qamar fuq il-Lag Paċifiku fil-ħarifa" sar punti fissi għall-apprezzament tal-lag. Matul ir-renju tal-Imperatur Yongzheng, "Tmintax-il Sit Xeniku tal-Lag tal-Punent" kienu wasslu għall-iżvilupp ta' nomenklatura ġdida flimkien ma' riżorsi aħjar għat-turiżmu. L-Imperatur Qianlong żar Hangzhou sitt darbiet, u kkompona poeżiji kif ukoll stabbilixxa steli għall-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent". Huwa kiteb ukoll l-ismijiet ta' "Tmien Żoni Xeniċi ta' Bir tad-Dragun", u b'hekk ix-xenarju muntanjuż tar-reġjun remot tal-Bir tad-Dragun (Longjing) sar rinomat. Fl-era ta' Qianlong, żewġ aħwa li twieldu f'Hangzhou, Qu Hao u Qu Han, kienu l-awturi konġunti tal-ktieb "Ħarsa lejn il-Lagi u l-Għoljiet", li semma saħansitra 1,016-il żona turistika madwar il-Lag tal-Punent. Dan il-ktieb huwa l-iżjed gwida bikrija tal-ivvjaġġar f'Hangzhou.

Matul ir-renju tal-Imperatur Yongzheng, il-Lag tal-Punent kien għadu jippreserva erja tal-ilma ta' 7.54 kilometri kwadri, iżda iktar minn 20 akru (81,000 m2) kienu żoni bil-ġlejjeb. Minħabba l-proġetti estensivi tat-tħammil, iż-żona tal-lag infirxet lil hinn mill-Punent ta' fejn issa hemm it-Triq ta' Xishan sal-inħawi tal-Pont ta' Hongchun, Maojia Bu, l-Għadira tal-Fkieren tal-Ilma, u Chishan Bu. Matul il-ħames sena tal-era ta' Yongzheng, il-gvernatur ta' Zhejiang u l-Viċi Direttur tal-Qorti taċ-Ċensuri, Li Wei, nefaq 42,742 tael tal-fidda għat-tħammil tal-lag. Huwa bena reċinti tal-ġebel fil-Port ta' Jinsha, f'Chishan Bu, fl-Għolja ta' Jingjia u f'Maojia Bu sabiex jaħżen l-ilma u jeħles mid-depożiti tal-lag. Fl-1800, Yan Jian (biċ-Ċiniż: 顏檢), il-gvernatur ta' Zhejiang, talab lill-qorti imperjali biex tappoġġa proġett idrawliku fil-Lag tal-Punent. Is-superviżjoni tal-proġett saret mill-gvernatur ta' Zhejiang, Ruan Yuan, li kien skava d-depożiti akkumulati f'munzell, li mbagħad saret magħrufa bħala "Ruan Gong Dun" (biċ-Ċiniż: 阮公墩; jiġifieri l-"Moll tas-Sinjur Ruan"). Sa dak iż-żmien, il-konfigurazzjoni moderna tal-Lag tal-Punent kienet ġiet iddeterminata. Fl-1864 ġie stabbilit l-Uffiċċju tat-Tħammil tal-Lag tal-Punent, u Ding Bin minn Qiantang inħatar bħala d-direttur.

Era Repubblikana sal-aħħar tas-seklu 20

immodifika
 
Mogħdija f'Roqgħa bil-Bambù.

Mill-aħħar tad-dinastija Qing sal-era Repubblikana, inbnew il-linji ferrovjarji ta' Shanghai–Hangzhou–Ningbo u ta' Zhejiang–Jiangxi, kif ukoll l-awtostradi ta' Hangzhou–Shanghai, ta' Hangzhou–Nanjing, u ta' Hangzhou–Ningbo. Din il-faċilitazzjoni tat-trasport ħeġġet l-iżvilupp tal-industrija tat-turiżmu ta' Hangzhou. Apparti l-pellegrini tradizzjonali, iktar u iktar vjaġġaturi bdew iżuru minn bliet domestiċi bħal Shanghai u Nanjing, kif ukoll mill-Ewropa, mill-Istati Uniti u mill-Ġappun. L-edizzjoni speċjali tal-mafkar tal-10 anniversarju tal-gvern ta' Hangzhou ssostni li mill-1930 sal-1936, it-turisti rreġistrati f'Hangzhou laħqu t-32,845 ruħ.

Ir-riżorsi tat-turiżmu ta' Hangzhou saru iktar abbundanti fl-era Repubblikana, u kulma jmur żdiedu ż-żoni xeniċi u l-fdalijiet kulturali madwar il-Lag tal-Punent. Il-gvern ikkonverta l-ġnien imperjali tal-palazz imperjali tad-dinastija Qing f'park fl-Għolja Solitarja. Fl-1927, il-park ingħata l-isem ta' "Park ta' Zhongshan" jew "Park ta' Sun Yat-sen". Fuq in-naħa tax-xellug tal-park, inbena l-Mafkar tal-Martri ta' Zhejiang, f'ġieħ dawk li mietu meta l-armata ta' Zhejiang ħatfet lil Jinling. Barra minn hekk, inbnew l-oqbra ta' Xu Xilin u ta' Qiu Jin qrib il-Pont ta' Xiling. Fl-1917, inbena l-Paviljun ta' Dabei fit-Tempju ta' Lingyin, u t-Tempju ta' Yue Wang u l-Qabar ta' Yue Fei ġew rinnovati diversi drabi. Mill-1923 sal-1931, inbena l-Huanglong Dong. Mill-1923 sal-1924, saret ir-rinnovazzjoni tat-Tempju tar-Re tal-Qian u ġie kkonvertit fi ġnien. Fl-1933, il-Pagoda Mmejla ta' Baochu ġiet rinnovata wkoll.

 
Id-Disa' Nixxigħat fiċ-ċpar.

Il-kostruzzjoni tal-parks f'Hangzhou bdiet bil-Park max-Xatt tal-Lag fl-era Repubblikana. Fl-1912, il-gvern militari ta' Zhejiang ġarraf is-swar tal-belt mid-Daħla ta' Qiantang sad-Daħla ta' Yongjin, kif ukoll il-fortizza ta' paviljuni, u bena t-Triq ta' Hubing max-xatt tal-lag. Tpoġġew ostakli lejn xi 20 metru mil-lag u tħawwlu għadd ta' pjanti bil-fjuri u ta' siġar. Dan is-sit issejjaħ "il-Park tax-Xatt tal-Lag", u jkopri madwar mil Ċiniż u ġie maqsum f'ħames parks, mill-ewwel sal-ħames. Fir-rebbiegħa tal-1930, il-gvern tal-belt witta l-art ta' madwar 21 mu bit-tajn tat-tħammil tal-lag mit-Tramuntana tat-Triq ta' Changsheng sad-Daħla ta' Qiantang, u stabbilixxa s-Sitt Park. Mill-1928 sal-1933, il-gvern provinċjali ta' Zhejiang bena l-"Istatwa ta' Chen Yingshi", it-"Torri tal-Mafkar tal-Martri tal-Ispedizzjoni tat-Tramuntana" u l-"Istele tal-Mafkar tal-Martri tat-88 Diviżjoni fil-Kampanja Militari ta' Songhu" fil-mollijiet tat-Tielet Park, tat-Tieni Park u tal-Ħames Park, rispettivament.

Minħabba t-tħaffir kontinwu fil-bażi tagħha, il-Pagoda ta' Leifeng, wara li damet għal kważi elf sena, iġġarrfet f'daqqa waħda fil-25 ta' Settembru 1924. Kienet aħbar xokkanti fil-mezzi tax-xandir. Lu Xun kiteb apposta "Kumment dwar it-Tiġrif tal-Pagoda ta' Leifeng" u t-"Tieni Kumment dwar it-Tiġrif tal-Pagoda ta' Leifeng", u għamel rimarka dwar dan l-avveniment. Il-waqgħa tal-Pagoda ta' Leifeng temmet ukoll waħda mill-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent", "il-Pagoda ta' Leifeng f'Inżul ix-Xemx" (biċ-Ċiniż: 雷峰夕照).

Mis-6 ta' Ġunju sal-20 ta' Ottubru 1929, il-gvern ta' Zhejiang ospita l-ewwel "Expo tal-Lag tal-Punent", u l-parteċipanti totali qabżu l-20 miljun ruħ. Il-post fejn saret l-Expo tal-Lag tal-Punent ġiet stabbilita f'inħawi madwar ix-xatt tal-lag, bħall-Pont il-Miksur, l-Għolja Solitarja, it-Tempju ta' Yue-Wang, u l-Għolja tat-Tramuntana. L-iskop primarju tal-expo kien il-promozzjoni tal-prodotti nazzjonali u t-tħeġġeġ tal-impriżi. Apparti iktar minn 1,000 grupp ta' delegrati minn madwar id-dinja, ġew involuti delegati mill-Amerka, mill-Ġappun, mir-Renju Unit, mill-Indoneżja u minn pajjiżi oħra. Dan kien l-ikbar u l-itwal avveniment ta' din ix-xorta f'Hangzhou matul l-era Repubblikana.

Wara l-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1949, Hangzhou kienet fost l-ewwel postijiet li fetħu għat-turiżmu. Il-gvern tal-belt ippreserva l-inħawi tal-muntanji madwar il-lag u ħawwel għadd kbir ta' siġar. Sadanittant, il-Lag tal-Punent tħammel b'mod estensiv. Fi ħdan iż-Żona Xenika tal-Lag tal-Punent, infetħu ġnien botaniku ġdid u ġnien tal-fjuri ġdid. Il-park tal-Osservazzjoni tal-Ħut fl-Għadira tal-Fjuri (biċ-Ċiniż: 花港觀魚) u l-park tat-Tajriet Sofor fis-Siġar taż-Żafżafa (biċ-Ċiniż: 柳浪聞鶯) inbnew ukoll. Il-Parks tal-Osservazzjoni tal-Ħut fil-Fawwariet tal-Ġada u ta' Yongjin ġew rikostruwiti. It-Tempju ta' Lingyin, it-Tempju ta' Jingci, it-Tempju ta' Yue-Wang, it-Tliet Għadajjar li Jirriflettu l-Qamar (biċ-Ċiniż: 三潭印月), il-Paviljun tal-Qalb tal-Lag u żoni xeniċi oħra ġew rinnovati. Barra minn hekk, inbnew mill-ġdid it-Toroq tal-Punent ta' Huanhu (it-Triq ta' Xishan), ta' Longjin u ta' Jiuxi. Fl-1959, il-Lag tal-Punent ta' Hangzhou laqa' iktar minn 1,400 turist barrani, iktar minn 2,300 turist minn Hong Kong u Macao, u iżjed minn ħames miljun viżitatur domestiku.

Matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali, it-Tempju ta' Liutong u tempju ieħor inqerdu.

Wara r-Rivoluzzjoni Kulturali, l-għadd ta' turisti li żaru l-Lag tal-Punent reġa' żdied. Fl-1978, il-lag laqa' 53,000 turist barrani kif ukoll minn Hong Kong u Macao, minbarra xi sitt miljun vjaġġatur domestiku.

F'Mejju 1983, il-kunsill statali ta t-titlu ta' "Belt Storika u Kulturali Famuża" u "Belt Xenika Ewlenija Nazzjonali tat-Turiżmu" lil Hangzhou. F'Settembru 1984, l-uffiċċju eżekuttiv tal-kunsill statali ta struzzjonijiet biex Hangzhou tevolvi fiċ-ċentru tat-turiżmu tax-Xlokk taċ-Ċina u bħala belt turistika internazzjonali tal-ewwel klassi. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-gvern ta' Hangzhou rinnova t-Tempju ta' Lingyin, it-Tempju ta' Tianzhu, it-Tempju ta' Jingci, it-Tempju ta' Yue-Wang, is-Sala ta' Dacheng, il-paviljuni tal-isteli tal-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent" u strutturi oħra. Attrazzjonijiet bħall-Fawwara tat-Tigra tal-Galopp tkabbru. Ġie stabbilit il-park tal-Għalqa Kurva u tal-Vaska tal-Lotus fis-sajf (biċ-Ċiniż: 曲院風荷). Infetħet l-attrazzjoni l-ġdida tal-"Esplorazzjoni tal-Inwar tal-Għanbaqar fil-Quċċata ta' Ling" (biċ-Ċiniż: 靈峰探梅). F'Huanglong Dong u f'Ruangong Dun ġew organizzati karnivali kbar. Barra minn hekk, ġew organizzati avveniment fil-ġonna billejl u swieq mużikali billejl għad-divertiment.

Fl-1949 il-Lag tal-Punent imtela bid-depożiti, b'fond medju ta' 0.55 metri biss u b'kapaċità ta' 4 miljun metru kubu biss. Il-ħaxix ħażin bit-tajn kesa l-qiegħ tal-lag, tant li d-dgħajjes il-kbar setgħu jbaħħru biss minn kanali speċifiċi. Fl-1950, il-gvern elenka t-tħammil tal-Lag tal-Punent bħala proġett ta' investiment nazzjonali. Hangzhou nediet il-Proġett tat-Tħammil tal-Lag tal-Punent fl-1951 biex jiġu skavati sew id-depożiti. Sal-1954, ix-xogħol kollu kien ġie mekkaniċizzat. Il-proġett intemm fl-1959. Bħala riżultat, il-fond medju miksub kien ta' 1.808 metru b'massimu ta' 2.6 metri. Il-kapaċità żdiedet għal 10,271,900 metru kubu. Id-depożiti ntużaw biex jimtlew 18-il għadira jew laguna fl-inħawi tal-madwar, inkluż fit-Tempju ta' Zhaoqing u fil-Park ta' Qingbo. Madankollu, minħabba l-erożjoni u s-sedimenti li reġgħu nġemgħu fil-qiegħ tal-lag, il-fond tal-ilma naqas għal 1.47 metru. Għalhekk, il-gvern investa żewġ miljun yuan fl-1976 għat-tħammil mill-ġdid tal-lag. Sal-1980, il-fond żdied għal 1.5 metru. Apparti x-xogħol tat-tħammil, il-gvern tal-belt iffortifika b'mod sostanzjali x-xatt tal-lag, b'tul totali ta' 29,800 metru. Dan kien l-ikbar proġett ta' tkabbir tax-xtut fl-istorja tal-Lag tal-Punent. Flimkien mal-proġett, iktar minn 10 mollijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes ġew rinnovati jew inbnew mill-ġdid fil-Park tax-Xatt tal-Lag, fil-Park ta' Zhongshan, fil-Qabar ta' Yue Fei u fuq iż-żewġ naħat tal-Art Olzata ta' Su.

Il-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Lag tal-Punent ġie inawgurat fl-1 ta' Frar 1985. Permezz tal-proġett inbniet pompa fis-sezzjoni ta' Zhakou tax-xmara Qiantang, li ġibdet 300,000 metru kubu ta' ilma kuljum, jiġifieri l-ekwivalenti ta' 0.03 % tal-kapaċità totali tal-lag. Bħala konsegwenza ta' dan, it-trasparenza tal-korp tal-ilma tal-lag żdiedet minn 5 ċentimetri għal 7 ċentimetri. Min-naħa l-oħra, il-proġett tal-interċettazzjoni tad-dranaġġ fil-lag kollu ġie varat fl-1978 u tlesta fl-1981. Kien maqsum fi tliet fergħat, tan-Nofsinhar, tal-Punent u tat-Tramuntana, fejn intradmu iktar minn 17-il kilometru ta' mini tad-dranaġġ, u l-lag ġie mgħammar b'10 impjanti tal-ippompjar.

Fl-1984, ħames organizzazzjonijiet inkluż il-ġurnal ta' Hangzhou sponsorjaw il-votazzjoni għall-"Għaxar Żoni Xeniċi Ġodda tal-Lag tal-Punent". Iż-żoni xeniċi l-ġodda huma l-Mogħdija fis-Sħab fir-Roqgħa tal-Bambù (biċ-Ċiniż: 雲棲竹徑), is-Siġar Imċajpra qrib id-Disa' Nixxigħat (biċ-Ċiniż: 九溪煙樹), il-Ħolm fil-Fawwara tat-Tigra tal-Galopp (biċ-Ċiniż: 虎跑夢泉), l-Għar tad-Dragun Isfar Liebes bl-Aħdar (biċ-Ċiniż: 黃龍吐翠), ix-Xita Ħelwa tal-Osmanthus fil-villaġġ ta' Manjuelong (biċ-Ċiniż: 滿隴桂雨), is-Sħab fuq l-Għolja tal-Imperatur tal-Ġada (biċ-Ċiniż: 玉皇飛雲), l-Istħarriġ dwar it-Te fil-Bir tad-Dragun (biċ-Ċiniż: 龍井問茶), l-Għolja tal-Ħaġra Prezzjuża fis-Sħab Roża (biċ-Ċiniż: 寶石流霞), ir-Riħ tal-Ġenna fuq l-Għolja ta' Wushan (biċ-Ċiniż: 吳山天風), u t-Tumbata ta' Ruan Imdawra fil-Ħdura (biċ-Ċiniż: 阮墩環碧). Filwaqt li jħaddan depożiti ta' sbuħija naturali u kulturali abbundanti, il-Lag tal-Punent ta' Hangzhou kien fost l-ewwel "Żoni Xeniċi Turistiċi Ewlenin Nazzjonali" fl-1982, u ġie elett bħala wieħed mill-"Għaxar Siti Xeniċi Ċiniżi" fl-1985.

Wara 71 sena, l-Expo tal-Lag tal-Punent ġiet varata f'Xi Hu fis-sena 2000. L-espożizzjoni l-ġdida saret mill-20 ta' Ottubru sal-10 ta' Novembru, u attirat 1,400,000 turist domestiku u barrani. L-industrija tat-turiżmu wasslet introjtu ta' 1.12 biljun RMB. L-Expo tejbet ferm ir-reputazzjoni tal-Lag tal-Punent domestikament u internazzjonalment. Minn hemm 'il quddiem, l-Expo tal-Lag tal-Punent sar ċelebrazzjoni annwali konvenzjonali.

Xbihat tal-Lag tal-Punent dehru kemm-il darba fuq il-karti tal-flus Ċiniżi. Ix-xbieha tat-"Tliet Għadajjar li Jirriflettu l-Qamar" ġiet stampata fuq in-naħa ta' wara kemm tal-karta tal-flus ta' yuan wieħed maħruġa mill-gvern fl-1979 kif ukoll tal-ħames verżjoni tal-karta tal-flus ta' yuan wieħed maħruġa fl-2004.

Xogħlijiet letterarji

immodifika

Matul is-sekli, il-ġmiel u l-kultura tal-Lag tal-Punent attiraw lil bosta litterati, li ħallew warajhom xogħlijiet tal-letteratura u tal-poeżija li ddeskrivew il-lag. Pereżempju, Ħolm fil-Lag tal-Punent u Ktieb tal-Lag u tal-Muntanja rreġistraw bosta aneddoti storiċi ta' Hangzhou tal-qedem u tal-Lag tal-Punent. Poeti bħal Bai Juyi, Su Shi, Xu Zhimo u Hu Shih kitbu wkoll bosta poeżiji dwar il-Lag tal-Punent. Il-leġġenda Ċiniża Leġġenda tas-Serp Abjad hija ambjentata wkoll fil-Lag tal-Punent f'Hangzhou u matul is-snin ġiet adattata għal films u għal sensiliet televiżivi.

Proġett ta' Rinnovazzjoni tan-Nofsinhar tal-Lag tal-Punent

immodifika

Fis-seklu 21, il-Lag tal-Punent sarulu diversi proġetti ta' rinnovazzjoni ambjentali. L-ewwel wieħed fosthom kien il-"Proġett ta' Rinnovazzjoni tan-Nofsinhar tal-Lag tal-Punent". Minn Frar sa Ottubru 2002, il-gvern ta' Hangzhou inkorpora erba' parks kbar fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-lag, u dawn l-erba' parks ikunu miftuħin bla ħlas għall-pubbliku kuljum. Fil-25 ta' Ottubru 2002, fis-sit l-antik tal-Pagoda ta' Leifeng li ġġarrfet 78 sena ilu, inbniet pagoda ġdida għolja 71.7 metru.[4]

Ġeografija

immodifika
 
Mappa tal-Lag tal-Punent.

Dwar il-formazzjoni tal-Lag tal-Punent, ma tantx hemm wisq rekords għajr f'dokumenti tal-qedem. Ir-"Rekord tal-Attrazzjonijiet tal-Lag tal-Punent" (biċ-Ċiniż: 西湖游覽志) isostni li "l-Lag tal-Punent huwa mdawwar bil-muntanji fuq tliet naħat. Għadd ta' nixxigħat jinżlu mill-għoljiet għal ġol-għadira. Hemm mijiet ta' fawwariet taħt il-lag, u l-lag huwa ffurmat bl-ilma li jakkumula" (biċ-Ċiniż: 西湖三面環山,溪谷縷注,下有淵泉百道,潴而為湖). L-istudjużi moderni studjaw it-topografija, il-ġeoloġija, is-sedimenti u l-idrodinamika, u ġeneralment isostnu li l-Lag tal-Punent kien laguna li ffurmat gradwalment minn golf. Fl-1920, ix-xjenzat Zhu Kezhen ippubblika Il-Kawża tal-Formazzjoni tal-Lag tal-Punent f'Hangzhou (biċ-Ċiniż: 杭州西湖生成的原因) wara li eżamina t-topografija madwar il-lag. Huwa sostna li "l-Lag tal-Punent oriġinarjament kien bajja żgħira fuq in-naħa tax-xellug tax-xmara Qiantang. Iktar 'il quddiem, il-ħamrija fix-xmara ssedimentat u bil-mod il-mod saddet il-bokka tal-bajja, u għaldaqstant iffurmat laguna". Zhu saħaq ukoll, abbażi tal-kalkolu tar-rata tas-sedimentazzjoni, li l-Lag tal-Punent ifforma madwar 12,000 sena ilu, meta l-lag kien ferm ikbar milli hu issa; u li l-erja tal-ilma tal-lag gradwalment ċkienet, minħabba li l-lag imtela bis-sedimenti mill-qaliet fl-għoljiet ta' madwar it-tliet naħat tal-lag. Il-Lag tal-Punent ma kienx ikun jeżisti llum il-ġurnata li kieku mhux għax-xogħol tat-tħammil li sar fil-qedem. Fl-1924, il-ġeologu Zhang Hongzhao (biċ-Ċiniż: 章鴻釗) ippubblika Spjegazzjoni Waħda tal-Formazzjoni tal-Lag tal-Punent. Filwaqt li appoġġa l-argumenti ta' Zhu, huwa ssupplimentahom b'tagħrif dwar il-formazzjoni tal-Lag tal-Punent, li skontu bdiet bil-forza tal-mareat li bnew ix-xatt tal-lag. Iktar 'il quddiem, l-alterazzjonijiet tal-bajja għenu biex jinżamm il-livell tal-ilma. Dawn kienu żewġ prerekwiżiti għall-formazzjoni tal-lag.

Karatteristiċi idroloġiċi

immodifika

Il-kontorn tal-korp tal-ilma tal-Lag tal-Punent huwa kważi ovali, filwaqt li l-qiegħ tal-lag huwa relattivament ċatt. Iż-żona tal-maqbad tal-Lag tal-Punent fiha 21.22 kilometru kwadru, bi skular annwali ta' 14-il miljun metru kubu. Il-Lag tal-Punent jikseb l-ilma tiegħu mix-xmara Qiantang, b'total ta' madwar 120 miljun metru kubu fis-sena. Is-sorsi tal-ilma naturali tal-wiċċ tal-lag huma n-nixxiegħa ta' Jinsha (biċ-Ċiniż: 金沙涧), in-nixxiegħa ta' Long Hong (biċ-Ċiniż: 龙泓涧), in-nixxiegħa ta' Qishan (magħrufa wkoll bħala nixxiegħa ta' Huiyin; biċ-Ċiniż: 赤山涧(慧因涧)) u n-nixxiegħa ta' Changqiao (biċ-Ċiniż: 长桥溪).

Il-kapaċità tal-ħżin tal-lag hija ta' madwar 14.294 miljun metru kubu. Il-fond medju tal-lag huwa ta' 2.27 metri, u l-iżjed punt fond tal-lag huwa ta' 5 metri u l-iżjed punt baxx huwa ta' inqas minn metru. Il-preċipitazzjoni annwali medja fuq il-lag hija ta' 5.629 miljun metru kubu. Il-koeffiċjent tal-erożjoni tas-sistema tal-ilma huwa ta' 1.49. Meta tingħalaq id-daħla tal-ġibjun fi staġun tan-nixfa, ir-rata tal-fluss hija ugwali għal 0. Saħansitra fil-perjodu tal-għargħar, ir-rata tal-fluss ġenerali hija ta' inqas minn 0.05 m/s biss.

Il-livell tal-ilma tal-lag jinżamm taħt il-livell tal-Baħar l-Isfar ta' 7.15 metri, b'±0.05 metri. L-ogħla livell tal-ilma jkun ta' 7.70 metri u l-iżjed livell baxx tal-ilma jkun ta' 6.92 metri, b'differenza ta' 50 ċentimetru.

 
Weraq tal-Lotus fil-Lag tal-Punent.

Madwar il-Lag tal-Punent jgħixu 184 familja, 739 ġeneru, 1,369 speċi ta' pjanti taż-żrieragħ, inkluż 28 speċi ta' ġimnospermi fi 19-il ġeneru u f'7 familji, 1,273 speċi ta' anġjospermi f'675 ġeneru u 150 familja, 68 speċi ta' felċi f'45 ġeneru u 27 familja. Attwalment, hemm 21 speċi ta' pjanti rari elenkati taħt protezzjoni statali tal-ewwel grad, fosthom in-nan ta' Zhejiang, il-fażola tas-sojja selvaġġa u l-bambù qasir tax-xewk, u 63 speċi huma elenkati taħt protezzjonali statali tat-tieni grad.

Inwar tal-Ħawħ: Max-xtut tal-lag tħawwlu għadd kbir ta' siġar taż-żafżafa u tal-ħawħ. Jingħad li għal kull siġra taż-żafżafa hemm siġra tal-ħawħ. Fost il-pjanti ortikulturali l-oħra hemm il-magnolja, iċ-ċirasa, il-ward konfederat, eċċ. L-istaġun tal-inwar tas-siġar tal-ħawħ f'Hangzhou normalment ikun mill-aħħar ta' Frar sa nofs April.

 
L-inwar tal-għanbaqar.

Lotus: Xi siti f'Hangzhou ngħataw isem il-lotus, bħall-għadira tal-lotus (biċ-Ċiniż: 荷花池頭) u l-korsija tal-lotus (biċ-Ċiniż: 荷花塘弄). Hemm ikel tradizzjonali li jissejjaħ "kejk tal-lotus". Il-fossili taż-żrieragħ tal-lotus instabu fis-sit ta' Kuahuqiao f'Xiaoshan, u dan jindika li mill-inqas qabel id-dinastija Tang kien hemm lotus ikkultivat. Yang Wanli tad-dinastija Song kiteb poeżija: "Il-weraq tal-lotus jikbru sas-sema bi ħdura bla tmiem, filwaqt li l-inwar tal-lotus fid-dawl tax-xemx jidhru b'aħmar tassew speċjali (biċ-Ċiniż: 接天蓮葉無窮碧,映日荷花别样紅); permezz ta' din il-poeżija l-Lag tal-Punent kiseb reputazzjoni importanti. Illum il-ġurnata hemm 14-il żona ta' kultivazzjoni tal-lotus fil-lag, b'total ta' 130 akru Ċiniż. Il-biċċa l-kbira jinsabu fil-"Lag Intern tat-Tramuntana" u fil-"Lag ta' Yue". Skont l-istatistika, il-lotus tal-Lag tal-Punent jibda jarmi l-inwar fil-bidu ta' Ġunju, u jilħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar ta' Ġunju. Dan l-istaġun jista' jdum sal-aħħar ta' Awwissu jew sal-bidu ta' Settembru.

Osmanthus: Bħala l-fjura tal-belt, l-osmanthus hija waħda mill-pjanti rappreżentattivi ta' Hangzhou. Il-poeta Bai Juyi kiteb "fittex l-osmanthus madwar it-tempju fuq l-għolja f'nofs il-ħarifa", u dan jindika li l-osmanthus kienet diġà tiġi kkultivata matul żmien id-dinastija Tang. Is-siġar tal-osmanthus tħawwlu bil-bosta fil-parks ta' madwar il-lag, u l-iżjed postijiet magħrufa biex wieħed japprezzahom huma fix-"Xita Ħelwa tal-Osmanthus tal-Villaġġ ta' Manjuelong", waħda mill-"Għaxar Żoni Xeniċi Ġodda tal-Lag tal-Punent", u fil-Ġnien Botaniku ta' Hangzhou. L-osmanthus jistgħu jiġu maqsuma f'erba' speċijiet ewlenin, il-grupp Thunbergii (biċ-Ċiniż: 金桂), il-grupp Latifolius (biċ-Ċiniż: 銀桂), il-grupp Aurantiacus (biċ-Ċiniż: 丹桂) u l-grupp Fragrans (biċ-Ċiniż: 四季桂). Fosthom, il-gruppi Thunbergii u Latifolius huma l-aqwa. Kull sena għall-ħabta ta' nofs il-ħarifa, l-inwar tal-osmanthus b'riħa ħelwa huwa attrazzjoni prinċipali għat-turiżmu f'Hangzhou. Minbarra d-dehriet eleganti tagħha, l-osmanthus tittiekel ukoll. Il-gruppi Thunbergii u Latifolius għandhom riħa ħelwa qawwija, u jintużaw bħala ingredjenti naturali għat-tħawwir. L-inwar tal-osmanthus tal-pikles imħallat maz-zokkor abjad sar ikel tradizzjonali ta' Hangzhou, "l-Osmanthus ħelwa" (biċ-Ċiniż: 糖桂花). Il-perjodu tal-inwar tal-Osmanthus fil-Lag tal-Punent jibda mill-bidu ta' Settembru u jibqa' sejjer sal-bidu ta' Novembru.

Inwar tal-Għanbaqar: Lin Bu (biċ-Ċiniż: 林逋), rekluż famuż matul id-dinastija Song, kien jgħix fuq l-Għolja Solitarja. Il-poeżija tiegħu L-Inwar tal-Għanbaqar iż-Żgħir tal-Ġnien tal-Għolja (biċ-Ċiniż: 山園小梅) saret l-iżjed poeżija magħrufa li tfaħħar il-fjura u li arrikkiet il-kontributi kulturali tal-inwar tal-għanbaqar tal-Lag tal-Punent. Is-sentenza fil-bidu tal-poeżija tgħid li "Meta l-ilwien kollha jkunu battew, huma waħedhom ileqqu qalb is-sbuħija tal-ġonna ż-żgħar" (biċ-Ċiniż: 眾芳搖落獨暄妍,占斷風情向小園). Il-Quċċata ta' Ling, l-Għolja Solitarja u l-Qala tal-Punent ilhom meqjusa bħala l-iżjed tliet postijiet sbieħ biex wieħed igawdi l-inwar tal-għanbaqar f'Hangzhou. L-istaġun tal-inwar tipikament ikun għall-ħabta tal-Festival tar-Rebbiegħa, mill-aħħar ta' Jannar sa nofs Frar.

Tulipani: Il-"Park tal-Bajja tal-Prinċep" (biċ-Ċiniż: 太子湾公园) ta' Hangzhou importa kważi l-ispeċijiet kollha ta' tulipani min-Netherlands fl-1992, u minn dak iż-żmien 'l hawn issir wirja annwali tat-tulipani. Dan sar punt xeniku ġdid max-xtut tal-lag. L-istaġun tal-inwar normali tat-tulipani jkun minn nofs Marzu sal-aħħar ta' April.

Fost l-iżjed annimali komuni fil-Lag tal-Punent hemm il-kuluvert, l-alikoni u l-karpjuni koi. Barra minn hekk, diversi skojjattli jitlajjaw qalb is-siġar max-xtut tal-lag.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Lag tal-Punent ta' Hangzhou ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Influwenzi

immodifika
"Qatt ma vvjaġġajt lejn il-Lag tal-Punent ta' Hangzhou

Iżda donni niftakar b'post simili fil-ħolm tiegħi:

Medda vaga u indistinta tal-ilma u tas-sħab

Fejn il-weraq tal-lotus jiġu fużi mal-friegħi tas-siġar taż-żafżafa".

Huang Zunxian (1848–1905), silta minn Vjaġġ lejn Lag Abbundanti.[5] (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Il-Lag tal-Punent jingħad li huwa l-inkarnazzjoni ta' Xi Shi, waħda mill-Erba' Entitajiet Sbieħ taċ-Ċina tal-Qedem. Minn żmien il-qedem, il-Lag tal-Punent kien assoċjat ma' għadd kbir ta' poeti Romantiċi, filosfi profondi u eroj nazzjonali. Il-Lag tal-Punent kien ukoll post ta' rtir għal bosta kittieba Ċiniżi tal-imgħoddi. Il-poeta tad-dinastija Song tat-Tramuntana Lin Bu, li ma riedx jgħix il-ħajja ta' uffiċjal, għex waħdu qrib il-Lag tal-Punent għal għoxrin sena, u ddedika lilu nnifsu għall-kultivazzjoni tal-inwar tal-ħawħ u tal-għanbaqar. Is-saġġist kbir tad-dinastija Ming Zhang Dai, kiteb għadd ta' saġġi dwar il-Lag tal-Punent f'Reminixxenza u Ħolm ta' Tao'an (biċ-Ċiniż: 陶庵夢憶), u ktieb sħiħ Tfittxija għal-Lag tal-Punent fil-Ħolm (biċ-Ċiniż: 西湖夢尋). Il-Lag tal-Punent kellu impatt profond fuq id-disinni pajsaġġistiċi tal-Lvant Imbiegħed, u l-karatteristiċi tiegħu sikwit ġew imitati minn palazzi u ġonna oħra, bħal-Lag ta' Kunming fil-Palazz tas-Sajf f'Beijing, kif ukoll l-għadajjar ċentrali tal-Ġnien ta' Kyu Shiba Rikyu u tal-Ġnien ta' Koishikawa Kōrakuen f'Tokjo, il-Ġappun, fost oħrajn.[6]

Minħabba l-istatus storiku u kulturali prominenti tiegħu, il-Lag tal-Punent intgħażel bħala Post Xeniku Ewlieni Nazzjonali fl-1982, wieħed minn Għaxar Postijiet Xeniċi fl-1985, u post turistiku nazzjonali AAAAA fl-2006.

Flimkien mal-importanza kulturali tiegħu, storikament il-Lag tal-Punent kellu wkoll importanza storika għas-sajjieda kummerċjali lokali. Skont l-istatistika mill-1977, il-lag kellu rendiment annwali ta' ħut ta' 1,300 kilogramma għal kull ettaru, ferm iktar minn xi lagi ikbar (bħal-Lag tal-Lvant ta' Wuhan li kellu rendiment ta' 450 kilogramma għal kull ettaru biss).[7]

Attrazzjonijiet

immodifika

Attrazzjonijiet oħra jinkludu:

  • it-Tempju ta' Yue Fei, il-qabar u s-sala tal-mafkar ta' Yue Fei;
  • it-Tempju ta' Lingyin, monasteru Buddist u l-għoljiet tal-madwar;
  • l-għelieqi tat-te ta' Long Jing (biċ-Ċiniż: 龙井茶园), żona rinomata għall-kwalità tat-te;
  • it-Tempju ta' Jingci;
  • il-Fawwara tat-Tigra tal-Galopp (biċ-Ċiniż: 虎跑梦泉), fawwara famuża għall-ilma minerali tagħha;
  • il-Qabar ta' Su Xiao Xiao (biċ-Ċiniż: 苏小小墓);
  • il-Mużew tal-Lag tal-Punent (li jinsab max-xatt tal-lag) huwa ddedikat lill-wirt kulturali tal-Lag tal-Punent;
  • l-eks Residenza ta' Chiang Ching-kuo.

Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent

immodifika
 
Replika f'minjatura tal-Lag tal-Punent fil-Park ta' Gifu, f'Gifu, il-Ġappun.

Tradizzjonalment, hemm għaxar żoni xeniċi magħrufa sew tal-Lag tal-Punent, kollha kemm huma mfakkra b'epitet magħmul minn erba' karattri Ċiniżi. Kollettivament, dawn huma magħrufa bħala l-"Għaxar Żoni Xeniċi tal-Lag tal-Punent" (biċ-Ċiniż: 西湖十景). Kull żona hija mmarkata bi stele b'epitet imnaqqax bil-kalligrafija tal-Imperatur Qianlong. Dawn huma:

  • l-Għalqa Kurva u l-Vaska tal-Lotus fis-sajf (biċ-Ċiniż: 曲院風荷);
  • il-Qamar fuq il-Lag Paċifiku fil-ħarifa (biċ-Ċiniż: 平湖秋月);
  • il-Fdalijiet tal-Borra fuq il-Pont fix-xitwa (biċ-Ċiniż: 斷橋殘雪);
  • il-Pagoda ta' Leifeng f'Inżul ix-Xemx (biċ-Ċiniż: 雷峰夕照);
  • iż-Żewġ Qċaċet fis-Sħab (biċ-Ċiniż: 雙峰插雲);
  • it-Tajriet Sofor Jgħannu fis-Siġar taż-Żafżafa (biċ-Ċiniż: 柳浪聞鶯);
  • l-Osservazzjoni tal-Ħut fl-Għadira tal-Fjuri (biċ-Ċiniż: 花港觀魚);
  • it-Tliet Għadajjar li Jirriflettu l-Qamar (biċ-Ċiniż: 三潭印月);
  • it-Tokki tal-Qanpiena ta' Filgħaxija fl-Għolja ta' Nanping (biċ-Ċiniż: 南屏晚鐘);
  • iż-Żerniq fir-rebbiegħa fl-Art Olzata ta' Su (biċ-Ċiniż: 苏堤春晓).

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "West Lake Cultural Landscape of Hangzhou". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-16.
  2. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient Chinese cultural landscape, the West Lake of Hangzhou, inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-30.
  3. ^ Yang, Hongxun and Huimin Wang (1982). The classical gardens of China: history and design techniques. Van Nostrand Reinhold Co. p. 111. ISBN 0-442-23209-8.
  4. ^ "新雷峰塔落成_光明日报_光明网". www.gmw.cn. Miġbur 2024-09-30.
  5. ^ Jerry Dean Schmidt (1994). Within the human realm: the poetry of Huang Zunxian, 1848–1905. Cambridge University Press. p. 81. ISBN 0-521-46271-1.
  6. ^ "Hangzhou - Imperial Tours". www.imperialtours.net (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-30.
  7. ^ American Oceanography Delegation, Committee on Scholarly Communication with the People's Republic of China (1980), Oceanography in China: a trip report of the American Oceanography Delegation submitted to the Committee on Scholarly Communication with the People's Republic of China, Issue 9 of CSCPRC report, Committee on Scholarly Communication with the People's Republic of China (U.S.)., National Academies, p. 13, ISBN 9780309030465.