Déodat Gratet de Dolomieu
Dieudonné Sylvain Guy Tancrède de Gratet de Dolomieu, li s-soltu huwa magħruf bħala Déodat de Dolomieu, (pronunzja bil-Franċiż: [deɔda də dɔlɔmjø]; twieled fit-23 ta' Ġunju 1750 – miet fit-28 ta' Novembru 1801) kien ġeologu Franċiż. Il-mineral u l-blata tad-dolomit u l-ikbar krater fil-quċċata tal-vulkan Piton de la Fournaise ssemmew għalih.
Déodat Gratet de Dolomieu | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Dolomieu (en) , 23 Ġunju 1750, 24 Ġunju 1750 |
Nazzjonalità | Franza |
Mewt | Châteauneuf (en) , 26 Novembru 1801 |
Familja | |
Missier | François de Gratet de Dolomieu |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Mines ParisTech (en) |
Lingwi | Franċiż |
Għalliema | Alexandre-François de La Rochefoucauld (en) |
Studenti |
uri
|
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
ġeologu mineraloġist vulkanologu |
Premjijiet | |
Influwenzat minn | House of La Rochefoucauld (en) |
Sħubija |
Akkademja Franċiża tax-Xjenzi Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri ta' San Ġwann |
Bijografija
immodifikaDéodat de Dolomieu twieled f'Dauphiné, Franza, bħala wieħed minn 11-il ulied ta' Marie-Françoise de Berénger u r-raġel tagħha, il-Markiż de Dolomieu. Fi tfulitu Déodat wera li kellu potenzjal intellettwali konsiderevoli u kellu interess speċjali fl-inħawi naturali ta' daru fl-Alpi tax-Xlokk ta' Franza. De Dolomieu beda l-karriera militari tiegħu fl-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann meta kellu 12-il sena. L-assoċjazzjoni tiegħu mal-Ordni Maltija ħolqitlu diffikultajiet matul ħajtu kollha, l-ewwel u qabel kollox bi ġlieda li ġġieled meta kellu 18-il sena, fejn qatel membru ieħor tal-Ordni. Minħabba f'hekk ingħata sentenza għomor il-ħabs iżda bis-saħħa tal-interċessjoni tal-Papa Klement XIII ġie meħlus wara sena biss.
Karriera
immodifikaMatul is-snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża Dolomieu ħa sehem sħiħ fil-mewġa intellettwali li kien hemm fi Franza u fil-bqija tal-Ewropa dak iż-żmien. Kellu bosta kuntatti soċjali man-nobbiltà u għalkemm qatt ma żżewweġ, Dolomieu kien pjuttost magħruf bħala raġel li dejjem kellu n-nisa ma' djulu. Permezz tal-ħabib u l-gwida tiegħu, id-Duka de La Rochefoucauld, Dolomieu sar membru korrispondenti tal-Akkademja Rjali tax-Xjenzi. Huwa qatta' l-ħin liberu tiegħu jagħmel mawriet xjentifiċi fl-Ewropa kollha, fejn ġabar eżemplari ta' minerali u żar żoni tax-xogħol fil-minjieri. L-interessi partikolari tiegħu kienu jinkludu l-mineraloġija, il-vulkanoloġija, u l-oriġini tal-ktajjen muntanjużi. Għalkemm Dolomieu kellu interess kbir fil-vulkani, ikkonvinċa ruħu li l-ilma kellu rwol ewlieni fit-tiswir ta' wiċċ id-Dinja permezz ta' sensiela ta' avvenimenti katastrofiċi preistoriċi. Dolomieu ma kienx ġeologu uniformitarjan. Ġie deskritt bħala "katastrofista mhux realistiku".[1]
Il-kontemporanju tiegħu, James Hutton, ma ppubblikax il-prinċipju tal-uniformitarjaniżmu sal-1795. Dolomieu kien osservazzjonalista u kien iqatta' ħafna minn ħinu jiġbor u jikkategorizza d-data ġeoloġika. Għad-differenza ta' Hutton, l-ebda prinċipju jew teorija xjentifiċii mhuma akkreditati lilu, għalkemm ħalla l-marka permanenti tiegħu fuq il-ġeoloġija b'mod ieħor: billi skopra l-mineral tad-dolomit li ssemma għalih.[2]
Ġeoloġija tad-Dolomiti
immodifikaMatul wieħed mill-vjaġġi tiegħu lejn l-Alpi tat-Tirol (illum parti mill-Grigal tal-Italja) Dolomieu skopra blata li għad-differenza tal-ġebla tal-ġir, ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu idrokloriku dgħajjef. Huwa ppubblika dawn l-osservazzjonijiet fl-1791 fir-rivista xjentifika Franċiża magħrufa sew, Journal de Physique. F'Marzu 1792, il-blata ngħatat l-isem ta' dolomie (jew dolomit bil-Malti) minn Nicolas-Théodore de Saussure.[3][4] Illum il-ġurnata kemm il-blata kif ukoll il-kostitwent minerali ewlieni tiegħu ssemmew abbażi ta' kunjom Dolomieu, bħad-Dolomiti, il-katina muntanjuża tal-Grigal tal-Italja. Dolomieu ma kienx l-ewwel wieħed li ddeskriva l-mineral tad-dolomit. Carl Linnaeus x'aktarx li kien l-ewwel wieħed li nnota l-fatt li din il-blata kienet simili għall-ġebla tal-ġir iżda ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu dilwit.[5] Fil-ktieb tiegħu Oryctographia Carniola, oder physikalische Erdbeschreibung des Herzogthums Krain, Istrien und zum Theil der benachbarten Länder, ippubblikat minn Johann Gottlob Immanuel Breitkopf fl-1778, in-naturalista Awstrijaku Belsazar Hacquet osserva wkoll din id-distinzjoni bejn il-ġebla tal-ġir u blata li Hacquet iddeskriva bħala lapis suillus.[6][7] Iż-żewġ irġiel iltaqgħu f'Laibach fl-1784, meta Dolomieu żar lil Sigmund Zois.[8] Madankollu, Hacquet kien konxju sew tal-fatt li d-deskrizzjoni ta' ġebla tal-ġir li ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu (u li b'hekk kienet blata differenti mill-ġebla tal-ġir) minn Carl Linnaeus fl-1768 ippreċediet lid-deskrizzjoni tiegħu stess. Fuq il-paġna 5 tat-tieni volum tal-ktieb tiegħu Oryctographia Carniola tal-1781, Hacquet iddikjara li t-trab abjad li kien sab ħdejn ir-raħal ta' Vorle ("unterm Teil der Oberkrain") kien trab abjad li kien simili ħafna għall-ġebla tal-ġir iżda ma kinitx tirreaġixxi mal-aċidu idrokloriku dilwit, u kien ifakkru fil-marmor tardum deskritt minn Linnaeus.
Kavallieri ta' Malta
immodifikaMinbarra l-attivitajiet xjentifiċi tiegħu Dolomieu kompla javvanza fil-grad tiegħu fil-Kavallieri ta' Malta u ġie promoss għal kmandant fl-1780. Madankollu, huwa kompla jkollu diffikultajiet minħabba l-inklinazzjonijiet politiċi liberali tiegħu ma kinux popolari fost in-nobbiltà konservattiva li kkontrollat l-Ordni. De Dolomieu rtira mis-servizz militari attiv fl-1780 biex jiddedika l-ħin kollu tiegħu għall-ivvjaġġar u għax-xogħol xjentifiku.
Rivoluzzjoni Franċiża
immodifikaDe Dolomieu għall-ewwel kien partiġġjan akkanit tar-Rivoluzzjoni Franċiża, li bdiet fl-1789. Madankollu, il-qtil tal-ħabib tiegħu d-Duka de la Rochefoucauld, il-fatt li ħelisha ħafif mill-giljottina, u l-qtugħ ir-ras ta' bosta minn qrabatu, wassluh biex ikun kontra r-rivoluzzjoni. Matul dan iż-żmien Dolomieu sar partitarju ta' Napuljun Bonaparte. Fl-1795, wara li tilef ġidu fir-rivoluzzjoni, Dolomieu aċċetta l-kariga ta' professur tax-xjenzi naturali fl-École Centrale ta' Pariġi u beda jikteb it-taqsima mineraloġika tal-Encyclopédie Méthodique. Is-sena ta' wara nħatar bħala spettur tal-minjieri u professur fl-École Nationale Supérieure des Mines de Paris, fejn għad hemm ir-ritratt tiegħu fil-librerija sa llum il-ġurnata. Il-kollezzjoni estensiva tiegħu ta' minerali tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ta' Pariġi.
Żmien Bonaparte
immodifikaSal-1798 de Dolomieu kien kiseb reputazzjoni internazzjonali bħala wieħed mill-ġeologi ewlenin fid-dinja u ġie mistieden jissieħeb mal-ispedizzjoni xjentifika li akkumpanjat l-invażjoni tal-Eġittu minn Bonaparte, bħala parti mit-taqsima tal-istorja naturali u tal-fiżika tal-Institut d'Égypte. F'Marzu 1799 Dolomieu marad u kellu jitlaq minn Lixandra, l-Eġittu u jmur lura fi Franza. Il-vapur tiegħu, inqabad f'maltempata, u fittex il-kenn fil-port ta' Taranto, l-Italja fejn Dolomieu nżamm bħala priġunier tal-gwerra. Il-Ġeneral Thomas-Alexandre Dumas, missier Alexandre Dumas, l-awtur, inqabad u nżamm bħala priġunier ukoll. Il-belt kienet parti mir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, li dak iż-żmien kienet fi gwerra ma' Franza. Dolomieu preċedentement kien għamel għadu setgħan mill-Gran Mastru tal-Ordni Maltija meta għen biex jiġi nnegozjat iċ-ċediment tal-gżira ta' Malta lil Napuljun. Il-Gran Mastru ħadha qatta' bla ħabel kontra Dolomieu li ġie ttrasferit lejn Messina, Sqallija, u nżamm bħala priġunier f'kundizzjonijiet orribbli, f'konfinament solitarju, għall-21 xahar ta' wara.
Iż-żamma l-ħabs ta' xjenzat famuż mad-dinja kollha, f'dawk il-kundizzjonijiet, kienet mistkerrah mill-komunità intellettwali tal-Ewropa. Anke l-komunità xjentifika tal-Ingilterra (li kienet fi gwerra ma' Franza) ipprotestat kontra l-konfinament. Talleyrand, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, ipprova jinnegozja l-ħelsien ta' Dolomieu permezz tal-Papa. Napuljun, li dak iż-żmien kien l-ewwel konslu ta' Franza, ħass li tistaqsi lill-Papa għal intervent ta' dik ix-xorta ma kinitx xi ħaġa onorevoli. L-approċċ tal-imperatur futur fir-rigward tal-problema kien iktar dirett. Fir-rebbiegħa tal-1800 Napuljun mexxa l-armata Franċiża fl-Italja, u ta daqqa ta' ħarta lill-Awstrijaċi u lill-alleati Taljani tagħhom fl-14 ta' Ġunju fil-Battalja ta' Marengo. B'hekk l-Italja kollha ġiet taħt id-dominju ta' Napuljun. Wieħed mit-termini dettati minn Napuljun fit-trattat ta' paċi ta' Firenze (Marzu 1801) kien il-ħelsien minnufih ta' Dolomieu.
Wara li nħeles, Dolomieu kompla l-istudji xjentifiċi tiegħu u ż-żjarat fil-post. Iżda saħħtu, mifnija mill-perjodu twil ta' priġunerija fi Sqallija, ċediet matul vjaġġ lejn l-Alpi. Déodat de Dolomieu miet fit-28 ta' Novembru 1801 fid-dar ta' oħtu f'Châteauneuf.
Xogħlijiet
immodifika- Voyage aux iles de Lipari, 1783 (bil-Franċiż). Pariġi: Gaspard-Joseph Cuchet. 1783.
Legat
immodifikaDr. George F. Kunz kiteb dwar il-kontributi tiegħu għall-mineraloġija.[9][10]
L-istudent u n-naturalista famuż ta' Dolomieu, Jean-Baptiste Bory de Saint-Vincent, ta kunjom l-imgħallem tiegħu fl-1801 lill-ikbar krater fil-quċċata tal-vulkan Piton de la Fournaise fil-gżira Franċiża ta' Réunion, il-krater Dolomieu.
Biblijografija
immodifika- Carozzi, A. V.; Zenger, D. H. (1981). "On a type of calcareous rock that reacts very slightly with acid and that phosphoresces on being struck (translation, with notes of Dolomieu's paper, 1791)". Journal of Geological Education. 29: 4–10.
- Dolomieu, D. G. de (October 1791). "Sur un de pierres trés-peu effervescentes avec les acides of phosphorescentes par la collision". Journal de Physique. 39: 3–10.
- Zenger, D. H., Bourrouilh-Le Jan, F. G. and Carozzi, A. V. (1994). "Dolomieu and the first description of dolomite". In Purser, B.; Tucker, M.; Zenger, D. (eds.). Dolomites A volume in honor of Dolomieu. International Association of Sedimentologists: Special Publication 21. pp. 21–28. ISBN 0-632-03787-3.
- Charles-Vallin, T. (2003). Les aventures du chevalier géologue Déodat de Dolomieu. Presses Universitaires de Grenoble, Grenoble. p. 296.
- Gaudant, J., ed. (2005). Dolomieu et la géologie de son temps. Les Presses de l'École des Mines de Paris, Paris. p. 200.
- Caminada, P. (2006). Das abenteuerliche Leben des Forschungsreisenden Déodat de Dolomieu 1750 - 1801. Projekte Verlag, Halle. p. 285.
Referenzi
immodifika- ^ Hooykaas, R. (1970). "Catastrophism in Geology: Its Scientific Character in Relation to Actualism and Uniformitarianism" (PDF).
- ^ "Déodat de Gratet de Dolomieu". Oxford Reference (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-22.
- ^ Saussure le fils, M de. (1792): Analyse de la dolomie. Journal de la Physique, vol. 40, pp.161-173.
- ^ Gardien, Guy (2002). "Introduction". Déodat Gratet de Dolomieu (in French). Editions Publibook. p. 9. ISBN 9782748312386.
- ^ P. 41 tal-parti 3 tal-ktieb Systema naturae per regna tria naturae, Secundum Classes, Ordines, Genera, species cum characteribus & differentiis, ippubblikat fl-1768 minn Laurentii Salvii, Homiae.
- ^ Felizardo, Alexandre. "Baltazar Hacquet (1739-1815)". Cavernas em Foco (bil-Portugiż). Bookess. p. 119. ISBN 9788562418938.
- ^ Kranjc, Andrej (2006). "Balthasar Hacquet (1739/40-1815), the Pioneer of Karst Geomorphologists". Acta Carsologica. 35 (2).
- ^ Šumrada, Janez (2001). "Žiga Zois in Déodat de Dolomieu". Kronika: časopis za slovensko krajevno zgodovino [The Chronicle: the Newspaper for the Slovenian History of Places] (bis-Sloven u bl-Ingliż). Association of Slovenian Historical Societies, Section for the History of Places. 49 (1/2): 65–72. ISSN 0023-4923.
- ^ Kunz, George F. "Déodat Dolomieu." Science Monthly. Volume 8, pages 527–536. June, 1919. (Ibbażat fuq Alfred Lacroix. "Notice Historique sur Déodat Dolomieu,1750–1801).
- ^ Kunz, George F. "Un Manuscrit inédit de Dolomieu sur la Minéralogie du Dauphiné." Science. Volum 50, nru 373, pp. 373-374. Is-17 ta' Ottubru 1919.