Pont ta' Mehmed Paša Sokolović
Il-Pont ta' Mehmed Paša Sokolović (bis-Serbjan: Мост Мехмед-паше Соколовића, b'ittri Rumani: Most Mehmed-paše Sokolovića) huwa pont storiku f'Višegrad, li jaqsam ix-xmara Drina fil-Lvant tal-Bożnja-Ħerzegovina. Tlesta fl-1577 mill-arkitett tal-qorti tal-Imperu Ottoman Mimar Sinan skont l-ordni tal-Gran Viżier Mehmed Paša Sokolović.[1] Il-pont tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[2]
Karatteristiċi
immodifikaIl-pont huwa karatteristiku tal-qofol tal-arkitettura monumentali u tal-inġinerija ċivili Torka. Fih ħdax-il ħnejja tal-ġebel, b'wisa' ta' 11 sa 15-il metru kull waħda, u rampa ta' aċċess f'angoli retti b'erba' ħnejjiet fuq ix-xatt tax-xellug tax-xmara.
Il-pont twil 179.5 metru (589 pied) u huwa kapulavur rappreżentattiv ta' Mimar Sinan, wieħed mill-ikbar arkitetti u inġiniera tal-perjodu Ottoman klassiku u kontemporanju tar-Rinaxximent Taljan, li miegħu jista' jitqabbel ix-xogħol tiegħu. Is-sommarju tal-UNESCO jiddikjara: L-eleganza unika tal-proporzjon u tan-nobbiltà monumentali tal-proprjetà kollha kemm hi huma xhieda tal-kobor ta' dan l-istil ta' arkitettura.[3]
Storja
immodifikaIl-pont ta' Višegrad ġie kkummissjonat mill-Gran Viżier Mehmed Pasha Sokolović, li eżerċita s-setgħa għal perjodu twil fit-tmun tal-Imperu Ottoman matul ir-renju ta' tliet sultani bħala tribut għar-reġjun fejn twieled u bħala simbolu ta' kummerċ u ta' prosperità. Il-kostruzzjoni tal-pont seħħet bejn l-1571 u l-1577. Saru rinnovazzjonijiet maġġuri tal-pont fl-1664, fl-1875, fl-1911, fl-1940 u fl-1950-1952. Tliet ħnejjiet tal-pont inqerdu matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u ħames ħnejjiet ġarrbu xi ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija iżda sussegwentement ġew irrestawrati.[4]
Rinnovazzjoni
immodifikaL-Aġenzija Torka għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Internazzjonali (TIKA) ipprovdiet 3.5 miljun ewro għar-restawr tal-Pont ta' Mehmed Paša Sokolović. Ir-rappreżentanti ta' TIKA, il-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni mal-UNESCO tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Ministeru Kulturali tar-Repubblika tas-Serbja u l-muniċipalità ta' Višegrad iffirmaw ftehim ta' rinnovazzjoni tal-pont fid-19 ta' April 2010.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pont ta' Mehmed Paša Sokolović f'Višegrad ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Fil-letteratura
immodifikaIl-pont huwa magħruf ferm bis-saħħa tal-ktieb Il-Pont fuq id-Drina (1945) tal-kittieb Jugoslav Ivo Andrić, li huwa rebbieħ tal-Premju Nobel.[6]
Referenzi
immodifika- ^ "Mehmed Paša Sokolović Bridge (Višegrad, 1577)". Structurae (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-23.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mehmed Paša Sokolović Bridge in Višegrad". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-23.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Bosnian Bridge among five new sites inscribed on UNESCO's World Heritage List this evening". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-23.
- ^ "Mehmed-Pasha Sokolovic Bridge". web.archive.org. 2007-07-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-02. Miġbur 2022-04-23.
- ^ "Culture and Sports: Turkish agency sponsors repairs to Ottoman bridge". www.setimes.com.
- ^ Vucinich, Wayne S. (1995). "Ivo Andrić Revisited: The Bridge Still Stands. Division of International and Area Studies, University of California, Berkeley" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-05-27. Miġbur 2022-04-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)