Giuseppe "Peppino" Meazza (twieled fit-23 ta' Awwissu 1910 – miet fil-21 ta' Awwissu 1979) kien plejer, kowċ u amministratur tal-futbol Taljan.

Giuseppe Meazza

Meazza mal-Ambrosiana-Inter fl-1935
Informazzjoni personali
Twelid23 ta' Awwissu 1910(1910-08-23)
MilanItalja
Mewt21 ta' Awwissu 1979 (68 sena)
Lissone
Tul1.69 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1922–1924Gloria
1924–1927Ambrosiana-Inter
Karriera professjonali
SninKlabb
1927–1940Ambrosiana-Inter
1940–1942Milan
1942–1943Juventus
1944Varese
1945–1946Atalanta
1946–1947Inter
Tim nazzjonali
1930–1939Italja
Timijiet ikkowċjati
1945–1946Atalanta
1946–1948Inter
1948–1949Beşiktaş
1949–1951Pro Patria
1952–1953Italja Olimpika
1955–1956Inter
1957Inter

Ikkunsidrat minn ħafna esperti fost l-aqwa prodotti tal-futbol Taljan,[1][2] jekk mhux l-aħjar,[2][3][4] hu qatta' l-maġġoranza tal-karriera tiegħu mal-klabb tal-Inter, fejn lagħab total ta' erbatax-il staġun. Magħhom sar l-aqwa skorer tal-klabb ta' kull żmien u rebaħ tliet titli tal-kampjonat u Coppa Italia, minbarra li rebaħ it-titlu tal-aqwa skorer fil-kampjonat għal tliet darbiet. Mat-tim nazzjonali Taljan rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1934 u l-1938, u hu t-tieni l-aqwa skorer tal-Azzurri wara Gigi Riva.

Fit-2 ta' Marzu 1980, Stadio San Siro ta' Milan ingħata ismu ad unur is-servizz li ta lill-klabb u 'l-futbol tal-pajjiż.[5]

Karriera mal-klabbs

immodifika

L-ewwel snin

immodifika

Imwieled fid-distrett popolari ta' Porta Vittoria, Meazza beda jilgħab il-futbol ta' sitt snin fil-grawnds ta' Greco Milanese u Porta Romana flimkien ma' tfal oħra li kienu jilgħabu b'ballun taċ-ċarruta. Bil-permess t'ommu (missieru kien miet fl-1917 fl-Ewwel Gwerra Dinjija), ta' ħdax-il sena beda jilgħab ma' Gloria FC, fejn kien hawnhekk li rċieva l-ewwel par żarbun minn ammiratur.[6]

 
Meazza ta' sbatax-il sena bil-flokk tal-Inter

Ta' erbatax-il sena, Meazza kien ipprova mal-klabb tal-Milan,[1] però huma rrifjutawh minħabba l-istatura baxxa tiegħu. B'hekk ingħaqad mar-rivali tagħhom tal-Ambrosiana Inter.[a] Kien Fulvio Bernardini li skoprieh u insista mal-kowċ ta' Inter ta' dak iż-żmien, Árpád Weisz, sabiex jinkludih mal-ewwel tim.[8] Bernardini – illi aktar tard kellu jsir kowċ importanti u li skoprja numru ta' plejers oħra, fosthom Alessandro Altobelli li aktar tard sar attakkant tal-Inter – kien ta' spiss fi tmiem it-taħriġ tiegħu jsegwi ż-żgħażagħ tal-mixtla biex jara speċifikament lil dan iż-żgħażugħ li kien jimmeravilja bil-ballun f'saqajh. Bernardini jsostni li tant kien insista fuq Meazza li Weisz iddeċieda li personalment jara b'għajnejh. Weisz mal-ewwel induna li Bernardini ma kienx qed jesaġera u Meazza beda jifforma parti mal-ewwel tim ta' sittax-il sena, bid-debutt tiegħu jasal sena wara.[9][10][11][12]

Kien proprju f'din l-okkażjoni li ngħatalu l-laqam "il Balilla" ("It-Tfajjel iż-Żgħir"). Meta l-kowċ Weisz kien niżżel lil Meazza fost l-ewwel ħdax, Leopoldo Conti, wieħed mill-aktar anzjani fl-iskwadra, tenna b'mod sarkastiku: "Issa se nibdew inħallu jilgħabu anke lit-tfal tal-Balilla!" L-Opera Nazionale Balilla, l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ Faxxista li kienet tlaqqa' tfal ta' bejn it-tmienja u l-erbatax-il sena, kienet imwaqqfa fl-1926, u għalhekk Conti, b'sens umoristiku, ħass li dan il-laqam kien xieraq għat-tfajjel debuttant. Meazza f'dik il-logħba kontra US Milanese fil-Coppa Volta skorja żewġ gowls fir-rebħa ta' 6–2, biex mhux biss assigura r-rebħa lill-Inter imma wera lil kulħadd it-twelid ta' stilla ġdida.[6][13] Il-ġurnata ta' wara, il-gazzetta sportiva Taljana La Gazzetta dello Sport faħħret 'il-logħba tiegħu bħala waħda "intelliġenti, friska, veloċi".[13] Id-debutt fil-kampjonat, li dak iż-żmien kien taħt l-isem ta' Divisione Nazionale,[b] ġie fl-ewwel ġurnata, fil-25 ta' Settembru 1927 kontra La Dominante u Meazza ħalla l-marka darbtejn.[14] Hu għalaq l-ewwel staġun professjonali bi tnax-il gowl fi 33 logħba.[15]

Fl-istaġun ta' wara, hu skorja 33 gowl,[15] li kienu jinkludu żewġ okkażjonijiet fejn skorja ħames darbiet f'logħba waħda: l-ewwel fir-rebħa ta' 9–1 fuq Pistoiese tas-6 ta' Jannar 1929 u t-tieni fir-rebħa ta' 10–2 fuq Verona tat-12 ta' Mejju 1929.[16] Fl-ewwel staġun tal-kampjonat il-ġdid tas-Serie A fl-istaġun 1929–30,[b] Peppìn, kif kien magħruf bid-djalett Milaniż, baqa' jimpressjona u għen lill-klabb jirbaħ il-kampjonat, it-tieni wieħed fl-istorja tagħhom. Il-konfront deċiżiv wasal fil-15 ta' Ġunju 1930 kontra Genoa, li kienu erba' punti 'l bogħod fit-tieni post. It-tripletta ta' Meazza kienet strumentali biex taqleb telfa għal dro ta' 3–3.[17] Il-31 gowls li Meazza skorja f'dan l-istaġun jibqgħu rekord tal-aktar gowls skorjati fl-ewwel staġun ta' plejer fil-kampjonat Taljan.[18]

Fl-istaġuni 1935–36 kien l-aqwa skorer tal-kampjonat b'25 gowl, u dan it-tragward reġa' laħqu fl-istaġun 1937–38 meta skorja 20 gowl, liema staġun l-Inter ġew inkurunati ċampjins.[18] Is-sena ta' wara, l-Inter rebħu għall-ewwel darba l-Coppa Italia.[19]

Is-snin ta' wara

immodifika
 
Giuseppe Meazza flimkien ma' Amedeo Biavati ta' Bologna fl-1946

L-istaġun 1938–39 kien il-bidu fit-tnaqqis tar-rendiment ta' Meazza kawża ta' uġigħ f'saqajh ix-xellugija li ħallietu barra mil-logħob għal kważi sena.[1] Fil-ħarifa tal-1940 reġa' lura din id-darba bil-flokk tal-ġirien tal-Milan, però l-problemi fiżiċi komplew jiġru warajh.

Wara sentejn mar-rossoneri, għamel sena mal-Juventus fejn hawnhekk irritorna għal livell sodisfaċenti.[20] Id-debutt seħħ fit-18 ta' Ottubru 1942 fil-partita kontra Torino.[21] Għal dan l-istaġun, flimkien ma' Riza Lushta u Vittorio Sentimenti, ifforma t-triju offensiv l-aktar prolifiku tal-kampjonat, għalkemm il-Juventus temmew fit-tielet post. Meazza għalaq l-istaġun personali b'għaxar gowls f'27 logħba.[15]

Qabel is-sospensjoni tal-kampjonat minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, hu lagħab l-istaġun ma' Varese. Fi tmiem il-gwerra, fl-istaġun 1945–46, ingħaqad ma' Atalanta fejn hemmhekk kopra anke r-rwol ta' kowċ, qabel ma reġa' lura ma' Inter għall-aħħar staġun tiegħu mal-ewwel klabb tiegħu. Dan kien staġun deludenti għall-Inter hekk kif għamlu sena jiġġieldu mar-relegazzjoni. Wara t-tkeċċija tal-kowċ Carlo Carcano f'nofs l-istaġun, Nino Nutrizio u Meazza ħadu ħsieb il-gwida tat-tim. L-aħħar logħba ta' Meazza waslet fid-29 ta' Ġunju 1947 fi dro ta' 1–1 kontra l-Bologna.[22]

Karriera internazzjonali

immodifika
 
Meazza fl-ewwel snin mat-tim nazzjonali

Mat-tim nazzjonali Taljan iddebutta fid-9 ta' Frar 1930 f'Ruma fil-logħba kontra l-Iżvizzera, bl-Italja jirbħu 4–2 u Meazza jiskorja dabtejn.[23] Tliet xhur wara, fil-11 ta' Mejju tal-istess sena, fir-raba' preżenza tiegħu mat-tim nazzjonali, Meazza niżżel ismu fuq livell internazzjonali meta skorja tliet gowls f'rebħa ta' 5–0 kontra l-Ungerija ġewwa Budapest.[24] Din ir-rebħa tat iż-żewġ punti meħtieġa biex jirbħu t-Tazza Internazzjonali, l-ewwel titlu fl-istorja tan-nazzjonal tal-Italja.

Minkejja li l-ewwel dehriet mat-tim nazzjonali kienu bħala attakkant ċentrali, il-kowċ Vittorio Pozzo beda jiskjera lil Meazza bħala attakkant lemini biex jagħmel spazju għal Angelo Schiavio. Din il-versatilità għenet lill-Italja biex jiksbu l-ewwel titlu dinji meta rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-1934. Meazza skorja erba' gowls, li kienu jinkludu tnejn kontra l-Greċja fl-ewwel rawnd, wieħed kontra l-Istati Uniti fir-rawnd tal-aħħar sittax u gowl ieħor fil-logħba ripetuta kontra Spanja fil-kwarti tal-finali; din l-aħħar logħba kellha terġa' tintlagħab minħabba li l-logħba li ntlagħbet il-ġurnata ta' qabel spiċċat indaqs wara l-ħin barrani. Fi tmiem il-kampjonat, Meazza ġie magħżul fost l-aqwa plejers.[25]

L-ewwel logħba tat-tim nazzjonali ċampjin tad-dinja kienet l-hekk imsejħa Battalja ta' Highbury kontra l-Ingilterra, imsejħa hekk minħabba li saret fl-istadju ta' Highbury f'Londra u rat episodji vjolenti.[26] L-Italja marret tliet gowls minn taħt wara tnax-il minuta u Luis Monti kellu joħroġ mil-logħba minħabba li kiser saqajh u l-Italja kellha tkompli l-logħba b'raġel inqas minħabba li sostituzzjonijiet ma kinux parti mil-logħba.[27] Minkejja li l-Italja tilfu 3–2, Meazza skorja doppjetta.[23]

Fid-9 ta' Diċembru 1934, f'partita kontra l-Ungerija, skorja l-25 gowl tiegħu (f'29 logħba) biex laħaq lil Adolfo Baloncieri f'ras il-klassifika tal-aqwa skorers mat-tim nazzjonali Taljan. Fil-logħba ta' wara kontra Franza, fis-17 ta' Frar 1935, skorja żewġ gowls biex poġġewh l-aqwa skorer waħdu.

Fit-Tazza tad-Dinja tal-1938 li saret fi Franza, Meazza libes il-faxxa ta' kaptan u lagħab kull logħba tal-fażi finali, din id-darba iktar f'nofs il-grawnd milli fl-attakk.[1] Fis-semifinali kontra l-Brażil tas-16 ta' Ġunju hu skorja l-gowl tad-dro minn penalty fir-rebħa ta' 2–1.[28][29] Il-gowl kontra l-Brażil kellu jkun l-aħħar wieħed tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali. Fil-finali kontra l-Ungerija, Meazza kellu id f'żewġ gowls skurjati minn Silvio Piola u Gino Colaussi, hekk kif l-Italja ttrijonfaw 4–2 u kisbu t-tieni titlu tat-Tazza tad-Dinja.

L-aħħar logħba tiegħu waslet fl-20 ta' Lulju 1939 fir-rebħa ta' 3–2 kontra l-Finlandja f'Ħelsinki. B'kollox lagħab 53 darba mat-tim nazzjonali bejn l-1930 u l-1939, fejn tilef sitt darbiet biss, u skorja 33 gowl.[30] Ir-rekord tal-aktar gowls man-nazzjonal ġie miksur minn Gigi Riva fid-29 ta' Settembru 1973 biex jagħmlu lil Meazza t-tieni l-aqwa skorer.[31]

Wara l-esperjenza ta' plejer-kowċ f'Bergamo u Milan, wara l-gwerra, bħala kowċ iggwida lil Pro Patria, l-Inter f'numru ta' okkażjonijiet u bejn l-1952 u l-1953 ifforma parti mill-kummissjoni teknika tat-tim nazzjonali. Hu kien ukoll l-ewwel Taljan li qatt mexxa tim barrani, it-Torok ta' Beşiktaş, fejn serva għal ħames xhur minn Jannar tal-1949. Aktar tard ħa responsabbilità tas-settur taż-żgħażagħ tal-Inter.[32]

Inter
Italja
Individwali
  • L-aqwa skorer tas-Serie A: 1929–30, 1935–36, 1937–38
  • L-aqwa skorer tat-Tazza Mitropa: 1930, 1933, 1936
  • Hall of Fame tal-futbol Taljan: 2011
  • Walk of Fame tal-isport Taljan: 2015
  • Hall of Fame tal-Inter: 2019
  1. ^ Fil-perjodu Faxxista, l-Inter kienu sfurzati li jingħaqdu fi klabb wieħed mal-Unione Sportiva Milanese taħt l-isem ta' Società Sportiva Ambrosiana.[7]
  2. ^ a b Il-kampjonat tad-Divisione Nazionale kien maqsum f'żewġ gruppi ta' timijiet bir-rebbieħa tal-gruppi jikkwalifikaw għal finali li kienet tiddetermina r-rebbieħ. Il-format tal-kampjonat tas-Serie A, propost fl-1928 u introdott fl-1929, kien ta' grupp wieħed nazzjonali.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Monti, Fabio (2010-08-27). "Meazza dopo un secolo resta il più bravo di tutti" (bit-Taljan). Corriere della Sera.
  2. ^ a b Marchetti, Simona (2010-03-22). "Mondiali, Times non ha dubbi. Maradona è il più grande" (bit-Taljan). La Gazzetta dello Sport.
  3. ^ "Meazza, natività del fuoriclasse" (bit-Taljan). SportMediaset. 2010-08-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-08-25.
  4. ^ Stokkermans, Karel (2000-01-30). "IFFHS' Century Elections" (bl-Ingliż). RSSSF.
  5. ^ Marucci, Lorenzo (2017-03-02). "2 marzo 1980, lo stadio San Siro viene intitolato a Giuseppe Meazza" (bit-Taljan). TuttoMercatoWeb.
  6. ^ a b "Giuseppe Meazza" (bl-Ingliż). giuseppemeazza.it.
  7. ^ "Storia" (bl-Ingliż). FC Internazionale Milano. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-01-30.
  8. ^ Germano, Bovolenta (2010-08-23). "Il mito di Meazza è nato cent' anni fa" (bit-Taljan). La Gazzetta dello Sport.
  9. ^ "Il 23 agosto 1910 nasceva Giuseppe Meazza, il secondo miglior marcatore della storia della Nazionale" (bit-Taljan). VivoAzzurro (FIGC). 2017-08-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-08-23.
  10. ^ Galasso, Vito (2014-08-21). 1001 storie e curiosità sulla grande Inter che dovresti conoscere (bit-Taljan). Newton Compton Editori. ISBN 978-88-541-7023-0.
  11. ^ "Il 19 settembre 1926 l'inaugurazione dello Stadio "Giuseppe Meazza" di Milano" (bit-Taljan). Luino Notizie. 2017-09-19.
  12. ^ "Giuseppe Meazza". magliarossonera.it (bit-Taljan).
  13. ^ a b "Giuseppe Meazza". calciosport.it (bit-Taljan). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-03. Miġbur 2022-09-21.
  14. ^ "CAMPIONATO 1927/28 - Girone B - Milano, 25 settembre 1927 - I° giornata". storiainter.com (bit-Taljan).
  15. ^ a b ċ "Club stats" (bl-Ingliż). giuseppemeazza.it.
  16. ^ "Dettaglio Incontri - Meazza Giuseppe". storiainter.com (bit-Taljan).
  17. ^ "CAMPIONATO 1929/30 - Milano, 15 giugno 1930 – XXXII° giornata". storiainter.com (bit-Taljan).
  18. ^ a b Di Maggio, Roberto (2022-05-25). "Italy - Serie A Top Scorers" (bl-Ingliż). RSSSF.
  19. ^ "Stagione 1938/39". storiainter.com (bit-Taljan).
  20. ^ "Meazza si è allenato" (bit-Taljan). La Stampa. 1942-10-15. p. 2.
  21. ^ "Giuseppe Meazza giocatore della Juventus". juworld.net (bit-Taljan).
  22. ^ "Stagione 1946/47". storiainter.com (bit-Taljan).
  23. ^ a b Mamrud, Roberto (2011-04-21). "Giuseppe Meazza - Goals in International Matches" (bl-Ingliż). RSSSF.
  24. ^ Reyes, Macario (2011-04-21). "1st International Cup" (bl-Ingliż). RSSSF.
  25. ^ "The inimitable Giuseppe Meazza" (bl-Ingliż). FIFA. 2011-01-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-10-26.
  26. ^ "From the Vault: England and Italy do battle at Highbury in 1934" (bl-Ingliż). The Guardian. 2008-11-12.
  27. ^ "England Match No. 195 - Italy - 14 November 1934". englandfootballonline.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-02-10.
  28. ^ Hackett, Robin (2012-09-21). "Giuseppe Meazza: Champion of the world" (bl-Ingliż). ESPN.
  29. ^ Brewin, John (2014-04-07). "All-time Top 20: No. 19 Giuseppe Meazza" (bl-Ingliż). ESPN.
  30. ^ "Convocazioni e presenze in campo - Meazza Giuseppe" (bit-Taljan). FIGC.
  31. ^ Di Maggio, Roberto; Pierrend, José Luis (2022-06-23). "Italy - Record International Players" (bl-Ingliż). RSSSF.
  32. ^ Maffeis, Bruno (2015). Quelli che hanno fatto grande Milano, l'Italia (bit-Taljan). Milan: Youcanprint. p. 191. ISBN 978-88-911-8666-9.

Ħoloq esterni

immodifika