Grand-Place, Brussell

pjazza prinċipali fi Brussell, il-Belġju

Il-Grand-Place (bil-Franċiż ippronunzjata [ɡʁɑ̃ plas]; "Pjazza l-Kbira"; użat anke bl-Ingliż) jew il-Grote Markt (bl-Fjamming ippronunzjata [ˌɣroːtə ˈmɑr(ə)kt]; "Suq Kbir") hija l-pjazza ċentrali ta' Brussell, il-belt kapitali tal-Belġju. Hija mdawra b'binjiet tax-xirkiet Barokki lussużi tax-Xirkiet ta' Brussell tal-imgħoddi u żewġ binjiet ikbar; il-Muniċipju elaborat tal-belt, u l-binja Neo-Gotika tad-Dar tar-Re jew id-Dar tal-Ħobż, li fiha l-Mużew tal-Belt ta' Brussell.[1] Il-pjazza hija 68 metru b'110 metri (223 pied b'361 pied) u hija pavimentata għalkollox.

Il-Grand-Place

Il-kostruzzjoni tal-Grand-Place bdiet fis-seklu 11 u l-biċċa l-kbira minnha tlestiet sas-seklu 17. Fl-1695, matul il-Gwerra ta' Disa' Snin, ħafna mill-pjazza nqerdet bil-bumbardamenti ta' Brussell mit-truppi Franċiżi. Il-faċċata u t-torri tal-muniċipju biss, li ntużaw bħala bersall għall-artillerija, u xi ħitan tal-ġebel irreżistew il-bumbardamenti. Id-djar madwar il-Grand-Place nbnew mill-ġdid matul fis-snin ta' wara, u l-pjazza kisbet id-dehra attwali tagħha, għalkemm sikwit ġew immodifikati fis-sekli ta' wara.[2] Minn nofs is-seklu 19, il-valur tal-wirt tal-pjazza ġie skopert mill-ġdid, u ġiet rinnovata sew.[3][4][5]

Illum il-ġurnata, il-Grand-Place hija l-iżjed destinazzjoni turistika importanti u l-iżjed post ikoniku famuż fi Brussell.[6] Titqies ukoll bħala waħda mill-isbaħ pjazez fid-dinja[7][8], u saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1998.[9] Il-pjazza spiss tospita avvenimenti kulturali u festivi, fosthom, f'Awwissu ta' kull sentejn, l-installazzjoni ta' tapit tal-fjuri enormi fiċ-ċentru tagħha.[10] Il-pjazza hija wkoll ċentru ta' ċelebrazzjonijiet annwali matul il-perjodu tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, u siġra tal-Milied ilha tiġi armata kull sena fil-pjazza minn nofs is-seklu 20.[11]

Dan is-sit huwa moqdi bil-premetro (tramm ta' taħt l-art), bl-istazzjon Bourse/Beurs (il-linji 3 u 4), kif ukoll bil-karozza tal-linja, bil-waqfa Grand-Place/Grote Markt (il-linja 95).[12]

 
Tabella bilingwi tal-pjazza

It-toponimi Grand-Place jew Grand'Place (bil-Franċiż ippronunzjata [ɡʁɑ̃ plas]) huma ismijiet ġeneriċi li jintużaw għal pjazza ċentrali ta' belt, l-iktar fil-Belġju u fit-Tramuntana ta' Franza. Oriġinarjament, il-pjazza prinċipali kienet tkun iċ-ċentru ġeografiku tal-irħula u tal-bliet f'dawn ir-reġjuni (pereżempju l-Grand-Place ta' Mons, Tournai, Arras jew Lille). Il-Grand-Place ta' Brussell hija l-post fejn hemm il-muniċipju, u għaldaqstant hija ċ-ċentru politiku tal-belt. Ospitat ukoll l-ikbar suq fil-belt (għalhekk l-isem uffiċjali bil-Fjamming huwa Grote Markt jew Groote Markt, pronunzjat [ˌɣroːtə ˈmɑr(ə)kt]; li litteralment tfisser "Suq Kbir").

Illum il-ġurnata, l-ismijiet Grand-Place jew Grand-Place (bis-sing jew mingħajru) bil-Franċiż u Grote Markt (b''o' waħda) bl-Olandiż huma l-iżjed komuni. Grand' Place (b'appostrofu) bil-Franċiż u Groote Markt (b''o' doppja) bl-Olandiż kif kienu jiġu spelluti fl-imgħoddi huma antikwati, iżda għadhom jintuża f'ċerti sorsi, bħal fuq il-plakki mal-ħitan bl-ismijiet tal-pjazza.[13][14] Din il-formulazzjoni antikwata bil-Franċiż hija eċċezzjoni grammatikali; place hija femminil, u għalhekk il-forma moderna bil-Franċiż kieku tkun Grande Place. Bid-djalett ta' Brabant ta' Brussell (magħruf ukoll bħala Brusselljan, u xi kultant anke bħala Marols jew Marollien)[15], il-Grand-Place tissejjaħ Gruute Met.[16]

 
Mappa skematika ta' Brussell fil-Medju Evu; it-Tramuntana bejn wieħed u ieħor hija isfel. Id-Dar tal-Ħobż (Marché au pain) tinsab tul Steenwegh ħdejn il-Knisja ta' San Nikola u l-Muniċipju (Hôtel de Ville).[17]

Storja bikrija

immodifika

Fis-seklu 10, Karlu, id-Duka ta' Lorraine t'Isfel, bena forti fuq il-Gżira ta' Saint-Géry, l-iktar punt 'il bogħod fejn ix-xmara Senne kienet għadha navigabbli. Il-bini ta' forti f'dak il-punt jimmarka l-oriġini ta' Brussell. Sal-aħħar tas-seklu 11, ġie stabbilit suq fil-beraħ fuq marġ imnixxef ħdejn il-forti kienet imdawra mix-xtut tax-xmara.[18][19] Dokument tal-1174 isemmi dan is-suq (bil-Latin: forum inferius) mhux 'il bogħod mill-port (bil-Latin: portus) fuq ix-xmara Senne. Bl-Olandiż Antik kien imsejjaħ Nedermerckt u x'aktarx li kiber fl-istess żmien tal-iżvilupp kummerċjali ta' Brussell. Kien jinsab ukoll qrib il-Knisja ta' San Nikola u l-iSteenwegh, rotta kummerċjali importanti bejn ir-reġjuni prosperużi tar-Rhineland (illum il-ġurnata fil-Ġermanja) u l-Kontea tal-Fjandri.[20]

Fil-bidu tas-seklu 13, tliet swieq imsaqqfa nbnew fin-naħa tat-Tramuntana tal-Grand-Place; suq tal-laħam, suq tal-ħobż, u suq tad-drappijiet. Dawn il-binjiet, li kienu tad-Duka ta' Brabant, ippermettew l-oġġetti jiġu esposti anke fil-maltemp, u ppermettew lid-Duki jżommu rendikont tal-ħżin u tal-bejgħ tal-oġġetti, sabiex jiġbru t-taxxi. Binjiet oħra, mibnija l-iktar bil-ħuxlief u bl-injam, u wħud bil-ġebel (bl-OIandiż Antik: steenen), iffurmaw il-kontorn tal-pjazza.[21] Għalkemm l-ebda minn dawn il-binjiet oriġinali ma għadhom jeżistu, l-ismijiet tagħhom għadhom jeżistu fit-toroq fil-qrib, bħal Plattesteen, Cantersteen, jew Rue des Pierres/Steenstraat.[22] F'nofs il-pjazza tas-suq kien hemm funtana pubblika primittiva. Fl-1302, ġiet sostitwita minn funtana kbira tal-ġebel bi tmien ġettijiet tal-ilma u tmien vaski, direttament quddiem is-suq tal-ħobż.[23][24]

Żieda fl-importanza

immodifika
 
Xena tas-suq fil-Grand-Place għall-ħabta tal-1670

It-titjib fil-Grand-Place mis-seklu 14 'il quddiem immarkaw iż-żieda fl-importanza tal-merkanti u tal-ħaddiema tas-snajja' lokali fir-rigward tan-nobbiltà. Peress li kien magħfus finanzjarjament, id-Duka gradwalment ittrasferixxa partijiet mid-drittijiet ta' kontroll fuq il-kummerċ u l-imtieħen lill-awtoritajiet lokali, u b'hekk bnew binjiet biex juru l-istatus ġdid tagħhom.[25] Fl-1353, il-Belt ta' Brussell ordnat il-kostruzzjoni ta' suq kbir imsaqqaf tad-drappijiet (bil-Franċiż: Halle au Drap), simili għal dawk tal-bliet ġirien ta' Mechelen u ta' Leuven, fil-parti tan-Nofsinhar tal-Grand-Place.[26] F'dan il-punt il-Grand-Place kien għad għandha pjanta każwali, u l-binjiet fit-truf kellhom diversi ġonna u żidiet irregolari. Il-belt esproprjat u ġarrfet għadd ta' binjiet li ħonqu l-armonija tal-pjazza, u ddefinixxiet it-truf formali tagħha.

Il-Muniċipju ta' Brussell inbena fi stadji, bejn l-1401 u l-1455, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Grand-Place, u ttrasforma l-pjazza fis-sede tas-setgħa muniċipali.[27] It-torrijiet bl-ispiri tal-Muniċipju huwa għoli xi 96 metru (315-il pied), u fuq nett hemm statwa ta' San Mikiel ta' 2.7 metri (8.9 piedi) joqtol xitan. B'risposta għal dan, mill-1504 sal-1536, id-Duka ta' Brabant ordna l-kostruzzjoni ta' binja lussuża kbira faċċata tal-Muniċipju għas-servizzi amministrattivi tiegħu. Inbniet fis-sit tal-ewwel swieq tad-drappijiet u tal-ħobż, li ma kinux baqgħu jintużaw iktar, u saret magħrufa l-ewwel bħala d-Dar tad-Duka (bl-Olandiż Nofsani: 's Hertogenhuys), u mbagħad bħala d-Dar tar-Re (bl-Olandiż Nofsani: 's Conincxhuys), għalkemm l-ebda re qatt ma għex hemmhekk. Attwalment hija magħrufa bħala Maison du Roi ("Dar ir-Re") bil-Franċiż, iżda bl-Olandiż, għadha tissejjaħ Broodhuis ("Dar tal-Ħobż"), għas-suq li kien hemm qabel.[28] Maż-żmien, merkanti għonja u x-Xirkiet ta' Brussell li kulma jmur saru iktar setgħana bnew diversi djar mad-dawra tal-pjazza.[29]

Fil-Grand-Place seħħew bosta avvenimenti traġiċi matul l-istorja tagħha. Fl-1523, l-ewwel martri Protestanti Henri Voes u Jean Van Eschen inħarqu ħajjin fil-pjazza mill-Inkwiżizzjoni. Erbgħin sena wara, fl-1568, żewġ statisti, Lamoral, il-Konti ta' Egmont u Philip de Montmorency, il-Konti ta' Horn, li kienu tkellmu kontra l-politiki tar-Re Filippu II fin-Netherlands Spanjoli, ġew ġustizzjati bi qtugħ ir-ras quddiem id-Dar tar-Re.[30][31][32] Dan skatta l-bidu tar-rewwixta armata kontra l-Ispanjoli li wettaq William ta' Orange. Fl-1719 François Anneessens, id-Djaknu tan-Nazzjon ta' San Kristofru ġie ġġustizzjat bi qtugħ ir-ras fil-Grand-Place minħabba r-reżistenza tiegħu għall-innovazzjonijiet fil-gvern tal-belt li kienu ta' detriment għas-setgħa tax-xirkiet u għas-suspett għall-involviment tiegħu fir-rewwixti fi ħdan in-Netherlands Awstrijaċi.[33]

Qerda u rikostruzzjoni

immodifika
 
In-nirien fil-Grand-Place matul il-bumbardament ta' Brussell fl-1695.

Fit-13 ta' Awwissu 1695, matul il-Gwerra ta' Disa' Snin, l-armata Franċiża b'70,000 suldat taħt il-Marexxal François de Neufville, id-Duka ta' Villeroy, bdiet tibbumbardja lil Brussell fi sforz biex il-forzi tal-Lega ta' Augsburg jitnaffru mill-assedju tagħhom f'Namur (li kienet maħkuma mill-Franċiżi), f'dik li issa hija l-Wallonja. Il-Franċiżi bdew jibbumbardjaw iċ-ċentru tal-belt bil-kanuni u bil-porvli, u bil-ftit difiżi li kellu ħa n-nar. Il-maġġoranza tal-Grand-Place u l-inħawi ġġarrfu. L-unika binjiet li baqgħu weqfin kienu l-qafas tal-ġebel tal-Muniċipju u ftit frammenti ta' binjiet oħra. Il-fatt li l-Muniċipju baqa' jeżisti huwa ironiku għaliex wara kollox kien il-bersall prinċipali tal-artillerija.

Wara l-bumbardament, il-Grand-Place nbniet ħesrem fl-erba' snin ta' wara mix-xirkiet tal-belt u minn sidien oħra. L-isforzi tagħhom ġew irregolati mill-kunsilliera tal-belt u mill-Gvernatur ta' Brussell, li kienu jirrikjedu li l-pjanti jintbagħtu lill-awtoritajiet għall-approvazzjoni, u kien hemm it-theddida tal-multi għal dawk li ma kinux jikkonformaw. Barra minn hekk, l-allinjamenti tal-binjiet ittejbu mill-ġdid. Dan għen biex il-pjazza rikostruwita jkollha konfigurazzjoni armonjuża, minkejja l-kuntrast viżiv tal-kombinament tal-istili Gotiċi, Barokki u ta' Lwiġi XIV.

 
Veduta tal-fdalijiet tal-Grand-Place wara l-bumbardament

Matul iż-żewġ sekli ta' wara, il-Grand-Place għaddiet minn bidliet sinifikanti. Fl-aħħar tas-seklu 18, rivoluzzjonarji Franċiżi magħrufa bħala sans-culottes serquha, u qerdu l-istatwi tan-nobbiltà u s-simboli tal-Kristjaneżmu. Ix-xirkiet naqsu fl-importanza fl-istess ħabta tat-tnaqqis fl-importanza ta' dik il-forma ta' organizzazzjoni ekonomika u ż-żieda tal-protokapitaliżmu. Ix-xirkiet ġew aboliti fl-1795, taħt ir-reġim Franċiż, u l-għamara u l-arkivji tax-xirkiet ġew issekwestrati mill-istat u nbigħu f'irkant pubbliku fil-pjazza fl-1796. Il-kumplament tal-binjiet ġew mitluqa u tħallew f'kundizzjoni ħażina, bil-faċċati tagħhom imtebbgħin, imħamġin u danneġġati bit-tniġġis. Il-pjazza stess ġiet imsemmija l-"Pjazza tal-Poplu" permezz tad-digriet tat-30 Ventôse An IV (1795) u "siġra tal-libertà" ġiet imħawla f'dik l-okkażjoni. Fl-ewwel waqtiet tal-indipendenza, fl-1830, il-Grand-Place saret, għal żmien qasir ħafna, il-"Pjazza tar-Reġġenza".

Sal-aħħar tas-seklu 19, trawmet sensittività dwar il-valur tal-wirt tal-binjiet – imqanqla mit-tiġrif tax-xirka magħrufa bħala L'Étoile (bl-Olandiż: De Sterre) fl-1853 biex titwessa' t-triq lejn ix-xellug tal-Muniċipju sabiex tkun tista' tgħaddi t-tramm miġbuda miż-żwiemel. Taħt l-impuls tas-sindku tal-belt ta' dak iż-żmien, Charles Buls, l-awtoritajiet ordnaw li l-Grand-Place terġa' lura għas-sbuħija preċedenti tagħha, u l-binjiet ġew restawrati jew rikostruwiti. Fl-1856, inbniet funtana monumentali fiċ-ċentru tal-pjazza biex tfakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju tar-renju tar-Re Leopold I. Din ġiet sostitwita fl-1864 b'funtana mimlija statwi tal-Kontijiet ta' Egmont u ta' Horn, li nbniet quddiem Dar ir-Re u li iktar 'il quddiem ġiet ittrasferita lejn il-Pjazza ta' Petit Sablon/Kleine Zavelsquare. Tletin sena wara, matul il-Belle Époque, din ġiet sostitwita b'palk għall-banda.

Il-Grand-Place attirat bosta viżitaturi famużi matul dak il-perjodu, fosthom Victor Hugo, li għex fix-Xirka Le Pigeon (bl-Olandiż: De Duif) fl-1851. Fl-1885, il-Partit tal-Ħaddiema Belġjan (POB/BWP), l-ewwel partit Soċjalista fil-Belġju, ġie stabbilit matul laqgħa fil-Grand-Place, fl-istess żmien meta kien ġie stabbilit il-First International, u meta Karl Marx kien kiteb il-Manifest Komunista fl-1848.

Sekli 20 u 21

immodifika
 
Il-Grand-Place għall-ħabta tal-1895 bil-palk tal-banda fiċ-ċentru

Fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, Brussell imtliet refuġjati, u l-Grand-Place mtliet b'persuni ċivili u militari midruba. Il-Muniċipju ntuża bħala sptar temporanju. Fl-20 ta' Awwissu 1914, fis-14:00, l-armata Ġermaniża tal-okkupazzjoni waslet fil-Grand-Place u stabbiliet kċejjen temporanji. Huma olzaw bandiera Ġermaniża fin-naħa tax-xellug tal-Muniċipju.

Il-Grand-Place kompliet tintuża bħala suq sad-19 ta' Novembru 1959, u għadha sal-lum tissejjaħ il-Grote Markt ("Suq Kbir") bl-Olandiż. It-toroq tal-madwar għadhom jirriflettu l-oriġini taż-żona, u ġew imsemmija għall-bejjiegħa tal-butir, tal-ġobon, tal-aringi, tal-faħam, eċċ. Matul is-snin 60 tas-seklu 20, f'perjodu fejn l-apprezzament tal-pjazza naqas, il-pjazza ntużat bħala żona ta' parkeġġ għall-karozzi, iżda l-parkeġġ tneħħa fl-1972 wara kampanja miċ-ċittadini. Madankollu, it-traffiku tal-karozzi baqa' jgħaddi minn ġol-pjazza sal-1990.

Fl-1979, il-Grand-Place ġiet ibbumbardjata mill-Armata Repubblikana Irlandiża (IRA). Bomba tpoġġiet taħt palk fil-beraħ fejn l-banda tal-Armata Brittanika kienet se tagħmel kunċert. Din ħadet u darbet mill-inqas 15-il persuna, inkluż erba' membri tal-banda, u kkawżat ħsarat estensivi.

Fl-1990, il-Grand-Place ngħalqet għat-traffiku, u dan kien l-ewwel pass biex iċ-ċentru ta' Brussell jingħalaq għat-traffiku. Il-Belt ta' Brussell kienet ilha taħseb li tagħlaq il-pjazza u t-toroq tal-madwar għat-traffiku għal diversi snin, iżda minħabba parkeġġ għall-karozzi fil-qrib il-proġett ma twettaqx. Meta l-liċenzja tal-parkeġġ skadiet f'Settembru 1990, il-belt ħatfet l-opportunità u wettqet esperiment ta' għeluq għat-traffiku. Għal tliet xhur u nofs, it-traffiku kollha ġie pprojbit fil-Grand-Place kif ukoll fit-toroq tal-madwar. Wara l-1 ta' Jannar 1991, iż-żona ngħalqet għat-traffiku b'mod definittiv.

Il-pjazza issa primarjament hija attrazzjoni turistika. Għadd ta' xirkiet ġew ikkonvertiti fi ħwienet, f'ristoranti bit-terrazza u fi brasseries. Istituzzjonijiet notevoli jinkludu d-ditta taċ-ċikkulata Godiva u l-ħanut tal-ispeculoos Maison Dandoy. Waħda mid-djar tax-xirka tal-produtturi tal-birra tospita Mużew tal-Birreriji. Barra minn hekk, il-Mużew tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata (issa msejjaħ Choco-Story Brussels) ġie stabbilit f'Lulju 1998 fil-binja De Valck, f'9–11, rue de la Tête d'or/Guldenhoofdstraat, qrib il-Grand-Place.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika tal-Grand-Place

Il-Grand-Place ta' Brussell ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[9]

Binjiet tal-pjazza

immodifika
 
Il-Muniċipju ta' Brussell

Muniċipju

immodifika

Il-Muniċipju ta' Brussell huwa għoli 96 metru (315-il pied) u fuq nett għandu statwa ta' San Mikiel joqtol xitan. Il-Muniċipju (bil-Franċiż: Hôtel de Ville, bl-Olandiż: Stadhuis) huwa l-binja ċentrali fil-Grand-Place. Inbena fi stadji, bejn l-1401 u l-1455, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pjazza, u b'hekk il-pjazza ġiet ittrasformata fis-sede tas-setgħa muniċipali. Hija wkoll l-unika binja Medjevali li għad fadal fil-pjazza. Il-Muniċipju mhux biss ospita l-maġistratura tal-belt, iżda anke, sal-1795, l-Istati ta' Brabant; u r-rappreżentanza tat-tliet fergħat tal-qorti tad-Duka ta' Brabant. Fl-1830, il-gvern proviżorju kien jopera minn hemm matul ir-Rivoluzzjoni Belġjana.

L-eqdem parti tal-binja attwali hija l-parti tal-Lvant tagħha (lejn ix-xellug meta tħares lejn il-faċċata tiegħu). Din il-parti, flimkien mal-iqsar torri, inbniet bejn l-1401 u l-1421. L-arkitett u d-disinjatur tiegħu x'aktarx li kien Jacob van Thienen li miegħu kkollabora Jean Bornoy. Id-Duka Karlu l-Awdaċi poġġa l-ewwel ġebla tal-parti tal-Punent fl-1444. L-arkitett ta' din il-binja mhux magħruf. L-istoriċi jaħsbu li seta' kien William (Willem) de Voghel li kien l-arkitett tal-Belt ta' Brussell fl-1452, u li dak iż-żmien kien ukoll id-disinjatur tal-Aula Magna; is-sala l-kbira tal-Palazz ta' Coudenberg.

Il-faċċata hija mżejna b'bosta statwi li jirrappreżentaw in-nobbiltà lokali (bħad-Duki u d-Dukessi ta' Brabant u l-kavallieri tal-Familji Nobbli ta' Brussell), il-qaddisin, u figuri allegoriċi. L-iskulturi attwali huma fil-biċċa l-kbira riproduzzjonijiet jew kreazzjonijiet tas-sekli 19 u 20; l-iskulturi oriġinali tas-seklu 15 jinżammu fil-Mużew tal-Belt ta' Brussell fid-Dar tar-Re jew fid-Dar tal-Ħobż faċċata tal-Grand-Place.

It-torri bi stil Gotiku ta' Brabant huwa x-xogħol ta' Jan van Ruysbroek, l-arkitett tal-qorti ta' Filippu t-Twajjeb. Fuq is-saqaf tal-Muniċipju, il-qafas tat-torri kwadru jidjieq għal pinnaklu ottagonali kollu lavur. Fil-quċċata tiegħu hemm statwa tal-metall indurata ta' 2.7 metri (8.9 piedi) ta' San Mikiel, il-qaddis patrun tal-Belt ta' Brussell, joqtol dragun jew xitan. Din l-istatwa hija x-xogħol ta' Michel de Martin Van Rode, u tpoġġiet fuq it-torri fl-1454 jew fl-1455. Tneħħit fis-snin 90 tas-seklu 20 u ġiet sostitwita b'kopja. L-istatwa oriġinali tinsab ukoll bil-Mużew tal-Belt ta' Brussell.

Il-Muniċipju huwa asimetriku, peress li t-torri mhuwiex eżatt f'nofs il-binja u l-parti tax-xellug u l-parti tal-lemin mhumiex identiċi (għalkemm mal-ewwel daqqa t'għajn forsi jidhru hekk). Skont leġġenda, l-arkitett tal-binja, malli skopra dan l-"iżball", qabeż mit-torri għal isfel. Madankollu, x'aktarx, l-asimetrija tal-Muniċipju kienet konsegwenza aċċettata tal-istorja tal-kostruzzjoni 'l hemm u 'l hawn u n-nuqqas ta' spazju.

Wara diversi proġetti ta' restawr, il-Muniċipju minn ġewwa huwa ddominat mill-istil Neo-Gotiku: il-Kamra ta' Maximilian, il-Kamra tal-Istati ta' Brabant u l-antikamra tagħhom b'tapizzeriji dwar il-ħajja ta' Clovis, il-Kamra mill-isbaħ tal-Kunsill Muniċipali, is-sala tal-ballu mgħammra b'mod rikk u l-Kamra tat-Tieġ (li qabel kienet sala tal-qorti).

Dar tar-Re

immodifika
 
Id-Dar tar-Re jew id-Dar tal-Ħobż.

Diġà mis-seklu 12, id-Dar tar-Re (bil-Franċiż: Maison du Roi) kienet binja tal-injam fejn kien jinbigħ il-ħobż, u għalhekk bl-Olandiż tissejjaħ Broodhuis (Dar tal-Ħobż). Il-binja oriġinali ġiet sostitwita fis-seklu 15 minn binja tal-ġebel li kienet tospita s-servizzi amministrattivi tad-Duka ta' Brabant, u għalhekk kienet tissejjaħ id-Dar tad-Duka (bl-Olandiż Nofsani: 's Hertogenhuys), u meta l-istess Duka sar ir-Re ta' Spanja, ġiet imsemmija d-Dar tar-Re (bl-Olandiż Nofsani: 's Conincxhuys). Fis-seklu 16, l-Imperatur Ruman Sagru Karlu V ordna lill-arkitett tal-qorti tiegħu Antoon II Keldermans jerġa' jibniha bl-istil Gotiku aħħari, simili ħafna għad-disinn kontemporanju, għalkemm mingħajr it-torrijiet jew il-galleriji.

Id-Dar tar-Re ġiet rikostruwita wara li ġarrbet ħsara estensiva mill-bumbardament tal-1695. It-tieni restawr sar fl-1767 meta rċieva portal Neo-Klassiku u saqaf kbir bi tliet twieqi bl-oeil-de-boeuf. Ġiet rikostruwita mill-ġdid fl-għamla Neo-Gotika attwali mill-arkitett Victor Jamaer bejn l-1874 u l-1896, fl-istil tal-mentor tiegħu Eugène Viollet-le-Duc. F'dik l-okkażjoni, Jamaer bena żewġ galleriji u torri ċentrali. Huwa żejjen ukoll il-faċċata bi statwi u b'tiżjin ieħor. Fuq in-naħa ta' wara żied parti ġdida inqas rikka bl-istil Neo-Rinaxximentali Fjamming. Id-Dar tar-Re l-ġdida ġiet inawgurata uffiċjalment fl-1896. Il-binja attwali, li fuq ġewwa ġiet rinnovata fl-1985, ilha tospita l-Mużew tal-Belt ta' Brussell mill-1887, fejn fost affarijiet oħra, jintwerew l-iskulturi oriġinali tal-Muniċipju.

Djar tal-Grand-Place

immodifika
 
Mil-lemin għax-xellug: Le Heaume, Le Paon, Le Petit Renard, Le Chêne, Sainte-Barbe u L'Âne

Il-Grand-Place hija mdawra b'għadd ta' djar tax-xirkiet u ftit djar privati. Inizjalment kienu strutturi mudesti, u fl-għamla attwali tagħhom huma r-riżultat tar-rikostruzzjoni wara l-bumbardament tal-1695. Il-faċċati strutturati ferm bit-tiżjin skulturali rikk tagħhom, inkluż pilastri u balovostri, u s-soqfa forfċi tagħhom huma bbażati fuq il-Barokk Taljan b'xi influwenzi Fjammingi. L-arkitetti involuti fl-iżvilupp il-ġdid kienu Jean Cosyn, Pierre Herbosch, Antoine Pastorana, Corneille van Nerven, Guillaume de Bruyn u Adolphe Samyn.

Minbarra l-isem tax-xirka rispettiva, kull dar għandha l-isem tagħha. In-numerazzjoni tad-djar tibda fin-naħa tat-Tramuntana tal-pjazza lejn ix-xellug ta' Rue au Beurre/Boterstraat f'direzzjoni kontra l-arloġġ. L-isbaħ djar x'aktarx li huma Nri 1 sa 7 fuq in-naħa tal-Majjistral. Fuq in-naħa tal-Lbiċ, bejn Rue de la Tête d'or/Guldenhoofdstraat u Rue Charles Buls/Karel Bulsstraat, huma l-Muniċipju, u d-djar Nri 8 sa 12 lejn ix-xellug fuq in-naħa tax-Xlokk. Dejjem fuq in-naħa tax-Xlokk, bejn Rue des Chapeliers/Hoedenmakersstraat u Rue de la Colline/Bergstraat, huma d-djar Nri 13 sa 19. Fuq in-naħa tal-Grigal, id-Dar tar-Re, li tinsab bejn Rue des Harengs/Haringstraat u Rue Chair et Pain/Vlees-en-Broodstraat, tinab lejn il-lemin tad-djar Nri 20 sa 28 u lejn ix-xellug tad-djar Nri 34 sa 39.[34]

Nru Isem bil-Franċiż Isem bil-Fjamming Traduzzjoni bil-Malti Xirka
1 Le Roy d'Espagne Den Coninck van Spaigniën "Ir-Re ta' Spanja" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Furnara
2–3 La Brouette Den Cruywagen "Il-Karretta" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Produtturi tal-Butir
4 Le Sac Den Sack "L-Ixkora" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Mastrudaxxi
5 La Louve Den Wolf / Den Wolvin "Il-Lupa" Ix-Xirka tal-Arċiera
6 Le Cornet Den Horen "Il-Kurunetta" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Baħħara
7 Le Renard Den Vos "Il-Volpi" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Affarijiet tal-Ħjata
8 L'Étoile De Sterre "L-Istilla" Ix-Xirka ta' Amman
9 Le Cygne De Zwane "Iċ-Ċinju" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Biċċiera
10 L'Arbre d'Or Den Gulden Boom "Is-Siġra tad-Deheb" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Produtturi tal-Birra
11 La Rose De Roos "Il-Warda" Dar privata
12 Le Mont Thabor Den Bergh Thabor "Il-Muntanja Tabor" Dar privata
12a Maison d'Alsemberg /

Le Roi de Bavière

Huis van Alsemberg /

De Koning van Beieren

"Dar tal-Familja Alsemberg" /

"Ir-Re tal-Bavarja"

Dar privata
13–19 Maison des Ducs de Brabant Huis van de Hertogen van Brabant "Id-Dar tad-Duki ta' Brabant" Diversi
13 La Renommée De Faem "Ir-Rinomata" Dar privata
14 L'Ermitage De Cluyse "L-Eremitaġġ" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Produtturi tat-Twapet
15 La Fortune De Fortuin "Ix-Xorti" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Konziera
16 Le Moulin à Vent De Windmolen "Il-Mitħna" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Ħaddiema tal-Imtieħen
17 Le Pot d'Étain De Tinnepot "Il-Borma tal-Landa" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Produtturi tal-Karrettuni
18 La Colline De Heuvel "L-Għolja" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Iskulturi, tal-Bennejja, tan-Naġġara u tal-Ħaddiema tal-Lavanja
19 La Bourse De Borse "Il-Portafoll" Dar privata
20 Le Cerf Den Hert / Het Heert "Iċ-Ċerva" Dar privata
21–22 Joseph et Anne Joseph en Anna "Ġużeppi u Anna" Djar privati
23 L'Ange Den Engel "L-Anġlu" Dar privata
24–25 La Chaloupe d'Or Den Gulden Boot "Id-Dgħajsa tad-Deheb" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Ħajjata
26–27 Le Pigeon De Duif "Il-Ħamiema" Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Bajjada
28 Le Marchand d'Or /

Aux Armes de Brabant

De Gulden Koopman /

De Wapens van Brabant

"Il-Merkant tad-Deheb" /

"L-Armi ta' Brabant"

Ix-Xirka tal-Korporazzjoni tal-Produtturi tal-Butir
34 Le Heaume Den Helm "L-Elmu" Dar privata
35 Le Paon Den Pauw "Il-Pagun" Dar privata
36–37 Le Petit Renard / Le Samaritain

and Le Chêne

't Voske / De Samaritaen

and Den Eycke

"Il-Volpi ż-Żgħir" / "Is-Samaritan"

u "Il-Balluta"

Djar privati
38 Sainte-Barbe Sint Barbara "Santa Barbara" Dar privata
39 L'Âne Den Ezel "Il-Ħmar" Dar privata

Avvenimenti

immodifika

Fil-Grand-Place jiġu organizzati avvenimenti festivi u kulturali, bħal spettakli tas-sawnd u tad-dwal matul il-perjodu tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, kif ukoll kunċerti fis-sajf.[35] Fost l-iktar importanti u famużi huma t-Tapit tal-Fjuri u l-Ommegang, li jsiru fis-sajf. Tmiem il-Ġimgħa tal-Birra Belġjana, avveniment iddedikat lill-birer Belġjani, li matulu l-birreriji żgħar u kbar jippreżentaw il-prodotti tagħhom fil-Grand-Place, ilu jsir mill-2010.[36] Il-pjazza ntużat ukoll għal avvenimenti komunitarji u għal ċelebrazzjonijiet pubbliċi, bħall-akkoljenza tal-atleti wara xi avvenimenti sportivi.

Tapit tal-fjuri

immodifika
 
It-tapit tal-fjuri fil-Grand-Place

Kull sentejn f'Awwissu[37], għall-ħabta ta' Jum it-Tlugħ is-Sema, tapit tal-fjuri kbir jiġi stabbilit fil-Grand-Place għal tlett ijiem jew erbat ijiem.[38] Kważi miljun begonja kkulurita jiġu rranġati f'mudelli differenti li jiffurmaw qisha tapizzerija jew tapit, b'daqs sħiħ ta' 24 metru b'77 metru (79 pied b'253 pied), b'erja totali ta' 1,800 m2 (19,000 pied kwadru). L-ewwel tapit tal-fjuri nħoloq fl-1971 mill-arkitett tal-pajsaġġ minn Gent, Etienne Stautemans, bħala sforz biex jirreklama x-xogħol tiegħu, u bis-saħħa tal-popolarità tal-avveniment, it-tradizzjoni kompliet fis-snin sussegwenti. Mill-1986, l-avveniment sar regolarment kull sentejn, kull darba b'tema differenti, u t-tapit tal-fjuri llum il-ġurnata jattira għadd kbir ta' viżitaturi lokali u internazzjonali.[39]

Ommegang ta' Brussell

immodifika

Darbtejn fis-sena, fl-aħħar ta' Ġunju u l-bidu ta' Lulju, l-Ommegang ta' Brussell, tip ta' parata Medjevali u purċissjoni folkloristika bil-kostumi, issir u tintemm bi spettaklu kbir fil-Grand-Place. Storikament l-ikbar purċissjoni ta' Brussells, li ssir darba fis-sena, fil-Ħadd ta' qabel Pentekoste, mill-1930, u llum il-ġurnata temula storikament id-Dħul Brijuż tal-Imperatur Karlu V u ibnu Filippu II fi Brussell fl-1549. Il-parata kkulurita tinkludi karrijiet, ġganti tradizzjonali tal-kartapesta, bħal ta' San Mikiel u ta' San Gudula, u għexieren ta' gruppi folkloristiċi, bil-mixi jew fuq iż-żwiemel, lebsin kostumi Medjevali. Mill-2019, il-pjazza ġiet rikonoxxuta bħala Kapulavur tal-Wirt Orali u Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.[40]

Siġra tal-Milied

immodifika

Kull sena fil-pjazza jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena. Dawn ilhom isiru mill-1952 jew mill-1954. Dawn ġew uffiċjalizzati mis-sena 2000 bħala parti minn "Winter Wonders" fiċ-ċentru tal-belt.[41] Tiġi armata siġra tal-Milied għall-okkażjoni u tiġi mżejna bid-dwal li jinxtegħlu f'ċerimonja staġonali, filwaqt li l-faċċati tal-pjazza jiġu mdawla fi spettaklu tas-sawnd u tad-dwal. Dawn il-festivitajiet normalment isiru mill-aħħar ta' Novembru sal-bidu ta' Jannar u jattiraw għadd kbir ta' nies.

Referenzi

immodifika
  1. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. p. 187.
  2. ^ Culot, Maurice; Hennaut, Eric; Demanet, Marie; Mierop, Caroline (1992). Le bombardement de Bruxelles par Louis XIV et la reconstruction qui s'ensuivit, 1695–1700 (in French). Brussels: AAM éditions. ISBN 978-2-87143-079-7.
  3. ^ Mardaga 1993, p. 121–122.
  4. ^ De Vries, André (2003). Brussels: A Cultural and Literary History. Oxford: Signal Books. ISBN 978-1-902669-46-5. p. 39.
  5. ^ Heymans, Vincent (2011). Les maisons de la Grand-Place de Bruxelles (in French). Brussels: CFC Éditions. ISBN 978-2-930018-89-8. pp. 127-153.
  6. ^ Mardaga 1993, p. 122.
  7. ^ "Grand-Place". visit.brussels (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  8. ^ "The world's most beautiful city squares - perfect places for people-watching". The Telegraph (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  9. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "La Grand-Place, Brussels". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  10. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. pp. 129-130.
  11. ^ "Christmas tree at the Grand-Place". www.brussels.be (bl-Ingliż). 2021-11-12. Miġbur 2022-07-08.
  12. ^ "Ligne 95 vers GRAND-PLACE - STIB Mobile". m.stib.be. Miġbur 2022-07-08.
  13. ^ Maurice Grevisse et André Goosse, Le Bon Usage, 14e édition, éditions De Boeck et Larcier, 2008, § 543.
  14. ^ Michèle R. Morris, Mieux écrire en français, Georgetown University Press, 1988, § 4.5.2.
  15. ^ Jeanine Treffers-Daller, Mixing Two Languages: French-Dutch Contact in a Comparative Perspective (Walter de Gruyter, 1994), 25.
  16. ^ "GRAND PLACE Brussels : History of the Grand Place of Brussels, guild houses, photos of the Grand Place, virtual visit, webcam, Town Hall, King's House". www.ilotsacre.be. Miġbur 2022-07-08.
  17. ^ Map of Brussels in the 11th and 14th centuries from Bruxelles à travers les âges (Louis, Henri and Paul Hymans, 1884), p. 7
  18. ^ Mardaga 1993, p. 120.
  19. ^ Hennaut, Eric (2000). La Grand-Place de Bruxelles. Bruxelles, ville d'Art et d'Histoire (in French). Vol. 3. Brussels: Éditions de la Région de Bruxelles-Capitale. pp. 2-5.
  20. ^ "Brasserie Le Roy d'Espagne". roydespagne.be (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  21. ^ De Vries, André (2003). Brussels: A Cultural and Literary History. Oxford: Signal Books. ISBN 978-1-902669-46-5. p. 28.
  22. ^ De Vries, André (2003). Brussels: A Cultural and Literary History. Oxford: Signal Books. ISBN 978-1-902669-46-5. p. 64.
  23. ^ Mardaga 1993, p. 123.
  24. ^ Heymans, Vincent (2011). Les maisons de la Grand-Place de Bruxelles (in French). Brussels: CFC Éditions. ISBN 978-2-930018-89-8. p. 10.
  25. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. pp. 132-136.
  26. ^ Hennaut, Eric (2000). La Grand-Place de Bruxelles. Bruxelles, ville d'Art et d'Histoire (in French). Vol. 3. Brussels: Éditions de la Région de Bruxelles-Capitale. pp. 5-8.
  27. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. p. 147.
  28. ^ Hennaut, Eric (2000). La Grand-Place de Bruxelles. Bruxelles, ville d'Art et d'Histoire (in French). Vol. 3. Brussels: Éditions de la Région de Bruxelles-Capitale. p. 19.
  29. ^ Hennaut, Eric (2000). La Grand-Place de Bruxelles. Bruxelles, ville d'Art et d'Histoire (in French). Vol. 3. Brussels: Éditions de la Région de Bruxelles-Capitale. p. 17.
  30. ^ Mardaga 1993, p. 122–123.
  31. ^ De Vries, André (2003). Brussels: A Cultural and Literary History. Oxford: Signal Books. ISBN 978-1-902669-46-5. p. 36.
  32. ^ Heymans, Vincent (2011). Les maisons de la Grand-Place de Bruxelles (in French). Brussels: CFC Éditions. ISBN 978-2-930018-89-8. p. 16.
  33. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. pp. 12-13.
  34. ^ Heymans, Vincent (2011). Les maisons de la Grand-Place de Bruxelles (in French). Brussels: CFC Éditions. ISBN 978-2-930018-89-8. p. 207-213.
  35. ^ State, Paul F. (2004). Historical dictionary of Brussels. Historical dictionaries of cities of the world. Vol. 14. Lanham, MD: Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-5075-0. p. 108.
  36. ^ "Belgian Brewers - Belgian Beer Weekend". www.belgianbrewers.be. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-08-20. Miġbur 2022-07-08.
  37. ^ Kemp, Richard (1997) [1991]. "Belgium, the Netherlands, and Luxembourg". The Picture Atlas of the World (Third ed.). 9 Henrietta Street, London: Dorling Kindersley. p. 41. ISBN 0-7513-5358-2.
  38. ^ De Vries, André (2003). Brussels: A Cultural and Literary History. Oxford: Signal Books. ISBN 978-1-902669-46-5. p. 31.
  39. ^ Sim, David (2014-08-15). "Giant Flower Carpet on the Grand-Place in Brussels Pays Tribute to Turkish Immigrants". International Business Times UK (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  40. ^ "UNESCO - Browse the Lists of Intangible Cultural Heritage and the Register of good safeguarding practices". ich.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-08.
  41. ^ "Winter Wonders and Christmas Market 2021". www.brussels.be (bl-Ingliż). 2017-04-10. Miġbur 2022-07-08.