Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho

grupp ta' tempji Induisti u Ġainisti fl-Indja

Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho huma grupp ta' tempji tal-Induiżmu u tal-Ġainiżmu fid-distrett ta' Chhatarpur, Madhya Pradesh, l-Indja, madwar 175 kilometru fix-Xlokk ta' Jhansi, li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] It-tempji huma famużi għas-simboliżmu arkitettoniku bl-istil nagara u għall-iskulturi erotiċi tagħhom.[3]

It-Tempju ta' Lakshman mill-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho

Il-biċċa l-kbira tat-tempji ta' Khajuraho nbnew bejn it-885 W.K. u l-1050 mid-dinastija Chandela.[4] Skont dokumenti storiċi, is-sit tat-tempji ta' Khajuraho kellu 85 tempju sas-seklu 12, li kienu mifruxa fuq 20 kilometru kwadru. Minnhom, baqgħu jeżistu biss xi 25 tempju, mifruxa fuq sitt kilometri kwadri. Minn dawn it-tempji eżistenti, it-Tempju ta' Kandariya Mahadeva huwa mżejjen b'bosta skulturi mimlija dettalji, simboliżmu u espressività tal-arti Indjana tal-qedem.[5]

Meta nbnew dawn il-monumenti, is-subien lokali kienu jgħixu bħala għożżieba eremiti jew brahmcharis sakemm isiru adulti, u dawn l-iskulturi kienu jgħinuhom jitgħallmu dwar ir-rwol materjali tagħhom bħala kapijiet tal-familja.[6][7] Il-grupp ta' tempji ta' Khajuraho nbnew f'daqqa iżda ġew iddedikati lil żewġ reliġjonijiet, l-Induiżmu u l-Ġainiżmu, u b'hekk irnexxielhom jissuġġerixxu tradizzjoni ta' aċċettazzjoni u ta' rispett għal fehmiet reliġjużi differenti fir-reġjun.[8]

Pożizzjoni

immodifika

Il-monumenti ta' Khajuraho jinsabu fl-istat Indjan ta' Madhya Pradesh, fid-distrett ta' Chatarpur, madwar 620 kilometru (385 mil) fix-Xlokk ta' New Delhi. It-tempji jinsabu ħdejn raħal żgħir magħruf ukoll bħala Khajuraho, b'popolazzjoni ta' madwar 24,481 ruħ skont iċ-ċensiment tal-2011.

Ir-raħal ta' Khajuraho huwa moqdi mill-Ajrudrom Ċivili ta' Khajuraho (kodiċi IATA: HJR), b'servizzi lejn New Delhi, Agra, Varanasi u Mumbai.[9] Is-sit huwa kkollegat ukoll mas-servizz ferrovjarju Indjan, u l-istazzjon ferrovjarju jinsab bejn wieħed u ieħor xi sitt kilometri mid-daħla tal-monumenti.

Il-monumenti jinsabu xi għaxar kilometri lil hinn mill-Awtostrada Nazzjonali 75 mil-Lvant għall-Punent tal-pajjiż, u madwar 50 kilometru mill-belt ta' Chhatarpur, li hija kkollegata mal-belt kapitali tal-istat Bhopal permezz tal-Awtostrada Nazzjonali 86 mil-Lbiċ għall-Grigal tal-pajjiż.

It-Tempju ta' Bhand Deva tas-seklu 10 fir-Rajasthan inbena bl-istil tal-monumenti ta' Khajuraho u sikwit jissejjaħ "Khajuraho ż-Żgħir".

Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho nbena matul it-tmexxija tad-dinastija Chandela. L-attività tal-kostruzzjoni bdiet kważi minnufih malli kisbu l-poter fir-renju tagħhom kollu, li mbagħad sar magħruf bħala Bundelkhand.[10] Il-biċċa l-kbira tat-tempji nbnew matul ir-renji tar-rejiet Induisti Yashovarman u Dhanga.[11] L-aqwa eżempju tal-legat ta' Yashovarman huwa t-Tempju ta' Lakshmana, filwaqt li l-aqwa eżempju tal-legat ta' Dhanga huwa t-Tempju ta' Vishvanatha. L-ikbar u l-iktar tempju famuż attwalment huwa t-tempju ta' Kandariya Mahadeva li nbena fir-renju tar-re Vidyadhara.[12] L-iskrizzjonijiet tat-tempju jissuġġerixxu li ħafna mit-tempji li għadhom eżistenti tlestew bejn id-970 u l-1030 W.K., filwaqt li iktar tempji tlestew matul id-deċennji ta' wara.

 
Sas-seklu 12, Khajuraho kienet taħt it-tmexxija tar-rejiet Induisti u kellha 85 tempju. L-Indja Ċentrali nħatfet mis-Sultanat ta' Delhi fis-seklu 13. Taħt it-tmexxija Musulmana, ħafna tempji nqerdu u l-kumplament ġew mitluqa. Il-fdalijiet ta' xi tempji antiki (pereżempju t-Tempju ta' Ghantai fl-istampa) għadhom viżibbli.

It-tempji ta' Khajuraho nbnew madwar 35 mil mill-belt Medjevali ta' Mahoba, il-kapitali tad-dinastija Chandela, fir-reġjun ta' Kalinjar. Fil-letteratura antika u Medjevali, ir-renju tagħhom ġie msemmi bħala Jijhoti, Jejahoti, Chih-chi-to u Jejakabhukti.[13]

L-ewwel tismija ddokumentata ta' Khajuraho saret fis-641 minn Xuanzang, pellegrin Ċiniż li ddeskriva li għadda qrib diversi tużżani ta' monasteri Buddisti mhux attivi u xi tużżana tempji b'elf Braħmin iqumu l-allat tagħhom.[14] Fl-1022, Khajuraho ssemmiet minn Abu Rihan-al-Biruni, l-istoriku Persjan li akkumpanja lil Mahmud ta' Ghazni fl-assedju tiegħu ta' Kalinjar; huwa jsemmi lil Khajuraho bħala l-kapitali ta' Jajahuti. L-assedju ma rnexxiex, u ntlaħaq ftehim ta' paċi meta r-re Induista qabel li jħallas rahan lil Mahmud ta' Ghazni sabiex itemm l-attakk u jitlaq.[15]

It-tempji ta' Khajuraho kienu jintużaw b'mod attiv sal-aħħar tas-seklu 12. Dan inbidel fis-seklu 13; wara li l-armata tas-Sultanat ta' Delhi, taħt il-kmand tas-Sultan Musulman Qutb-ud-din Aibak, attakkat u ħatfet lir-renju Chandela. Xi seklu wara, Ibn Battuta, il-vjaġġatur Marokkin fil-memorji dwar is-soġġorn tiegħu fl-Indja mill-1335 sal-1342, semma li żar it-tempji ta' Khajuraho, u sejħilhom "Kajarra"[16] kif ġej:

...ħdejn it-tempji (ta' Khajuraho), li fihom idoli li ġew mutilati mill-Musulmani, jgħixu għadd ta' yogis li x-xagħar innukklat partikolari tagħhom kiber twil daqs ġisimhom. U skont il-prassi tal-axxetiżmu estrem kollha jilbsu bl-isfar. Bosta Musulmani jattendu l-prietki ta' dawn l-irġiel biex jieħdu tagħlimiet (yoga) minnhom. — Ibn Battuta, għall-ħabta tal-1335, f'Riḥlat Ibn Baṭūṭah[17]

 
Statwa ta' divinità Induista fit-Tempju ta' Varaha

Ir-reġjun tal-Indja Ċentrali, fejn jinsabu t-tempji ta' Khajuraho, kien ikkontrollat minn diversi dinastiji Musulmani mis-seklu 13 sas-seklu 18. F'dan il-perjodu, xi tempji ġew ipprofanati, filwaqt li wara kien hemm perjodu twil fejn ġew mitluqa. Fl-1495, pereżempju, il-kampanja ta' qerda tat-tempji ta' Sikandar Lodi kienet tinkludi lil dawk ta' Khajuraho. Il-fatt li t-tempji ta' Khajuraho kienu remoti u iżolati pproteġa lit-tempji Induisti u Ġainisti mill-qerda kontinwa li ġabu magħhom il-Musulmani.[18][19] Tul is-sekli, il-veġetazzjoni u l-foresti ħakmu t-tempji.[20]

Fis-snin 30 tas-seklu 19, xi Induisti lokali ggwidaw lill-Brittaniku T. S. Burt sat-tempji u b'hekk reġgħu ġew skoperti mill-pubbliku globali.[21] Alexander Cunningham iktar 'il quddiem irrapporta, ftit snin wara l-iskoperta mill-ġdid, li t-tempji kienu jintużaw b'mod sigriet mill-yogis u minn eluf ta' Induisti li kienu jaslu għal pellegrinaġġ matul ix-Shivaratri li tiġi ċċelebrata kull sena fi Frar jew f'Marzu abbażi ta' kalendarju tal-qamar. Fl-1852, F. C. Maisey ħejja l-iktar tpinġijiet bikrin tat-tempji ta' Khajuraho.[22]

L-isem "Khajuraho" jew Kharjuravāhaka ġej mis-Sanskritu tal-qedem (kharjura, खर्जूर tfisser siġra tal-palm tat-tamal[23], u vāhaka, वाहक tfisser "wieħed li jġorr").[24] Skont leġġendi lokali jingħad li t-tempji kellhom żewġ siġriet tal-palm tat-tamal tad-deheb fid-daħla tagħhom (li ma nstabux meta t-tempji ġew skoperti mill-ġdid). Desai jiddikjara li Kharjuravāhaka tfisser ukoll "wieħed li jġorr l-iskorpjuni", li huwa isem simboliku ieħor għall-alla Shiva (li fl-għamla kiefra tiegħu jilbes girlandi magħmulin mis-sriep u mill-iskorpjuni).[25]

Ix-xogħol ta' tismija u ta' dokumentazzjoni sistematika fis-snin 50 u 60 tas-seklu 19 ġie adottat b'mod wiesa' u għadu jintuża. Huwa ġabar flimkien it-tempji fi tliet gruppi: il-grupp tal-Punent madwar Lakshmana, il-grupp tal-Lvant madwar Javeri, u l-grupp tan-Nofsinhar madwar Duladeva.[26]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Tempji, affiljazzjonijiet reliġjużi u sena tal-konsagrazzjoni

immodifika
Sekwenza Isem modern tat-tempju Reliġjon Divinità Sena tat-tlestija

(W.K.)[27]

Ritratt
1 Chausath Yogini Induiżmu Devi, 64 Yoginis 885  
2 Lalguan Mahadev Induiżmu Shiva 900  
3 Brahma Induiżmu Shiva 925  
4 Lakshmana Induiżmu Vaikuntha Vishnu 939  
5 Varaha Induiżmu Varaha 950  
6 Parshvanatha Ġainiżmu Parshvanatha 954  
7 Ghantai Ġainiżmu Adinatha 960  
8 Mahishasuramardini Induiżmu Parvati 995
9 Vishvanatha Induiżmu Shiva 999  
10 Matangeshwar Induiżmu Shiva 1000  
11 Vishnu-Garuda Induiżmu Vishnu 1000
12 Fdalijiet ta' Beejamandal Induiżmu Shiva 1000
13 Ganesha Induiżmu Shiva 1000
14 Jagadambi Induiżmu Devi Jagadambi 1023  
15 Chitragupta Induiżmu Shiva 1023  
16 Adinath Ġainiżmu Adinatha 1027  
17 Shantinatha Ġainiżmu Shantinatha 1027  
18 Kandariya Mahadeva (l-ikbar tempju) Induiżmu Shiva 1029  
19 Vamana Induiżmu Vamana 1062  
20 Javeri Induiżmu Shiva 1090  
21 Chaturbhuja Induiżmu Vishnu 1110  
22 Duladeo (Duladeva) Induiżmu Shiva 1125  

Arti u skultura

immodifika
L-arti erotika ta' Khajuraho
 
Skulturi erotiċi

It-tempji ta' Khajuraho fihom varjetà ta' opri tal-arti, li minnhom 10 % ġewwa u barra t-tempji huma arti erotika sexual. Uħud mit-tempji li għandhom żewġ saffi ta' ħitan għandhom tinqix erotiku żgħir fuq in-naħa ta' barra tal-ħajt intern. Xi studjużi jissuġġerixxu li dawn huma rappreżentazzjoni ta' prattiki sesswali tantriċi.[28] Studjużi oħra jsostnu li l-arti erotika hija parti mit-tradizzjoni Induista tat-trattament tal-kama bħala parti essenzjali u proprja tal-ħajja tal-bniedem, u t-turija simbolika jew espliċita tagħha hija komuni fit-tempji tal-Induiżmu.[29][30] James McConnachie, fl-istorja tiegħu dwar il-Kamasutra, jiddeskrivi l-iskulturi erotiċi ta' Khajuraho bħala "il-quċċata tal-arti erotika":

Il-panewijiet tal-ħitan esterni mnaqqxa u mirquma b'sengħa tal-għaġeb huma miksija b'ninfi f'kull tip ta' poża jew pożizzjoni, b'qadd wiesa' u b'sidirhom ippoppat li juru ġisimhom fis-sbuħija kollha tiegħu mżejjen bil-ġojjelli. Iż-żina ta' dawn l-apsari tintwera fuq il-ġebel, u jintwerew ukoll jużaw il-kożmetiċi, jaħslu xagħarhom, jilagħbu l-logħob, jiżfnu u jaqflu u jħollu l-panċieri tagħhom. ... Maġenb in-ninfi spiss hemm sensiela ta' griffins, allat gwardjani u, l-iktar famużi, maithunas f'pożizzjonijiet sesswali jew erotiċi stravaganti.

Iktar minn 90 % tal-opri tal-arti tat-tempji ta' Khajuraho jirrappreżentaw il-ħajja ta' kuljum u l-valuri simboliċi tal-kultura Indjana tal-qedem.

It-tempji fihom diversi eluf ta' statwi u opri tal-arti. It-Tempju ta' Kandarya Mahadeva waħdu huwa mżejjen b'iktar minn 870 statwa jew opra tal-arti. Xi 10 % minn dan it-tinqix ikonografiku fih temi sesswali u diversi pożi sesswali. Ħsieb żbaljat komuni hu li ladarba dawn l-istrutturi antiki bit-tinqix f'Khajuraho huma tempji, it-tinqix jirrappreżenta xeni sesswali bejn l-allat jew id-divinitajiet;[31] madankollu, l-arti tal-kama jirrappreżentaw diversi espressjonijiet sesswali ta' bnedmin differenti.[32] Il-maġġoranza l-kbira tal-opri tal-arti jirrappreżentaw bosta aspetti tal-ħajja ta' kuljum, ġrajjiet mitiċi kif ukoll it-turija simbolika ta' diversi valuri lajċi u spiritwali importanti fit-tradizzjoni Induista.[29] Pereżempju, hemm rappreżentazzjonijiet li juru nisa jużaw il-kożmetiċi, mużiċisti jdoqqu l-mużika, ħaddiema jaħdmu ċ-ċeramika, bdiewa, u oħrajn fil-ħajja ta' kuljum tagħhom fil-Medjuevu.[33] Dawn ix-xeni jinsabu fuq il-ħitan esterni, li hija xi ħaġa tipika tat-tempji Induisti.

Fl-opri tal-arti tat-tempji ta' Khajuraho hemm simboliżmu ikonografiku.[29] Il-qofol tal-valuri Induisti jiġu espressi b'diversi modi. Anke x-xeni tal-kama, meta jitqiesu flimkien mal-iskulturi ta' qabilhom u ta' warajhom, jirrappreżentaw temi spiritwali bħall-moksha. Skont Stella Kramrisch:

 Dan l-istat li huwa "bħal raġel u mara jħaddnu lil xulxin mill-qrib" huwa simbolu tal-moksha, ir-rilaxx jew ir-riunjoni finali ta' żewġ prinċipji, l-essenza (Purusha) u n-natura (Prakriti). 

—Stella Kramrisch, 1976

It-tempji ta' Khajuraho jirrappreżentaw espressjoni waħda tal-bosta forom ta' arti li tkattru fir-renji Rajput tal-Indja mis-seklu 8 sas-seklu 10 W.K. Pereżempju, fl-istess żmien ta' Khajuraho nħarġu l-pubblikazzjonijiet ta' poeżiji u ta' drammi, fosthom Prabodhacandrodaya, Karpuramanjari, Viddhasalabhanjika u Kavyamimansa.[34] Uħud mit-temi espressi f'dawn ix-xogħlijiet letterarji huma mnaqqxin bħala skulturi fit-tempji ta' Khajuraho.[35][36] Xi skulturi tal-monumenti ta' Khajuraho ddedikati lil Vishnu jinkludu l-Vyalas, li huma annimali ibridi immaġinarji b'iġsma ta' iljuni, u jinstabu wkoll f'tempji Indjani oħra. Uħud minn dawn l-opri tal-arti mitiċi ibridi jinkludu l-Vrik Vyala (annimal ibridu nofsu lupu u nofsu iljun) u l-Gaja Vyala (annimal ibridu nofsu iljunfant u nofsu iljun). Dawn il-Vyalas jaf jirrappreżentaw kombinament sinkretiku kreattiv ta' setgħat fi ħdan it-tnejn.[37]

Turiżmu u avvenimenti kulturali

immodifika
 
Mappa tat-tempji tal-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho.

It-tempji ta' Khajuraho huma maqsuma fi tliet gruppi: il-grupp tal-Lvant, il-grupp tan-Nofsinhar u l-grupp tal-Punent, li minnhom dan tal-aħħar biss għandu l-faċilità ta' żjara ggwidata bl-awdjo fejn it-turisti jiġu ggwidati biex iżuru xi seba'-tmien tempji. Hemm ukoll żjara ggwidata bl-awdjo li ġiet żviluppata mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja li tinkludi n-narrazzjoni tal-istorja u tal-arkitettura tat-tempji.[38]

Il-Festival taż-Żfin ta' Khajuraho jsir kull sena fi Frar.[39] Jinkludi diversi tipi ta' żifniet Indjani klassiċi li jsiru fl-isfond tat-Tempji ta' Chitragupta jew ta' Vishwanath.

Fil-kumpless tat-tempji ta' Khajuraho jsir spettaklu bid-dwal u bl-awdjo kuljum filgħaxija. L-ewwel spettaklu kuljum isir bl-Ingliż u t-tieni wieħed bl-Indù. L-ispettakli jsiru fil-beraħ fuq il-ħaxix fil-kumpless tat-tempji.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Khajuraho Group of Monuments UNESCO World Heritage Site
  2. ^ "World Heritage Day: Five must-visit sites in India". web.archive.org. 2015-04-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-19. Miġbur 2021-09-08.
  3. ^ Philip Wilkinson (2008), India: People, Place, Culture and History, ISBN 978-1405329040, pp. 352-353.
  4. ^ Gopal, Madan (1990). K.S. Gautam (ed.). India through the ages. Publication Division, Ministry of Information and Broadcasting, Government of India. p. 179.
  5. ^ Devangana Desai (2005), Khajuraho, Oxford University Press, Sixth Print, ISBN 978-0-19-565643-5.
  6. ^ Team, Sales. "Khajuraho". siliconindia. Miġbur 2021-09-08.
  7. ^ Frontline, Volume 24, Issues 6-12. S. Rangarajan for Kasturi & Sons. 2007. p. 93.
  8. ^ Fergusson, James; Burgess, James; Spiers, Richard Phené (1910). History of Indian and Eastern architecture. London, J. Murray.
  9. ^ "Airports Authority of India". web.archive.org. 2015-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-08. Miġbur 2021-09-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ G.S. Ghurye, Rajput Architecture, ISBN 978-8171544462, Reprint Year: 2005, pp. 19-24.
  11. ^ Sen, Sailendra (2013). A Textbook of Medieval Indian History. Primus Books. ISBN 9789380607344.
  12. ^ Devangana Desai (2005). Khajuraho (Sixth impression ed.). Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565391-5. p. 10.
  13. ^ Mitra (1977), The early rulers of Khajuraho, ISBN 978-8120819979.
  14. ^ Hioco, Christophe; Poggi, Luca (2017). Khajuraho: Indian Temples and Sensuous Sculptures. 5 Continents Editions. p. 9. ISBN 978-88-7439-778-5.
  15. ^ J. Banerjea (1960), Khajuraho, Journal of the Asiatic Society, Vol. 2-3, pp. 43-47.
  16. ^ Director General of Archaeology in India (1959), Archaeological Survey of India, Ancient India, Issues 15-19, pp 45-46.
  17. ^ Arthur Cotterell (2011), Asia: A Concise History, Wiley, ISBN 978-0470825044, pp 184-185.
  18. ^ Trudy King et al., Asia and Oceania: International Dictionary of Historic Places, ISBN 978-1884964046, Routledge, pp. 468-470.
  19. ^ Alain Daniélou (2011), A Brief History of India, ISBN 978-1594770296, pp. 221-227.
  20. ^ Michael D. Willis, An Introduction to the Historical Geography of Gopakṣetra, Daśārṇa, and Jejākadeśa, Bulletin of the School of Oriental and African Studies, University of London, Vol. 51, No. 2 (1988), pp. 271-278; See also K.R. Qanungo (1965), Sher Shah and his times, Orient Longmans, OCLC 175212, pp. 423-427.
  21. ^ Louise Nicholson (2007), India, National Geographic Society, ISBN 978-1426201448.
  22. ^ Krishna Deva (1990), Temples of Khajuraho, 2 Volumes, Archaeological Survey of India, New Delhi.
  23. ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-08.
  24. ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-08.
  25. ^ Devangana, Desai (1996). "Chapter 7 - Puns and Enigmatic Language in Sculpture" (PDF).
  26. ^ Rana Singh (2007), Landscape of sacred territory of Khajuraho, in City Society and Planning (Editors: Thakur, Pomeroy, et al), Volume 2, ISBN 978-8180694585.
  27. ^ Rana Singh (2007), Landscape of sacred territory of Khajuraho, in City Society and Planning (Editors: Thakur, Pomeroy, et al), Volume 2, ISBN 978-8180694585, Chapter 18
  28. ^ Rabe (2000), Secret Yantras and Erotic Display for Hindu Temples, Tantra in Practice (Editor: David White), ISBN 978-8120817784, il-Kapitlu 25, pp. 434-446.
  29. ^ a b ċ Devangana Desai (2005), Khajuraho, Oxford University Press, Sixth Print, ISBN 978-0-19-565643-5
  30. ^ See:
  31. ^ "Khajuraho". Liveindia.com. Retrieved 14 July 2014.
  32. ^ Alain Danielou (2001), The Hindu Temple: Deification of Eroticism, ISBN 978-0892818549
  33. ^ George Michell, The Hindu Temple: An Introduction to Its Meaning and Forms, University of Chicago Press, ISBN 978-0226532301, pp 117-123 and pp 56–58
  34. ^ L. H. Gray, Journal of American Society, Vol. 27
  35. ^ Devangana Desai (1996), Chapter 7 - Puns and Enigmatic Language in Sculpture in The Religious Imagery of Khajuraho, Project for Indian Cultural Studies, Columbia University Archives
  36. ^ H.;M. Woodward (1989), "The Lakṣmaṇa Temple, Khajuraho, and Its Meanings", Ars Orientalis, Vol. 19, pp. 27–48
  37. ^ Hiram W. Woodward, Jr., "The Lakṣmaṇa Temple, Khajuraho, and Its Meanings", Ars Orientalis, Vol. 19, (1989), pp. 27–48
  38. ^ Tourists to Khajuraho will now have an audio compass The Times of India (25 August 2011)
  39. ^ Khajuraho Festival of Dances