Katidral ta' Speyer
Il-Katidral ta' Speyer, uffiċjalment il-Bażilika Katidral Imperjali tat-Tlugħ is-Sema u ta' San Stiefnu (bil-Latin: Domus sanctae Mariae Spirae; bil-Ġermaniż: Dom zu Unserer lieben Frau in Speyer) li jinsab fi Speyer, il-Ġermanja, huwa s-sede tal-Isqof Kattoliku Ruman ta' Speyer taħt is-suffraġju tal-Arċidjoċesi Kattolika Rumana ta' Bamberg. Il-katidral, li huwa ddedikat lil Santa Marija, il-qaddisa patruna ta' Speyer (Patrona Spirensis), u lil San Stiefnu, ġeneralment huwa magħruf bħala l-Katidral Imperjali ta' Speyer (bil-Ġermaniż: Kaiserdom zu Speyer).[1] Il-Papa Piju XI eleva l-Katidral ta' Speyer għal-livell ta' bażilika minuri tal-Knisja Kattolika Rumana fl-1925.
Mibdija fl-1030 taħt Konrad II, bin-naħa tal-Lvant u l-volta għolja tal-1090-1103, il-bażilika bil-volti imponenti bi tliet korsiji magħmula bil-blat ramli aħmar hija l-"qofol ta' disinn li kien estremament influwenti fl-iżvilupp sussegwenti tal-arkitettura Rumaneska matul is-sekli 11 u 12".[2] Bħala l-post fejn indifnu l-imperaturi u r-rejiet Saljani, Staufer u Asburgi, il-katidral jitqies bħala simbolu tal-poter imperjali.[3][4] Bl-Abbazija ta' Cluny fi stat ta' fdalijiet, il-katidral huwa l-ikbar knisja Rumaneska eżistenti.[5] Jitqies bħala "punt ta' żvolta fl-arkitettura Ewropea"[6], wieħed mill-iżjed monumenti arkitettoniċi importanti ta' żmienu[7] u wieħed mill-ifjen monumenti Rumaneski.[8][9][10]
Fl-1981, il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala "monument maġġuri tal-arti Rumaneska fl-Imperu Ġermaniż".[11][12][13][14]
Storja u arkitettura
immodifikaMedju Evu
immodifikaFl-1025, Konrad II ordna l-kostruzzjoni tal-ikbar knisja Kristjana tal-Punent fi Speyer li suppost kellha tkun ukoll il-post fejn kellu jindifen. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1030 fuq is-sit ta' bażilika preċedenti fuq promontorju elevat maġenb ix-xmara Renu iżda f'post sikur biżżejjed f'każ li kellu jogħla l-livell tax-xmara. Flimkien mal-Katidral ta' Santiago de Compostela (li nbeda fl-1075), l-Abbazija ta' Cluny (Cluny III, li nbdiet fl-1085), u l-Katidral ta' Durham (li nbeda fl-1093), kien l-iżjed proġett ambizzjuż ta' dak iż-żmien.[15] Il-blat ramli aħmar għall-binja ġie mill-muntanji tal-Foresta Palatina u huwa maħsub li ġie ttrasportat mill-kanali ta' Speyerbach, nixxiegħa li tnixxi mill-muntanji sar-Renu fi Speyer.[16] La Konrad II, u lanqas ibnu Enriku III, ma raw il-katidral jitlesta. Konrad II miet fl-1039 u ndifen fil-katidral sakemm kien għadu qed jinbena, filwaqt li Enriku III ndifen maġenbu fl-1056. L-oqbra tpoġġew fil-korsija ċentrali quddiem l-artal.
Meta kważi tlesta għalkollox, il-katidral ġie kkonsagrat fl-1061. Din il-fażi ta' kostruzzjoni, imsejħa Speyer I, tikkonsisti minn Westwerk (opra tal-Punent fil-faċċata), navata b'żewġ korsiji u transett li jgħaqqadhom flimkien. Maġenb il-kor inbnew żewġ torrijiet. L-apsida oriġinali kienet tonda fuq ġewwa iżda rettangolari fuq barra. In-navata kienet mgħottija b'saqaf ċatt tal-injam iżda l-korsiji kienu bil-volti, u b'hekk il-katidral huwa t-tieni l-ikbar binja bil-volti fit-Tramuntana tal-Alpi (wara l-Katidral ta' Aachen). Jitqies li huwa l-iżjed eżitu tal-għaġeb tal-arkitettura Saljana bikrija u l-"qofol ta' disinn li kien estremament influwenti fl-iżvilupp sussegwenti tal-arkitettura Rumaneska matul is-sekli 11 u 12".[17]
Għall-ħabta tal-1090, in-neputi ta' Konrad, l-Imperatur Enriku IV, wettaq rikostruzzjoni ambizzjuża sabiex ikabbar il-katidral. Ordna li jitwaqqgħu s-sezzjonijiet tal-Lvant u li jissaħħu l-pedamenti sa fond ta' tmien metri. Is-sulari t'isfel u l-kripta ta' Speyer I biss baqgħu intatti. In-navata ġiet elevata b'ħames metri u s-saqaf ċatt tal-injam ġie sostitwit b'volta mibnija fil-ġebel b'għamla ta' żewġ btieti f'xulxin b'sengħa kbira, waħda mill-kisbiet straordinarji tal-arkitettura Rumaneska.[18] Kull volta testendi fuq żewġ livell tal-elevazzjoni. Kull tieni pilastru tkabbar billi ġie miżjud pilastru wiesa' jew dosseret, u b'hekk ġiet iffurmata sistema ta' rfid intern. Ix-xaftijiet kienu tfaċċaw għall-ħabta tal-1030 f'binjiet tul ix-xmara Loire (Saint-Benoît-sur-Loire, Auxerre, Loches) u minn hemm it-teknika nfirxet lejn in-Normandija u r-Rheinland.[19]
L-uniku eżempju kontemporanju ieħor ta' tali sistema jinsab fil-Knisja ta' Sant Vicenç f'Cardona, Spanja.[20] Din is-sistema ta' Speyer li kienet tiffunzjona bħala rfid għall-volti tal-ġebel ġiet ikkopjata f'bosta monumenti tul ir-Renu.[21] Iż-żieda ta' dawn il-volti għamlitha possibbli li jiġu inkorporati t-twieqi tal-klerestorju mingħajr ma tiddgħajjef l-istruttura. "Ir-riżultat kien wieħed ta' setgħa monumentali fuq ġewwa, għalkemm riġidu u priżmatiku meta mqabbel mal-binjiet Franċiżi kontemporanji, iżda wieħed li jagħti impressjoni ta' gravitas Rumana, impressjoni li kienet tassew xierqa għal mexxej bil-pretensjonijiet politiċi ta' Enriku IV."[22]
Matul iż-żmien meta saru dawn il-modifiki, il-katidral ġie mgħammar b'gallerija ċkejkna fuq barra, gallerija bl-arkati mdaħħla fil-ħxuna tal-ħitan, u li kienet żvilupp naturali tal-arkata għamja. Dawn it-tipi ta' arkati kienu jintużaw b'mod estensiv bħala tiżjin tul il-ħitan interni u esterni ta' bosta knejjes Rumaneski. Fuq in-naħa tal-Lvant tal-Katidral ta' Speyer, il-gallerija ċkejkna u l-arkati għomja ddaħħlu f'"waħda mill-iżjed opri memorabbli tad-disinn Rumanesk".[23] Il-gallerija ċkejkna nbniet madwar il-parti ta' fuq tal-apsida, u tenfasizza l-għamla tonda tagħha, u tibqa' sejra mad-dawra kollha tal-istruttura taħt il-linja tas-saqaf. Din il-karatteristika f'qasir żmien saret element fundamentali fil-knejjes Rumaneski[24]; ġiet adottata fil-Katidral ta' Worms u fil-Katidral ta' Mainz, kif ukoll fuq il-faċċati ta' bosta knejjes fl-Italja. Il-katidral ġie rikostruwit bi stil iktar skulturali tipiku tal-eqqel tal-perjodu Rumanesk. It-transett, l-għamla kwadra tal-kor, l-apsida, it-torri ċentrali u t-torrijiet tal-ġnub ġew ikkombinati b'tali mod u b'daqs li jisbqu kwalunkwe binja oħra li nbniet qabilhom. Is-superfiċi u t-truf kollha jgħolew mingħajr stadji. L-elementi maġġuri fi ħdan il-kombinament jibqgħu indipendenti. Il-Katidral ta' Speyer sar mudell għal bosta knejjes oħra iżda baqa' l-iżjed wieħed tal-għaġeb għad-dimensjonijiet tiegħu.
Il-katidral imkabbar, Speyer II, tlesta fl-1106, is-sena meta miet Enriku IV. B'tul ta' 444 pied Ruman (134 metru) u b'wisa' ta' 111-il pied Ruman (43 metru), il-katidral huwa wieħed mill-ikbar binjiet ta' dak iż-żmien. Il-binja saret kwistjoni politika: it-tkabbir tal-katidral fil-villaġġ żgħir ta' Speyer b'madwar 500 abitant biss kienet provokazzjoni sfaċċata għall-Papat. L-Imperatur ried jirrappreżenta mhux biss il-poter ekkleżjastiku iżda wkoll il-poter lajk, u bil-kobor u s-sbuħija ta' dan il-katidral huwa saħaq proprju din ir-rappreżentanza. L-iskop tal-binja, motiv diġà b'saħħtu għal Konrad, kien l-"enfasi tal-imperatur fuq l-arkitettura Rumana imperjali" fid-dawl tat-taqbida kontinwa mal-Papa Gregorju VII. B'hekk, il-Katidral ta' Speyer jitqies ukoll bħala simbolu tal-Kontroversja tal-Investitura. Kien biss ħames snin wara mewtu li l-iskomunika ta' Enriku IV ġiet revokata u l-katavru tiegħu ndifen fil-katidral fl-1111.[25]
Fis-sekli ta' wara, il-katidral baqa' relattivament kif kien mingħajr bidliet. Fi tpinġija tal-1610 tidher kappella Gotika miżjuda mal-apsida tat-Tramuntana, u fi tpinġija ta' madwar l-1650 tidher tieqa Gotika oħra fin-naħa tat-Tramuntana tal-Westwerk. Fi tpinġija tal-1750 tal-katidral bis-sezzjoni ċentrali meqruda, din it-tieqa ma tidhirx.
L-aħħar mexxej indifen fil-katidral fl-1308, u kien l-aħħar wieħed fost lista ta' tmien imperaturi u rejiet u għadd ta' nisa tagħhom:
- Konrad II (miet fl-1039) u l-mara tiegħu Gisela (mietet fl-1043);
- Enriku III (miet fl-1056), iben Konrad II;
- Enriku IV (miet fl-1106), iben Enriku III, u l-mara tiegħu Bertha (mietet fl-1087);
- Enriku V (miet fl-1125), iben Enriku IV;
- Beatrice I (mietet fl-1184), it-tieni mara ta' Federiku Barbarossa u binthom Agnes;
- ir-Re Filippu ta' Swabja (miet fl-1208), iben Federiku Barbarossa;
- ir-Re Rudolfu tal-Asburgi (miet fl-1291);
- ir-Re Adolfu ta' Nassau (miet fl-1298);
- ir-Re Albert I tal-Ġermanja (miet fl-1308), iben Rudolfu tal-Asburgi.
Dawn it-tmien mexxejja kollha kienu Rejiet tal-Ġermanja. Madankollu, sabiex jingħataw it-titlu ta' Imperatur Ruman Sagru, kellhom jiġu inkurunati mill-Papa. Meta r-relazzjonijiet bejn il-Papa u r-Re Ġermaniż kienu tajbin, kienu jiġu inkurunati bħala Imperator Romanum jew Imperatur Ruman Sagru. Meta r-relazzjonijiet kienu ħżiena, il-Papa kien jirrifjuta li jinkuruna lir-Re bħala Imperatur. Għaldaqstant, essenzjalment dawn it-tmien mexxejja kollha kienu Imperaturi Rumani Sagri, iżda erba' minnhom ma ġewx inkurunati.
Minbarra dawn il-mexxejja, fil-katidral indifnu wkoll bosta min-nisa tal-mexxejja u ħafna mill-isqfijiet ta' Speyer.
Era moderna
immodifikaGħalkemm bosta drabi ġew okkupati u misruqa, ir-raħal u l-katidral ħarġu mill-Gwerra ta' Tletin Sena (1618-1648) bi ftit ħsarat. Matul il-Gwerra ta' Disa' Snin (il-Gwerra Palatina tas-Suċċessjoni tal-1688-1697), il-poplu ta' Speyer ġabu l-għamara u l-pussessi tagħhom fil-katidral, u stivaw kollox fuq xulxin bit-tama li jsalvawhom mit-truppi Franċiżi ta' Lwiġi XIV li kienu qed jisirqu mir-raħal. Iżda fil-31 ta' Mejju 1698, is-suldati daħlu fil-katidral, serqu mill-oqbra imperjali u taw in-nar lil kulma kien hemm quddiemhom. Dakinhar kważi r-raħal kollu ta' Speyer inħakem min-nirien. Bis-sħana tan-nirien, il-parti tal-Punent tan-navata ċediet u l-elementi Gotiċi aħħarin inqerdu.
Fin-nirien il-kbar, il-Prinċpijiet-Isqfijiet ta' Speyer tilfu r-residenza tagħhom u ġie kkunsidrat pjan biex tinbena waħda ġdida bl-istil ta' palazz Barokk fejn il-katidral. Minħabbba l-ostilità tal-poplu ta' Speyer lejn l-isqof, ġie deċiż minflok li l-palazz jinbena f'Bruchsal.
Għal kważi seklu l-parti tal-Lvant biss tal-katidral kienet tintuża għas-servizzi. Taħt id-direzzjoni ta' Franz Ignaz M. Neumann, iben l-arkitett Barokk rinomat Balthasar Neumann, il-binja ġiet restawrata mill-1748 sal-1772. In-navata Rumaneska ġiet rikostruwita, iżda l-Westwerk ġiet rikostruwita bl-istil Barokk fil-kumplament tas-sezzjoni ta' taħt tagħha. Il-fondi ma kinux biżżejjed għar-rikostruzzjoni tal-katidral kollu bl-istil ta' dak iż-żmien.
Fl-1792 Speyer reġgħet ġiet okkupata, din id-darba mit-truppi rivoluzzjonarji Franċiżi, u għal darb'oħra r-rikkezzi tal-katidral reġgħu nsterqu. Matul il-Gwerer Napuljoniċi (mill-1803 sal-1815), il-katidral intuża bħala stalla u faċilità tal-ħżin tal-għalf u ta' materjal ieħor. Fl-1806 il-Franċiżi kellhom f'moħħhom li jwaqqgħu l-binja u jużawha bħala barriera, xi ħaġa li ġiet evitata biss mill-isqof ta' Mainz, Joseph Ludwig Colmar. Wara r-rebħiet ta' Napuljun kontra l-armati tal-Prussja u tar-Russja fil-Battalji ta' Grossgörschen u ta' Lützen fl-1813, madwar 4,000 suldat midrub ġew fi Speyer. Wara l-battalja ta' Leipzig kien hemm iktar u l-katidral kien meħtieġ bħala sptar tal-armata.
Bħala riżultat tal-Kungress ta' Vjenna (1815), Speyer u l-Palatinat għaddew għand il-Bavarja. F'isem ir-Re Ludwig I tal-Bavarja, Johann von Schraudolph u Joseph Schwarzmann żejnu l-ħitan ta' ġewwa tal-katidral b'affreski bi stil Nażaren (1846-1853). Mill-1854 sal-1858, is-suċċessur ta' Ludwig, ir-Re Massimiljanu II, ordna li l-Westwerk Barokk jiġi sostitwit b'wieħed Neo-Rumanesk, b'żewġ torrijiet twal u l-koppla ottagonali simili għal dawk li kienu ntilfu, u b'hekk id-dehra Rumaneska kumplessiva tal-katidral. Is-soqfa tbaxxew u ġew miksija bir-ram. Is-sagristija Gotika biss żammet is-saqaf tal-lavanja tagħha. Eduard Rottmanner kien l-organista tal-knisja mill-1839-1843.
Fl-24 ta' Settembru 1861, il-Prinċep ta' Wales ta' dak iż-żmien, il-Prinċep Albert Edward, li iktar 'il quddiem sar ir-Re Dwardu VII, iltaqa' għall-ewwel darba ma' martu mwieldu fid-Danimarka, il-Prinċipessa Alexandra li iktar 'il quddiem saret ir-Reġina Alexandra fil-Katidral ta' Speyer.
Fid-disinn tal-faċċata tal-Westwerk, Heinrich Hübsch, arkitett ta' Storiċiżmu bikru, ħoloq disinn Neo-Rumanesk ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-Westwerk oriġinali u dawk ta' diversi binjiet Rumaneski oħra, bi skalar tat-twieqi b'mod differenti u introduċa saqaf forfċi mal-faċċata, ringiela statwi fuq il-portal prinċipali u lavur bil-ġebel polikromatiku tal-blat ramli isfar u lewn is-sadid. Dan ir-restawr inzerta mal-iżvilupp tar-Romantiċiżmu u tan-nazzjonaliżmu Ġermaniż, u matul dan iż-żmien bosta binjiet ġew irrestawrati bl-istil Rumanesk u Gotiku tal-Imperu Ruman Sagru. Il-Katidral ta' Speyer ġie elevat għal-livell ta' monument nazzjonali.
It-tiżjin fuq ġewwa u l-Westwerk ġdid tqiesu bħala kisbiet maġġuri fis-seklu 19. Ludwig I kien tal-fehma li xejn ikbar minn dawk il-pitturi ma kien inħoloq. Minkejja dan, sal-bidu tas-seklu 20, il-gosti nbidlu. Fl-1916, Georg Dehio, storiku tal-arti Ġermaniż, ġie konvint li fost l-isfortuna kollha li seta' kellu l-katidral, l-alterazzjonijiet tas-seklu 19 kienu importanti.[26]
L-oqbra tal-imperaturi u tar-rejiet oriġinalment tpoġġew fil-korsija ċentrali quddiem l-artal. Matul is-sekli l-għarfien tal-pożizzjoni eżatta ntilfet maż-żmien. F'kampanja kbira ta' skavi fl-1900 l-oqbra ġew skoperti u nfetħu, u l-identità tal-mexxejja ġiet stabbilita. Uħud mill-kontenuti, eż. l-ilbies, jintwerew fil-Mużew Storiku tal-Palatinat qrib il-katidral. It-twiebet restawrati ġew pożizzjonati mill-ġdid f'kripta ġdid miftuħa għall-pubbliku taħt l-artal prinċipali fl-1906.
Ir-restawr tal-katidral, mill-bidu tal-1957 "kellu l-għan li tiġi msaħħa l-istruttura u li tinħoloq mill-ġdid l-atmosfera oriġinali fuq ġewwa". Ftit mit-tkaħħil u mill-pitturi tas-seklu 19 tneħħew mill-ħitan. Ġie ppreservat biss iċ-ċiklu ta' 24 xena mill-ħajja tal-Madonna bejn it-twieqi tan-navata. Is-soqfa forfċi li kienu tneħħew mit-transett u l-kor matul l-era Barokka ġew sostitwiti permezz ta' inċiżjonijiet u eżempji f'binjiet relatati. Il-bidliet fit-transett tneħħew ukoll, iżda t-tisħiħ mill-Barokk tħalla kif kien għal raġunijiet strutturali. Barra minn hekk anke s-saqaf b'kurvatura bi stil Barokk fuq il-koppla tal-Lvant baqa' hemm.
Kundizzjoni attwali
immodifikaIt-tarf tal-apsida tal-Lvant, bil-gallerija madwarha, tal-Katidral ta' Speyer baqa' bl-istess għamla kumplessiva u d-dimensjonijiet tal-istruttura tas-seklu 11 u, minkejja t-telfiet sostanzjali fin-nisġa oriġinali u r-restawr suċċessiv, jippreżenta l-karatteristiċ kollha tal-binja Rumaneska. Id-disinn b'mod wiesa' jsegwi il-pjanta li ġiet stabbilita għall-Knisja ta' San Mikiel f'Hildesheim u stabbilixxa l-istandard li kellu ġeneralment jiġi adottat fir-Rheinland. Kien jinkludi navata b'volta għolja u bil-korsiji, b'transett bil-koppli fil-Lvant b'kor b'apsida fit-tarf. L-orjentazzjoni orizzontali diġà tindika l-iżvilupp tal-arkitettura Gotika. Fit-tarf tal-Punent hemm struttura elaborata magħrufa bħala "Westwerk", li tinkludi portal prinċipali, karatteristika tipika ta' bosta knejjes Rumaneski. Knejjes Rumaneski Ġermaniżi oħra, bħall-Katidral ta' Worms għandhom apsida fiż-żewġ trufijiet. Minn barra, il-kontorn tal-binja huwa bbilanċjat b'żewġ pari torrijiet twal bħala gwarniċ tan-navata fit-tarf tal-Punent u l-kor fil-Lvant, u jifforma massa skulturali bil-koppla f'kull tarf, li toħloq "ekwilibriju bejn il-blokok tal-Lvant u tal-Punent". Il-maġġoranza tal-karatteristiċi tal-binja għadhom l-istess fuq barra, iżda minn ġewwa saru bosta rinnovazzjonijiet ta' rfid tal-pedamenti li bidlu ferm id-dehra fuq ġewwa.
Id-dehra ta' barra tal-katidral ġiet unifikata permezz tar-regolarità tad-daqs tal-aperturi tagħha. Il-Katidral ta' Speyer għandu l-iżjed eżempju bikri ta' gallerija ċkejkna bil-kolonni madwar il-binja kollha, eżatt taħt il-linja tas-saqaf. L-istess tip ta' gallerija żżejjen il-koppli tal-Lvant u tal-Punent. L-aperturi fil-gallerija huma daqs il-pari ta' twieqi fit-torrijiet. Il-koppli huma ottagonali t-tnejn li huma u s-saqaf tal-koppla tal-Lvant kien kemxejn ovojdali. Fil-qċaċet tat-torrijiet hemm spiri rombojdali ta' Rheinland. In-navata, it-torrijiet u l-koppli huma msaqqafa kollha bir-ram, li bl-elementi ġie aħdar ċar, b'kuntrast mal-aħmar fir-roża tal-ġebla tal-binja, u l-lavur tal-ġebla polikromatika tal-Westwerk.
Internament, in-navata għandha żewġ livelli miftuħa b'aperturi Rumaneski semiċirkolari sempliċi. L-arkata għandha pilastri b'forma sempliċi, kull wieħed b'xaft wiesa' mehmuż, u b'xaftijiet alternati li jirfdu ħnejja tal-ġebel tal-volta għolja. In-niċeċ kwadri ffurmati b'hekk kellhom għamla ta' żewġ btieti fużi u ġew imkaħħlin. Minkejja li l-biċċa l-kbira tat-tkaħħil tas-seklu 19 tneħħa mis-superfiċe tal-ħitan, il-lavur kollu tal-ġebel bejn l-arkata u l-klerestorju fih sensiela ta' affreski kkuluriti b'xeni tal-Ħajja tal-Madonna.
Il-katidral reċentement sarlu xogħol ta' restawr fundamentali, li sewa madwar 26 miljun ewro. Barra minn hekk, l-affreski ta' Johann Schraudolph, li kienu tneħħew fis-snin 50 tas-seklu 20, ġew restawrati u issa jintwerew fil-Kaisersaal tal-katidral.
-
1061
-
1106
-
1689
-
1756
-
1778
-
1858
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaF'April 1981, il-Katidral ta' Speyer ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[14]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[14]
Dimensjonijiet
immodifika- Tul totali: 134 metru (mit-taraġ fid-daħla sal-ħajt ta' barra tal-apsida tal-Lvant).
- Wisa' esterna tan-navata (bil-korsiji): 37.62 metru (minn ħajt ta' barra sa ħajt ta' barra).
- Wisa' interna tan-navata: 14-il metru.
- Għoli tan-navata fil-vertiċi tal-volti: 33 metru.
- Għoli tal-ispiri tal-Lvant: 71.20 metru.
- Għoli tal-ispiri tal-Punent: 65.60 metru.
- Tul tal-kripta: mil-Lvant għall-Punent 35 metru; mit-Tramuntana għan-Nofsinhar 46 metru.
- Għoli tal-kripta: bejn 6.2 metri u 6.5 metri.
Karatteristiċi
immodifikaKripta
immodifikaMatul is-sekli, il-kripti żviluppaw minn kompartimenti ċkejkin f'kripti kbar nofshom taħt l-art u artikolati ħafna, li saru forom standard fl-Italja u fil-Ġermanja, u xi kultant jestendu sa taħt it-transetti kif ukoll sal-kor. Il-kripta monumentali tal-Katidral ta' Speyer, ikkonsagrata fl-1041, hija l-ikbar kripta Rumaneska bil-kolonni tal-Ewropa, b'erja ta' 850 m2 (9,149 pied kwadru) u b'għoli ta' madwar seba' metri. 42 volta huma mirfuda fuq 20 kolonna ċilindrika b'kapitelli sempliċi. Il-blokok tal-blat ramli jalternaw fil-kulur bejn l-isfar u kulur is-sadid, disinn tipiku tal-era Saljana u Staufer li jipprovdi kuntest tal-iskema tal-kuluri tal-faċċati tas-seklu 19. Iċ-"ċarezza arkitettonika hija tassew eċċezzjonali, frott it-twettiq preċiż tal-bini tal-bażi u tal-kapitelli sempliċi, flimkien mas-sistema enfatika tal-ħnejjiet trasversali".[27]
Kappelli
immodifikaFin-naħa tan-Nofsinhar tal-katidral hemm il-kappella doppja (Doppelkapelle) ta' San Emmeram (San Martin) u Santa Katerina. Il-kunċett tal-kappella doppja kien stabbilit sew sal-aħħar tas-seklu 11, lura sa żmien Karlu Manju u użat b'mod komuni fil-kappelli imperjali u episkopali.[28] Il-kostruzzjoni ta' dik tal-Katidral ta' Speyer kienet diġà bdiet għall-ħabta tal-1050. Il-kappella ta' Santa Katerina nbniet fl-okkażjoni ta' jum twelid bint Enriku III fil-25 ta' Novembru, li ngħatat isem Santa Katerina ta' Lixandra, waħda mill-Erbatax-il Ajjutant Sagru. Fl-1961 il-kappella ġiet restawrata għall-istat oriġinali tagħha bħala kappella doppja. Iż-żewġ kappelli fuq xulxin huma kkollegati permezz ta' fetħa fin-nofs. Illum il-ġurnata, il-Kappella ta' San Emmeram hija battisterju.
Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-katidral hemm il-Kappella ta' Santa Afra, imsemmija għal martri Kristjana bikrija. Enriku IV ordna li l-kappella tinbena biex tingħata ġieħ peress li hu twieled fil-jum tat-tfakkira tagħha. Il-fdalijiet ta' Santa Afra ġew skoperti f'Augsburg għall-ħabta tal-1064. Enriku IV indifen fil-kappella mhux ikkonsagrata mill-1106 sal-1111, meta l-Papa Paschalis II rrevoka l-projbizzjoni, li kienet ilha fis-seħħ mill-1088. Matul ix-xogħol ta' restawr fl-1971, instabet paġna ta' parċmina fil-kappella, li hija parti mill-Bibbja ta' Wulfila li nkitbet għall-ħabta tal-500. Illum il-ġurnata, il-Kappella ta' Santa Afra hija tabernaklu.
Inizjalment kien hemm ħames kappelli oħra fin-naħa tat-Tramuntana tal-katidral li kienu ddedikati lil San Pawl, Santa Agnese, San Bernard, San Enriku u Santa Marija. Il-Kappella ta' Santa Marija kienet żdiedet fin-naħa tat-Tramuntana tal-katidral mill-Isqof Matthias von Rammung fl-1475. Il-fdalijiet tagħhom diġà kienu tneħħew fis-seklu 18.
Qniepen
immodifikaIl-katidral għandu disa' qniepen, li minnhom l-ikbar erba' ġew fonduti fl-1822 minn Peter Lindemann (Zweibrücken) u l-ħamsa iżgħar minnhom ġew fonduti fl-1963 minn Friedrich Wilhelm Schilling (Heidelberg). Il-qniepen jinsabu kollha fil-kampnar tal-katidral, fil-koppla tal-Punent. Fil-Ġermanja, il-qniepen dejjem jiġu numerati mill-ikbar għall-iżgħar waħda. L-erba' qniepen il-kbar jintużaw ukoll bħala l-qniepen tal-arloġġ; il-qnipen nri 4 u 3 jdoqqu alternattivament kull kwarta filwaqt li l-qniepen nri 2 u 1 idoqqu wara xulxin l-għadd ta' sigħat sħaħ.
Nru | Isem | Nominali | Piż(kg) | Djametru(cm) |
1 | Maximilianus Josephus (Qanpiena tal-Imperatur) | G0 | 5350 | 208 |
2 | Friderica Wilhelmina Carolina | B♭0 | 2600 | 175 |
3 | Ludovicus Carolus | D♭1 | 1650 | 147 |
4 | Matthaeus de Chandelle | F1 | 600 | 115 |
5 | Qanpiena ta' Santa Marija | A♭1 | 601 | 95.5 |
6 | Qanpiena ta' San Ġużepp | B♭1 | 494 | 90.3 |
7 | Qanpiena ta' Sant'Anna | D♭2 | 440 | 83.3 |
8 | Qanpiena ta' San Pirmin | E♭2 | 312 | 75 |
9 | Otto | F2 | 217 | 66.7 |
Inħawi tal-madwar
immodifikaOriġinarjament, il-katidral kien imdawwar b'diversi binjiet. Lejn in-Nofsinhar kien hemm kjostru bi skultura tal-Għolja taż-Żebbuġ fiċ-ċentru tiegħu. Fuq in-naħa tat-Tramuntana kien hemm ir-residenza tal-palazz tal-isqof. Binjiet oħra fl-inħawi, pereżempju, kienu is-sala kapitolari, il-binja parrokkjali, l-arkivji, il-Kappella ta' San Nikola, il-fortifikazzjonijiet tar-raħal, eċċ. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet għebu wara r-Rivoluzzjoni Franċiża. Il-kontorn tal-kjostru għadu jidher fil-pavimentar.
L-iskultura tal-Għolja taż-Żebbuġ inqerdet fin-nar il-kbir tal-1689 u tħalla bħala fdalijiet wara li t-tiġrif tal-kjostru tneħħa fl-1820 sabiex jinħoloq spazju miftuħ. Iktar 'il quddiem l-iskultura ġiet imsaqqfa biex kemm jista' jkun ma ssirx iktar ħsara. L-iskulturi ġew issupplimentati minn skultur lokali, Gottfried Renn. Fl-għolja hemm kappella ddedikata lill-Arkanġlu Mikiel.
Fil-pjazza fin-naħa tal-Punent tal-katidral hemm vaska kbira magħrufa bħala Domnapf (litteralment: "vaska tal-katidral"). Fl-imgħoddi kienet timmarka l-konfini bejn it-territorji episkopali u muniċipali. Kull isqof ġdid, malli kien jiġi elett, kellu jimla l-vaska bl-inbid, filwaqt li ċ-ċittadini tar-raħal kienu jiżvujtawha għal saħħtu.[29]
Torri tax-Xagħri (Heidentürmchen)
immodifikaIl-Heidentürmchen huwa fdal tal-fortifikazzjonijiet tar-raħal Medjevali, torri u sezzjoni tal-ħitan li jinsabu ftit lejn il-Lvant tal-katidral. Fl-imgħoddi kien jinsab maġenb ir-Renu, fit-tarf nett tal-promontorju, qrib roqgħa art li kienet imsejħa x-"xagħri".
Sala tal-Antikitajiet (Antikenhalle)
immodifikaIs-Sala nbniet lejn it-Tramuntana tal-katidral biex tospita l-fdalijiet Rumani fl-inħawi tal-katidral. Inbniet bl-istil Neo-Klassiku u f'qasir żmien saret żgħira wisq għall-iskop maħsub tagħha. Iktar 'il quddiem tfaċċaw xi kanuni li kienu ġew issekwestrati fil-gwerra bejn Franza u l-Prussja tal-1870/71. Illum il-ġurnata hija mafkar għal dawk li mietu fl-Ewwel Gwerra Dinjija u fit-Tieni Gwerra Dinjija.
-
Ħnejjiet polikromatiċi fil-kripta
-
L-Għolja taż-Żebbuġ
-
Domnapf
-
Is-Sala tal-Antikitajiet
-
Il-Gallerija Ċkejkna
Bolol postali Ġermaniżi
immodifika-
Postal stamp of 1924[bżonn referenza]
-
Postal stamp of 1961 commemorating the 900th anniversary of Speyer Cathedral
-
Bolla postali tal-1924
-
Bolla postali tal-1961 li tfakkar id-900 anniversarju tal-katidral
Referenzi
immodifika- ^ "speyer.de | Speyer Cathedral". web.archive.org. 2006-06-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-06-13. Miġbur 2022-09-11.
- ^ "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-ICOMOS" (PDF).
- ^ Máté Major: Geschichte der Architektur, Vol. 2, Akadémiai Kiadó, Budapest, 1979, edizzjoni speċjali bil-Ġermaniż, 1988.
- ^ dtv-Atlas zur Baukunst, Vol. 2, 1981, Deutscher Taschenbuch Verlag, Munich, ISBN 3-423-03021-6.
- ^ "Der Kaiserdom zu Speyer - Bauwerk". web.archive.org. 2016-01-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-01-02. Miġbur 2022-09-11.
- ^ Cole, Emily, General Editor, Bulfinch Press, Little, Brown and Co., 2002, Boston, l-Istati Uniti, ISBN 0-8212-2774-2.
- ^ Oursel, Raymond, Stierlin, Henri: Architektur der Welt, Vol. 4:Romanik, Benedikt Taschen Verlag Berlin/Editions Office Du Livre, Lausanne, p. 129.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, pp. 214-215.
- ^ "Romanesque architecture and art | Infoplease". www.infoplease.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-11.
- ^ "Romanesque Architecture And Art | Encyclopedia.com". www.encyclopedia.com. Miġbur 2022-09-11.
- ^ "Der Kaiserdom zu Speyer - Zahlen Namen Fakten für besonders Eilige". web.archive.org. 2015-12-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-12-10. Miġbur 2022-09-11.
- ^ Dethard von Winterfeld: Romanik am Rhein. Stuttgart, 2001, p. 66.
- ^ Klemm, Annette. "Endlich wieder „Ischa Freimaak!" in Bremen!" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-09-11.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Speyer Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-11.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, p. 217
- ^ Schlickel, Ferdinand, Speyer. Von den Saliern bis heute, 1000 Jahre Stadtgeschichte, 2000, Hermann Klein Verlg, Speyer, ISBN 3-921797-60-8.
- ^ "Dombauverein Speyer e.V. - Dombauverein Speyer e.V." web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2022-09-11.
- ^ "Romanesque Art and Architecture - ninemsn Encarta". web.archive.org. 2008-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-09-07. Miġbur 2022-09-11.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, pp. 139, 192–193.
- ^ Radding, Charles M. and Clark, William W.: Medieval Architecture, Medieval Learning: Builders and Masters in the Age of Romanesque and Gothic, Yale University Press, New Haven u Londra, 1992, ISBN 0-300-04918-8.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, p. 211.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, p. 139.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, pp. 197-198.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, p. 55.
- ^ "Kaiser- und Mariendom zu Speyer | Kunst und Kultur | Unesco-Welterbestätten in Deutschland | Goruma". www.goruma.de. Miġbur 2022-09-11.
- ^ "speyer.de | Speyer Cathedral". web.archive.org. 2006-06-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-06-13. Miġbur 2022-09-11.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, pp. 151-152.
- ^ Stalley, Roger: Early Medieval Architecture, Oxford University Press, Oxford, ir-Renju Unit, 1999, ISBN 0-19-210048-3, pp. 74-75
- ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Spires". Encyclopædia Britannica. Vol. 25 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 693–694.