Cinque Terre

żona kostali tar-Rivjera Taljan ta' Liguria li tinkludi ħames irħula ewlenin

Iċ-Cinque Terre (pronunzja bit-Taljan: [ˈtʃiŋkwe ˈtɛrre]; bid-djalett ta' Liguria: Çinque Tære; li letteralment tfisser "Ħames Artijiet") jikkostitwixxu żona kostali fir-reġjun ta' Liguria, fil-Majjistral tal-Italja. Din tinsab fil-Punent tal-Provinċja ta' La Spezia, u tinkludi ħames irħula: Monterosso al Mare, Vernazza, Corniglia, Manarola, u Riomaggiore. Il-kosta, il-ħames irħula, u l-għoljiet tal-madwar huma kollha parti mill-Park Nazzjonali taċ-Cinque Terre, li huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Veduta ta' Vernazza

Iż-żona taċ-Cinque Terre hija destinazzjoni turistika popolari. Tul is-sekli, il-bniedem bena raba' mtarraġ fuq il-pajsaġġ wieqaf sal-irdumijiet li jħarsu fuq il-Baħar Liguri. Mogħdijiet, ferroviji u dgħajjes jikkollegaw l-irħula ma' xulxin peress li l-karozzi jistgħu jilħquhom minn toroq muntanjużi tassew dojoq u prekarji.

 
Veduta tad-djar ikkuluriti tas-sajjieda ta' Manarola

Iż-żona taċ-Cinque Terre tissemma f'dokumenti li jmorru lura sas-seklu 11. Monterosso u Vernazza huma l-ewwel irħula li ġew insedjati u l-irħula l-oħra kibru warajhom, filwaqt li kienu jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika ta' Genova. Fis-seklu 16, l-abitanti saħħew il-fortijiet eżistenti u bnew torrijiet tad-difiża ġodda biex jiddefendu ż-żona mill-attakki tat-Torok. Iċ-Cinque Terre esperjenzaw deklin ekonomiku mis-sekli 17 sa 19, u rkupraw meta nbena arsenal f'La Spezia kif ukoll linja ferrovjarja ta' kollegament mal-belt ta' Genova. Il-linja ferrovjarja wasslet għal migrazzjoni miż-żona u għal deklin fl-industriji tradizzjonali sa ma beda jirranka t-turiżmu fis-snin 70 tas-seklu 20 'il quddiem li ġab miegħu ftit prosperità.

L-għelejjel predominanti fiż-żona minn dejjem kienu l-għeneb u ż-żebbuġ. Xi sajjieda kienu bbażati f'Monterosso, iżda d-djar ikkuluriti tas-sajjieda kif nafuhom illum il-ġurnata bdew jinżebgħu hekk fis-snin 70 tas-seklu 20 bħala attrazzjoni turistika.

Fil-25 ta' Ottubru 2011, xita torrenzjali kkawżat għargħar u ċedimenti tal-art bit-tajn fiċ-Cinque Terre. Nisa' persuni mietu u l-irħula ġarrbu ħsarat estensivi, b'mod partikolari Vernazza u Monterosso al Mare.[2] Din il-maltempata ta' xita qliel ikkawżat tant ħsarat anke minħabba kriżi fil-kultivazzjoni tradizzjonali u li tqalla' inqas flus fil-pajsaġġi mtarrġin li sittin sena qabel kienu qabdu t-triq tan-niżla u esperjenzaw tnaqqis ta' manutenzjoni. Dan kien parzjalment ibbilanċjat bil-veġetazzjoni li kibret waħedha fuq ir-raba' mtarraġ abbandunat, xi ħaġa li ġiet enfasizzata minn parti mil-letteratura xjentifika eżistenti.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika ta' Portovenere mill-gżira ta' Palmaria

Portovenere, iċ-Cinque Terre, u l-gżejjer ta' Palmaria, Tino u Tinetto ġew iddeżinjati flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. Fl-2021 saret modifika żgħira fil-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Trasport u turiżmu

immodifika
 
Il-linja ferrovjarja tul il-kosta taċ-Cinque Terre

L-aċċess għaċ-Cinque Terre bil-karozza huwa limitat. Triq li tagħti għal Vernazza hija dejqa ħafna u tispiċċa xi kilometru qabel wieħed jasal fir-raħal. Inkella, wieħed jista' jsuq sa Bonassola, jipparkja l-karozza tiegħu hemmhekk, jieħu l-ferrovija lokali u jieqaf wara żewġ waqfiet f'Monterosso fiċ-Cinque Terre.[4]

Il-ferroviji jaħdmu minn La Spezia sal-ħames irħula fi ħdan iċ-Cinque Terre, kif ukoll lejn destinazzjonijiet reġjonali u nazzjonali ewlenin oħra. L-istazzjonijiet tal-ferrovija taċ-Cinque Terre jinsabu fuq il-linja ferrovjarja Genova-Pisa. Il-biċċa l-kbira tal-ferroviji fuq distanza twila ma jieqfux fil-ħames irħula kollha taċ-Cinque Terre, u b'hekk wieħed ikollu jagħmel trasferimenti minn La Spezia għal fuq ferroviji reġjonali. Xi ferroviji tat-tip intercity jieqfu wkoll fl-Istazzjon ta' Monterosso.

Servizz skedat tal-laneċ tal-passiġġieri jaħdem bejn bejn Levanto u La Spezia, u jsiru waqfiet fl-irħula prinċipali kollha għajr Corniglia, li ma għandhiex moll għall-iżbark, u ma tinsabx mal-kosta. Id-dgħajjes ukoll jikkollegaw il-port antik ta' Genova ma' Lerici u Porto Venere.[5]

Mogħdijiet

immodifika
 
Veduta ta' Corniglia u l-mogħdijiet tagħha mill-baħar

Hemm bosta mogħdijiet tal-mixi fil-park nazzjonali kollu u t-tismija tagħha hija konformi mas-sistema SVA bin-numri. Madankollu, spiss il-mogħdijiet tal-mixi baqgħu magħrufa bin-numri preċedenti tagħhom, li xi kultant jikkonfondi lill-viżitaturi.

L-iżjed mogħdija tal-mixi popolari hija magħrufa bħala l-"Mogħdija Kaħlanija" (bit-Taljan: Sentiero Azzurro), li tikkollega l-ħames irħula kollha. Minħabba l-ambjent instabbli, sikwit ikun hemm ċedimenti tal-art li jwasslu biex xi partijiet tal-mogħdijiet jingħalqu. Is-sezzjoni tal-Mogħdija Kaħlanija minn Riomaggiore sa Manarola tissejjaħ "Mogħdija tal-Imħabba" (bit-Taljan: Via dell'Amore). Fl-2019 din ingħalqet minħabba xi ċedimenti tal-art u huwa mistenni li terġa' tinfetaħ għall-pubbliku fl-2023. Għadu possibbli li wieħed jimxi minn raħal għall-ieħor, iżda l-mogħdija attwali hija iktar wieqfa u itwal mis-sezzjoni magħluqa iktar qrib il-baħar.[6]

Letteratura

immodifika

Is-Siġar tal-Lumi

Il-mogħdija ċkejkna li sserrep mal-irdum

tinżel 'l isfel ħesrem minn irqajja' tal-qasab

u f'daqqa waħda tagħti f'għalqa tas-siġar tal-frott

qalb iz-zkuk ħodor bil-ħażiż

tas-siġar tal-lumi. [...][7]

— Eugenio Montale (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Silta mill-poeżija, "Is-Siġar tal-Lumi" (bit-Taljan: I Limoni) tal-1921. Ir-rebbieħ tal-Premju NobelEugenio Montale, permezz tal-poeżija tiegħu, jiddeskrivi l-ġmiel ta' Monterosso u kif wieħed għandu jiskopri ċ-Cinque Terre.[8]

Iċ-Cinque Terre ma kinux sors ta' ispirazzjoni biss għal Eugenio Montale iżda għal bosta oħrajn ukoll.

[...] u mbagħad ġablu żewġ loqmiet ħobż mikwi ġo biċċa servetta bajda silġ u tazza kbira ta' vernaccia ta' Corniglia [...] (traduzzjoni mhux uffiċjali)

  • Gabriele D'Annunzio fix-xogħol tiegħu Faville del Maglio jsemmi l-inbid abjad DOK "Sciachetrà":

... dak l-iSciacchetrà kburi li jingħasar fiċ-Cinque Terre mimlijin dwieli. (traduzzjoni mhux uffiċjali)[9]

Fl-2013 iċ-Cinque Terre kienu wieħed mill-postijiet fejn inġibed il-film The Wolf of Wall Street ta' Martin Scorsese.[10]

Fl-2021 il-film ta' Disney/Pixar Luca ġie ambjentat fir-raħal fittizju ta' Portorosso mar-Rivjera Taljana. Portorosso ġie ispirat miċ-Cinque Terre u ġie mmudellat fuqhom.[11]

Ikel u nbid

immodifika
 
Veduta tal-vinji ta' Vernazza mill-baħar

Minħabba l-post fejn jinsabu ċ-Cinque Terre, fil-Mediterran, il-frott tal-baħar huwa abbundanti fil-gastronomija lokali. L-inċova ta' Monterosso huma speċjalità lokali li ngħataw status ta' Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta (DOP) mill-Unjoni Ewropea. L-irdumijiet muntanjużi taċ-Cinque Terre huma mtarrġin ferm u jintużaw għat-tkabbir tal-għeneb u taż-żebbuġ. Din iż-żona, u r-reġjun ta' Liguria kollu kemm hu, hija magħrufa għall-pesto, zalza magħmula bil-weraq tal-ħabaq, tewm, melħ, żejt taż-żebbuġa, prinjoli u ġobon pecorino. Il-focaccia hija prodott tal-ħobż li spiss tinħema lokalment. Il-farinata, bukkun tipiku li jinstab għand il-furnara u l-pizzeriji, hija torta tqarmeċ mhux tal-ħelu magħmula minn bażi ta' dqiq taċ-ċiċri. Ir-raħal ta' Corniglia huwa partikolarment popolari għall-ġelat magħmul mill-għasel lokali (l-għasel ta' Corniglia).

L-għeneb taċ-Cinque Terre jintużaw biex jiġu prodotti żewġ inbejjed lokali: l-inbid Cinque Terre u l-iSciachetrà. It-tnejn jiġu prodotti permezz tal-għeneb tat-tip Bosco, Albarola, u Vermentino. Iż-żewġ inbejjed jiġu prodotti mill-Kooperattiva Agrikola taċ-Cinque Terre, li tinsab bejn Manarola u Volastra. Produtturi oħra ta' nbejjed DOK huma Forlini-Capellini, Walter de Batté, Buranco u Arrigoni.

Minbarra l-inbejjed, xarbiet lokali popolari oħra jinkludu l-grappa, brandy magħmul mill-ilbieba li titħalla bħala residwu tal-produzzjoni tal-inbid, u l-limoncino, limunċell ħelu u kremuż lokali magħmul bil-lumi. Dan jiġi servut kiesaħ silġ wara l-ikel u spiss jintuża fit-tħejjija tad-deżerti.[12]

Preservazzjoni

immodifika
 
Veduta ta' Riomaggiore mill-baħar

Fl-1998, il-Ministeru Taljan għall-Ambjent stabbilixxa ż-żona marina naturali protetta taċ-Cinque Terre sabiex iħares l-ambjent naturali u sabiex jippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku kompatibbli mal-pajsaġġ naturali taż-żona. Illum il-ġurnata, miljuni ta' viżitaturi jżuruha kull sena.[13] Fl-1999, inħoloq il-Park Nazzjonali taċ-Cinque Terre biex jiġi kkonservat il-bilanċ ekoloġiku, jiġi protett il-pajsaġġ, u jiġu ssalvagwardjati l-valuri antropoloġiċi taż-żona. Minkejja dan, in-nuqqas ta' interess fil-kultivazzjoni u fiż-żamma tar-raba' mtarraġ wassal għal theddida fit-tul għaż-żona kollha.[14] Għal din ir-raġuni, fis-sena 2000 u fl-2002 iċ-Cinque Terre ddaħħlu fil-World Monuments Watch mill-Fond Dinji għall-Monumenti.[15] L-organizzazzjoni żgurat għotjiet finanzjarji mingħand American Express biex jiġi appoġġat l-istudju tal-konservazzjoni taċ-Cinque Terre. Wara l-istudju, inħoloq pjan ta' ġestjoni taż-żona.

 
Veduta ta' Monterosso al Mare mill-baħar

Irħula ġirien

immodifika
  • Bonassola
  • La Spezia
  • Lerici
  • Levanto
  • Porto Venere
  • Sarzana
  • Volastra

Ġemellaġġ

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Portovenere, Cinque Terre, and the Islands (Palmaria, Tino and Tinetto)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  2. ^ "Villages all but wiped out as storms batter Italy's 'Cinque Terre'". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2022-03-15.
  3. ^ M. Agnoletti; A. Errico; A. Santoro; A. Dani; F. Preti (2019). "Terraced Landscapes and Hydrogeological Risk. Effects of Land Abandonment in Cinque Terre (Italy) during Severe Rainfall Events". Sustainability. MDPI. 11 (1): 235. ISSN 2071-1050.
  4. ^ Vail, Corinne. "10 Tips For A Cinque Terre Trip - Reflections Enroute" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  5. ^ "Cinque Terre: Prices and timetable of boats in Cinque Terre". www.incinqueterre.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  6. ^ "Paths and Outdoor | Parco Nazionale delle Cinque Terre". www.parconazionale5terre.it (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  7. ^ Poets, Academy of American. "The Lemon Trees by Eugenio Montale - Poems | Academy of American Poets". poets.org. Miġbur 2022-03-15.
  8. ^ "Eugenio Montale and the Literary Park". www.e-cinqueterre.com. Miġbur 2022-03-15.
  9. ^ Italiano, Touring Club; Ricordo, Fondazione italiana Buon (1931). Guida gastronomica d'Italia-Introduzione alla Guida gastronomica d'Italia (rist. anast. 1931) (bit-Taljan). Touring Editore. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  10. ^ "Search". www.italia.it (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  11. ^ Nast, Condé (2021-04-28). "How Disney and Pixar's 'Luca' Built a Fictional Town Using the Best Parts of Cinque Terre". Condé Nast Traveler (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
  12. ^ "Limoncino or Limoncello? In the Cinque Terre only Limoncino!" (bl-Ingliż). 2015-08-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-24. Miġbur 2022-03-15.
  13. ^ "Le 5 terre : Decreto AMP". web.archive.org. 2008-12-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-01. Miġbur 2022-03-15.
  14. ^ "Le 5 terre : Decreto". web.archive.org. 2009-02-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-27. Miġbur 2022-03-15.
  15. ^ "Cinque Terre". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.