Missjonijiet Franġiskani fis-Sierra Gorda ta' Querétaro
Il-Missjonijiet Franġiskani fis-Sierra Gorda ta' Querétaro fil-Messiku huma ħames knejjes tal-missjoni li nbnew bejn l-1750 u l-1760. L-istabbiliment tal-missjonijiet huwa attribwit lil Junípero Serra, li stabbilixxa wkoll l-iżjed missjonijiet importanti f'California. Il-ħames knejjes tal-missjoni tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]
Huma eżempju ta' għaqda arkitettonika u stilistika miżbugħa u huma wieħed mill-aqwa eżempji ta' Barokk popolari fil-Messiku u fl-eks kolonji Spanjoli. Skont il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, il-knejjes tal-missjoni huma xhieda tal-iskambju importanti ta' valuri matul il-proċess ta' kolonizzazzjoni, kemm fiċ-ċentru kif ukoll fit-Tramuntana tal-Messiku, u fil-Punent tat-territorju li attwalment jagħmel parti mill-Istati Uniti.
Reġjun
immodifikaIs-Sierra Gorda hija reġjun ekoloġiku ċċentrat fit-terz tat-Tramuntana tal-istat ta' Querétaro u li huwa estiż fl-istati ġirien ta' Guanajuato, Hidalgo u San Luis Potosí.[2] Ir-reġjun jinsab ġo fergħa tal-katina muntanjuża ta' Sierra Madre Oriental u jikkonsisti minn sensiela ta' ktajjen muntanjużi mit-Tramuntana sax-Xlokk. Fi ħdan Querétaro, l-ekosistema hija estiża miċ-ċentru tal-istat, mill-inħawi tal-muniċipalitajiet ta' San Joaquín u ta' Cadereyta de Montes, u tkopri l-muniċipalitajiet kollha ta' Peñamiller, Pinal de Amoles, Jalpan de Serra, Landa de Matamoros u Arroyo Seco, b'erja totali ta' 250 kilometru kwadru.[3][4]
Is-Sierra Gorda kollha għandha art imħarbta ħafna, li tinkludi kanjons u muntanji weqfin. L-altitudnijiet ivarjaw minn ftit iktar minn 300 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar fil-Kanjon ta' Río Santa María f'Jalpan sa 3,100 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar f'Cerro de la Pingüica f'Pinal de Amoles. Il-mikroambjenti tar-reġjun ivarjaw minn foresti koniferi, foresti tas-siġar tal-ballut, li jinstabu l-iktar fil-qċaċet tal-muntanji, u għelieqi tal-banana u tal-kannamiela fil-kanjons iktar fondi. Fuq in-naħa tal-Lvant, hemm ukoll foresti ħorfija. Fuq in-naħa tal-Punent, li tmiss mal-Promontorju Messikan, hemm kundizzjonijiet ta' deżert u ta' semideżert, b'varjetà ta' kakti u arbuxxelli tax-xagħri. Fost il-karatteristiċi tas-Sierra Gorda hemm il-qċaċet assoċjati mas-Sierra Alta de Hidalgo, il-foresti tas-siġar taż-żnuber ta' Zamorano, il-Kanjon ta' Extorax u x-xaqlibiet ta' Huazmazonta, il-widien f'nofs il-muntanji fejn jinsabu l-ħames knejjes tal-missjoni, kif ukoll l-għoljiet wara xulxin li jwasslu sa La Huasteca. Il-varjazzjonijiet kbar fl-altitudni u fil-preċipitazzjoni jiffavurixxu varjetà wiesgħa ta' flora u ta' organiżmi selvaġġi.[5]
Stabbiliment
immodifikaGħalkemm il-Knisja tal-Missjoni ta' Jalpan ġiet stabbilita fl-1750 qabel il-wasla ta' Junípero Serra fir-reġjun, huwa ġie akkreditat bil-kostruzzjoni tal-ħames knejjes prinċipali tal-missjoni fl-inħawi u bit-tlestija tal-evanġelizzazzjoni tal-popolazzjoni lokali. Fil-verità, il-knejjes tal-missjoni nbnew mill-poplu Pame, taħt it-tmexxija ta' diversi patrijiet Franġiskani, inkluż José Antonio de Murguía f'San Miguel Conca, Juan Crispi f'Tilaco, Juan Ramos de Lora f'Tancoyol, u Miguel de la Campa f'Landa.
Madankollu, il-viżjoni tal-kostruzzjoni tal-knejjes tal-missjoni kienet ta' Serra, peress li huwa immaġina tip ta' utopija bbażata fuq prinċipji Franġiskani. Serra adotta attitudni missjonarja soda li kienet tikkonsisti mill-akkumpanjament u mill-fehim tal-problemi soċjali lokali, mill-għarfien tal-ġuħ li kellhom u tal-lingwa tagħhom. Serra stabbilixxa kooperattivi, appoġġa u saħħaħ il-kapaċitajiet ta' organizzazzjoni u ta' produzzjoni tagħhom, inċentiva d-distribuzzjoni tal-art u impona kompiti dottrinali bil-lingwa Pame. Dan kien kompitu missjonarju kbir ħafna u kellu konsegwenzi profondi mill-puntdivista uman. Ir-riżultati tal-missjonijiet wieħed jista' japprezzahom illum il-ġurnata fis-sinkretiżmu tal-Barokk preżenti fil-knejjes kollha tal-missjoni.
Storja
immodifikaGħalkemm kien hemm xi kostruzzjonijiet tal-bliet f'dawn l-inħawi matul il-perjodu Preklassiku, l-iktar bejn is-sekli 6 u 10, dawn il-bliet kienu ġew abbandunati ferm qabel waslu l-Ispanjoli fis-seklu 16. F'dan iż-żmien, il-popli nattivi tar-reġjun kienu kaċċaturi nomadiċi, fosthom il-Pames, ix-Ximpeces Guachichil u l-Jonaz, li ġeneralment jissejħa flimkien bħala ċ-Chichimeca. Barra minn hekk, kien hemm gruppi wkoll ta' Otomi u ta' Huasteca.[6] L-Ispanjoli ddominaw il-Punent imbiegħed u l-Lvant Imbiegħed tas-Sierra Gorda (attwalment fl-istati ta' Guanajuato u ta' Hidalgo), iżda ma setgħux jiddominaw iċ-ċentru fejn attwalment hemm l-istat ta' Querétaro. Dan minħabba l-art imħarbta u r-reżistenza qalila, speċjalment mill-Jonaz.[7][8]
L-isforzi ta' dominju tar-reġjun kienu jinkludu l-isforzi ta' evanġelizzazzjoni. Ħafna minn dawn l-isforzi fallew qabel nofs is-seklu 18. Matul is-seklu 16 u 17, kien hemm tentattivi ta' evanġelizzazzjoni tas-Sierra Gorda ta' Querétaro mill-Wistinjani, mill-Franġiskani u mid-Dumnikani. Madankollu, dawn il-missjonijiet kważi kollha qatt ma rnexxew jew il-knejjes tagħhom inqerdu mill-komunitajiet indiġeni ftit wara li nbnew. L-aqwa eżempju magħruf huwa dak tal-Knisja tal-Missjoni ta' Bucareli li tinsab fil-komunità ta' Puerto de Tejamanil fil-muniċipalità ta' Pinal de Amoles. Il-knisja tal-missjoni ġiet stabbilita fl-1797 mill-Franġiskan Juan Guadalupe Soriano għall-evanġelizzazzjoni tal-poplu Jonaz lokali. L-isem sħiħ tal-Knisja tal-Missjoni hu Purísima Concepción de Bucarelí. Din qatt ma tlestiet u li fadal huma biss parti mill-monasteru, mill-minjieri u mill-knisja. Fl-4 ta' Frar, tiġi ċċelebrata quddiesa għal San Franġisk ta' Assisi hemmhekk, fil-fdalijiet ta' kappella żgħira mingħajr saqaf. Il-missjoni ġiet abbandunata għalkollox matul ir-Rivoluzzjoni Messikana fl-1914 u l-kostruzzjoni ġie sospiża uffiċjalment fl-1926.[8]
Fl-1740, il-gvern kolonjali ddeċieda li jistermina r-reżistenza tal-indiġeni hemmhekk biex jiżgura r-rotot kummerċjali lejn Guanajuato u Zacatecas. Dan inkiseb minn José de Escandón, li laħaq il-qofol tal-ispedizzjoni tiegħu fil-Battalja ta' Media Luna, fejn rebaħ kontra l-Jonaz u x-Ximpeces. Il-paċifikazzjoni militari tal-inħawi minn José de Escandón fis-snin 40 tas-seklu 18 ippermettiet il-kostruzzjoni ta' missjonijiet permanenti fil-qalba tas-Sierra Gorda. Madankollu, il-ħames knejjes tal-missjonijiet Franġiskani akkreditati lil Junípero Serra nbnew fit-territorju tal-Pame, peress li dan il-poplu kien iktar lest li jaċċetta d-dominju Spanjol. L-Ispanjoli ddeċidew li jaħarqu l-villaġġi oriġinali tal-Pame u jirrilokaw il-popolazzjoni madwar il-knejjes tal-missjoni biex ikollhom kontroll aħjar. Dawk li ma ssottomettewx ruħhom, jew ikkommettew suwiċidju jew marru jgħixu fil-muntanji. Il-kollokament tal-knejjes tal-missjoni kellu l-iskop li jifred il-qalba tas-Sierra Gorda u jinfetħu toroq ġodda lejn San Luis Potosí.[8]
Junípero Serra qatta' tmien snin fuq il-proġett tal-kostruzzjoni tal-knejjes tal-missjoni sal-1770, meta għadd ta' avvenimenti storiċi, inkluż it-tkeċċija tal-Ġiżwiti, wasslu għall-abbandun tal-missjonijiet. Serra ttrasferixxa ruħu lejn California. Minn dak iż-żmien sal-aħħar tas-seklu 20, il-kumplessi ġew mitluqa u ġarrbu deterjoramenti u ħsarat. Dan kien speċjalment il-każ matul ir-Rivoluzzjoni Messikana, fejn bosta mill-knejjes fir-reġjun insterqu u għadd ta' figuri tal-portali ta' dawn il-knejjes Franġiskani ġew "dekapitati" minħabba l-ġlied.[10]
Fis-snin 80 tas-seklu 20, grupp mill-uffiċċju tal-INAH f'Xilitla ntilef fl-inħawi u inzerta sab waħda mill-knejjes tal-missjoni. Is-sejba wasslet biex isiru sforzi biex il-missjonijiet jiġu salvati, u l-qofol ta' dawn l-isforzi ntlaħaq bid-deżinjazzjoni tagħhom bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1] Ix-xogħol ta' restawr inizjali fl-istrutturi tal-knejjes tal-missjoni u minn barra nbeda fis-snin 80 tas-seklu 20. Bejn l-1991 u l-1997, inbeda x-xogħol fuq l-artali, il-korijiet, l-orgnijiet u l-pitturi. Iktar xogħol ġie sponsorjat mill-istat bejn l-1997 u l-2002, u dan kien jinkludi x-xogħol fuq il-pjazez u l-monumenti tal-madwar. L-ispejjeż tar-restawr għall-knisja tal-missjoni ta' Tancoyol waħedha kienu jammontaw għal iktar minn tliet miljun pesos sal-2008. L-isforz biex il-missjonijiet jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO beda fis-sena 2000 minn grupp ta' intellettwali Messikani, inkluż Dr. Miguel León Portilla. L-isforz ħa sentejn u nofs iżda fl-aħħar mill-aħħar irnexxa fl-2003, meta żdied mal-lista matul is-27 laqgħa tal-Kumitat tal-Wirt Dinji. Il-ħames missjonijiet huma promossi mill-awtorità tat-turiżmu statali bħala rotta tal-missjonijiet imsejħa Ruta de las Misiones.[11]
Arkitettura
immodifikaIl-karatteristika prinċipali ta' dawn it-tempji huwa t-tiżjin rikk tal-bibien prinċipali, magħruf bħala "Barokk Spanjol Ġdid" jew "Barokk mestizo", skont l-INAH. It-tiżjin rikk huwa mmirat l-iktar lejn it-tagħlim tar-reliġjon il-ġdida lill-popli indiġeni, iżda għad-differenza tal-Barokk tat-tempji u tal-monumenti iktar lejn in-Nofsinhar, l-influwenza tal-indiġeni huwa ovvju. L-idea ta' Serra kienet li juri taħlita ta' kulturi minflok konkwista totali. Waħda mill-ideat li kellu kienet l-użu tal-kuluri, aħmar, oranġjo u isfar, kif ukoll sfumaturi oħra, u l-użu ta' figuri mqaddsa nattivi, bħall-fenek u l-ġagwar. It-tempji għandhom navata unika, imsaqqfa b'volta b'għamla ta' bittija, iżda kull tempju għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu, speċjalment fil-portali. Serra qatta' ħdax-il sena fis-Sierra Gorda, qabel ma ttrasferixxa ruħu fit-Tramuntana, għall-ħabta tal-1760. Il-missjonijiet stabbiliti f'Querétaro kienu l-ewwel f'sensiela twila ta' missjonijiet li mbagħad ġew stabbiliti f'dik li issa huwa n-Nofsinhar ta' California.
Il-missjonijiet tas-Sierra Gorda għandhom karatteristiċi uniċi tal-Barokk Spanjol Ġdid, kemm fil-konfigurazzjoni tal-pjanta tagħhom kif ukoll fl-elevazzjonijiet tagħhom. Fil-faċċati tagħhom għandhom sensiela ta' kompożizzjonijiet oriġinali ħafna bbażati fuq elementi dekorattivi ta' kwalità għolja u fuq disinn indiġenu; l-għamliet tagħhom huma armati b'ħitan diviżorji miksija bl-istukko, magħmula bil-ġebla tal-ġir imħejji fil-post u mogħtija l-kulur bil-ħamrija. Minkejja l-fatt li dawn il-missjonijiet ġew stabbiliti fis-seklu 18, fihom ġew skoperti elementi tal-arkitettura reliġjuża tal-ordnijiet Mendikanti tas-seklu 16. L-arkitettura ta' dawn il-missjonijiet tobdi l-hekk imsejjaħ programm ta' "traċċi moderati" li ġie implimentat fis-seklu 16 u li ġie aċċettat mill-ordnijiet Franġiskani, Wistinjani u Dumnikani; u li huma applikaw fil-kunventi-fortizzi.[12]
Il-missjonijiet għandhom l-hekk imsejħa capilla posa, waħda mis-soluzzjonijiet arkitettoniċi li ntużaw fil-kumpless tal-monasteri tal-eks kolonji Spanjoli fis-seklu 16, li jikkonsistu minn erba' binjiet kwadri bil-volta fit-truf taz-zuntier ta' quddiem il-knejjes tal-missjoni. Bħall-capilla abierta, din hija soluzzjoni unika u kontribut tal-arti kolonjali Spanjola-Amerikana lill-arti universali minħabba l-oriġinalità tagħha u r-riżorsi plastiċi u stilistiċi tat-tiżjin tagħha. Hemm diversi teoriji dwar il-funzjoni tagħha. Ġie propost li, wara mogħdija proċessjonali, il-capillas posas kienu jintużaw biex fihom jitqiegħed jew jiġi espost is-Sagrament Imqaddes waqt il-purċissjonijiet fiz-zuntier tal-knejjes tal-missjoni.
-
L-ajkla b'żewġt irjus tal-Asburgi fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Missjoni ta' Concá.
-
Il-capilla posa tal-Knisja tal-Missjoni ta' Nuestra Señora de la Luz de Tancoyol.
-
Iz-zuntier u l-capillas posas tal-Knisja tal-Missjoni ta' San Francisco de Asís del Valle de Tilaco.
Knejjes tal-Missjoni
immodifikaIl-Knisja tal-Missjoni ta' Santiago de Jalpan
immodifikaIl-Knisja tal-Missjoni ta' Santiago de Jalpan ġiet stabbilita qabel il-wasla ta' Junípero Serra fl-1744, iżda Serra kien responsabbli għall-kostruzzjoni tal-kumpless tal-missjoni attwali mill-1751 sal-1758, li kien l-ewwel wieħed li nbena. Il-knisja hija ddedikata lil Ġakbu l-Kbir, l-ewwel evanġelista. Dan il-kumpless jinsab fiċ-ċentru tar-raħal modern quddiem il-pjazza prinċipali, u jinkludi zuntier, kjostru, portal għall-pellegrini u knisja, b'kappella annessa fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja. Iċ-ċint taz-zuntier oriġinali ntilef, iżda ġie rikostruwit bl-istess stil, bi tliet portali u ħnejjiet invertiti. Il-karatteristiċi ewlenin tal-portal imżejjen tal-faċċata huma l-Madonna tal-Pilastru u l-Madonna ta' Guadalupe, it-tnejn li huma b'konnessjonijiet Mesoamerikani, kif ukoll l-ajkla b'żewġt irjus, li tissimbolizza t-taħlita taż-żewġ kulturi.
Il-faċċata hija waħda elaborata bl-istukko u bix-xogħol fil-ġebel, bl-okra tal-pilastri li toħloq kuntrast mal-isfar tal-bosta dettalji dekorattivi. Il-biċċa l-kbira tad-dettalji huma veġetazzjoni, flimkien ma' anġli u ajkli żgħar. Fost l-elementi Ewropej hemm ix-xbihat tal-qaddisin, pereżempju San Duminku u San Franġisk ta' Assisi, u l-istemma Franġiskana. Fil-portal hemm ix-xbihat ta' San Pietru u San Pawl. Fost l-elementi nattivi hemm l-ajkla Messikana b'żewġt irjus li qed tiekol serp. Fuq in-naħa ta' fuq, fuq ix-xellug, hemm xbieha tal-Madonna ta' Guadalupe, u fuq in-naħa l-oħra hemm dik tal-Madonna tal-Pilastru. Dawn huma x-xbihat prinċipali tal-Madonna tal-Messiku u ta' Spanja rispettivament. Din l-istatwa jingħad li kienet ittieħdet minn ġeneral lejn l-aħħar tas-seklu 19. Ġiet sostitwita minn arloġġ iktar modern. Fuq ġewwa, il-koppla tal-knisja tal-missjoni ta' Jalpan fiha xeni tal-apparizzjoni tal-Madonna ta' Guadalupe.[13][14][15]
-
Il-knisja minn ġewwa.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
Il-kampnar.
-
Il-koppla prinċipali minn ġewwa.
-
L-artal prinċipali.
Il-Knisja tal-Missjoni ta' Nuestra Señora de la Luz de Tancoyol
immodifikaIt-tieni knisja tal-missjoni tinsab fil-komunità ta' Tancoyol u l-isem sħiħ tagħha huwa l-Knisja tal-Missjoni ta' Nuestra Señora de la Luz de Tancoyol, iddedikata lill-Madonna tad-Dawl. Il-faċċata tal-knisja għandha bosta tiżjin bil-veġetazzjoni, bis-sbula prominenti tal-qamħirrum, u hija l-iżjed waħda elaborata mill-ħames missjonijiet. X'aktarx din il-knisja tal-missjoni nbniet minn Juan Ramos de Lora, li rresjeda hemmhekk mill-1761 sal-1767. L-istruttura hija simili għall-istruttura tal-missjonijiet ta' Jalpan u ta' Landa. Hemm knisja bi pjanta b'għamla ta' salib Latin u żona tal-kor, sagristija, zuntier b'salib fin-nofs u kappelli fil-kantunieri taz-zuntier imsejħa capillas posas. Hemm ukoll daħla għall-pellegrini, kjostru u żona fejn iħejju ruħu l-qassis qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Fuq ġewwa hemm għadd ta' skulturi, inkluż waħda tal-Madonna tad-Dawl. Il-faċċata għandha tieqa b'għamla ta' rombu, imdawra minn rappreżentazzjoni tal-ħabel li l-Franġiskani kienu jużaw biex jorbtu l-vizzji tagħhom miegħu. It-tema bażika tal-faċċata hi l-ħniena, irrappreżentata mill-interċessjonijiet tal-Madonna u ta' diversi qaddisin. L-ikonografija tal-portal tal-knisja hija l-iżjed waħda elaborata mill-ħames missjonijiet. Il-faċċata hija maqsuma fi tlieta, frontun u erba' kolonni stipiti. Il-parti ta' taħt fiha l-iskulturi ta' San Pietru u ta' San Pawl, kif ukoll l-istemma tal-Franġiskani. Il-parti ta' fuq fiha l-iskulturi ta' San Ġwakkin u Sant'Anna, bil-Madonna f'ħoġorha, u niċċa fin-nofs. Hemm ukoll ix-xbihat mill-Passjoni ta' Kristu, bħall-imsiemer u lanza. Fin-niċċa kien hemm xbieha tal-Madonna tad-Dawl, iżda issa hija vojta. Bejn it-tieni u t-tielet parti ta' fuq tal-faċċata, hemm tieqa kbira u fuqha hemm rappreżentazzjoni tal-istagmati ta' San Franġisk ta' Assisi.
Il-frontun fih riljiev ta' salib kbir b'żewġ stili marbuta mal-ordnijiet Franġiskani u Dumnikani. Is-salib prinċipali fuq nett jirrappreżenta l-fidwa bis-slaleb ta' Calatrava u ta' Ġerusalemm fuq kull naħa. Fuq ġewwa tal-knisja hemm elementi indiġeni, bi xbieha ta' ġagwar u persuna b'fattizzi tal-Olmeki. Il-kampnar huwa dejjaq u l-battisterju jinsab fil-bażi tat-torri tal-kampnar. Fil-parti t'isfel hemm tieqa żgħira li ddawwal il-battisterju. Il-koppla tat-torri għandha għamla piramidali b'salib Barokk fuq nett.
-
Il-knisja minn ġewwa.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
Il-kampnar.
-
Il-battisterju.
-
L-artal prinċipali.
-
Il-koppla prinċipali minn ġewwa.
Il-Knisja tal-Missjoni ta' San Miguel Concá
immodifikaIl-Knisja tal-Missjoni ta' San Miguel Concá tinsab erbgħin kilometru minn Jalpan fuq l-Awtostrada nru 69 lejn Río Verde. Il-knisja tinsab fiċ-ċentru tal-komunità fuq naħa waħda ta' Triq Guerrero. Hija orjentata lejn in-Nofsinhar u hija ddedikata lill-Arkanġlu Mikiel. Din hija l-iżgħar waħda mill-ħames knejjes tal-missjoni u x'aktarx tlestiet fl-1754, skont kitba mnaqqxa fuq ġewwa tal-knisja stess. "Concá" hija kelma bil-lingwa Pame li tfisser "miegħi". Il-Knisja tal-Missjoni ta' San Miguel Concá hija l-iżjed waħda lejn it-Tramuntana. Fost il-karatteristiċi ewlenin tat-tiżjin tal-faċċata hemm fjuri kbar, veġetazzjoni, weraq u figuri bi stil indiġenu. Il-knisja tal-missjoni għandha xbieha tat-Trinità Mqaddsa fuq nett flimkien ma' fenek (simbolu tal-poplu Pame) u ajkla b'żewġt irjus.
-
Il-knisja minn ġewwa.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
Il-battisterju.
-
L-artal prinċipali.
-
Il-koppla prinċipali minn ġewwa.
Il-Knisja tal-Missjoni ta' San Francisco de Asís del Valle de Tilaco
immodifikaIl-Knisja tal-Missjoni ta' San Francisco de Asís del Valle de Tilaco tinsab f'komunità żgħira 18-il kilometru fil-Grigal ta' Landa de Matamoros. Inbniet bejn l-1754 u l-1762 minn Juan Crespi u ġiet iddedikata lil San Franġisk ta' Assisi. Għandha xi karatteristiċi li huma differenti mill-missjonijiet l-oħra. L-ewwel nett, il-knisja nbniet fuq pendil. It-torri tal-kampnar huwa separat min-navata prinċipali tal-knisja permezz tal-battisterju u strutturalment dan jiffunzjona bħala struttura li tirfed il-knisja. Il-Knisja tal-Missjoni ta' Tilaco hija l-iżjed waħda kkonservata tajjeb mill-ħames missjonijiet u għandha l-iżjed tiżjin sottili fil-faċċata tagħha. Il-faċċata tagħha hija magħmula minn tliet partijiet orizzontali u minn tliet partijiet vertikali, bl-istema prominenti tal-Franġiskani fuq id-daħla prinċipali. Fil-Knisja tal-Missjoni ta' Tilaco, il-faċċata fiha anġli żgħar, sbula tal-qamħirrum u buqar kbir stramb taħt ix-xbieha ta' San Franġisk ta' Assisi. Element dekorattiv partikolari huwa dak tal-erba' sirenetti b'fattizzi indiġeni. Il-missjoni ta' Tilaco għandha wkoll l-iżjed capillas posas ikkonservati tajjeb tas-Sierra Gorda li kienu jintużaw waqt il-purċissjonijiet.
-
Il-knisja minn ġewwa.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
Il-kampnar.
-
L-artal prinċipali.
-
Il-koppla prinċipali minn ġewwa.
Il-Knisja tal-Missjoni ta' Santa María de la Purísima Concepción del Agua de Landa
immodifikaIl-Knisja tal-Missjoni ta' Santa María de la Purísima Concepción del Agua de Landa tinsab għoxrin kilometru minn Jalpan fuq l-Awtostrada nru 120 lejn Xilitla. Il-knisja tal-missjoni nbniet bejn l-1760 u l-1768 minn Miguel de la Campa u hija ddedikata lill-Madonna tal-Kunċizzjoni Immakulata, li tagħti isimha lil parti mill-komunità. Din kienet waħda mill-aħħar knejjes tal-missjoni li nbnew. Iz-zuntier tal-knisja huwa pavimentat bil-ġebel u huwa kkonfinat minn ċint, u fin-nofs tiegħu hemm salib. Hija magħrufa għall-ekwilibriju fil-kompożizzjoni tagħha u għat-torri dejjaq ħafna tal-kampnar, li huwa integrat fil-faċċata. L-iskulturi ta' dan il-faċċata jitqiesu bħala l-aħjar fost il-ħames knejjes tal-missjoni skont ir-rivista Arqueología Mexicana. L-uċuħ tas-sirenetti fil-faċċata tal-knisja tal-missjoni ta' Landa għandhom fattizzi indiġeni.
Il-faċċata tixbaħ ħafna lil dik ta' Jalpan, f'bosta aspetti, bħad-daqs, l-estetika, iz-zuntier pavimentat imdawwar b'ċint u bis-salib fin-nofs. Barra minn hekk, il-patrijiet Franġiskani ħallew rubrika unika u r-riflessjoni tal-gosti tagħhom fl-aħħar knejjes tal-missjoni li bnew. Fil-faċċata hemm xbihat tal-Madonna tal-Kunċizzjoni Immakulata, ta' San Franġisk u tal-erba' qaddisin tal-kolonna tal-osservanza, tal-Arkanġlu Mikiel u tal-istudjużi u tal-protetturi tal-ordni, , Duns Escoto u María de Agreda. Hemm ukoll l-istemma tal-Franġiskani u l-istatwi ta' San Pietru, ta' San Pawl u ta' Kristu, u permezz ta' dawn it-tliet martri tiġi rrappreżentata l-knisja universali.
Fuq ġewwa ta' din il-knisja tal-missjoni hemm medaljuni fuq is-saqaf tan-navata prinċipali, l-ewwel nett tal-Arkanġlu Mikiel, bl-ikonografija tradizzjonali tiegħu, segwit minn Juan Duns Escoto espost b'mod didattiku ħafna jżomm id l-Immakulata Kunċizzjoni b'id waħda, u bl-oħra jżomm pinna li biha tant kiteb biex bla heda jiddefendi d-dogmi tal-Madonna. Mill-ġdid, fiċ-ċentru tat-transett, hemm l-Arkanġlu Mikiel flimkien maż-żewġ arkanġli l-oħra, Rafael u Gabriel.
-
Il-knisja minn ġewwa.
-
Il-faċċata prinċipali.
-
Il-kampnar.
-
Il-battisterju.
-
Il-koppla prinċipali minn ġewwa.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Missjonijiet Franġiskani fis-Sierra Gorda ta' Querétaro ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Franciscan Missions in the Sierra Gorda of Querétaro". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Grupo Ecológico Sierra Gorda". www.conabio.gob.mx. Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Sierra Gorda". web.archive.org. 2011-01-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-01-30. Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Sierra Gorda". web.archive.org. 2011-01-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-01-30. Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Reseña de Poblaciones Prehispánicas, Misiones Franciscanas y Biodiversidad en la Sierra Gorda". web.archive.org. 2009-09-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-09-23. Miġbur 2023-01-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Desconocido, México (2010-06-29). "Las misiones de la Sierra Gorda, Querétaro". México Desconocido (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Guanajuato.-Xichú". web.archive.org. 2011-05-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-18. Miġbur 2023-01-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ "Redalyc- Artículo: Apuntes para la historia colonial de la Sierra Gorda Hidalguense - Revista del Centro de Investigación. Universidad La Salle". web.archive.org. 2012-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-09-24. Miġbur 2023-01-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Desconocido, México (2011-08-04). "Jalpan de Serra". México Desconocido (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-01-15.
- ^ "Sierra Gorda Queretana | Ediciones Impresas Milenio". web.archive.org. 2009-12-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-12-10. Miġbur 2023-01-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Misiones Franciscanas en la Sierra Gorda de Querétaro". El Informador :: Noticias de Jalisco, México, Deportes & Entretenimiento (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-01-15.
- ^ Internet, Grupo. "Fundacion Junipero Serra, Queretaro / Eventos, actividades realizadas y proyectos en fundacion junipero serra". www.fundacionserra.com. Miġbur 2023-01-15.
- ^ Robles, Daniel (May 12, 2002). "Desfile de santos en el Mexico profundo" [Parade of saints deep in Mexico]. Reforma (in Spanish). Mexico City. p. 4.
- ^ "Jalpan de Serra - Pueblo Mágico". web.archive.org. 2011-11-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-11-04. Miġbur 2023-01-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Querétaro - Jalpan de Serra". web.archive.org. 2012-03-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-27. Miġbur 2023-01-15.