Forti ta' Ġesù
Il-Forti ta' Ġesù (bil-Portugiż: Forte Jesus de Mombaça, bl-Ispanjol: Fuerte de Jesús) huwa forti li jinsab fil-Gżira ta' Mombasa, il-Kenja. Ġie ddisinjat mill-arkitett Taljan Giovanni Battista Cairati[1] u nbena bejn l-1593 u l-1596 skont l-ordni tar-Re Filippu II ta' Spanja, li rrenja wkoll bħala r-Re Filippu I tal-Portugall u tal-Algarve, sabiex jiddefendi l-Port l-Antik ta' Mombasa. Il-Forti ta' Ġesù kien l-uniku forti ġestit mill-Portugiżi tul il-kosta Swahili, u huwa rikonoxxut bħala xhieda tal-ewwel tentattiv li rnexxa ta' setgħa tal-Punent li tistabbilixxi l-influwenza fuq il-kummerċ fl-Oċean Indjan.[2]
Storja
immodifikaCairato, id-disinjatur tal-forti, ġie ispirat mill-arkitett Taljan Pietro Cataneo, filwaqt li l-bennej ewlieni kien Gaspar Rodrigues. Il-forti kien l-aħħar xogħol barrani ta' Cairato. Għalkemm id-disinn tal-Forti ta' Ġesù huwa eżempju ta' arkitettura Rinaxximentali, huwa maħsub li t-tekniki tal-kostruzzjoni, il-materjali tal-bini u x-xogħol ġew ipprovduti mill-poplu Swahili lokali. Il-forti nbena b'għamla ta' raġel (meta wieħed jarah mill-ajru) u huwa pjuttost kwadru, b'erba' murati fl-irkejjen tiegħu. Il-forti jitqies bħala kapulavur tal-fortifikazzjonijiet militari tar-Rinaxximent Aħħari.
Il-Forti ta' Ġesù nħataf u reġa' nħataf mill-ġdid mill-inqas disa' darbiet bejn l-1631, meta l-Portugiżi tilfuh kontra s-Sultan Yusuf ibn al-Hasan ta' Mombasa, u l-1895, meta għadda f'idejn it-tmexxija Brittanika u ġie kkonvertit f'ħabs. Wara li l-Portugiżi reġgħu ħatfuh mingħand is-Sultan fl-1632, irrinnovawh u bnewlu iktar fortifikazzjonijiet, u sussegwentement kien iktar diffiċli li l-forti jinħataf. Il-forti kien soġġett għal assedju kbir li dam sentejn mill-1696 sal-1698 mill-Għarab tal-Oman, taħt it-tmexxija ta' Saif bin Sultan. Il-ħtif tal-forti mmarka t-tmiem tal-preżenza tal-Portugiżi tul il-kosta, għalkemm għal żmien qasir reġgħu ħatfuh u okkupawh mill-ġdid bejn l-1728 u l-1729 bl-għajnuna tal-bliet-stati Swahili. Il-forti safa taħt it-tmexxija lokali mill-1741 sal-1837, meta reġa' nħataf mill-Għarab tal-Oman u ntuża bħala barrakki, qabel l-okkupazzjoni tiegħu mill-Brittaniċi fl-1895, wara l-istabbiliment tal-Protettorat tal-Lvant tal-Afrika (li iktar 'il quddiem, fl-1920, sar il-Kolonja u l-Protettorat tal-Kenja).
Il-Forti ta' Ġesù ġie ddikjarat bħala mużew nazzjonali fl-1958. Fl-2011 tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba li huwa wieħed mill-iżjed eżempji ppreservati u straordinarji ta' fortifikazzjonijiet militari Portugiżi tas-seklu 16. Il-forti huwa l-iżjed attrazzjoni turistika li jżuruha nies f'Mombasa.
Deskrizzjoni
immodifikaBejn l-1631 u l-1875, il-forti ntrebaħ u ntilef disa' darbiet minn nazzjonijiet li kienu qed jikkontestaw il-kontroll tal-Kenja bejniethom. L-Għarab tal-Oman ħadu l-kontroll tal-fort fl-1698 wara assedju notevoli li dam kważi tliet snin. Il-forti ġie ddikjarat bħala monument storiku fl-1958 u llum jospita mużew.[3]
Il-forti ġie ddisinjat minn arkitett minn Milan, Giovanni Battista Cairati, li kien l-Arkitett Ewlieni għat-Territorji Portugiżi fil-Lvant. Kien l-ewwel forti bi stil Ewropew li nbena barra mill-Ewropa u li ġie ddisinjat biex jirreżisti l-qawwa tal-balal tal-kanuni.[4] Attwalment, il-forti huwa wieħed mill-ifjen eżempji ta' arkitettura militari Portugiża tas-seklu 16, li ġie influwenzat u mibdul kemm mill-Għarab tal-Oman kif ukoll mill-Brittaniċi.[5] Il-forti malajr sar vitali għal kull min kien beħsiebu jikkontrolla l-Gżira ta' Mombasa jew iż-żoni tal-madwar għall-kummerċ. Meta l-Brittaniċi kkolonizzaw il-Kenja, huma użaw il-forti bħala ħabs sal-1958, meta mbagħad ikkonvertewh f'monument storiku. James Kirkman imbagħad ġie assenjat biex jiskava l-monument, u hekk għamel mill-1958 sal-1971 (b'użu kbir ta' dokumenti storiċi esterni).
L-arkitettura tal-forti tirrappreżenta l-kontorn bejn wieħed u ieħor ta' raġel mimdud fuq dahru, b'rasu tħares lejn il-baħar. Il-ħitan tal-forti huma għoljin 18-il metru. Il-forti Portugiż oriġinali kien għoli 15-il metru, iżda l-Għarab tal-Oman żiedu tliet metri oħra meta ħatfu l-forti.[6]
Il-forti fih taħlita ta' elementi Portugiżi, Għarab u Brittaniċi (li kienu s-setgħat ewlenin li ħatfuh fi żminijiet differenti fl-istorja). Il-preżenza tal-Portugiżi u tal-Brittaniċi hija ppreservata permezz tal-preżenza tad-diversi kanuni rispettivi tagħhom. Il-kanuni Portugiżi kienu jwasslu sa 200 metru u kienu itwali mill-kanuni Brittaniċi, li kienu jwasslu sa 300 metru. L-Għarab tal-Oman immarkaw il-perjodu meta okkupaw il-forti b'bosta kitbiet mill-Koran fuq il-koxox tal-bibien tal-injam u fuq ix-xorok tas-saqaf. It-tradizzjoni Musulmana ta' ħames pilastri toħroġ fid-dieher ukoll fil-forti, peress li hemm sala li qabel kienet tintuża għar-riċevimenti li s-saqaf tagħha huwa mirfud b'ħames pilastri tal-ġebel.
Waħda mill-istrutturi storiċi li għadhom jeżistu fil-forti hija d-Dar tal-Oman, li kienet ir-residenza tas-sultan li rrenja fuq il-kosta tal-Lvant tal-Afrika. Strutturi oħra huma ċisterna tal-ilma fil-beraħ, li kienet tintuża mill-Portugiżi biex jiġbru l-ilma tax-xita, u bir fond 76 pied imħaffer mill-Għarab (iżda l-ilma tiegħu kien mielaħ wisq u ma seta' jintuża għal xejn għajr għall-ħasil).
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Forti ta' Ġesù f'Mombasa ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[2][7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Forti ta' Ġesù fil-preżent
immodifikaIl-Forti ta' Ġesù issa hija destinazzjoni popolari fost it-turisti barranin u lokali. Apparti li huwa destinazzjoni turistika, il-forti issa huwa importanti għaliex jospita bosta programmi ta' riċerka, Laboratorju tal-Konservazzjoni, Dipartiment tal-Edukazzjoni, u Uffiċċju tal-Konservazzjoni taċ-Ċentru Storiku.
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Parker, Geoffrey (18 April 1996). The Military Revolution: Military Innovation and the Rise of the West, 1500-1800. Cambridge University Press. ISBN 9780521479585.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Fort Jesus, Mombasa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-17.
- ^ Mwakio, Philip. "Mombasa's Fort Jesus could soon fall into the sea, warns agency". The Standard (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-17.
- ^ Gilbert, Erik, and Jonathan T. Reynolds. Africa in World History: From Prehistory to Present. New Jersey: Pearson Education, 2008, p. 225.
- ^ Kirkman, J. 1974. Fort Jesus: A Portuguese Fortress on the East African Coast Clarendon Press: Oxford.
- ^ Onjoro, Veronica N. "Fort Jesus in my home town".
- ^ "UNESCO World Heritage Sites in Kenya | TripLegend" (bl-Ingliż). 2022-05-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-09-04. Miġbur 2024-01-17.