Invażjoni ta' Għawdex (1551)
L-Invażjoni ta' Għawdex kienet meta l-gżira ta' Għawdex ġiet attakkata mill-Imperu Ottoman f'Lulju 1551. Wara l-attakk fuq Għawdex, it-Torok attakkaw Tripli u ħaduha mill-Kavallieri ta' San Ġwann fl-Assedju ta' Tripli.
Invażjoni ta' Għawdex | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
Iċ-Ċittadella llum | |||||||
| |||||||
Belliġeranti | |||||||
Imperu Ottoman | Kavallieri ta' San Ġwann Maltin | ||||||
Kmandanti | |||||||
Sinan Pasha Sala Reis Dragut Reis |
Juan d'Homedes Nicolas Durand de Villegaignon Gelatian de Sessa | ||||||
Saħħa | |||||||
10,000 | mhux magħruf | ||||||
Korruti | |||||||
mhux magħruf | 5000 sa 6000 skjav |
L-Attakk fuq Malta
immodifikaNhar it-18 ta' Lulju, 1551, għaxart elef suldat Tork kmandati minn Sinan Paxa waslu fil-port ta' Marsamxett, fejn kienu pjanaw li jattakkaw lill-Kavallieri fil-Birgu u l-Forti Sant'Anġlu. Madankollu dawn raw li l-forti kienet b'saħħitha wisq biex jirbħuha fi ftit jiem. B'hekk it-Torok telqu lejn l-Imdina biex jieħdu dik il-belt. Sadanittant, il-Kavallieri fl-Imdina, li kienu kmandati mill-Franċiz Nicolas Durand de Villegaignon, qalu lin-nies li kienu jgħixu fl-inħawi biex jistkennu fil-belt. Malli waslu t-Torok, raw ħafna nies fl-Imdina u ħasbu li hemm ħafna suldati jiddefendu l-belt. Madankollu, il-vapuri tat-Torok f'Marsamxett kienu ġew attakkati mill-Kavallieri. Minħabba dan, iddeċidew li jattakkaw Għawdex.
L-Attakk fuq Għawdex
immodifikaIl-forzi Torok attakkaw Għawdex ftit jiem wara li kienu ġew Malta. Huma bbumbardjaw iċ-Ċittadella, u wara ftit jiem, il-Gvernatur Gelatian de Sessa prova jinnegozja ma' Sinan Paxa, iżda dan m'aċċettax. Ftit wara t-Torok daħlu ċ-Ċittadella u ħadu n-nies kollha skjavi, ħlief erbgħin xiħ u xiħa, patri u xi 300 Għawdxi li rnexxielhom jaħarbu billi jixxabtu mas-swar tal-belt.
Konsegwenzi
immodifikaWara l-invażjoni, kien għad fadal ftit familji f'Għawdex, u minħabba dan il-Kavallieri ħeġġew lil xi Maltin biex imorru jgħixu Għawdex. Madankollu kellhom jgħaddu 150 sena sakemm il-popolazzjoni reġgħet ġiet għan-normal.
Il-Kavallieri għamlu wkoll kummissjoni magħmula mill-inġiniera Leone Strozzi u Pietro Pardo biex jeżaminaw il-fortifikazzjonijiet ta' Malta. Dawn qalulhom li kien hemm il-bżonn ta' aktar fortifikazzjonijiet b'saħħithom. Fil-fatt, ftit wara bdew jinbnew Forti San Mikiel fl-Isla u Forti Sant'Iermu fl-għolja Xebb ir-Ras, fejn illum tinsab il-Belt Valletta.
Il-fatt li t-Torok ma rebħux il-Gżejjer Maltin kollha f'dan l-attakk kien ukoll wieħed mill-kawżi tal-Assedju l-Kbir fl-1565.
Fl-2013 nbena mafkar għal dan l-Assedju fil-ġnien ta' Villa Rundle fir-Rabat (Għawdex).