Manto Mavrogenous

rivoluzzjonarja Griega (1796-1848)

Manto Mavrogenous (bil-Grieg: Μαντώ Μαυρογένους) (twieldet fl-1796 – mietet f’Lulju 1848) kienet eroina Griega tal-Gwerra tal-Indipendenza Griega.[1] Hija kienet mara għanja u nefqet ġidha kollu għall-kawża Ellenika. Bit-tħeġġiġ min-naħa tagħha, ħbiebha Ewropej ikkontribwew għar-rivoluzzjoni bi flejjes u armi tan-nar.

Manto Mavrogenous
Ħajja
Isem propju Μαγδαληνή-Αδαμαντία Μαυρογένη
Twelid Trieste, 1796
Nazzjonalità Greċja
Mewt Paros, Lulju 1840
Tribù nisel aristokratiku
Edukazzjoni
Lingwi Grieg
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
bniedem militari
Grad ġeneral

Ħajja bikrija

immodifika
 
Bust ta’ Manto Mavrogenous f’Ateni

Manto Mavrogenous twieldet fi Trieste, li dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-Monarkija Asburga, u issa hija parti mill-Italja. Kienet bint Nikolaos Mavrogenes, merkant u membru tal-Filiki Eteria, u Zacharati Chatzi Bati. Wieħed mill-antenati tagħha, pro-ziju ta’ missierha, kien Dragoman tal-Flotta u Prinċep ta’ Wallakja.[2]

Hija kienet mara sabiħa ta’ nisel aristokratiku u kibret f’familja edukata, influwenzata minn Żmien l-Illuminiżmu. Hija studjat il-filosofija u l-istorja Griega antika f’kulleġġ fi Trieste, u kellha ħakma tajba tal-Franċiż, tat-Taljan u tat-Tork.[2]

Gwerra tal-Indipendenza

immodifika

Fl-1809, hija marret tgħix f’Paros mal-familja tagħha, fejn saret taf mingħand missierha li l-Filiki Eteria kienet qed tħejji ruħha għal dik li iktar tard saret magħrufa bħala r-Rivoluzzjoni Griega, u iktar ’il quddiem fl-1818, wara li miet missierha, marret tgħix f’Tinos. Meta bdiet it-taqbida, marret tgħix f’Mykonos, il-gżira tal-oriġini tagħha, u stiednet lill-mexxejja ta’ Mykonos jingħaqdu fir-rivoluzzjoni.[3]

Għas-spejjeż tagħha, hi ħadet ħsieb tarma u tħejji bin-nies u bl-armi żewġ vapuri li bihom attakkat lill-pirati li kienu attakkaw lil Mykonos u lil gżejjer Ċikladi oħra. Fit-22 ta’ Ottubru 1822, taħt it-tmexxija tagħha, iċ-ċittadini ta’ Mykonos keċċew lit-Torok Ottomani li kienu żbarkaw fuq il-gżira. Armat ukoll lil 150 raġel f’kampanja fil-Peloponnesos u bagħtet forzi u appoġġ finanzjarju lil Samos, meta l-gżira ġiet mhedda mit-Torok. Iktar ’il quddiem, Mavrogenous bagħtet korp ieħor ta’ ħamsin raġel lejn il-Peloponnesos, li ħadu sehem fl-Assedju ta’ Tripolitsa u fil-waqgħa tal-belt f’idejn ir-ribelli Griegi. Hija nefqet il-flus biex tagħti kumpens lis-suldati u lill-familji tagħhom, għat-tħejjija ta’ kampanja lejn it-Tramuntana tal-Greċja, u biex tagħti appoġġ lil diversi filo-Griegi.[3]

Iktar ’il quddiem, armat flotta ta’ sitt vapuri u fanterija magħmula minn sittax-il kumpanija, b’50 raġel kull waħda, u ħadet sehem fil-battalja f’Karystos fl-1822. Barra minn hekk, iffinanzjat kampanja lejn Chios, iżda ma rnexxilhiex tipprevjeni l-massakru. Grupp ieħor ta’ ħamsin raġel intbagħat biex isaħħu lil Nikitaras fil-Battalja ta’ Dervenakia. Meta l-flotta Ottomana tfaċċat fix-xefaq taċ-Ċikladi, hi reġgħet marret lura f’Tinos u bigħet il-ġojjellerija tagħha biex tiffinanzja l-armar ta’ 200 raġel li ġġieldu kontra l-għadu u biex tgħin lill-elfejn ruħ li baqgħu ħajjin wara l-ewwel assedju ta’ Missolonghi. Is-suldati tagħha pparteċipaw f’diversi battalji oħra bħal dawk ta’ Pelion, Phthiotis u Livadeia.[3]

 
Monument ta’ Manto Mavrogenous f’Mykonos

Mavrogenous wettqet spedizzjonijiet tal-Illuminiżmu fl-Ewropa u indirizzat appell lin-nisa ta’ Pariġi, biex iżommu mal-Griegi. Fl-1823 marret tgħix f’Nafplio, sabiex tkun fil-qalba tat-taqbida, u ħalliet il-familja tagħha warajha peress li ommha stess kienet waslet biex turiha d-disprezz tagħha minħabba l-għażliet li għamlet. Kien għall-ħabta ta’ dan iż-żmien li Mavrogenous iltaqgħet ma’ Demetrius Ypsilanti, u f’qasir żmien tgħarrset miegħu. Saret famuża mal-Ewropa kollha għas-sbuħija u għall-qlubija tagħha. Iżda f’Mejju tal-istess sena, darha ġiet maħruqa għalkollox u ġidha nsteraq, u b’hekk marret tgħix ma’ Ypsilanti fi Tripoli, filwaqt li Papaflessas ipprovdilha l-ikel.[2]

L-għerusija ta’ Mavrogenous ma’ Ypsilanti ntlaqgħet b’oppożizzjoni minn diversi politiċi setgħana li qiesu l-unifikazzjoni ta’ żewġ familji setgħana b’affiljazzjonijiet pro-Russi bħala theddida. L-iktar oppożitur voċiferu fil-Greċja kien Ioannis Kolettis li mexxa l-attakk kontrihom li rnexxa. Wara l-għerusija hija reġgħet lura f’Nafplio, fejn għexet fil-faqar u d-dieqa, u l-flus li kienet nefqet għad-diversi battalji ma ntraddulhiex lura. Wara l-mewt ta’ Ypsilanti u l-kunflitti politiċi intensi ma’ Ioannis Kolettis, ġiet eżiljata minn Nafplio u marret tgħix f’Mykonos, fejn għaddiet iż-żmien tagħha tikteb il-memorji tagħha.[3]

Meta l-gwerra ntemmet, Ioannis Kapodistrias taha l-grad ta’ Logutenent Ġenerali u taha abitazzjoni f’Nafplio, fejn imbagħad marret tgħix. Hi kellha xabla ta’ valur għoli bil-kitba mnaqqxa "Δίκασον Κύριε τους αδικούντας με, τους πολεμούντας με, βασίλευε των Βασιλευόντων", li tfisser 'Mulej, iġġudika lil dawk li jagħmluli d-deni, li jagħmlu l-battalji kontrijja, irrenja fuq ir-Rejiet'. Dik ix-xabla jingħad li oriġinat minn żmien Kostantinu l-Kbir u Mavrogenous tatha lil Kapodistrias.[3]

L-aħħar ta’ ħajjitha

immodifika

Mavrogenous marret tgħix f’Paros fl-1840, fejn kienu jgħixu wħud mill-qrabat tagħha, u għexet u mietet f’dar li għad għandha sjieda privata. Id-dar tinsab ħdejn il-Panagia Ekatontapyliani (il-Knisja tal-Verġni Marija) li skont it-tradizzjoni, jingħand li ġiet stabbilita minn Santa Liena, omm Kostantinu l-Kbir. Mavrogenous mietet f’Paros f’Lulju 1848, waħedha u mfaqqra, wara li nefqet ġidha kollu għall-Gwerra tal-Indipendenza.[2]

 
Manto Mavrogenous fuq il-munita ta’ żewġ drakmi

Il-pjazza ċentrali fil-belt kapitali ta’ Mykonos ġiet iddedikata lil Manto Mavrogenous u fiha bust kbir tagħha. Il-pjazza ewlenija fil-belt portwali ta’ Paroikia f’Paros ukoll ġie ddedikat lilha. Il-Greċja onoratha bħala l-eroina tagħha billi semmiet diversi toroq għaliha fil-pajjiż kollu. Il-gvern Grieg ħareġ bosta muniti kommemorattivi biex jagħtiha ġieħ wara mewtha.[4] Inħadem film ukoll dwar ħajjitha, bit-titlu ta’ Manto Mavrogenous (1971), fejn Tzeni Karezi ħadmet bħala Manto.

Wiċċ Mavrogenous kien jidher fuq in-naħa ta’ wara tal-muniti Griegi ta’ żewġ drakmi mill-1988 sal-2001.[5]

Manto Mavrogenous kellha qrabat fil-familja Mavrogenous/Delicari.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Manto Mavrogenous : Μύκονος". mykonos.gr. Miġbur 2021-05-19.
  2. ^ a b ċ d "Manto Mavrogenous, the Heroine of Mykonos". Greece Is (bl-Ingliż). 2017-06-23. Miġbur 2021-05-19.
  3. ^ a b ċ d e "Manto: Profile of a Greek Heroine". Athens Insider (bl-Ingliż). 2021-03-07. Miġbur 2021-05-19.
  4. ^ "Greece 2 drachmas 2000 - Manto Mavrogenous". Fleur-de-coin.com. Miġbur 2021-05-19.
  5. ^ "Bank of Greece". web.archive.org. 2009-03-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-03-28. Miġbur 2021-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)