Ordni ta' San Ġwann

(Rindirizzat minn Kavallieri Ospitalieri)

L-Ordni Sovran Militari u Ospitalier, magħruf aħjar bħala l-l-Ordni ta' San Ġwann, beda bħala fondazzjoni Benedittina li tieħu ħsieb il-kura ta' dawk morda fl-Art Imqaddsa fis-Seklu XI. Biż-żmien, l-Ordni żvilluppa wkoll fi rħieb u gwerriera biex jiddefendi bosta proprjetajiet li kellu fl-Art Imqaddsa, għax dawn minn żmien għall-ieħor kienu jkunu attakkati minn qawwiet militari. Fl-1291 l-Ordni kellu jitlaq mill-Art Imqaddsa u mar Ċipru fejn dam sal-1310. Imbagħad minn hemm l-Ordni stabbilixxa ruħu f'Rodi.

L-Arma tal-Ordni Sovrana ta' Malta

Aktar ma għadda ż-żmien, l-Ordni beda jirċievi ħafna artijiet fl-Ewropa li minnhom kien jid]ol qliegħ finanzjarju (risponciones), li bih l-Ordni seta' isostni ruħu kif ukoll l-atttivitajiet spitaljeri, militari u reliġjużi tagħhom. F'Ċipru u aktar tard f'Rodi, l-Ordni bena flotta ta' xwieni u mriekeb oħra biex iżomm il-kuntatt ta' kull bżonn mal-Ewropa kif ukoll biex jiddefendi ruħu kontra l-għadu. F'Rodi, il-flotta saret aktar attiva b'mod aggressiv meta bdiet topera s-sibi u tattakka bastimenti Musulmani biex tieħu l-merkanzija li dawn kienu jġorru.

Fl-1480, l-Ordni kien assedjat f'Rodi għall-ewwel darba mill-forzi Ottomani, iżda ħareġ rebbieħ. Fl-1522, is-Sultan Tork Sulejman II, keċċa lill-Ordni minn Rodi. L-Ordni sab diversi portijiet ta' kenn u fl-aħħar stabbilixxa ruħu f'Viterbo. Fl-1530, l-Imperatur Karlu V, ikkondecedilhom lil Malta b'ċens simboliku ta' falkun kull sena u b'obbligu li l-Ordni jiddefendi t-teritorju tal-Imperatur fi Tripli.

Id-deċiżjoni li l-Ordni ta’ San Ġwann jibqa’ f’Malta għal dejjem ittieħdet wara l-Assedju l-Kbir tal-1565. Ftit xhur wara l-Gran Mastru flimkien mal-Kavallieri Gran Croce ddeċida li l-Ordni għandu jibqa' Malta u jagħmel minn kollox biex isaħħaħ id-difiża tiegħu kontra l-Imperu Ottoman. La Valletta qiegħed l-ewwel ġebla tal-belt il-ġdida li kellha ġġib ismu fuq Monte Sciberras, f'ċerimonja li saret fit-28 ta' Marzu tas-sena 1566 x'imkien fin-naħa ta' Putirjal.  La Vallette miet fl-1568 ta' 74 sena u għalhekk ma leħaqx jara x-xogħol tal-fortifikazzjonijiet tal-Belt lesti. Warajh leħaq Fra Pietro del Monte, li fit-18 ta' Marzu tal-1571 telaq flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni mill-Birgu biex jibdew jabitaw fil-Belt Valletta. Wara li semgħu quddiesa solenni fil-knisja ta’ San Lawrenzil-Gran Mastru rikeb il-barca magisteriale u qasam lejn il-Belt il-Ġdida fuq l-Għolja Xebb ir-Ras.  

Fl-ewwel snin wara li l-Ordni beda jamministra mill-Belt Valletta, bdew jinbnew bosta bini pubbliku. L-aktar importanti, kien il-Palazz fejn kellu jgħix u jamministra il-Gran Mastru, is-Sacra Infermerija - l-isptar tal-Ordni, li kellu jkun l-aqwa fl-Ewropa, u l-forn tal-Ordni, fejn seta’ jissajjar il-ħobż fi kwantitajiet kbar kemm għal ħajja ta' kuljum fil-Belt kif ukoll għal fuq ix-xwieni. Wara dawn bdiet tinbena l-knisja konventwali ta' San Ġwann (1574- 1578). Inbnew ukoll bosta bereġ fejn  il-kavallieri setgħu jgħixu f'kommunitajiet skont il-Lingwa / ir-reġġjun li kien jappartjenu għalihom. Wara dawn inbnew ukoll bosta residenzi privati biex iħajru aktar Kavallieri tal-Ordni li kienu jgħixu barra minn Malta biex jiġu jgħixu hawn.

Fin-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, l-aktar max-xatt tal-Birgu, baqa’ jikber l-arsenal fejn kienu jinbnew u jissewwew il-ħames galeri, il-frejgati u bastimenti żgħar li kellu l-Ordni. Ħafna nies minn Malta kollha issa bdew jitħajru jiġu jgħixu fl-inħawi tal-Port il-Kbir biex jaħdmu fix-xogħol li kellu x'jaqsam mal-bastimenti u man-navigazzjoni. Fost ix-xogħol li kien jista' jgħinhom jaqilgħu x'jieklu kien hemm il-bini kontinwu tal-fortifikazzjonijiet, l-aktar, dak tas-swar ta' madwar it-Tlett Ibliet, il-Birgu, Bormla u l-Isla.

Apparti minn hekk il-popolazzjoni rurali kienet ukoll bdiet tagħmel aktar bejgħ u profitti mill-uċuh li tkabbar fl-għelieqi, l-aktar il-qoton, li kien jinħadem f'tessuti u fi qlugħ tal-bastimenti. Bosta qoton kien anki esportat l-aktar lejn Spanja u Franza.  Il-qanneb u l-kittien kienu jitkabbru u jinħadmu għal użu lokali. Fil-Birgu, Bormla u l-Isla kien hemm 'il fuq minn mitejn ruħ li kienu magħrufa għax xogħol tal-ħbula.

L-Ordni kien ġmielu jistabblixxi kuntatti kummerċjali u diplomatiċi ma’ bosta pajjiżi fl-Ewropej. Dan għen biex il-prestiġju tal-Gran Mastru u tal-Ordni kiber u għola, tant li l-Kavallieri tal-Ordni ma baqgħux rikonoxxuti bħala dawk l-irħieb gwerriera iżdda aktar bħala istituzzjoni aristokratika u kważi indipendenti mir-rejjiet Ewropej. F’każ ta’ aggressjoni mill-Imperu Ottoman fir-reġjun tal-Mediterran, l-Ordni seta’ jgħin minn żmien għal ieħor bl-iskwadra navali żgħira tiegħu. Hekk seħħ fil-Battalja ta’ Lepanto u fil-Gwerra ta’ Kandja.  

Minkejja l-awtonomija tiegħu, l-Ordni kien għal bosta żmien sottomess għall-qawwa u l-influwwenza tar-Rejiet Burboniċi fi Franza li dak iż-żmien kienet l-akbar potenza fl-Ewropa. Apparti hekk, l-akbar numru ta' Kavallieri fl-Ordni kienu Franċiżi u dawn kellhom naturalment ċertu alleanza mar-Re tagħhom aktar milli lejn l-Ordni. Barra minn hekk, ħafna mill-ġid tal-Ordni kien ġej direttament mill-qliegħ ta’ taxxi imposti f'artijiet fi Franza.

Il-liġijiet tal-Ordni kienu kultant joqorsu fil-laħam il-ħaj lill-Maltin. Anki l-qassisin u l-Isqof kienu kemm-il darba ħassewhom magħkusa mid-deċiżjonijiet u t-taxxi imposti fuqhom mill-Ordni.  Fl-1775, kienet numru kbir ta' qassisin u oħrajn immexxija minn Dun Gejtanu Mannarinu, ikkomplottaw biex iwaqqgħu l-Ordni, għaliex fost l-oħrajn kienet ħarġet liġi kontra l-kaċċa. Ir-ribelljoni seħħet fit-8 ta' Settembru, jum it-tifkira tal-Assedju l-Kbir. Wara li dawn ħatfu lil Sant'Iermu u l-Kavalier ta' San Ġakbu f'idejhom, Dun Gejtanu u sħabu kellhom iċedu u bosta minnhom ingħataw il-mewt jew inkella ġew mitfugħin il-ħabs għal għomorhom.

L-Ordni ta' San Ġwann baqa' f'Malta sal-1798 meta fl-10 ta' Ġunju Il-Gran Mastru Ferdinand Von Hompesch u l-Ordni ċedew Malta lil Napuljun Bonaparti u Malta spiċċat taħt it-tmexxija tal-Franċiżi.


L-Ordni wara Malta


Wara li tkeċċew minn Malta bosta mill-membri tal-Ordni ta ' San Ġwann sparpaljaw mal-Ewropa kollha, u żammew profil baxx għal bosta deċennji wara. Nukleju ta’ Kavallieri sabu residenza temporanja f'Messina, Katanja u Ferrara. Fl-1834, l-Ordni - stabbilixxa kwartier f'Ruma, fejn għadu bbażat sal-lum, fil-Palazz Maġistrali f'Via Condotti, nru. 68, kif ukoll fil-l-Villa Maġistrali fuq l-Għolja Aventin.

Illum, l-Ordni ta’ San Ġwann reġa' mar lura għar-rwol oriġinali li kellu f’Ġerusalemm, jiġifieri dak li jieħu ħsieb lin-nies fil-bżonn. L-għan prinċipali tal-Ordni hu dak li jgħin lill-anzjani u nies oħra fil-bżonn, lill-persuni b'diżabilità, lir-refuġjati, lill-persuni bla dar, lil dawk li għandhom mard terminali u mard serju ieħor bħal-lebbra. Dan ix-xogħol isir bla ħlas u mad-dinja kollha, mingħajr distinzjoni ta ' razza jew twemmin. F'diversi pajjiżi - inklużi Franza, il-Ġermanja u l-Irlanda - l-assoċjazzjonijiet lokali tal-Ordni jservu ta’ ċentri ta' taħriġ tal-ewwel għajnuna, u servizzi mediċi ta' emerġenza.

Il-membri tal-Ordni jgħoddu madwar 12,500 kavallier u dames. Mad-dinja kollha. Hemm xi 80,000 voluntier permanenti u 20,000 persunal mediku inklużi tobba, infermiera, awżiljarji u paramediċi. Permezz tal-korp ta' għajnuna dinjija -‘ Malteser International ’- l-Ordni hu wkoll involut biex jgħin lill-vittmi ta’ diżastri naturali, epidemiji u gwerer.

Lista ta' Gran Mastri ta' l-Ordni

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika


Aktar qari

Blouet Brian, The Story of Malta. Midsea Books, 2017.

Buttigieg Emmanuel & Philips Simon, Islands and Miltiary Orders, c. 1291 - c. 1798.

Freller Thomas, Malta - The Order of St John. Midsea Book Ltd. 2004.

Mallia Milanes, (ed,) Hospitaller Malta 1530 - 1798. Mireva Publications. 1993.

Mercieca Simon, Les Chevaliers de Saint Jean a Malte, Miller Distributors Ltd. 1916.

Sacra Militia - (serje ta' pubblikazzjonijiet) (BDL).