Park Storiku ta' Sukhothai
Il-Park Storiku ta' Sukhothai (bit-Tajlandiż: อุทยานประวัติศาสตร์สุโขทัย) ikopri l-fdalijiet ta' Sukhothai, li litteralment tfisser "iż-żerniq tal-ferħ" u li kienet il-belt kapitali tar-Renju ta' Sukhothai fis-sekli 13 u 14 W.K., fit-Tramuntana tat-Tajlandja ċentrali.[1] Jinsab qrib il-belt moderna ta' Sukhothai, il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Sukhothai. Il-ħitan tal-belt jiffurmaw rettangolu ta' madwar żewġ kilometri (1.2 mil) mil-Lvant għall-Punent b'1.6 kilometru (0.99 mili) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. B'kollox hemm 193 struttura fi fdalijiet f'70 km2 (27 mil kwadru) ta' art. Hemm daħla fin-nofs ta' kull ħajt. Fi ħdan il-ħitan hemm il-fdalijiet tal-palazz irjali u ta' sitta u għoxrin tempju. L-ikbar tempju hu Wat Mahathat. Il-park jiġi ġestit mid-Dipartiment tal-Belle Arti tat-Tajlandja bl-għajnuna mill-UNESCO minn mindu ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1991.[2] Kull sena l-park jilqa' eluf ta' viżitaturi.
Storja
immodifikaEra tal-Khmer
immodifikaOriġinarjament, Sukhothai kienet post militari tal-għassa tal-Imperu tal-Khmer bl-isem ta' Sukhodaya.[3][4][5] Matul ir-renju tal-Imperu tal-Khmer, il-Khmer bnew xi monumenti fil-post, u bosta minnhom għadhom jeżistu fil-Park Storiku ta' Sukhothai, bħas-santwarju ta' Ta Pha Daeng, Wat Phra Phai Luang u Wat Sisawai.[6] Bejn wieħed u ieħor xi 50 kilometru fit-Tramuntana ta' Sukhothai kien hemm post militari ieħor tal-għassa tal-Imperu tal-Khmer li kien imsejjaħ Si Satchanalai jew Sri Sajanalaya.[7][8]
F'nofs is-seklu 13, it-tribujiet Tai mmexxija minn Si Indradit irribellaw kontra l-gvernatur tal-Khmer f'Sukhodaya u stabbilew lil Sukhothai bħala stat indipendenti tat-tribujiet Tai li baqa' ċ-ċentru tas-setgħa tagħhom sal-aħħar tas-seklu 14.[3][8]
Ħelsien mill-Imperu tal-Khmer (Lavo)
immodifikaQabel is-seklu 13, suċċessjoni ta' renji tat-tribujiet Tai kienu jeżistu fl-artijiet għoljin tat-Tramuntana, fosthom ir-renju ta' Ngoenyang (iċċentrati f'Chiang Saen, predeċessur ta' Lan Na) u r-renju ta' Heokam (iċċentrat f'Chiang Hung, illum il-ġurnata Jinghong fiċ-Ċina) tat-tribù ta' Tai Lue. Sukhothai kienet ċentru kummerċjali u parti minn Lawo, li kienet taħt id-dominju tal-Imperu tal-Khmer. Il-migrazzjoni tal-poplu Tai fin-naħa ta' fuq tal-wied ta' Chao Phraya seħħet b'mod pjuttost gradwali.
L-istoriċi moderni jemmnu li s-seċessjoni ta' Sukhothai (li fl-imgħoddi kienet magħrufa bħala Sukhodaya) mill-Imperu tal-Khmer bdiet saħansitra fl-1180, matul ir-renju ta' Pho Khun Sri Naw Namthom, li kien il-mexxej ta' Sukhothai u l-belt periferika ta' Sri Satchanalai (illum il-ġurnata d-Distrett ta' Si Satchanalai fil-Provinċja ta' Sukhothai). Sukhothai kellha awtonomija sostanzjali sa qabel ma reġgħet inħakmet mill-Mon ta' Lawo taħt Khomsabad Khlonlampong fl-1180.
Żewġ aħwa subien, Pho Khun Bangklanghao u Pho Khun Phameung ħatfu lil Sukhothai minn taħt ir-riedni tal-Mon fl-1239. Khun (ขุน), qabel ma sar titlu fewdali Tajlandiż, kien titlu tat-tribujiet Tai li kien jingħata lil mexxej ta' belt iffortifikata u tal-villaġġi tal-madwar, li flimkien kienu jissejħu muang.[9] Bangklanghao rrenja fuq Sukhothai, magħrufa bħala Sri Indraditya, u ta bidu għad-dinastija ta' Phra Ruang. Huwa kabbar ir-renju tiegħu sal-bliet fil-fruntiera. Sal-aħħar tar-renju tiegħu fl-1257, ir-Renju ta' Sukhothai kien ikopri n-naħa kollha ta' fuq tal-wied tax-xmara Chao Phraya (li dak iż-żmien kienet magħrufa sempliċement bħala Menam, "omm l-ilmijiet", l-isem ġeneriku bit-Tajlandiż għax-xmajjar).
L-istoriċi tradizzjonali Tajlandiżi kkunsidraw l-istabbiliment tar-Renju ta' Sukhothai bħala l-bidu tan-nazzjon Tajlandiż peress li ma tantx kien hemm tagħrif dwar ir-renji li ġew qabel Sukhothai. L-istudji storiċi moderni juru li l-istorja Tajlandiża bdiet qabel Sukhothai. Minkejja dan, l-istabbiliment ta' Sukhothai għadu avveniment li jiġi ċċelebrat kull sena.
Tkabbir taħt Ramkamhaeng
immodifikaPho Khun Ban Muang u ħuh Ram Khamhaeng kabbru r-Renju ta' Sukhothai. Lejn in-Nofsinhar, Ramkamhaeng issoġġetta lir-renji ta' Supannabhum u ta' Sri Thamnakorn (Tambralinga) taħt il-kmand tiegħu, u permezz ta' Tambralinga, adotta l-Buddiżmu Theravada bħala r-reliġjon tal-istat. Lejn it-Tramuntana, Ramkamhaeng wassal biex Phrae u Muang Sua (Luang Prabang) ikunu tributarji tiegħu.
Lejn il-Punent, Ramkhamhaeng għen lill-poplu Mon taħt Wareru (li jingħad li kellu x'jaqsam sesswalment ma' bint Ramkamhaeng) jiksbu l-ħelsien mid-dominju ta' Bagan u jistabbilixxu renju f'Martaban (iktar 'il quddiem ittrasferew ruħhom f'Pegu). B'hekk, l-istoriċi Tajlandiżi kkunsidraw ir-Renju ta' Martaban bħala tributarju ta' Sukhothai. Fil-prattika, id-dominju ta' Sukhothai jaf ma kienx estiż daqshekk.
Fir-rigward tal-kultura, Ramkhamhaeng ordna l-propagazzjoni tal-Buddiżmu Theravada f'Sukhothai permezz tal-patrijiet ta' Sri Thamnakorn. Fl-1283, Ramkamhaeng jingħad li vvinta l-kitba Tajlandiża, u inkorporaha fl-istele kontroversjali ta' Ramkamhaeng, li ġiet skoperta 600 sena wara minn Mongkut.
Kien matul dan il-perjodu wkoll li ġew stabbiliti l-ewwel kuntatti mad-dinastija Yuan u Sukhothai bdiet tibgħat missjonijiet kummerċjali lejn iċ-Ċina. Esportazzjoni magħrufa sew minn Sukhothai kienet dik tas-Sangkalok (fuħħar tad-dinastija Song). Dan kien l-unika perjodu li Siam ipproduċiet ċeramika bi stil Ċiniż, li sas-seklu 14 ma baqgħet tintuża iktar.
Deklin u dominju ta' Ayutthaya
immodifikaId-dominju ta' Sukhothai ma tantx dam wisq. Wara l-mewt ta' Ramkhamhaeng fl-1298, it-tributarji ta' Sukhothai ħelsu minn kull rabta li kellhom mar-Renju ta' Sukhothai. Minflok Ramkhamhaeng laħaq ibnu, Loe Thai. Ir-renji tal-vassalli, l-ewwel Uttaradit fit-Tramuntana, imbagħad ftit wara r-renji ta' Laos ta' Luang Prabang u ta' Vientiane (Wiangchan), ħelsu lilhom infushom. Fl-1319, l-istat tal-Mon fil-Punent inħeles ukoll, u fl-1321 il-Lanna assorbew lil Tak, waħda mill-eqdem bliet taħt il-kontroll ta' Sukhothai. Lejn in-Nofsinhar, il-belt setgħana ta' Suphanburi kisbet il-ħelsien ukoll fil-bidu tar-renju ta' Loe Thai. B'hekk, ir-renju malajr iċċekken u reġa' kellu importanza lokali biss. Finalment, fl-1378, l-armati tar-Renju ta' Ayutthaya li kulma jmur beda jikber invadew ir-Renju ta' Sukhothai u obbligaw lir-Re ta' Sukhothai, Thammaracha II, iċedi quddiem din il-qawwa l-ġdida. Wara l-Battalja tax-xmara Sittaung fl-1583, ir-Re Naresuan ta' Phitsanulok (u l-prinċep eredi ta' Ayutthaya) obbligaw ir-rilokazzjoni tan-nies minn Sukhothai u mill-inħawi tal-madwar lejn il-pjanura ċentrali tan-Nofsinhar, minħabba l-gwerra mal-Burmiżi u minħabba terremot.[10]
Żvilupp iktar 'il quddiem
immodifikaSukhothai reġgħet ripopolat ruħha iżda għaddiet minn perjodu ta' deklin minħabba gwerer suċċessivi bejn il-Burmiżi u s-Siamiżi, speċjalment il-Gwerra bejn Burma u Siam tal-1765-1767. Fl-1793, Rama I, wara li stabbilixxa lil Bangkok bħala l-belt kapitali l-ġdida tar-renju, stabbilixxa l-belt il-ġdida ta' Sukhothai f'Thani, 12-il kilometru (7.5 mili) lejn il-Lvant tal-belt antika ta' Sukhothai li ġiet abbandunata. Fl-1801, Rama I kkummissjona l-kostruzzjoni ta' bosta tempji rjali fil-belt kapitali. Huwa ordna li l-istatwi antiki tal-Buddha mill-fdalijiet tat-tempji madwar il-pajjiż jittieħdu lejn Bangkok. Waħda mill-istatwi ta' Buddha hija l-istatwa famuża tal-bronż għolja tmien metri (25 pied) ta' Phra Sri Sakyamuni (bit-Tajlandiż: พระศรีศากยมุนี; RTGS: phra si sakkayamuni), l-istatwa prinċipali tal-Buddha ta' Wat Suthat, li qabel kienet l-istatwa prinċipali tal-Buddha ta' Wat Mahathat, l-ikbar tempju f'Sukhothai. Fl-1833, Mongkut, matul il-perjodu li kien patri, ivvjaġġa lejn Sukhothai u skopra l-istele kontroversjali ta' Ramkhamhaeng f'Wat Mahathat, flimkien ma' artefatti oħra li issa jinsabu fil-Mużew Nazzjonali f'Bangkok. L-isem formali ta' din il-ħaġra hi l-wirt dokumentarju tal-kitba mnaqqxa tar-Re Ram Khamhaeng, li tniżżlet fir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja fl-2003 mill-UNESCO.
Fl-1907, Vajiravudh, bħala l-prinċep eredi, wettaq skavi arkeoloġiċi ta' xahrejn sħaħ f'Nakhon Sawan, f'Kampheang Phet, f'Sukhothai, f'Si Satchanalai, f'Uttaradit u f'Pitsanulok. Iktar 'il quddiem ippubblika l-"Vjaġġ fil-Belt ta' Phra Ruang" (bit-Tajlandiż: เที่ยวเมืองพระร่วง; RTGS: Thiao Muang Phra Ruang) sabiex jippromwovi l-istudju storiku u arkeoloġiku b'mod pubbliku. Dan ix-xogħol intuża iktar 'il quddiem minn diversi arkeologi u storiċi, fosthom Damrong Rajanubhab, il-fundatur tas-sistema edukattiva moderna Tajlandiża, u George Coedès, studjuż tas-seklu 20 tal-arkeoloġija u tal-istorja tax-Xlokk tal-Asja.
Il-park storiku nfetaħ uffiċjalment f'Lulju 1988. Fit-12 ta' Diċembru 1991 ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-bliet storiċi assoċjati u l-parks storiċi assoċjati ta' Kamphaeng Phet u ta' Si Satchanalai.[2]
Ġestjoni
immodifikaIl-Park Storiku ta' Sukhothai jiġi ġestit mid-Dipartiment tal-Belle Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura. Il-ħarsien taż-żona tħabbar għall-ewwel darba fil-Gazzetta Rjali fis-6 ta' Ġunju 1962. Il-liġi li wittiet it-triq għal dan kienet l-Att dwar il-Monumenti Antiki, l-Antikitajiet, l-Oġġetti tal-Arti u l-Mużewijiet Nazzjonali, B.E. 2504 (1961) kif emendata permezz tal-Att (Nru 2), B.E. 2535 (1992).[11]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Storiku ta' Sukhothai u l-Bliet Storiċi Assoċjati ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Iktar qari
immodifika- A.B. Griswold: Towards A History Of Sukhothai Art. The Fine Arts Department, Bangkok, 1967 (l-ebda ISBN).
- Hiram W. Woodward Jr.: Guide to Old Sukhothai. The Fine Arts Department, Bangkok, 1972 (l-ebda ISBN).
- Betty Gosling: Sukhothai Its History, Culture, And Art. Asia Books (Oxford University Press), Bangkok, 1991, ISBN 974-8206-85-8.
Gallerija
immodifika-
Wat Mahathat
-
Phra Achana, Wat Si Chum
-
Id Phra Achana
-
Għadira fil-park
-
Stupi ta' Wat Mahathat
-
Statwa wieqfa ta' Buddha
-
Ħandaq
-
Statwa ta' Buddha f'Wat Mahathat
-
Wat Traphang Ngoen fil-lag
-
Fjuri tal-lotus fil-lag
Referenzi
immodifika- ^ "A guide to the ruins of Sukhothai, Thailand". Travel (bl-Ingliż). 2018-12-12. Miġbur 2023-02-12.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of Sukhothai and Associated Historic Towns". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
- ^ a b Swearer, Donald K. (1995-01-01). The Buddhist World of Southeast Asia. SUNY Press. ISBN 978-0-7914-2459-9.
- ^ Wicks, Robert S. (2018-05-31). Money, Markets, and Trade in Early Southeast Asia: The Development of Indigenous Monetary Systems to AD 1400. Cornell University Press. ISBN 978-1-5017-1947-9.
- ^ Olsen, Brad (2004). Sacred Places Around the World: 108 Destinations. CCC Publishing. ISBN 978-1-888729-10-8.
- ^ orientalarchitecture.com. "Ta Pha Daeng Shrine, Sukhothai, Thailand". Asian Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
- ^ "Chaliang Zone of the Si Satchanalai Historical Park". www.renown-travel.com. Miġbur 2023-02-12.
- ^ a b "Si Satchanalai - Jim Wageman". www.jimwagemanphoto.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
- ^ Terwiel, Barend Jan (1983). "Ahom and the Study of Early Thai Society" (PDF). Journal of the Siam Society. p. 71.
- ^ พิเศษ เจียจันทร์พงษ์ (2003). พระมหาธรรมราชากษัตราธิราช. Bangkok: สำนักพิมพ์มติชน. p. 57. ISBN 974-322-818-7.
- ^ "ประกาศกรมศิลปากร เรื่อง กำหนดเขตที่ดินโบราณสถาน" (PDF). Royal Gazette. p. 79. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-06-01. Miġbur 2023-02-12.