Otto von Bismarck

Otto Eduard Leopold von Bismarck (Schönhausen, 1 ta' April, 1815Friedrichsruh, 30 ta' Lulju, 1898) kien politiku Ġermaniż lejn l-aħħar tas-seklu 19, u figura dominanti fl-isfera globali. Bħala Ministerpräsident, jew Prim Ministru, tal-Prussja mill-1862 tal-1890, hu kellu sehem importanti fl-unifikazzjoni tal-Ġermanja. Fl-1867 hu sar Kanċillier tal-Konfederazzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana. Hu fforma l-Imperu Ġermaniż fl-1871, fejn sar l-ewwel Kanċillier tiegħu u kien persuna importanti fit-treġija tiegħu sakemm ġie mneħħi minn postu fl-1890. Il-diplomazija tiegħu ta' Realpolitik flimkien mat-tmexxija stretta tiegħu, wassluh għal-laqam tiegħu ta' "Il-Kanċillier tal-Ħadid".

Otto von Bismarck

Otto von Bismarck f'Awwissu tal-1890

Vuċi
Ministru għall-Kummerċ

15 Settembru 1880 - 1890
Ministru President tal-Prussja

9 Novembru 1873 - 20 Marzu 1890
Albrecht von Roon - Leo von Caprivi (mul) Translate
Kanċillier Imperjali

21 Marzu 1871 - 20 Marzu 1890 - Leo von Caprivi (mul) Translate
Bundeskanzler (Norddeutscher Bund) (en) Translate

1 Lulju 1867 - 21 Marzu 1871
Ministru għall-Affarijiet Barranin

8 Ottubru 1862 -
Ministru President tal-Prussja

22 Settembru 1862 - 1 Jannar 1873
Prince Adolf zu Hohenlohe-Ingelfingen (en) Translate - Albrecht von Roon
mibgħut

22 Mejju 1862 - 22 Settembru 1862
mibgħut

29 Jannar 1859 - 22 Mejju 1862
ambaxxatur tal-Konfederazzjoni Ġermaniża

15 Lulju 1851 -
Legationsrat (en) Translate

8 Mejju 1851 -
membru tat-Tieni Kamra Prussjana

1849 -
membru parlamentari

11 Mejju 1847 -
Dijkgraaf (en) Translate

1846 -
Referendar (en) Translate

1837 - 1838
Referendar (en) Translate

1836 - 1837
auscultator (en) Translate

1835 - 1836
member of the Reichstag of the German Empire (en) Translate


member of the Prussian House of Lords (en) Translate

Ħajja
Isem propju Otto Eduard Leopold von Bismarck
Twelid Schönhausen, 1 April 1815, 1815
Nazzjonalità Renju tal-Prussja
Reich Ġermaniż
L-ewwel lingwa Ġermaniż
Mewt Friedrichsruh (en) Translate, 30 Lulju 1898
Post tad-dfin Bismarck Mausoleum (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (respiratory arrest (en) Translate)
Familja
Missier Ferdinand von Bismarck
Omm Wilhelmine Luise Mencken
Konjuga/i Johanna von Puttkamer  (28 Lulju 1847 -
Ulied
Aħwa
Tribù House of Bismarck (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Friedrich-Wilhelms-Gymnasium (en) Translate 1832)
Plamannsche Erziehungsanstalt (en) Translate
(1821 - 1827)
Evangelisches Gymnasium zum Grauen Kloster (en) Translate
(1827 -
Università ta' Göttingen
(10 Mejju 1832 - 11 Settembru 1833) : legal science (en) Translate
Università Friedrich-Wilhelms
(10 Mejju 1834 - 25 Marzu 1835) : legal science (en) Translate
Königliche Staats- und landwirtschaftliche Akademie Eldena (en) Translate
(1838 - 1839) : agriculture (en) Translate
Lingwi Ingliż
Franċiż
Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
diplomatiku
ġurist
uffiċjal militari
kittieb
volunteer serving one year (en) Translate
Parteċipant
Post tax-xogħol Berlin
Friedrichsruh (en) Translate
Warcino (en) Translate
Impjegaturi Q2652174 Translate  (1835 -  1836)
Xogħlijiet importanti Gedanken und Erinnerungen (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Corps Hannovera Göttingen (en) Translate
Akademie gemeinnütziger Wissenschaften
Union-Klub (en) Translate
Parliament of the Erfurt Union (en) Translate
Servizz militari
Grad Generaloberst (en) Translate
general field marshal (en) Translate
logutenent
Iġġieldu gwerra Franko Prussjana

Wara l-mewt tiegħu, nazzjonalisti Ġermaniżi għamlu lil Bismarck l-eroj tagħhom u bnew mijiet ta' monumenti li jigglorifikaw is-simbolu ta' tmexxija b'saħħitha. L-istoriċi jfaħħruh bħala politiku moderat u biljanċat li kien il-moħħ wara l-għaqda tal-istati kollha Ġermaniżi taħt imperu wieħed. Hu ħoloq nazzjon b'politika soċjali progressiva, riżultat li kien imur kontra l-objettivi tiegħu fil-bidu. Bismark, Luteran devot ubbidjenti lejn il-kuruna, ippromwova gvern permezz ta' burokrazija b'saħħitha b'monarkija eridetarja fuq nett.

L-ewwel snin

immodifika
 
Bismarck ta' ħdax-il sena
 
Otto von Bismarck bħala żagħżugħ fl-1836

Bismarck twieled f'Schönhausen, stat pjuttost għani fil-Punent ta' Berlin fil-Provinċja ta' Sassonja, fil-Prussja. Missieru, Karl Wilhelm Ferdinand von Bismarck, kien proprjetarju tal-artijiet magħruf aħjar bħala Junker u eks-uffiċċjal militari tal-Prussja; ommu, Wilhelmine Luise Mencken, kienet bint uffiċċjal tal-gvern f'Berlin. Minkejja li fiżikament Bismarck kien jixbah lil missieru u minn barra kien jidher bħala Junker — immaġni li kienet megħjuna mill-fatt li kien iħobb jilbes uniformi militari, minkejja li ma kienx uffiċċjal regulari — hu kien aktar kożmopolitan u b'edukazzjoni aħjar min-normal għal irġiel li ġejjin minn dan l-isfond soċjali. Hu kien jikteb u jitkellem b'mod fluwenti bl-Ingliż,[1] bil-Franċiż,[1] u bir-Russu.[2]

Bismarck irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel sekondarji ta' Friedrich-Wilhelm u Graues Kloster. Mill-1832 sal-1833 studja l-liġi fl-Università ta' Göttingen fejn kien membru tal-Corps Hannovera qabel ma daħal fl-Università ta' Berlin (1833–35).

Waqt li kien f'Göttingen, Bismarck sar ħabib ta' student Amerikan John Lothrop Motley, li ddeskriva lil Bismarck bħala Otto v. Rabenmark fin-novella tiegħu Morton's Hope, or the Memoirs of a Provincial (1839). Motley, aktar tard sar storiku eminenti u diplomatiku.

Minkejja li Bismark xtaq li jsir diplomatiku, beda l-istudju tiegħu bħala avukat f'Aachen u Potsdam. Madanakollu, ftit dam f'din il-linja, wara li kien poġġa l-karriera tiegħu f'xifer l-irdum meta kien ħa permess mhux awtorizzat biex jiġri wara żewġ tfajliet Ingliżi, l-ewwel lil Laura Russell, neputija tad-Duka ta' Cleveland, u wara lil Isabella Loraine-Smith, bint reverendu għani. Hu ma rnexxielux jiżżewweġ lill-ebda waħda minnhom. Għal sena serva fl-armata u sar uffiċċjal fil-Landwehr (riżerva), qabel ma reġa' lura biex imexxi l-ġid tal-familja f'Schönhausen wara l-mewt ta' ommu.

Fl-età ta' tletin sena, Bismarck kellu ħbiberija intensa ma' Marie von Thadden, li kienet għadha kif iżżewwġet lil ħabib minn tiegħu. Taħt l-influwenza tagħha sar Luteran Pjetista, u aktar tard kiteb kif fis-sodda tal-mewt ta' Marie kien talab għall-ewwel darba minn mindu kien żgħir. Bismarck iżżewweġ lill-kuġina ta' Marie, in-nobbli Johanna von Puttkamer f'Alt-Kolziglow fit-28 ta' Lulju, 1847. Iż-żwieġ twil u hieni tagħhom ta ħajja lil tliet itfal, Herbert (t. 1849), Wilhelm (t. 1852) u Marie (t. 1847). Johanna kienet mara mistħija u reliġjuża — minkejja li kienet magħrufha għall-ilsien jaqta' li kellha — u fil-ħajja pubblika tiegħu, Bismarck kien xi drabi akkumpanjat minn oħtu Malwine ("Malle") von Arnim.

Waqt btala waħdu f'Biarritz fis-sajf tal-1862 (qabel ma sar Prim Ministru tal-Prussja), Bismarck kellu relazzjoni romantika ma' Kathy Orlov, il-mara ta' tnejn u għoxrin sena ta' diplomatiku Russu — mhuwiex magħruf jekk ir-relazzjoni bejniethom kinitx sesswali. Bismarck żamm lil martu infurmata fuq din il-ħbiberija l-ġdida permezz ta' ittra, u f'sena sussegwenti Kathy ħassret il-pjanijiet li tiltaqa' ma' Bismarck f'vaganza oħra wara li semgħet li martu u l-familja tiegħu se jakkumpanjawh din id-darba. Huma komplew jiktbu lil xulxin sal-mewt prematura ta' Kathy fl-1874.

Bidu tal-karriera politika

immodifika

Fis-sena taż-żwieġ tiegħu, fl-1847, Bismarck ġie magħżul bħala rappreżentant fil-leġislatura moħluqa ġdida tal-Prussja, il-Vereinigter Landtag. Hemmhekk, hu kiseb ir-reputazzjoni bħala politiku rjali u reazzjonarju. Apertament, hu sostna l-idea li l-monarka għandu dritt divin li jmexxi.

F'Marzu tal-1848, il-Prussja sabet ruħha f'rivoluzzjoni (waħda mill-ħafna li qamu f'dik is-sena madwar diversi pajjiżi Ewropej), li kompletament affettwat it-tmexxija tar-Re Federiku Guljelmu IV. Il-monarka, minkejja li għall-bidu kellu l-intenzjoni li juża' l-forza biex joħnoq ir-rivoluzzjoni, iddeċieda li ma jħallix 'l Berlin lejn is-sigurtà offerta mill-kwartieri ġenerali tal-militar f'Potsdam. Hu offra diversi konċessjonijiet lil-liberali: hu libes il-kuluri rivoluzzjonarji (iswed, aħmar u deheb, preżenti anke llum fil-bandiera tal-Ġermanja demokratika), wiegħed kostituzzjoni, qabel li l-Prussja u stati oħra jingħaqdu f'pajjiż wieħed, u ħatar lil-liberali Ludolf Cam bħala Ministru-President.

Għall-bidu, Bismarck prova jqajjem lill-foqra tal-istat tiegħu f'armata fi triqitha lejn Berlin f'isem ir-Re. Bil-moħbi hu wasal Berlin sabiex joffri s-servizzi tiegħu, imma minflok ġie mitlub sabiex jagħmel lilu nnifsu utli billi jirranġa l-provisti tal-ikel għall-Armata mill-istati tiegħu f'każ li jkun hemm. Ħu r-Re, il-Prinċep Guljelmu (ir-Re u l-Imperatur futuri Guljelmu I) kien ħarab lejn l-Ingilterra, u Bismarck ikkomplotta mal-mara ta' Guljelmu Augusta sabiex tpoġġi lit-tifel żagħżugħ tagħhom (ir-Re futuri Federiku III) fuq it-tron Prussjan f'post ir-Re Federiku Guljelmu IV—Augusta ma kien se jkollha xejn, u minħabba f'hekk spiċċat tobgħod lil Bismarck, minkejja li aktar tard Bismarck għen sabiex jirkupra relazzjoni professjonali bejn ir-Re u ħuh, li ma kienux f'termini tajba bejniethom. Bismarck ma kienx membru tal-Landtag elett dik is-sena. Imma r-rebħa liberali ftit li xejn saddet sa tmiem is-sena, u dan kien minħabba ġlied intern li dgħajjfu lill-moviment, waqt li l-konservattivi reġgħu inġabru flimkien, iffurmaw grupp intern ta' konsulenti u reġgħu ħadu kontroll ta' Berlin. Minkejja li ngħatat kostituzzjoni, dak li ngħata kien wisq 'il bogħod minn dak rikjest mir-revoluzzjonarji.

Fl-1849, Bismarck ġie elett fil-Landtag. F'din il-fażi tal-karriera, hu oppona li l-Ġermanja tingħaqad, fejn argumenta li b'konsegwenza t'hekk il-Prussja titlef l-indipendenza tagħha. Hu aċċetta l-ħatra tiegħu bħala wieħed mir-rappreżentanti tal-Prussja fil-Parlament t'Erfurt, assemblea ta' stati Ġermaniżi li ltaqgħu sabiex jiddiskutu pjanijiet għall-unifikazzjoni, imma biss sabiex jopponi b'mod aktar effettiv il-proposti ta' dan il-grupp. Il-Parlament naqas li jġib 'il quddiem l-idea ta' unifikazzjoni u dan minħabba li naqset is-sosten taż-żewġ stati Ġermaniżi l-iktar importanti, il-Prussja u l-Awstrija. Fl-1850, wara disputa fuq Hesse, il-Prussja ġiet umiljata u sfurzata sabiex tiffirma mal-Awstrija (sostnuta mir-Russja) il-Qbil ta' Olmütz; pjan ta' unifikazzjoni għall-Ġermanja taħt il-gwida Prussjana, propost mill-Prim Ministru Prussjan Radowitz, ġie wkoll abbandunat.

Fl-1851, Federiku Guljelmu ħatar lil Bismarck bħala r-rappreżentant tal-Prussja fid-Dieta tal-Konfederazzjoni Ġermaniża fi Frankfurt. Bismarck irriżenja mis-siġġu fil-Landtag, imma ġie maħtur fil-Kamra tal-Lords Prussjana xi snin wara. Fi Frankurt daħal fi "gwerra" mar-rappreżentant Awstrijak, il-Konti Thun, fejn insista li għandu jiġi trattat ugwalment bħal li jikseb l-istess privileġġi li ħa Thun, dik li jpejjep u jneħħi l-ġakketta waqt il-laqgħat.

It-tmien snin ta' Bismarck fi Frankfurt wassluh biex ibiddel il-fehma politika tiegħu, evidenti fin-numru ta' memoranda li bagħat lis-superjuri ministerjali tiegħu f'Berlin. Issa, li ma kienx għadu taħt l-influwenza ta' sħabu ultrakonservattivi, Bismarck sar inqas reazzjonarju u iktar pragmatiku. Hu sar konvint li sabiex tikkumpensa l-influwenza mill-ġdid tal-Awstrija, il-Prussja kellha bżonn mhux biss li tagħmel alleanzi mal-istati Ġermaniżi l-oħra. B'riżultat t'hekk, hu laqa' aktar bil-qawwa l-idea ta' Ġermanja magħquda. Bismarck ħadem ukoll sabiex iżomm il-ħbiberija tar-Russja u relazzjoni professjonali ma' Napuljun III ta' Franza—b'din il-ħbiberija tkun importanti kemm biex jhedded lill-Awstrija u anki sabiex jipprevjeni lil Franza milli tagħmel alleanza mar-Russja. F'ittra famuża lil Leopold von Gerlach, Bismarck kiteb li kienet follija li tilgħab ċess wara li tkun poġġejt 16 mill-64 kaxxa barra mil-limiti. Din l-osservazzjoni kienet ironika hekk kif wara l-1871 Franza saret l-għadu permanenti tal-Ġermanja, u fil-fatt eventwalment tagħmel alleanza mar-Russja kontra l-Ġermanja fl-1890ijiet.

Bismarck kien ukoll urtat bl-iżolament li sofriet il-Prussja matul il-Gwerra tal-Krimea f'nofs l-1850ijiet (fejn l-Awstrija marret man-naħa tar-Renju Unit u Franza kontra r-Russja, u l-Prussja għal ftit ma kinitx se titħalla barra mid-diskussjonijiet fuq il-paċi f'Pariġi). Fil-kriżi tal-Lvant tal-1870, il-biża' li jerġa' jkun hemm ripetizzjoni ta' dawn l-avvenimenti kien fattur importanti li wasslu sabiex Bismarck aktar tard iffirma l-Alleanza Doppja mal-Awstrija-Ungerija fl-1879. Madanakollu, fl-1850ijiet Bismarck ippreveda korrettament li n-nuqqas li jsostni lir-Russja (wara l-għajnuna Russa sabiex titkisser ir-Rivolta Ungeriża fl-1849, u f'Olmutz fl-1850, il-kap Awstrijak Schwarzenberg sostna li "L-Awstrija se tissorprendi lid-dinja bil-fond tal-ingratitudni tagħha") l-Awstrija ma setgħet issib l-ebda sapport min-naħa tar-Russja fl-Italja u l-Ġermanja, u b'hekk kienet esposta għal attakki minn Franza u l-Prussja.

Fl-1858, Federiku Guljelmu IV sofra minn puplesija li pparalizzatu u spiċċa b'diżabilità mentali. Ħuh, Guljelmu, ħa f'idejh il-gvern tar-Prussja bħala reġġent. Għall-bidu Guljelmu kien gvernatur moderat, li l-ħbiberija tiegħu mal-pajjiż liberali tar-Renju Unit kienet simbolizzata miż-żwieġ tat-tifel tiegħu (il-futuri Federiku III) lill-ikbar tifla tar-Reġina Vittorja, Vicky; it-tifel tagħhom (il-futuri Guljelmu II) twieled fl-1859. Bħala parti mill-"Kors il-Ġdid" ta' Guljelmu hu ġab ministri ġodda, konservattivi moderati, magħrufa bħala l-partit "Wochenblatt" wara l-gazzetta tagħhom.

Fi ftit żmien ir-reġġent ħa post Bismarck bħala r-rappreżentant fi Frankfurt, waqt li Bismarck sar ambaxxatur tal-Prussja lill-Imperu Russu. Teoretikament din kienet promozzjoni hekk kif ir-Russja kienet waħda miż-żewġ ġirien b'saħħithom tal-Prussja (bil-ġara l-oħra tkun l-Awstrija). Pragmatikament, Bismarck spiċċa mitfugħ fuq ġenb, 'il bogħod minn dak li kien qed jiġri fil-Ġermanja, fejn ra lil Franza titfa' 'l barra lill-Awstrija mil-Lombardija matul il-Gwerra Taljana tal-1859. Bismarck ippropona li l-Prussja tisfrutta d-dgħjufija tal-Awstrija u tmexxi l-fruntieri "lejn in-Nofsinhar sal-Lag ta' Kostanza" fuq il-konfini Żvizzeri; minflok, il-Prussja mmobilizzat it-truppi tagħha f'Rheinland sabiex twaqqaf aktar avvanzi min-naħa tat-truppi Franċiżi ġewwa Venezja. Ir-reġġent, li ddisprezza lil Bismarck bħala "Landwehrleutnant" (logutent riserva), irrifjuta li jagħtih promozzjoni għall-grad ta' ġenerali maġġuri, grad normali għal ambaxxatur ta' San Pietruburgu (u importanti minħabba li l-Prussja u r-Russja kienu alleati militari qrib xulxin, li l-kapi tal-istat tagħhom ħafna drabi kienu jikkomunikaw permezz ta' kuntatti militari milli permezz ta' kuntatti diplomatiċi). Bismarck baqa' f'San Pietruburgu għal erba' snin, fejn matul dan iż-żmien kien għoddu tilef riġel wara żball waqt trattament mediku u għal darb'oħra iltaqa' mal-avversarju fil-ġejjieni qarib, il-Prinċep Russu Gorchakov, li kien ir-rappreżentant tar-Russja ġewwa Frankfurt fil-bidu tal-1850ijiet. Ir-reġġent ħatar ukoll lil Helmuth von Moltke bħala Kap tal-Istat Maġġuri għall-Armata Prussjana, u Albrecht von Roon bħala Ministru Prussjan għall-Gwerra u l-impjieg li jirranġa l-armata. Dawn it-tlieta min-nies matul it-tnax-il sena li segwew ittrasformaw lill-Prussja

Minkejja l-ħafna żmien barra, Bismarck ma kienx maqtugħ kompletament mill-affarijiet domestiċi Ġermaniżi. Hu baqa' aġġornat minħabba l-ħbiberija li kellu ma' Roon, u huma ffurmaw alleanza politika. Fl-1862 Bismarck ġie offrut post fis-servizz diplomatiku Russu wara li z-Zar fehem ħażin kumment dwar il-probabbiltà li jimmissja lil San Pietruburgu. Bismarck korteżament irrifjuata l-offerta.[3] F'Mejju tal-1862, hu ntbagħat Pariġi sabiex iservi bħala ambaxxatur għal Franza. Matul is-sajf hu żar ukoll l-Ingilterra. Dawn iż-żjarat wassluh biex jieħu stampa ċara tal-avversarji tiegħu Napuljun III, il-Prim Ministru Brittaniku Palmerston u s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Earl Russell, u kif ukoll tal-politiku Konservattiv Brittaniku Disraeli, li lejn l-1870ijiet sar Prim Ministru—li aktar tard stqarr li kien qal dwar iż-żjara ta' Bismarck "kun attent fuq dan il-bniedem—hu jagħmel dak li jgħid".

Ministerpräsident (Prim Ministru) tal-Prussja

immodifika
 
Otto von Bismarck bħala Prim Ministru tal-Prussja

Ir-reġġent sar Re Guljelmu I mal-mewt ta' ħuh fl-1861. Il-monarka l-ġdid kien f'kunflitt kontinwu mad-Dieta Prussjana li l-maġġornaza kienet liberali. Fl-1862 inqagħlet kriżi fejn id-Dieta naqset li taċċetta riforma fl-armata. Il-ministri tar-Re ma rnexxielhom jikkonvinċu sabiex jgħaddu l-baġit, u r-Re ma kienx lest li jerħi mir-riedni. Guljelmu hedded li jabdika (minkejja li t-tifel tiegħu oppona l-abdikazzjoni tiegħu) u fehem li Bismarck kien l-uniku politiku li seta' jirranġa s-sitwazzjoni. Madanakollu, Guljelmu ma tantx kien konvint fuq il-ħatra ta' persuna li ried kontroll totali tal-affarijiet barranin. Meta f'Settembru tal-1862, il-maġġoranza tal-Abgeordnetenhaus (il-Kamra tad-Deputati) ċaħdet il-baġit propost, Guljelmu ipperswada ruħu li jerġa' jgħajjat lil Bismarck lura lejn il-Prussja wara l-avviż ta' Roon. Fit-23 ta' Settembru 1862, Guljelmu ħatar lil Bismarck bħala Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin.

Il-bidla ta' Bismarck, Roon u Moltke waslet fi żmien meta r-relazzjonijiet mal-Qawwiet il-Kbar—ir-Renju Unit, Franza, l-Awstrija u r-Russja—kienet f'qagħda kritika minħabba l-Gwerra tal-Krimea tal-1854–55 u l-Gwerra Taljana tal-1859. F'nofs din id-diżordni, il-bilanċ tal-potenza fl-Ewropa ġie mibdul mill-ġdid bil-ħolqien tal-Imperu Ġermaniż bħala l-potenza dominanti fl-Ewropa. Din waslet grazzi għad-diplomazija ta' Bismarck, għar-riorganizzazzjoni tal-armata minn Roon, u għall-istrateġija militari ta' Moltke.

Minkejja d-diffidenza inizzjali min-naħa tar-Re u l-Prinċep tal-Kuruna, u l-istkerrih tar-Reġina Augusta, Bismarck mill-ewwel wera s-saħħa tiegħu fuq ir-Re permezz tal-personalità tiegħu u l-poteri ta' persważjoni. Bismarck kien tal-ħsieb li jżomm is-supremazija tal-irjali billi jtemm l-imblokk tal-baġit f'favur ir-Re, anke jekk kellu juża' miżuri ekstralegali sabiex jagħmel dan. Hu sostna li, minħabba li l-Kostituzzjoni ma kinitx tipprovdi għall-ebda każ fejn il-leġislaturi naqsu li japprovaw il-baġit, hu seta' sempliċiment jadotta l-baġit tas-sena preċedenti. B'hekk, abbażi tal-baġit tal-1861, il-ġbir tat-taxxi baqa' għal erba' snin.

Is-snin ta' wara kienu ta' kunflitt kontinwu u sħun bejn Bismarck u l-leġislaturi. Wara l-Konvenzjoni ta' Alvensleben tal-1863, il-Kamra tad-Deputati għaddiet riżoluzzjoni li biha ddikjarat li ma setgħetx taqbel iktar ma' Bismarck; b'risposta għal dan, ir-Re xolja d-Dieta, fejn akkużaha li pruvat tieħu kontroll antikostituzzjonali fuq il-ministeru. Bismarck suċċessivament ħareġ editt li biha rrestrinġa l-libertà tal-istampa; din il-politika wasslet biex il-pubbliku jdur ukoll kontra l-Prinċep tal-Kuruna, Federiku Guljelmu (l-Imperatur futuri Federiku III). Minkejja li prova jagħlaq ħalq il-kritiċi, Bismarck xorta waħda baqa' politiku impopolari. Is-sostenituri tiegħu ftit li xejn marru tajjeb fl-elezzjonijiet ta' Ottubru 1863, fejn koalizzjoni liberali (li l-membru prinċipali tagħha kien il-Partit Progressiv) rebħet iktar minn tliet terzi tas-siġġijiet fil-kamra. Il-Kamra bdiet tagħmel rikjesti kontinwi sabiex jitkeċċa Bismarck, però r-Re baqa' jsostnih minħabba li beża' li jekk kien se jkeċċi 'l Bismarck, warajh kien se jiġi ministru liberali.

L-unifikazzjoni Ġermaniża

immodifika

Id-Diskors tad-Demm u l-Ħadid

immodifika

L-unifikazzjoni tal-Ġermanja kienet waħda mill-objettivi prinċipali matul ir-rivoluzzjonijiet tal-1848–49, meta rappreżentattivi tal-istati Ġermaniżi ltaqgħu fi Frankfurt u għamlu abbozz ta' kostituzzjoni fejn ħolqu unjoni federali b'parlament nazzjonali li jiġi elett b'suffraġju universali maskili. F'April tal-1849, il-Parlament ta' Frankfurt offra t-titlu ta' Imperatur lir-Re Prussjan Federiku Guljelmu IV. Ir-Re Prussjan irrifjuta li jaċċetta dan il-mandat popolari, wara l-biża' li jirċievi oppożizzjoni min-naħa tal-prinċpijiet l-oħra Ġermaniżi u ċans ta' intervent militari mill-Awstrija u r-Russja. B'hekk, il-Parlament ta' Frankfurt spiċa f'falliment għal-liberali Ġermaniżi. Fit-30 ta' Settembru, 1862, Bismarck għamel diskors lill-Kumitat tal-Baġit tal-Kamra tad-Deputati Prussjana, fejn fi tmiem dan id-diskors ħarġet "waħda mill-iktar espressjoni famuża ta' Bismarck".[4]

 Il-Prussja trid tikkonċentra u żżomm il-qawwa tagħha għal dak il-mument favorevoli li żelaq minn idejha għal ħafna drabi. Il-konfini tal-Prussja skont it-trattati ta' Vjenna mhumiex favorevoli għal ħajja b'saħħitha. Mhux permezz tad-diskorsi u d-deċiżjonijiet tal-maġġoranza li jiġu solvuti l-mistoqsijiet il-kbar tal-epoka tagħna—dak kien l-ikbar żball tal-1848 u l-1849—imma permezz tal-ħadid u d-demm.[5] 

Telfa tad-Danimarka u l-Awstrija-Ungerija

immodifika

Il-Ġermanja qabel l-1860ijiet kienet tikkonsisti minn numru ta' prinċipati magħquda flimkien bħala membri tal-Konfederazzjoni Ġermaniża. Bismarck uża kemm id-diplomazija u kemm l-armata Prussjana sabiex jikseb l-unifikazzjoni, fejn eskluda lill-Awstrija mill-Ġermanja magħquda. Mhux talli għamel 'il-Prussja l-aktar komponent b'saħħtu u dominanti fil-Ġermanja l-ġdida, imma assigura li l-Prussja tibqa' stat awtoritarju, milli reġim parlamentari liberali.

 
Bismarck, fuq ix-xellug, flimkien ma' Roon (fin-nofs) u Moltke (fuq il-lemin). It-tliet kapijiet tal-Prussja fl-1860ijiet.

Bismarck affaċċja ruħu bi kriżi diplomatika meta Federiku VII tad-Danimarka miet f'Novembru tal-1863. Suċċessivament kien hemm disputa fuq is-suċċessjoni għad-dukati ta' Schleswig u Holstein; dawn ittieħdu minn Kristjanu IX (l-eredi ta' Federiku VII bħala Re) u Federiku von Augustenburg (duka Ġermaniż). L-opinjoni pubblika Prussjana kienet tiffavorixxi lil Augustenburg, minħabba li l-popli f'Holstein u fin-Nofsinhar ta' Schleswig kienu jitkellmu bil-Ġermaniż. Bismarck ħa pass kontra l-fehma pubblika meta insista li t-territorji kienu legalment taħt il-monarka Daniża skont il-Protokol ta' Londra iffirmat fid-deċennju ta' qabel. Xorta waħda, Bismarck attakka d-deċiżjoni meħuda minn Kristjanu li jieħu kompletament lil Schelswig taħt id-Danimarka. Bis-sapport tal-Awstrija, hu ħareġ ultimatum lil Kristjanu IX sabiex jerġa' jpoġġi lil Schleswig fl-istat preċedenti li kienet fih; meta id-Danimarka rrifjuatat, l-Awstrija u l-Prussja invadew, fejn bdew it-Tieni gwerra ta' Schleswig u d-Danimarka kellha ċċeddi ż-żewġ dukati. Ir-Renju Unit, taħt il-Prim Ministru Palmerston u s-Segretatju tal-Affarijiet Barranin Earl Russell, kien umiljat u spiċċa impotenti, hekk kif ma kienx lest li jpoġġi t-truppi tiegħu fid-Danimarka.

Għall-bidu deher li din kienet rebħa għal Augustenberg, imma Bismarck mill-ewwel neħħieh mill-poter billi għamel serje ta' talbiet impossibbli, fosthom li l-Prussja għandu jkollha kontroll fuq l-armata u l-flotta tad-Dukati. Oriġinarjament, ġie propost li d-Dieta tal-Konfederazzjoni Ġermaniża (fejn kull stat Ġermaniż kien rappreżentat) għandu jkun hu li jiddetermina d-destin ta' dawn id-dukat; imma qabel ma din l-iskema tiġi fis-seħħ, Bismarck ipperswada lill-Awstrija sabiex tiffirma l-Konvenzjoni ta' Gastein. Taħt dan il-qbil, iffirmat fl-20 ta' Awwissu 1865, il-Prussja ħadet lil Schleswig, waqt li l-Awstrija ħadet lil Holstein. F'din is-sena hu ġie magħmul Graf (Konti) von Bismarck-Schönhausen.

Imma fl-1866, l-Awstrija reġgħet lura minn kliemha fuq il-qbil preċedenti u talbet li tkun id-Dieta li tiddetermina l-kwistjoni fuq Schleswig u Holstein. Bismarck uża din bħala skuża sabiex jibda gwerra mal-Awstrija bl-iskuża li l-Awstrija kisret il-Konvenzjoni ta' Gastein. Bismarck bagħat truppi Prussjani jokkupaw Holstein. L-Awstrija, ipprovokata, talbet għall-għajnuna tal-istati l-oħra Ġermaniżi, li mal-ewwel ġew involuti fil-Gwerra Awstro-Prussjana. Grazzi għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-armata minn Albrecht von Roon, l-armata Prussjana kellha kważi l-istess numru ta' suldati bħall-armata Awstrijaka. Bil-ġenju ta' Helmuth von Moltke, l-armata Prussjana ġġieldet gwerer li kienet kapaċi tirbaħ. Bismarck kien għamel ukoll qbil sigriet mal-Italja, li xtaqu lil Venezja li kienet taħt l-Awstrija. L-introduzzjoni tal-Italja fil-gwerra wasslet sabiex it-truppi Awstrijaċi jinqasmu.

Hekk kif il-gwerra bdiet, Ġermaniż radikali bl-isem ta' Ferdinand Cohen-Blind ipprova joqtol lil Bismarck f'Berlin, fejn sparalu ħames darbiet minn distanza żgħira. Cohen-Blind kien demokratiku li xtaq li bil-qtil ta' Bismarck dan kien jipprevjeni gwerra kontra l-istati Ġermaniżi. Bismarck salva b'korrimenti żgħar minkejja li ntlaqat ħames darbiet; Cohen-Blind ikkometta suwiċidju waqt li kien taħt kustodja.

B'sorpriża għall-kumplament tal-Ewropa, il-Prussja għamlet rebħa faċli fuq l-Awstrija u l-alleati tagħha, fi tmiem il-Battalja ta' Königgrätz (jew il-"Battalja ta' Sadowa"). Ir-Re u l-ġenerali riedu jkomplu u jieħdu lill-Boemja u jimmarċjaw qalb it-toroq ta' Vjenna, imma Bismarck, inkwetat fuq li l-fortuna tal-armata Prussjana tista' ddur għall-agħar jew li Franza tintervjeni f'isem l-Awstrija, talab għall-għajnuna tal-Prinċep tal-Kuruna (li kien kontra l-gwerra imma li kien mexxa waħda mill-armati Prussjani f'Sadowa) sabiex ibiddel il-fehma ta' missieru wara diskussjonijiet sħan.

Bħala riżultat tal-Paċi ta' Praga (1866), il-Konfederazzjoni Ġermaniża ġiet xolta; il-Prussja waħħdet lil Schleswig, Holstein, Frankfurt, Hanover, Hesse-Kassel (jew Hesse-Cassel), u Nassau; u l-Awstrija wegħdet li mhix se tidħol fl-affarijiet li jikkonċernaw lill-Ġermanja. Sabiex tissaħħaħ l-eġemonija Prussjana, il-Prussja u diversi stati Ġermaniżi tat-Tramuntana ingħaqdu fil-Konfederazzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana fl-1867; ir-Re Guljelmu I serva bħala l-President tagħha, u Bismarck bħala l-Kanċillier. Minn dan il-punt 'il quddiem beda dak li l-istoriċi jsejħulu bħala "Il-Miżerja tal-Awstrija", fejn l-Awstrija serviet bħala vassal għall-Ġermanja superjuri, relazzjoni li kellha tbiddel l-istorja saż-żewġ Gwerer Dinjija.

Bismarck, li bħalissa kien qed igawdi mill-grad ta' maġġuri fil-Landwehr, libes din l-uniformi matul il-kampanja, u kien finalment promoss għall-grad ta' maġġur-ġenerali fil-kavallerija ta' Landwehr wara l-gwerra. Minkejja li personalment qatt ma mexxa t-truppi fil-battalja, hu ħafna drabi libes l-uniformi ta' ġeneral fil-pubbliku għall-kumplament ta' ħajtu, kif jidher min-numru ta' pitturi u ritratti. Hu kien ukoll ingħata xi flus mil-Landtag Prussjana, li użahom biex jixtri art oħra, Varzin, ikbar mill-istati li kellu ma' xulxin.

Is-suċċess fuq il-kamp militari ta lil Bismarck appoġġ politiku qawwi fil-Prussja. Fl-elezzjonijiet tal-1866 għall-Kamra tad-Deputati, il-liberali sofrew tkaxkira fejn tilfu l-ikbar maġġoranza tagħhom. Il-Kamra l-ġdida, iddominata mill-konservattivi, kienet fuq termini aħjar ma' Bismarck minn dawk ta' qabel; skont rikjesta mill-Prim Ministru, ġew approvati l-baġits tal-erba' snin preċedenti, li ġew implimentati mingħajr il-kunsens tal-parlament.

L-Unifikazzjoni Ġermaniża

immodifika

Wara l-gwerra tal-1866, il-Prussja waħħdet lir-Renju ta' Hanover, li kien allet tal-Awstrija kontra l-Prussja. Inħoloq qbil fejn id-depost Re Ġorġ V ta' Hanover tħalla jżomm 50% tal-assi tal-kuruna. Il-kumplament ġew meqjusa bħala assi tal-istat u ġew trasferiti lejn it-teżorerija nazzjonali. Sussegwentament Bismarck akkuża lil Ġorġ li organizza pjan kontra l-istat u fl-1868 ikkonfiska l-biċċa tiegħu (16-il miljun taler). Bismarck uża dawn il-flus biex joħloq fond sigriet (ir-"Reptilienfonds" jew il-Fond tar-Rettili), li uża sabiex jixtri lill-ġurnalisti u jiskredita lill-avversarji politiċi tiegħu. Fl-1870 hu għamel użu minn ftit minnhom sabiex jirbaħ is-sosten tar-Re Ludoviku II tal-Bavarja sabiex jagħmel lil Guljelmu I Imperatur Ġermaniż.

Bismarck uża wkoll dawn il-fondi sabiex ipoġġi infurmaturi fid-dar tal-Prinċep tal-Kuruna Federiku u l-mara Vittorja. Xi stejjer fittizji li Bismarck poġġa fil-gazzetti kienu l-akkużi li l-koppja rjali kienet qed taħdem bħala aġent Brittaniku billi tiżvela sigrieti tal-istat lill-gvern Brittaniku. Federiku u Vittorja kienu ammiraturi kbar ta' missierha, il-Prinċep Albert ta' Sassonja-Coburg-Gotha, prinċep konsorti tar-Reġina Vittorja tar-Renju Unit. Huma ppjanaw li jmexxu bħal konsorti, bħal Albert u Vittorja. Federiku iddeskriva l-Kostituzzjoni Imperjali bħala "kaos ġenjalment ivvintant."[6] L-uffiċċju tal-Kanċillier responsabbli għall-Kaiser kellu jiġi sostitwit minn kabinett ibbażat fuq stil Brittaniku, b'ministri responsabbli lejn ir-Reichstag. Il-politika tal-gvern kellha tkun ibbażata fuq il-kunsens tal-kabinett.

 Il-Prinċep u l-Prinċipessa tal-Kuruna qasmu l-prospettiva tal-Partit Progressiv, u Bismarck kien ippersegwitat mill-biża li kieku kellu l-Imperu l-qadim jintemm—u issa kien jinsab fis-sebgħinijiet—huma kienu jagħjtu wieħed mill-kapijiet Progressivi biex isir Kanċillier. Huwa fittex li jipprevjeni dan billi jżomm l-Prinċep tal-Kuruna 'l bogħod minn pożizzjoni influwenti u juża' miżuri inġusti u dawk ġusti sabiex jagħmlu inqas popolari.[7] 

Sabiex idgħajjef 'il-koppja rjali, meta l-Kaiser futuri Guljelmu II kien għadu adoloxxenti, Bismarck kellu jisseparah mill-ġenituri tiegħu u jpoġġieh taħt il-gwida tiegħu. Bismarck ippjana li juża' lil Guljelmu bħala arma kontra l-ġenituri tiegħu sabiex jżomm il-poter tiegħu. Bismarck kellu jgħallmu biex ikun insubordinat lejn il-ġenituri tiegħu.

Fl-1892, wara t-tkeċċija ta' Bismarck, il-Kaiser Guljelmu II waqqaf l-użu tal-fond billi poġġa l-imgħax tal-interessi fil-baġit uffiċjali.[8]

Twaqqif tal-Imperu Ġermaniż

immodifika
 
Pittura ta' Anton von Werner li turi l-proklamazzjoni ta' Guljelmu bħala l-Imperatur fis-Sala tal-Mirja f'Versailles; it-tifel ta' Guljelmu, Federiku jidher fit-tarġa ta' fuq, b'idejh 'il fuq, u Bismarck jidher fin-nofs b'ilbies abjad.

Ir-rebħa Prussjana fuq l-Awstrija kabbret it-tensjonijiet ma' Franza. L-Imperatur Franċiż, Napuljun III, beża' li Ġermanja b'saħħitha kienet se xxaqleb il-bilanċ tal-potenza fl-Ewropa (il-politiku tal-oppożizzjoni Franċiż Adolphe Thiers kien osserva korrettament li fil-fatt kienet Franza li ġiet megħluba f'Sadowa). Bismarck, fl-istess waqt, ma evitax gwerra ma' Franza. Hu fehem li jekk l-istati Ġermaniżi jaraw lil Franza bħala l-aggressur, huma kienu jingħaqdu flimkien taħt ir-Re tal-Prussja. Sabiex jasal għal dan Bismarck żamm lil Napuljun III involut f'serje ta' intrigi li kienu jinvolvu fuq il-pjanijiet ta' Franza li tieħu territoriji mil-Lussemburgu jew il-Belġju—Franza qatt ma rnexxielha toħodhom, imma quddiem il-pajjiżi l-oħra dehret bħala rgħiba u mhux ta' min javdaha.

Fl-1870 inqalgħet premessa xierqa għal gwerra, meta il-Prinċep Ġermaniż Leopoldu ta' Hohenzollern-Sigmaringen ġie offrut it-tron Spanjol, li kien vakant wara r-rivoluzzjoni tal-1868. Franza imblukkat il-kandidatura u xtaqet assigurazzjonijiet li l-ebda membru tal-Kamra tal-Hohenzollern ma jsir Re ta' Spanja. Biex jipprovoka lil Franza u din tiddikjara gwerra mal-Prussja, Bismarck ippubblika d-Dispaċċ ta' Ems, verżjoni modifikata ta' konverżazzjoni li seħħet bejn ir-Re Guljelmu u l-ambaxxatur Franċiż għall-Prussja, il-Konti Benedetti. Din il-konverżazzjoni ġiet modifikata sabiex kull pajjiż iħoss li l-ambaxxatur rispettiv ġie ridikolat u muri nuqqas ta' rispett, u b'hekk iqajjem sentiment popolari fuq iż-żewġ naħat għal gwerra.

Franza immobilizzat u ddikjarat gwerra nhar id-19 ta' Lulju, ħamest ijiem wara li d-dispaċċa ġiet pubblikata f'Pariġi. Hi dehret bħala l-aggressur u l-istati Ġermaniż, mimlija b'sentimenti ta' nazzjonaliżmu u pattrijottiżmu, għenu lill-Prussja. Ir-Russja baqgħet barra minn din il-gwerra u wżat din l-opportunità biex terġa' tagħmel it-truppi tagħha fil-Baħar l-Iswed, li kienu ħadu daqqa ta' ħarta fil-Gwerra tal-Krimea fl-1850ijiet. Iż-żewġt itfal subien ta' Bismarck servew bħala uffiċċjali fil-kavallerija Prussjana. Il-Gwerra Franko-Prussjana (1870) kienet suċċess kbir għall-Prussja. L-armata Ġermaniża, taħt il-kmand tar-Re imma kkontrollata mill-Kap tal-Istat Maġġuri Helmuth von Moltke, għamlu rebħa wara oħra. Il-battalji l-kbar seħħew kollha f'xahar wieħed (mis-7 ta' Awwissu sal-1 ta' Settembru), u ż-żewġ armati Franċiżi ġew maqbuda f'Sedan u Metz, b'din tal-aħħar wara assedju li dam ftit ġimgħat. Napuljun III spiċċa priġunier f'Sedan u nżamm fil-Ġermanja għal xi żmien f'każ li Bismarck kellu bżonnu biex imexxi reġim pupazz; hu miet aktar tard fl-Ingilterra fl-1873. Il-kumplament tal-gwerra kien iddominat mill-assedju ta' Pariġi, bil-belt tkun "ibbumbardata għalxejn."[9] Il-gvern il-ġdid Repubblikan ta' Franza ipprova, mingħajr suċċess, jeħles lil Pariġi permezz ta' armati mibnija fi ftit żmien.

Bismarck sab ix-xoqqa f'moxtha sabiex jassigura l-unifikazzjoni tal-Ġermanja. Hu nnegozja mar-rappreżentanti tal-istati tan-Nofsinhar Ġermaniżi, fejn offrielhom konċessjonijiet speċjali jekk huma kienu jaqblu għall-unifikazzjoni. In-negozjati rnexxew; waqt li l-gwerra kienet fl-aħħar fażi, ir-Re Guljelmu tal-Prussja ġie proklamat 'Imperatur Ġermaniż' nhar it-18 ta' Jannar 1871 fis-Sala tal-Mirja ġewwa Château de Versailles.[10] L-Imperu Ġermaniż ġdid kien federazzjoni; kull 25 stat konstitwenti (renji, dukati kbar, dukati, prinċipati, u bliet ħielsa) żammew ċertu awtonomija. Ir-Re tal-Prussja, bħala l-Imperatur Ġermaniż, ma kienx sovran fuq l-Ġermanja kollha. Hu kien biss primus inter pares, jew l-ewwel fost l-ugwali. Però hu żamm il-presidenza tal-Bundesrat, fejn fiha kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-politika preżentanta mill-Kanċillier (li kien jaħtar il-president).

Finalment, Franza kellha ċċedi lil Alsace u biċċa minn Lorraine, minħabba li Moltke u l-ġenerali tiegħu insistew li din kienet bżonnjuża bħala barriera difensiva.[11] Bismarck ma xtaqx li jgħaqqadhom mal-Ġermanja minħabba li ma riedx li joħloq avversarju permanenti fi Franza.[12] Franza kellha tħallas ukoll indennità tal-gwerra.[13]

Kanċillier tal-Imperu Ġermaniż

immodifika
 
Otto von Bismarck fl-1873.

Fl-1871, Otto von Bismarck ġie promoss għall-grad ta' Fürst (Prinċep) von Bismarck. Hu ġie wkoll maħtur Kanċillier Imperjali tal-Imperu Ġermaniż, imma żamm l-uffiċċji Prussjani tiegħu (inklużi dawk ta' Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin). Hu ġie wkoll promoss għall-grad ta' logutent-ġeneral, u ngħata art oħra, Friedrichsruh, qrib Amburgu, li kienet ikbar minn Varzin, sabiex sar sid tal-art għani. Minħabba li żamm kemm l-uffiċċju imperjali u dak Prussjan, Bismarck kellu kważi kontroll totali tal-politika lokali u dik barranija. Fl-1873, l-uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Prussja ġie separat għal ftit żmien minn dak tal-Kanċillier, meta Albrecht von Roon ġie maħtur fl-ewwel uffiċċju. Imma lejn tmiem is-sena, Roon irriżenja minħabba li ma kienx f'sikktu, u Bismarck reġa' sar PM.

Fis-snin ta' wara, waħda mill-objettivi politiċi prinċipali ta' Bismarck kienet li jnaqqas l-influwenza tal-Knisja Kattolika fil-Ġermanja. Bismarck beża' li l-Papa Piju IX u l-papiet ta' warajh jużaw it-tifsira tad-duttrina tal-infallibilità bħala arma politika biex joħolqu instabilità bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti. Biex jipprevjeni dan, Bismarck prova, mingħajr suċċess, li jasal fi qbil ma' gvernijiet oħra Ewropej, sabiex l-elezzjonijiet suċċessivi għal papa jiġu modifikati. Il-gvernijiet Ewropej kellhom jaqblu fuq il-kandidati papali li ma kienux adattati, u wara jinfurmaw lill-kandidati nazzjonali biex jivvutaw b'mod partikulari. Il-Prussja (minbarra r-Rheinland) u ħafna mill-istati Ġermaniżi tat-Tramuntana kienu predominantement Protestanti, imma ħafna Kattoliċi kienu jgħixu fl-istati t'isfel (speċjalment fil-Bavarja). Dawn tal-aħħar kienu jiffurmaw terz tal-popolazzjoni Ġermaniża. Bismarck kien jemmen li l-Knisja Kattolika Rumana kellha ż-żejjed potenza politika; hu kien ukoll inkwetat bl-introduzzjoni fix-xena politika tal-Partit Ċentru Kattoliku fl-1870.

B'hekk hu beda kampanja anti-Kattolika magħrufa bħala l-Kulturkampf. Fl-1871, id-Dipartiment Kattoliku tal-Ministeru tal-Kultura Prussjan ġie abolit. Fl-1872, il-Ġiżwiti ġew espulsi mill-Ġermanja. Liġijiet stretti adottati fl-1873 ippermettew lill-gvern sabiex jissorvelja l-edukazzjoni tal-kleru Kattoliku Ruman, u naqqas il-poteri dixxiplinarji tal-Knisja. Fl-1875, għaż-żwiġijiet kien hemm bżonn ta' ċerimonji ċivili, li sa dak iż-żmien setgħu jsiru fil-knejjes. Dawn l-isforzi saħħew 'il-Partit Ċentru Kattoliku, u Bismarck abbanduna l-Kulturkampf fl-1878 sabiex jippreserva l-kapital politiku li kien għad baqalu. Il-Papa Piju miet f'dik l-istess, u postu ħadu l-Papa Ljun XVIII, papa iktar pragmatiku li rnexxielu jibni relazzjoni itjeb ma' Bismarck mill-predeċessur tiegħu.[14][15]

 
Otto Fürst von Bismarck isir Kanċillier tal-Ġermanja fl-1871.

Il-Kulturkampf ta lil Bismarck sostenitur ġdid fil-forma tal-Partit Liberali Nazzjonali, li sar l-alleat numru wieħed ta' Bismarck fir-Reichstag. Imma fl-1873, il-Ġermanja u ħafna mill-Ewropa daħlu fid-Depressjoni l-Kbira li bdiet bil-falliment tal-Borża ta' Vjenna fl-1873, Gründerkrise. Riċessjoni laqtet lill-ekonomija Ġermaniża għall-ewwel darba minn meta kien qed iseħħ l-iżvilupp industrijali fl-1850ijiet wara r-rivoluzzjonijiet tal-1848–49. Daqqa ta' ħarta oħra waslet meta l-Kanċillier abbanduna l-kummerċ ħieles u stabilixxa tariffi protezzjonisti, li aljenat lil-Liberali Nazzjonali li kien jappoġġjaw il-kummerċ ħieles. Il-Kulturkampf u l-effetti tiegħu dawret l-opinjoni pubblika kontra l-partit li kien favuriha, u Bismarck ħa din l-opportunità sabiex jitbiegħed mil-Liberali Nazzjonali. Din wasslet għal deklin fl-appoġġ għall-Partit Liberali Nazzjonali, u sal-1879 ir-rabtiet kbar ma' Bismarck kienu spiċċaw għal kollox. Bismarck dawwar ħarstu lura lejn il-fazzjonijiet konservattivi—fosthom il-Partit taċ-Ċentru—għall-appoġġ. Hu ġab is-sapport min-naħa tal-konservattivi billi fl-1879 daħħal fis-seħħ numru ta' tariffi li jipproteġu lill-agrikoltura u l-industrija Ġermaniża mill-kompetituri barranin.

Sabiex jipprevjeni l-istess problemi tal-Awstro-Ungerija, dik ta' nazzjonalijiet differenti fi ħdan stat wieħed, il-gvern ipprova jrawwem il-kultura Ġermaniża lill-minoritajiet nazzjonali tal-istat, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu jinsabu fil-konfini tal-imperu, bħad-Daniżi fit-Tramuntana tal-Ġermanja, il-Franċiżi f'Alsace u Lorraine, u l-Pollakki fil-Ġermanja tal-Lvant.

Il-politiki tiegħu li kienu jikkonċernaw lill-Pollakki tal-Prussja kienu ġeneralment sfavorevoli għalihom,[16] u dan wassal għal diverġenzi kbar bejn il-popli Ġermaniżi u l-Pollakki. Il-moħħ wara dawn il-politiki, skont Bismarck, kienet li l-eżistenza tal-Pollakki kienet ta' theddida għall-istat Ġermaniż; Bismarck, li kien jaf jitkellem ukoll bil-Pollakk,[17] kiteb dwar il-poplu Pollakk: "Wieħed jispara 'l-lpup jekk jista'."[18] Hu stqarr ukoll: "Għeleb lill-Pollakki sakemm huma jitilfu l-fidi fis-sena tal-ħajja. Personalment, nitħassarhom fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha. Madanakollu, jekk iridu nkomplu nitkattru—aħna għandna għażla waħda—dik li neqirduhom.[19]

Bismarck, inkwetat bit-tkabbir tal-moviment soċjalista, partikularment dak tal-Partit Soċjal-Demokratiku, hu daħħal fis-seħħ il-Liġijiet Anti-Soċjalisti. L-organizzazzjonijiet u laqgħat soċjalisti ġew projbiti, kif kienet projbita ukoll iċ-ċirkulazzjoni tal-letteratura soċjalista. Kapijiet soċjalisti ġew arrestati u proċessati quddiem il-qrati tal-pulizija. Minkejja dawn l-isforzi kollha, il-moviment beda jkabbar mhux biss fis-sostenituri tiegħu, imma wkoll fin-numru ta' siġġijiet fir-Reichstag. Is-soċjalisti rebħu s-siġġijiet fir-Reichstag billi ħarġu għall-elezzjoni bħala kandidati indipendenti, taħt l-ebda partit, li kienet ħaġa permessa mill-Konfederazzjoni Ġermaniża.

Il-Kanċillier ipprova jnaqqsa l-għajta tal-poplu favur is-soċjaliżmu billi pprova jippaċifika mal-klassijiet tal-ħaddiema. Hu daħħal fis-seħħ numru ta' programmi soċjali. Il-leġislazzjonijiet ta' sigurtà soċjali ta' Bismarck kienu l-ewwel fid-dinja u saru mudell għal pajjiżi oħra.[20] Bismarck introduċa numru ta' riformi fosthom l-assigurazzjoni tas-saħħa fl-1883, assigurazzjoni għal xi inċident fl-1884, pensjonijiet għall-anzjani u assigurazzjoni għad-diżabilità fl-1889, assigurazzjoni għan-nies qiegħda,[21] u liġijiet li kienu jirrestrinġu l-impjieg ta' nisa u tfal. Minkejja dawn il-programmi progressivi, il-klassijiet tal-ħaddiema baqgħet xorta mhux rikonċiljata mal-gvern konservattiv ta' Bismarck.

Il-politika barranija

immodifika

Bismarck kien għadu kif għaqqad il-pajjiż tiegħu u issa ddedika ħinu biex jippromwovi l-paċi fl-Ewropa grazzi għall-abilitajiet li kellu. Hu kellu jħabbat wiċċu mal-mewġa ta' vendetta Franċiża, minħabba t-telfiet li Franza sofriet fil-Gwerra Franko-Prussjana. B'hekk Bismarck daħal f'politika li jiżola diplomatikament lil Franza waqt li jżomm relazzjonijiet kordjali mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa. Bismarck kellu ftit interess f'konkwisti kolonjali u b'hekk evita li jikkuntrasta lir-Renju Unit. Fl-1872, hu offra l-ħbiberija tiegħu lill-Imperu Awstro-Ungeriż u lir-Russja, li l-kapijiet tagħhom ingħaqdu ma' Guljelmu I fil-Lega tat-Tliet Imperaturi, magħrufa bħala d-Dreikaiserbund.

 
Bismarck ca. 1875.

Fl-1872 ukoll, il-kunflitt fit-tul bejn Bismarck u l-Konti Harry von Arnim, diplomatiku u l-ambaxxatur imperjali għal Franza, kompla jissaħaħ. Arnim kien membru prominenti tal-familja Pomeranian, li kienet tiġi minn Bismarck biż-żwieġ, u li Bismarck kien jarah bħala rivali u kompetitur dirett għall-kanċellerija. L-ambaxxatur ma qabilx, mingħajr ebda suċċess, ma' Bismarck fuq il-politika tiegħu vis-à-vis Franza. Bħala penalità għal din l-indiskrezzjoni, Bismarck kien intiż li jneħħi lil Arnim minn Pariġi u jerġa' jpoġġi bħala ambaxxatur tal-Imperu Ottoman f'Kostantinopli, li sa dak iż-żmien kien tilef kważi l-importanza tiegħu. Arnim irrifjuta u kompla xorta waħda jesprimi l-ħsibijiet tiegħu kontra Bismarck, sa wasal li ħareġ rekords sensittivi mid-dokumenti tal-ambaxxata f'Pariġi sabiex isostnu l-attakki tiegħu kontra Bismarck. Il-kontroversja baqgħet sejra għal sentejn sħaħ b'Arnim jiġi "protett" minn ħbieb b'saħħithom qabel ma ġie finalment akkużat li approprija dokumenti uffiċjali mingħajr jedd, ipproċessat u kkundannat. Meta s-sentenza tiegħu kienet taħt appell, hu ħarab lejn l-Iżvizzera u miet fl-eżilju. Wara dan l-episodju, ħadd iktar ma sfida fil-miftuħ lil Bismarck rigward affarijiet li jikkonċernaw il-politika barranija sakemm irriżenzja.[22]

Sal-1875, Franza kienet irkuprat mit-telfa li sofriet fil-Gwerra Franko-Prussjana u gvern ġdid reġa' beda jinvolvi lil Franza bħala potenza kbira fl-Ewropa. L-istaff ġenerali Ġermaniż taħt Moltke kienu allarmati bil-fatt li Franza reġgħet daħlet bħala kompetitur fil-politika Ewropea, u grazzi għal Bismarck irnexxielhom jipprojbixxu la-kkwist ta' għaxar t'elef żwiemel tal-kavallerija mill-Ġermanja. Suċċesivament beda dibattitu informali fuq il-bżonn ta' gwerra preventiva. Titlu ta' artiklu fuq gazzeta prominenti li kien iġib l-isem ta' "Hi Gwerra fil-Qrib?" wasslet għal żvilupp ta' kriżi li minnha Bismarck ma kienx se joħroġ fil-vantaġġ. Il-gvern Brittaniku għamlet twissija ġentili lil Berlin. Iz-Zar tar-Russja Alessandru II u l-kanċillier tiegħu, il-Prinċep Gorchakov, li f'dak iż-żmien kien waqt żjara statali fil-Ġermanja, ħadu l-opportunità biex jagħmlu lilhom infushom bħala dawk li se jġibu l-paċi Ewropea. Din l-azzjoni tat in-nar għal mibgħeda bejn Bismarck u Gorchakov fuq l-"indħil" ta' dan tal-aħħar f'dak li jikkonċerna lil Franza u lill-Ġermanja. Bejn l-1873 u l-1877, il-Ġermanja kontinwament indaħlet fl-affarijiet tal-ġirien ta' Franza. Fil-Belġju, Spanja u l-Italja, Bismarck eżerċita s-saħħa u sostna pressjoni politika sabiex jappoġġja l-elezzjoni jew il-ħatra ta' gvernijiet liberali u antiklerikali. Dan ma kienx konsegwenza tal-Kulturkampf imma parti minn ta' strateġija integrali biex jippromwovi r-republikaniżmu fi Franza billi strateġikament u ideoloġikament jiżola r-reġim klerikali-monarkiku tal-President Marie Edme MacMahon (1808–93). Ix-xewqa tiegħu kienet li billi jiċċirkonda lil Franza b'numru ta' stati liberlai, ir-republikaniżmu Franċiż seta' jegħleb lil MacMahom u s-sostenituri reazzjonarji tiegħu. Il-kunċett modern ta' trażżin jipprovdi mudell utli biex wieħed jifhem id-dinamika ta' din il-politika.[23]

Bismarck żamm relazzjonijiet tajba mal-Italja, minkejja li personalment ma kinux jogħġbuh it-Taljani u pajjiżhom.[24] Wieħed jista' jarah bħala kontributur żgħir għall-unifikazzjoni Taljana. Il-politiki li dawwru l-gwerra tal-1866 kontra l-Awstrija ħallew lill-Italja twaħħad magħha lil-Lombardija-Venezja, li kienet taħt l-Imperu Awstrijak wara l-Kungress ta' Vjenna tal-1815. Barra minn hekk, minħabba l-Gwerra Franko-Prussjana tal-1870–71, it-truppi Franċiżi stazzjonati f'Ruma u fl-Istati Papali kellhom jiġu mobilizzati fuq il-front. Mingħajr dawn l-avvenimenti, l-unifikazzjoni tal-Italja kien ikun proċess itwal.

Wara r-rebħa Russa fuq l-Imperu Ottoman fil-Gwerra Russo-Torka (1877-1878), Bismarck għen biex jinnegozja qbil fil-Kungress ta' Berlin. It-Trattat ta' Berlin (1878), irreveda dak preċedenti ta' San Stefano, fejn naqqas id-daqs tal-pajjiż indipendenti tal-Bulgarija (stat li f'dak iż-żmien kien man-naħa tar-Russja). Bismarck u kapijiet oħra Ewropej opponew li l-influwenza tar-Russja tikber u ppruvaw jipproteġu l-qawwa tal-Imperu Ruman (ara l-Kwistjoni tal-Lvant). B'riżultat t'hekk, ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ġermanja ħadu daqqa ta' ħarta, bil-kanċillier Russu Gorchakov jakkuża lil Bismarck li kkomprometta r-rebħa ta' pajjiżu. Ir-relazzjonijiet marru aktar għall-agħar minħabba l-politiki protezzjonisti tal-Ġermanja fil-kummerċ.

Alleanza Triplika

immodifika

Bil-Lega tat-Tliet Imperaturi tonqos iktar u iktar mill-importanza tagħha, Bismarck innegozja l-Alleanza Doppja (1879) mal-Awstrija-Ungerija, fejn it-tliet li huma qablu li jipproteġu lil xulxin minn kwalunkwe attakk Russu. Din saret magħrufa bħala l-Alleanza Triplika fl-1882 biż-żieda tal-Italja, waqt li l-Italja u l-Awstro-Ungerija ffirmaw l-"Qbil tal-Mediterran" mal-Ingilterra. L-isforzi magħmula sabiex l-Ġermanja u r-Russja jerġgħu jirrikonċiljaw ma' xulxin ftit li xejn kellhom effett tawwali: il-Lega tat-Tliet Imperaturi ġie stabbilita mil-ġdid fl-1881, imma ftit li xejn damet (it-tim tas-solidarjetà Russa-Awstrijaka-Prussjana li kiene eżistiet f'forom differenti mill-1813), u t-Trattat ta' Riassigurazzjoni (fejn iż-żewġ potenzi qabblu li jibqgħu newtrali lejn xulxin sakemm ir-Russja tattakka l-Awstrija-Ungerija) ġie permess li jiskadi fl-1890 wara t-tluq ta' Bismarck.

Bismarck oppona l-idea ta' akkwisti kolonjali, fejn stqarr li l-piż sabiex imantnu u jiddefendu dawn il-possedimenti kien se jimpedihom milli jagħmlu ċerti profitti. Madanakollu, matul lejn l-aħħar tal-1870ijiet u l-bidu tal-1880ijiet l-opinjoni pubblika daret favur il-pussess ta' kolonji, u Bismarck qaleb lejn idea kolonjali. Bismarck kien influwenzat minn negozjanti minn Amburgu, il-ġirien tiegħu fi Friedrichsruh, "u l-ħolqien ta' imperu kolonjali Ġermaniż kompliet bi ftit xkiel."[25] Pajjiżi Ewropej oħra, fosthom l-Ingilterra u Franza, kienu qabel kisbu kolonji ġodda. Matul l-1880ijiet, il-Ġermanja ngħaqdet mal-qawwiet Ewropej fil-Qsim tal-Afrika. Fost il-kolonji tal-Ġermanja kienu Togoland (illum tagħmel parti mill-Gana u t-Togo), il-Kamerun, l-Afrika tal-Lvant Ġermaniża (illum l-Irwanda, il-Burundi, u t-Tanżanija), u l-Afrika tal-Lbiċ Ġermaniża (illum in-Namibja). Il-Konferenza ta' Berlin (1884–1885) stabilixxiet ir-regolamenti għall-ksib ta' kolonji Afrikani; partikularament, hi pproteġiet il-kummerċ ħieles f'ċerti partijiet tal-baċin tal-Kongo. Aktar tard, il-Ġermanja ħadet kolonji fil-Paċifiku.

Evitar tal-gwerra

immodifika

Fi Frar tal-1888, matul il-kriżi Bulgara, Bismarck indirizza ir-Reichstag fuq il-perikli ta' gwerra Ewropea.

Hu widdeb fuq il-possibilità imminenti li l-Ġermanja se jkollha tiġġieled fuq żewġ fronti; hu tkellem fuq ix-xewqa tal-paċi; wara hu poġġa fuq quddiem il-karba tal-Balkani għal gwerra u wera l-futilità tal-idea: "Il-Bulgarija, dak il-pajjiż iż-żgħir bejn id-Danubju u l-Balkani, huwa 'l bogħod milli jiġi mistħoqq bħala oġġett ta' importanza adegwata… sabiex tgħaddas l-Ewropa minn Moska għall-Pirinej, u mill-Baħar tat-Tramuntana għal Palermo, fi gwerra li l-kwistjoni tagħha l-ebda bniedem ma jista' jipprevedi. Fi tmiem il-kunflitt aħna bilkemm inkunu nafu għala ġġielidna.[26]

Barra minn hekk, Bismarck irrepeta t-twissija emfatika tiegħu kontra l-involivment militari tal-Ġermanja fil-kwistjonijiet tal-Balkani. Bismarck għamel dan l-ewwel kumment famuż tiegħu fir-Reichstag f'Diċembru tal-1876, meta r-rivoluzzjonarji Balkaniċi kontra l-Imperu Ottoman għeddew li jestendu fi gwerra bejn l-Awstrija u r-Russja.

Sena biss wara [1876], huwa sab quddiem wiċċu l-alternattiva li japprova l-kawża tar-Russja jew dik tal-Awstrija. Minnufih wara l-aħħar kriżi, fis-sajf tal-1875, l-għira reċiproka bejn r-Russja u l-Awstrija saret aktar urġenti wara l-irvellijiet ġodda fil-Balkani kontra t-Torok. Issa kien kollox f'idejn id-deċiżjoni ta' Bismarck. Immedjatament wara l-paċi, hu pprova jipparalizza lir-rivali Balkaniċi bil-formazzjoni tal-Lega tat-Tliet Imperaturi. "M'għandi l-ebda ħsieb li nintervjeni," hu stqarr privatament. "Dan ista' jwassal għal gwerra Ewropea. [...] Jekk jien kelli nsostni l-kawża ta' wieħed mill-partiti, Franza mal-ewwel tapprova għall-oppost tagħha. [...] Qiegħed inżomm żewġ bestji araldiċi b'saħħithom mill-kullari tagħhom, u qed inżommhom 'il bogħod minn xulxin minħabba żewġ raġunijiet: l-ewwel u qabel kollox, inqas hemm ċans li joħonqu lil xulxin; u t-tieni, inqas hemm iċ-ċans li jaslu fi qbil għall-ispejjeż tagħna."[27]

L-aħħar snin

immodifika
 
Pittura ta' Bismarck, lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu.
 
Bismarck f'għeluq it-80 sena tiegħu (1 ta' April 1895)

Fl-1888, l-Imperatur Ġermaniż Guljelmu I, miet u fuq it-tron ħalla lit-tifel tiegħu, Federiku III. Il-monarka l-ġdid dam biss 99 ġurnata fuq it-tron wara li meta ġie maħtur imperatur kien diġà qiegħed isofri minn kanċer fil-gerżuma u b'kawża t'hekk miet. Postu ħadu t-tifel tiegħu, Guljelmu II. L-imperatur il-ġdid oppona l-politika barranija kawta ta' Bismarck, fejn ipprefera espansjoni rapida sabiex jipproteġi l-"post fix-xemx" tal-Ġermanja.

Qabel ma laqtet il-marda lil Federiku, Bismack ma kienx qed jistenna li jgħix sabiex jara lil Guljelmu II jassumi l-pożizzjoni tiegħu fuq it-tron, aħseb u ara kemm kien se jservi bħala Kanċillier taħt l-Imperatur il-ġdid. Kunflitti bejn Guljelmu II u l-kanċillier tiegħu mill-ewwel għarrqet ir-relazzjoni bejniethom. Minħabba l-fatt li Bismarck kellu rwol prominenti fit-trobbija ta' Guljelmu, Bismarck fehem li hu seta' jiddomina lill-Kaiser iż-żgħir u wera nuqqas ta' rispett lejn il-politiki tiegħu lejn l-aħħar tal-1880ijiet. Id-daqqa finali waslet meta Bismarck prova jdaħħal fis-seħħ numru ta' liġijiet anti-Soċjalisti fil-bidu tal-1890. Il-maġġoranza Kartell fir-Reichstag, li kienet tifforma mill-amalgamazzjoni tal-Partit Konservattiv u l-Partit Nazzjonali Liberali, kienet lesta li tagħmel ħafna mil-liġijiet permanenti. Però ma kinux qabblu fuq il-liġi li tħalli lill-pulizija jespellu soċjalisti aġitati minn djarhom, poter użat eċċessivament fi żmijiet kontra avversarji politiċi. Il-Liberali Nazzjonali rrifjutaw li jagħmlu din il-liġi permanenti, waqt li l-Konservattivi sostenew biss it-totalità tal-abbozz, u finalment użaw il-veto sabiex jimblukkaw l-abbozz sħiħ fis-sessjoni minħabba li Bismarck ma kienx se jaqbel ma' abbozz modifikat.

Hekk kif id-dibattu kompla sejjer, Guljelmu sar aktar konxju tal-problemi soċjali, speċjalment tat-trattament tal-ħaddiema fil-minjieri li għamlu strajk fl-1889, u kompla bil-politika attiva tiegħu fil-gvern, fejn ma kinitx l-ewwel darba li fil-Kunsill interrompa lil Bismarck sabiex isaħħaħ l-argument tiegħu f'favur il-politika soċjali. Bismarck ħada qatta' bla ħabel kontra l-politika ta' Guljelmu u ħadem sabiex ibiddilha. Anke jekk Guljelmu kien isostni l-abbozz anti-soċjalista mibdul, Bismarck ried is-sosten tiegħu sabiex juża' l-veto biex iwaqqa' l-abbozz fit-totalità tiegħu. Madankollu, meta ra li l-argumenti tiegħu naqsu li jikkonvinċu lil Guljelmu, Bismarck beda jaġita ruħu sakemm fl-aħħar kixef ir-raġunijiet ostili tiegħu quddiem kulħadd sabiex it-tnedija tal-abbozz tfalli, ħaġa li ma kinitx ċertament karatteristika tiegħu: li jara lis-soċjalisti jaġitaw ruħhom sakemm kunflitt vjolenti jwassal għal skuża tajba sabiex ikissirhom. Guljelmu rrisponda li ma kienx lest li jibda t-tron tiegħu b'kampanja mdemmija kontra s-suġġetti tiegħu. Il-ġurnata segwenti, wara li nduna bl-iżball li kien għamel, Bismarck ipprova jilħaq kompromess ma' Guljelmu billi jaqbel mal-politika soċjali tiegħu lejn ħaddiema industrijali, u ppropona wkoll kunsill Ewropew li l-għan tiegħu kien li jiddiskuti l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u kien se jkun presedut mill-Imperatur Ġermaniż.

Minkejja dan kollu, l-avvenimenti li ġraw wassal sabiex Guljelmu u Bismarck jitbegħdu iktar minn xulxin. Bismarck, li kien qiegħed iħoss li mhuwiex apprezzat u bil-pressjoni fuqu min-naħa tal-Imperatur u mdgħajjef minn konsulenti ambizzjużi, irrifjuta li jiffirma proklama fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema flimkien ma' Guljelmu, kif kienet tgħid il-Kostituzzjoni Ġermaniża, sabiex jipprotesta għall-indħil żejjed tal-Imperatur f'dik li qabel kienet awtorità indiskutibbli tiegħu. Minn wara l-kwinti, Bismark ħadem ukoll sabiex ikisser il-kunsill tax-xogħol Kontinentali, li Guljelmu kien poġġa ruħu u ġismu fuqu.

Il-ksur definittiv tar-relazzjonijiet wasal meta Bismarck fittex għal maġġoranza parlamentari ġdida, bil-Kartell tiegħu jivvota mill-poter minħabba l-fjask tal-abbozz anti-soċjalista. Il-qawwiet li kien għad baqa' fir-Reichstag kienu l-Partit Kattoliku Ċentrali u l-Partit Konservattiv. Bismarck xtaq jifforma blokk ġdid mal-Partit Ċentrali, u stieden lil Ludwig Windthorst, il-kap parlamentari sabix jiddiskutu alleanza. Din kellha tkun l-aħħar manuvra fil-kamp politiku. Guljelmu ftit li xejn għoġbitu meta sema' biż-żjara ta' Windthorst. Fi stat parlamentari, il-kap tal-gvern jiddepedni fuq il-kunfidenza tal-maġġoranza parlamentari, u ċertament li għandu d-dritt li jifforma koalizzjonijiet sabiex jassigura l-politiki tiegħu. Madanakollu, fil-Ġermanja, il-Kanċillier kien jiddependi biss fuq il-kunfidenza tal-Imperatur, u Guljelmu fehem li l-Imperatur kellu d-dritt li jkun mgħarraf qabel il-laqgħa tal-ministri tiegħu. Wara argument misħun fl-uffiċċju ta' Bismarck, Guljelmu ħareġ 'il barra b'għadab kbir, wara li qabel kien għadu kif xolja l-Ordni tal-Kabinett tal-1851 li kienet ipprojbixxiet lill-Kabinet tal-Ministri Prussjan li jirrapporta direttament lir-Re tal-Prussja, fejn kellhom bżonn minflok li jirrapurtaw permezz tal-Prim Ministu. Bismarck, li wasal f'sitwazzjoni fejn ma seta' jieħu l-ebda vantaġġ minnha, kiteb ittra ta' riżenja fejn fiha kkundanna l-indħil ta' Guljelmu fil-politika barranija u dik domestika, ittra li ġiet pubblikata biss wara l-mewt tal-istess Bismarck. Kif ġraw l-affarijiet, Bismarck sar l-ewwel vittma tal-kreazzjoni tiegħu, u meta induna li t-tkeċċija tiegħu kienet imminenti:

Ir-riżorsi kollha ta' Bismarck kienu skjerati; hu wkoll staqsa lill-Imperatriċi sabiex tuża' l-influwenza tagħha mat-tifel tagħhom f'isemu. Imma s-saħħar kien tilef il-maġija tiegħu; l-inkanteżimi tiegħu kienu mingħajr saħħa minħabba li dawn saru fuq nies li ma kienux jirrispettawhom [...] Bħalma Lord Salisbury kien qal lir-Reġina Vittorja: 'Il-kwalitajiet vera li Bismarck nissel fl-Imperatur sabiex isaħħah lilu nnifsu meta l-Imperatur Federiku kellu jitla' fuq it-tron kienu l-istess kwalitajiet li tefgħuh 'il isfel.' L-Imperatriċi, f'dik li kienet sens ta' ħasra u ta' trijonf, qaltlu li l-influwenza tagħha flimkien mat-tifel tagħha ma setgħux isalvawh minħabba li hu nnifsu kien iddistruġġieha.[28]

 
"Dropping the Pilot", karikatura ta' Sir John Tenniel, ippubblikata fil-magażin Punch. Din tirrapreżenta lil Bismarck bħala pilota marittimu nieżel minn fuq il-vapur, li turi n-niżla tiegħu minn Kanċillier tal-Ġermanja.

Bismarck irriżenja fit-18 ta' Marzu 1890, fl-età ta' 75 sena wara insistenza ta' Guljelmu II; minfloku, fir-rwol ta' Kanċillier tal-Ġermanja u Prim Ministru tal-Prussja daħal Leo van Caprivi.[29] Bismarck suċċessivament ġie promoss għall-grad ta' "Kurunell Ġenerali bid-Dinjità ta' Marixxal tal-Kamp" u ngħata titlu ġdid, dak ta' Duka ta' Lauenburg, li hu ironikament stqarr li huwa utli meta jkun qiegħed jivjaġġa bil-moħbi. Minnufih ġie elett bħala Liberali Nazzjonali fir-Reichstag fis-siġġu tal-Amburgu, però kien ġie imbarazzat meta ġie sfurzat għat-tieni votazzjoni minn rivali Demokratiku Soċjali, u attwalment qatt iktar ma ħa postu. Fl-aħħar irtira ruħu fl-istati tiegħu f'Varzin (fil-Polonja tal-lum). Fi żmien xahar wara li l-mewt ta' martu fis-27 ta' Novembru 1894, hu mar fi Friedrichsruh qrib Amburgu, fejn stenna bil-ħniena li tintalab l-għajnuna tiegħu għal avviż jew parir.

Hekk kif kien telaq mill-uffiċċju tiegħu, iċ-ċittadini bdew jagħtuh ġieħ, fejn bdew jiġbru l-flus sabiex jibnu monumenti bħall-Bismarck-Nationaldenkmal jew torrijiet iddedikati għalih. Bismarck irċieva tifħir kbir fil-Ġermanja, b'ħafna binjiet jieħdu ismu, b'kotba dwaru jkunu l-aktar mibjugħa, u ħafna drabi ġie mpitter ukoll.

L-aħħar snin ta' ħajtu Bismarck qattagħhom jiġbor il-memorji tiegħu (Gedanken und Erinnerungen , jew Thoughts and Memories) li kienu jikkritikaw u jiskreditaw lill-Imperatur. Hu miet ta' fl-1898 ta' 83 sena f'Friedrichsruh, fejn indifen fil-Bismarck-Mausoleum. Fil-lapida ta' fuq il-qabar hemm miktub "Qaddej Leali Ġermaniż tal-Kaiser Guljelmu I".

L-aħħar twissija u previżjoni

immodifika
 
Bismarck-Denkmal, Amburgu.

F'Diċembru tal-1897, Guljelmu II żar lil Bismarck għall-aħħar darba. Bismarck għal darb'oħra wissa lill-Kaiser fuq il-perikli li jimprovizza l-politika tal-gvern ibbażata fuq l-intrigi tal-kortiġjani u militari. L-aħħar twissija ta' Bismarck kienet:

 Maestà tiegħek, ġaladarba għandek għad-dispożizzjoni l-korpi tal-uffiċċjali preżenti, għamel dak li trid. Imma meta dan ma jkunx għadu l-każ, dan se jkun differenti ħafna għalik. 

Sussegwentament, Bismarck għamel dawn il-previżjonijiet akkurati:

 Jena ġiet għoxrin sena wara l-mewt ta' Federiku l-Kbir; it-tkissir tagħha se jsir għoxrin sena wara t-tluq tiegħi jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma. 

 Għad tasal gwerra kbira Ewropea li toriġina minn xi ħaġa fiergħa fil-Balkani

Fi Frar tal-1888 Bismarck kien avverta li kriżi Balkanika se ddur fi gwerra dinjija (minkejja li l-gwerra waslet fl-1914, il-pajjiż Balkaniku kien is-Serbja, u mhux il-Bulgarija)[30]:

Hu widdeb fuq il-possibilità imminenti li l-Ġermanja se jkollha tiġġieled fuq żewġ fronti; hu tkellem fuq ix-xewqa tal-paċi; wara hu poġġa fuq quddiem il-karba tal-Balkani għal gwerra u wera l-futilità tal-idea: "Il-Bulgarija, dak il-pajjiż iż-żgħir bejn id-Danubju u l-Balkani, huwa 'l bogħod milli jiġi mistħoqq bħala oġġett ta' importanza adegwata… sabiex tgħaddas l-Ewropa minn Moska għall-Pirinej, u mill-Baħar tat-Tramuntana għal Palermo, fi gwerra li l-kwistjoni tagħha l-ebda bniedem ma jista' jipprevedi. Fi tmiem il-kunflitt aħna bilkemm inkunu nafu għala ġġielidna.[31]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Crankshaw, Bismarck, pġ. 13
  2. ^ Taylor, Bismarck, The Man and the Statesman, pġ. 44
  3. ^ Morgenthau, Hans J. (1949) Politics Among Nations, pġ. 186.
  4. ^ Hollyday, 1970, pġ. 16
  5. ^ Hollyday, 1970, pp. 16–18
  6. ^ Michael Balfour, The Kaiser and his Times, Houghton Mifflin (1964) p. 69
  7. ^ Michael Balfour, The Kaiser and his Times, Houghton Mifflin (1964) pġ. 70
  8. ^ Brockhaus-Enzyklopädie, (17-il edizzjoni, 1966-74)
  9. ^ Taylor, Bismarck, p. 126
  10. ^ Crankshaw, Bismarck, pġ. 294-296
  11. ^ Tuchman, Barbara. The Guns of August. New York: Ballantine Books, 1962, pġ. 35
  12. ^ Massie, Robert K. Dreadnaught. New York: Ballantine Books, 1992, pġ. 62
  13. ^ Taylor, pġ. 133; il-figura tal-indennità kienet ikkalkulata, abbażi tal-popolazzjoni, l-ekwivalenti tal-indennità li Napuljun I impona fuq il-Prussja fl-1807.
  14. ^ Ronald J. Ross, The Failure of Bismarck's Kulturkampf: Catholicism and State Power in Imperial Germany, 1871-1887 (2000)
  15. ^ Michael B. Gross, The War against Catholicism: Liberalism and the Anti-Catholic Imagination in Nineteenth-Century Germany (2005)
  16. ^ BISMARCK, DHM.
  17. ^ Crankshaw, pġ. 150
  18. ^ von BISMARCK, Otto, Deutsche und Polen.
  19. ^ Christian Graf von Krockow, Bismarck. Eine Biographie, Stuttgart 1997
  20. ^ Taylor, pġ. 203
  21. ^ Taylor, pġ. 204
  22. ^ Crankshaw, pġ. 322
  23. ^ James Stone, "Bismarck and the Containment of France, 1873-1877," Canadian Journal of History 1994 29(2): 271-304
  24. ^ Taylor, pġ. 212
  25. ^ Crankshaw, pġ. 397
  26. ^ Ludwig, 1927a pġ. 73
  27. ^ Ludwig, 1927b pġ. 511
  28. ^ Michael Balfour, The Kaiser and his Times, Houghton Mifflin (1964) pġ. 132
  29. ^ Otto von Bismarck, Werke in Auswahl, Vol. 7, Wissenschaftliche Buchgesellschaft Darmstadt (1981) pġ. 758
  30. ^ Reichstag speech on 6 February 1888 - Otto von Bismarck, Werke in Auswahl, Vol. 7, Wissenschaftliche Buchgesellschaft Darmstadt (1981) pġ. 612
  31. ^ Ludwig, 1927a pġ. 73

Ħoloq esterni

immodifika