Tassili n'Ajjer
Tassili n'Ajjer (bil-Berberu: Tassili n Ajjer, bl-Għarbi: طاسيلي ناجر, b'ittri Rumani: ṭāssīlī naʾjir; jiġifieri l-"promontorju tax-xmajjar") huwa park nazzjonali fid-deżert tas-Saħara, li jinsab fuq promontorju kbir fix-Xlokk tal-Alġerija. Peress li fih wieħed mill-iżjed raggruppamenti importanti ta' arti preistorika fl-għerien fid-dinja, u jkopri erja ta' iktar minn 72,000 km2 (28,000 mil kwadru), Tassili n'Ajjer tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]
Ġeografija
immodifikaTassili n'Ajjer huwa promontorju fix-Xlokk tal-Alġerija fil-fruntiera mal-Libja, man-Niġer, u mal-Mali, li jkopri erja ta' 72,000 km2. Huwa estiż minn 26°20′N 5°00′E Lvant ix-Xlokk sa 24°00′N 10°00′E. L-ogħla punt huwa Adrar Afao b'quċċata ta' 2,158 metru (7,080 pied), li tinsab f'25°10′N 8°11′E. L-eqreb raħal huwa Djanet, li jinsab madwar 10 kilometri (6.2 mili) fil-Lbiċ ta' Tassili n'Ajjer.
Is-sit arkeoloġiku ġie ddeżinjat bħala park nazzjonali, riżerva ta' bijosfera (taċ-ċipressi) u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-Park Nazzjonali ta' Tassili n'Ajjer.
Il-promontorju huwa ta' interess ġeoloġiku u estetiku kbir. Il-panorama ta' formazzjonijiet ġeoloġiċi ta' foresti tal-blat, magħmula mill-ġebel ramli mikul bl-erożjoni, jixbah pajsaġġ tal-qamar u jospita firxa ta' stili tal-arti fuq il-blat.
Ġeoloġija
immodifikaIl-promontorju huwa magħmul l-iktar mill-ġebel ramli. Il-ġebel ramli huwa mtebba' b'saff estern irqiq ta' ossidi metalliċi ddepożitati li jagħti kulur lill-formazzjonijiet tal-blat minn kważi iswed għal aħmar skur. L-erożjoni fl-inħawi rriżultat fi kważi 300 arkata naturali tal-blat li ffurmaw fix-Xlokk, flimkien ma' fniedaq fondi u vaski permanenti bl-ilma fit-Tramuntana.
Ekoloġija
immodifikaMinħabba l-altitudni u l-karatteristiċi taż-żamma tal-ilma tal-ġebel ramli, il-veġetazzjoni hawnhekk hija kemxejn iktar rikka milli fid-deżert tal-madwar. Tinkludi bosk sparpaljat ħafna bl-ispeċijiet endemiċi fil-periklu ta' estinzjoni taċ-ċipress tas-Saħara u tar-riħan tas-Saħara fin-nofs tal-Lvant iktar fil-għoli tal-promontorju. Iċ-ċipress ta' Tassili hija waħda mill-eqdem siġar fid-dinja wara s-siġar taż-żnuber Pinus aristata tal-Punent tal-Istati Uniti.
L-ekoloġija ta' Tassili n'Ajjer toħroġ iktar fid-dieher fil-boskijiet xeriċi muntanjużi tal-Punent tas-Saħara, li huwa l-ekoreġjun li jifforma parti minnu l-park. It-traduzzjoni litterali ta' Tassili n'Ajjer hi "promontorju tax-xmajjar".
Popolazzjonijiet relitti tal-kukkudrill tal-Punent tal-Afrika ppersistew f'Tassili n'Ajjer sas-seklu 20. Diversi tipi oħra ta' fawna għadhom jgħixu fil-promontorju, fosthom in-nagħaġ tal-Barbarija, l-unika tip ta' mammiferu li għadu jeżisti minn fost dawk li ġew impittra fuq il-blat fil-park.
Arkeoloġija
immodifikaSfond
immodifikaL-arti fuq il-blat fl-Alġerija ilha tiġi studjata mill-Ewropej mill-1863, u saru stħarriġiet minn A. Pomel (1893-1898), Stéphane Gsell (1901-1927), G. B. M. Flamand (1892-1921), Leo Frobenius u Hugo Obermaier (1925), Henri Breuil (1931-1957), L. Joleaud (1918-1938), u Raymond Vaufrey (1935-1955).
Tassili diġà kien magħruf sew fil-bidu tas-seklu 20, iżda d-dinja tal-Punent saret midħla tal-post permezz ta' sensiela ta' tpinġijiet magħmula mil-leġjunarji Franċiżi, b'mod partikolari l-Logutenent Charles Brenans fis-snin 30 tas-seklu 20. Miegħu ġab lill-arkeologu Franċiż Henri Lhote, li iktar 'il quddiem irritorna fl-1956-1957, fl-1959, fl-1962 u fl-1970. L-ispedizzjonijiet ta' Lhote ġew ikkritikati ferm, u t-tim tiegħu ġie akkużat li pinġa stampi foloz u li kkawża ħsara lit-tpittir bit-traċċar u bil-fotografija, li rriżultaw fl-iċċarar tal-kuluri oriġinali.
Interpretazzjoni arkeoloġika attwali
immodifikaIs-sit ta' Tassili primarjament ġie okkupat matul il-perjodu Neolitiku minn gruppi ta' rgħajja tat-transumanza li kellhom stil ta' għajxien li kien ta' benefiċċju għall-bnedmin u għall-bhejjem. Il-ġeografija, l-elevazzjoni u r-riżorsi naturali lokali kellhom kundizzjonijiet ottimali għall-kampeġġ ta' gruppi żgħar fl-istaġun tan-nixfa. Il-widien (wadi) fil-katina muntanjuża ffunzjonaw bħala kurituri bejn l-artijiet għoljin tal-blat u l-artijiet baxxi ramlin. L-artijiet għoljin fihom evidenza arkeoloġika ta' okkupazzjoni li tmur lura għall-5500 sal-1500 Q.K., filwaqt li l-artijiet baxxi fihom tumbati tal-ġebel u fdalijiet ta' ħuġġiġiet li jmorru lura għas-6000 sal-4000 Q.K. Is-siti fl-artijiet baxxi jidher li ntużaw bħala siti residenzjali, speċifikament matul l-istaġun tax-xita. Hemm bosta għerien imkennija fil-blat fi ħdan foresti tal-ġebel ramli, fejn instabu bosta artefatti Neolitiċi, inkluż bċejjeċ u borom taċ-ċeramika, ponot litiċi tal-vleġeġ, skutelli u moli, żibeġ u ġojjellerija.
It-tranżizzjoni lejn il-pastoraliżmu wara l-perjodu Umduż Afrikan matul l-Oloċen Bikri hija riflessa fir-rekord materjali arkeoloġiku, fl-arti fuq il-blat u fiż-żooarkeoloġija ta' Tassili n'Ajjer. Barra minn hekk, l-okkupazzjoni ta' Tassili hija parti minn moviment u bidla klimatika ikbar fi ħdan is-Saħara Ċentrali. L-istudji paleoklimatiċi u paleoambjentali jmorru lura għas-Saħara Ċentrali tal-ħabta ta' 14,000 sena qabel il-preżent li mbagħad ġie segwit minn perjodu ta' nixfa li rriżulta f'niċeċ ekoloġiċi dojoq. Madankollu, il-klima ma kinitx konsistenti u s-Saħara ġie maqsum bejn l-artijiet baxxi nexfin u l-artijiet għoljin umdużi. L-iskavi arkeoloġiċi jikkonfermaw li l-okkupazzjoni umana, fil-forma ta' gruppi ta' kaċċaturi-ġemmiegħa, seħħet bejn 10,000 u 7,500 sena qabel il-preżent; wara 7,500 sena qabel il-preżent, il-bnedmin bdew jorganizzaw ruħhom f'gruppi ta' rgħajja bħala rispons għall-klima li kulma jmur bdiet issir imprevedibbli. Kien hemm perjodu ta' nixfa bejn 7,900 u 7,200 sena qabel il-preżent f'Tassili li ppreċediet l-ewwel gruppi ta' rgħajja, xi ħaġa konsistenti ma' partijiet oħra tal-medda tas-Saħara u tas-Saħel. Il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' qabel iż-żmien pastorali li ġew skavati f'Tassili jmorru lura għall-ħabta ta' 9,000-8,500 sena qabel il-preżent, filwaqt li l-bċejjeċ tal-fuħħar taż-żmien pastorali jmur lura għal 7,100-6,000 sena qabel il-preżent.
L-arti fuq il-blat f'Tassili tintuża flimkien ma' dik ta' siti oħra, inkluż ta' Dhar Tichitt fil-Mawritanja, biex jiġi studjat l-iżvilupp tat-trobbija tal-annimali u l-ivvjaġġar trans-Saħarjan fit-Tramuntana tal-Afrika. Il-bhejjem kienu jinġabru f'merħliet fi spazji kbar diġà mit-3000 u l-2000 Q.K., u b'hekk jirriflettu l-oriġini u t-tifrix tal-pastoraliżmu fl-inħawi. Dan il-perjodu ġie segwit miż-żwiemel (qabel l-1000 Q.K.) u mbagħad mill-iġmla fil-millenju ta' wara. Il-wasla tal-iġmla tirrifletti ż-żieda fl-iżvilupp tal-kummerċ trans-Saħarjan, peress li l-iġmla kienu primarjament jintużaw bħala mezz tat-trasport fil-karovani kummerċjali.
Arti preistorika
immodifikaIl-formazzjoni tal-blat hija sit arkeoloġiku li huwa magħruf għall-opri tal-arti preistoriċi fuq il-blat. Dawn ġew irrapportati għall-ewwel darba fl-1910, dak iż-żmien kien maħsub li jmorru lura għan-Neolitiku bikri fi tmiem l-aħħar perjodu glaċjali li matulu s-Saħara kien savanna abitabbli iktar milli d-deżert attwali. Għalkemm is-sorsi jvarjaw b'mod konsiderevoli, l-iżjed opri tal-arti bikrin huma maħsuba li għandhom 12,000 sena. Il-maġġoranza l-kbira jmorru lura għad-disa' u għall-għaxar millenji qabel il-preżent jew qabel, skont id-datazzjoni OSL tas-sedimenti assoċjati. L-arti ġiet datata permezz tal-ġbir ta' frammenti żgħar mill-panewijiet impittra li kienu nixfu u tqaxxru qabel ma ntradmu. Sa issa ġew identifikati madwar 15,000 tinqixa, u s-suġġetti huma annimali selvaġġi kbar, fosthom għażżiela u kukkudrilli, merħliet tal-bhejjem, u bnedmin f'attivitajiet bħall-kaċċa u ż-żfin. It-tpittir huwa fost l-iżjed bikri minn artisti tas-Saħara Ċentrali, u jinstab fl-ikbar konċentrazzjoni f'Tassili. Għalkemm l-Alġerija hija relattivament qrib il-Peniżola Iberika, l-arti fuq il-blat ta' Tassili n'Ajjer evolviet b'mod separat minn dik tat-tradizzjoni Ewropea. Skont l-UNESCO, "Id-densità eċċezzjonali tal-pitturi u tat-tinqix...wasslet biex Tassili ssir famuża mad-dinja kollha".
B'mod simili għal siti oħra tas-Saħara bl-arti fuq il-blat, Tassili jista' jiġi sseparat f'ħames tradizzjonijiet distinti: Arkajka (10,000-7,500 Q.K.), tar-Ras Tonda (7550-5050 Q.K.), Bovidjana jew Pastorali (4,500-4,000 Q.K.), taż-Żwiemel (2,000 Q.K.-50 W.K.), u tal-Iġmla (mill-1000 Q.K. 'il quddiem).
Il-perjodu Arkajku jikkonsisti primarjament minn annimali selvaġġi li kienu jgħixu fis-Saħara matul l-Oloċen Bikri. Dawn l-opri huma attribwiti lill-popli ta' kaċċaturi-ġemmiegħa, u jikkonsistu minn tinqix biss. Ix-xbihat huma primarjament ta' annimali kbar, impinġija b'mod naturalistiku, b'disinn ġeometriku okkażjonali u xi figuri umani. Normalment, il-bnedmin u l-annimali mpinġija fil-kuntest ta' xena tal-kaċċa.
Il-perjodu tar-Ras Tonda huwa assoċjat ma' għażliet stilistiċi speċifiċi b'forom umanojdi u huwa sseparat sew mit-tradizzjoni Arkajka għalkemm il-kaċċaturi-ġemmiegħa kienu l-artisti taż-żewġ perjodi. L-arti tikkonsisti l-iktar minn tpittir, b'uħud mill-eqdem u l-ikbar tpittir fuq il-blat fl-Afrika; figura umana waħda fiha iktar minn ħames metri u oħra fiha tliet metri u nofs. It-tpittir uniku ta' figuri fil-wiċċ b'irjus tondi u b'iġsma bla forma jidhru donnhom jinsabu fil-wiċċ tal-blat, u b'hekk huma magħrufa bħala tar-"Ras Tonda". L-okkorrenza ta' dan it-tpittir u ta' dawn il-motivi hija kkonċentrata f'postijiet speċifiċi fil-promontorju, u dan jimplika li dawn is-siti kienu ċ-ċentru ta' ritwali, riti u ċerimonji. Il-biċċa l-kbira tal-annimali huma mtaten u għażżiela preistoriċi, normalment f'pożizzjonijiet statiċi li mhumiex parti minn xena tal-kaċċa.
Il-perjodu Bovidjan/Pastorali huwa assoċjat mal-wasla tal-bhejjem iddomestikati fis-Saħara u l-bidla gradwali lejn il-pastoraliżmu mobbli. Hemm differenza notevoli u viżwali bejn il-perjodu Pastorali u ż-żewġ perjodi ta' qabel, li taħbat mal-aridifikazzjoni tas-Saħara. Hemm żieda fil-varjazzjoni stilistika, li timplika l-moviment ta' gruppi kulturali differenti fl-inħawi. Annimali ddomestikati bħall-bhejjem, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-klieb huma mpinġija, b'mod parallel bħala rekord żooarkeoloġiku tal-inħawi. Ix-xeni jagħmlu referenza għal komunitajiet diversifikati ta' rgħajja, kaċċaturi bil-qwies, kif ukoll nisa u tfal, u jimplikaw stratifikazzjoni dejjem tiżdied tas-soċjetà abbażi tal-proprjetà.
It-tradizzjonijiet ta' wara biż-żwiemel jikkorrispondu mad-deżertifikazzjoni sħiħa tas-Saħara u l-ħtieġa ta' metodi ġodda tal-ivvjaġġar. Il-wasla taż-żwiemel, karrijiet immexxija miż-żwiemel u rikkieba huma mpinġija, spiss f'nofs gallopp, u huma assoċjati iktar mal-kaċċa milli mal-aspett militari. Kitbiet minquxa bil-Libjan-Berberu tal-popli Berberi anċestrali huma preżenti ħdejn ix-xbihat, għalkemm it-test mhuwiex deċifrabbli.
L-aħħar perjodu huwa ddefinit bil-wasla tal-iġmla, li ħadu post il-ħmir u l-bhejjem bħala l-mezz prinċipali tat-trasport fis-Saħara. Il-wasla tal-iġmla ħabtet mal-iżvilupp ta' rotot kummerċjali fuq distanza twila għall-karovani li kienu jittrasportaw il-melħ, il-merkanzija u l-iskjavi fis-Saħara. Jidhru wkoll irġiel, rekbin u mhux, b'tarki, lanez u xwabel. L-annimali jinkludu l-baqar u l-mogħoż, iżda l-annimali selvaġġi kienu preżenti wkoll.
Għalkemm dawn il-perjodi huma suċċessivi, iż-żminijiet huma pjuttost flessibbli u jiġu rikostruwiti b'mod konsistenti mill-arkeologi mal-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-interpretazzjoni. L-arti kienet ġiet datata mill-arkeologi li ġabru frammenti u radam li kien waqa' mill-panewijiet tal-arti fuq il-blat.
Figura notevoli komuni fil-kitba akkademika hi dik tal-"Mara Tiġri bil-Qrun", magħrufa wkoll bħala d-"Divinità Femminili bil-Qrun", mill-perjodu tar-Ras Tonda. Il-figura femminili tidher li għandha qrun fuq rasha, tikek fuq żaqqha u fuq riġlejha, u liebsa dublett, brazzuletti bil-pizzi, u tip ta' ġojjellerija mal-għekiesi u mas-saqajn. Skont Arisika Razak, id-Divinità Femminili bil-Qrun ta' Tassili hija eżempju bikri tal-"Mara Sagra Afrikana". Il-femminilità, il-fertilità u r-rabta man-natura jiġu enfasizzati, filwaqt li l-artist Neolitiku jagħmel sovraimpożizzjoni tal-figura fuq figuri iżgħar u iktar antiki. L-użu ta' qrun ta' barri huwa tema komuni fit-tpittir tal-perjodu tar-Ras Tonda, u jirrifletti l-integrazzjoni kostanti tal-bhejjem iddomestikati fil-ħajja ta' kuljum fis-Saħara. Ix-xbihat tal-bhejjem, b'mod speċifiku tal-barrin, saru tema ċentrali mhux biss f'Tassili, iżda anke f'siti oħra fil-qrib fil-Libja.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaTassili n'Ajjer ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Arti b'għamla ta' faqqiegħ
immodifikaFl-1989, ir-riċerkatur tal-psikadeliċi Giorgio Samorini pproponew it-teorija li t-tpittir b'għamla ta' faqqiegħ fl-għerien ta' Tassili huma evidenza tar-rabta bejn il-bnedmin u l-psikadeliċi fil-popolazzjonijiet tal-qedem tas-Saħara, meta kien għadu art tħaddar:
Waħda mill-iżjed xeni importanti tinsab fis-sit tal-arti fuq il-blat ta' Tin-Tazarift, f'Tassili, fejn hemm sensiela ta' figuri bil-maskri f'linja lebsin ġerarkikament jew lebsin bħala żeffiena u mdawra b'festuni twal ta' disinni ġeometriċi differenti... Kull żeffien jidher qed iżomm oġġett qisu faqqiegħ fl-id il-leminija, u ħaġa tal-iskantament, donnhom joħorġu żewġ linji paralleli minn dan l-oġġett li jaslu sal-parti ċentrali ta' ras iż-żeffien bil-qrun. Din il-linja doppja tista' tirrappreżenta assoċjazzjoni indiretta jew fluwidu mhux materjali li jgħaddi mill-oġġett fl-id il-leminija u l-moħħ. Din l-interpretazzjoni taqbel mal-interpretazzjoni tal-faqqiegħ jekk wieħed iqis il-valur mentali universali tal-faqqiegħ u l-veġetazzjoni alluċinoġeniċi, li spiss ikunu ta' natura mistika u spiritwali (Dobkin de Rios, 1984:194). Milli jidher dawn il-linji – li fihom stess huma ideogramma li tirrappreżenta xi ħaġa mhux materjali fl-arti tal-qedem – jirrappreżentaw l-effett li l-faqqiegħ ikollu fuq moħħ il-bniedem... F'għar imkenni f'Tin-Abouteka, f'Tassili, hemm motiv li jidher mill-inqas darbtejn li jassoċja l-faqqiegħ mal-ħut; assoċjazzjoni unika ta' simboli fost kulturi etnomikoloġiċi... Żewġ faqqiegħ jidhru faċċata ta' xulxin, f'pożizzjoni perpendikolari mal-motiv tal-ħut u qrib id-denb. Mhux wisq 'il bogħod, iktar 'il fuq, tidher ħuta oħra simili, iżda mingħajr il-faqqiegħ fil-ġenb. — Giorgio Samorini, 1989.
Din it-teorija ntużat mill-ġdid minn Terence McKenna fil-ktieb tiegħu tal-1992 Food of the Gods, b'ipoteżi li l-kultura Neolitika li kienet tgħix fis-sit kienet tuża faqqiegħ psiloċibin bħala parti mill-ħajja ritwali reliġjuża, fejn jikkwota tpittir fuq il-blat b'persuni b'oġġetti qishom faqqiegħ f'idhom, kif ukoll faqqiegħ jikber minn ġisimhom. Għal Henri Lhote, li skopra l-għerien ta' Tassili fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20, dawn ovvjament kienu santwarji sigrieti.
It-tpittir li jappoġġa bl-aqwa mod l-ipoteżi tal-faqqiegħ huwa dak tal-figura tal-faqqiegħ ta' Matalem-Amazar fejn il-ġisem tax-xaman irrappreżentat huwa miksi bil-faqqiegħ. Skont Earl Lee fil-ktieb tiegħu From the Bodies of the Gods: Psychoactive Plants and the Cults of the Dead (2012), din ix-xbieha tirreferi għal episodju antik fejn indifen "xaman tal-faqqiegħ" liebes u xi żmien wara nstab li l-faqqiegħ żgħir kien qed jikber fuq l-ilbies tiegħu. Earl Lee kkunsidra t-tpittir tal-faqqiegħ f'Tassili bħala pjuttost realistiku.
Skont Brian Akers, kittieb tal-ġurnal Mushroom, l-arti b'għamla ta' faqqiegħ f'Tassili ma tixbahx ir-rappreżentazzjonijiet tal-Psilocybe hispanica fl-għerien ta' Selva Pascuala (2015), u ma jqishomx bħala wisq realistiċi.
Fil-kultura popolari
immodifika- F'Tassili nġibed il-filmat u d-diska ewlenija ta' album tal-2011 mill-grupp tat-Tuareg, Tinariwen.
- Il-Pjanura ta' Tassili hija diska fl-album tal-1994 Natural Wonders of the World in Dub mill-grupp dub, Zion Train.
Gallerija
immodifika-
Kolonni għoljin ħafna tal-blat mill-ajru.
-
Riproduzzjoni anonima tal-figura b'għamla ta' faqqiegħ ta' Matalem-Amazar f'Tassili.
-
Tpittir ta' bniedem bilqiegħda jew jiżfen.
-
Duni f'Tassili n'Ajjer.
-
Deżert tal-madwar.
-
Ċipressi lokali.
-
Blat u rdumijiet tal-ġebel ramli.
-
Figura ritwali jew xaman.
-
Figuri umani.
-
Figuri umani.
-
Figuri umani.
-
Figuri umani bil-qwies.
Iktar qari
immodifika- Bahn, Paul G. (1998) The Cambridge Illustrated History of Prehistoric Art Cambridge, Cambridge University Press.
- Bradley, R (2000) An archaeology of natural places London, Routledge.
- Bruce-Lockhart, J and Wright, J (2000) Difficult and Dangerous Roads: Hugh Clapperton's Travels in the Sahara and Fezzan 1822-1825.
- Chippindale, Chris u Tacon, S-C (eds), 1998, The Archaeology of Rock Art Cambridge, Cambridge University Press.
- Clottes, J. (2002): World Rock Art. Los Angeles: Getty Publications.
- Coulson, D, and Campbell, Alec (2001) African Rock Art: Paintings and Engravings on Stone New York, Harry N Abrams.
- Frison-Roche, Roger (1965) Carnets Sahariens Paris, Flammarion.
- Holl, Augustin F.C. (2004) Saharan Rock Art, Archaeology of Tassilian Pastoralist Icongraphy.
- Lajoux, Jean-Dominique (1977) Tassili n'Ajjer: Art Rupestre du Sahara Préhistorique Paris, Le Chêne.
- Lajoux, Jean-Dominique (1962), Merveilles du Tassili n'Ajjer (The rock paintings of Tassili in translation), Le Chêne, Pariġi.
- Le Quellec, J-L (1998) Art Rupestre et Prehistoire du Sahara. Le Messak Libyen Paris: Editions Payot et Rivages, Bibliothèque Scientifique Payot.
- Lhote, Henri (1959, stampat mill-ġdid fl-1973) The Search for the Tassili Frescoes: The story of the prehistoric rock-paintings of the Sahara, Londra.
- Lhote, Henri (1958, 1973, 1992, 2006) À la découverte des fresques du Tassili, Arthaud, Pariġi.
- Mattingly, D (ed), The archaeology of the Fezzan.
- Muzzolini, A (1997) "Saharan Rock Art", f'Vogel, J O (ed) Encyclopedia of Precolonial Africa Walnut Creek: 347–353.
- Van Albada, A. u Van Albada, A.-M. (2000): La Montagne des Hommes-Chiens: Art Rupestre du Messak Lybien, Pariġi, Seuil.
- Whitley, D S (ed) (2001) Handbook of Rock Art Research, New York: Altamira Press.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tassili n'Ajjer". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-23.