Eugenio Montale

poeta, kittieb u ġurnalist Taljan (1898-1981)

Eugenio Montale ([euˈdʒɛːnjo monˈtaːle]; twieled fit-12 ta' Ottubru 1896 – miet fit-12 ta' Settembru 1981) kien poeta, kittieb tal-proża, editur u traduttur Taljan, kif ukoll rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1975.[1]

Eugenio Montale
Senatur għall-Għomor

13 Ġunju 1967 - 12 Settembru 1981
Ħajja
Twelid Genova, 12 Ottubru 1896
Nazzjonalità Italja
Renju tal-Italja
L-ewwel lingwa Taljan
Mewt Milan, 12 Settembru 1981
Post tad-dfin Ċimiterju ta' San Felice a Ema
Familja
Missier Domenico Montale
Omm Giuseppina Ricci
Konjuga/i Drusilla Tanzi  (23 Lulju 1962 -  20 Ottubru 1963)
Aħwa
uri
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
ġurnalist
traduttur
politiku
librar
prożatur
editur
kritiku tal-mużika
kritiku letterarju
Post tax-xogħol Ruma
Impjegaturi Gabinetto Vieusseux (en) Translate  (1929 -  1938)
Xogħlijiet importanti Ossi di seppia (en) Translate
Le occasioni
La bufera e altro
Satura (en) Translate
Xenia (en) Translate
Dinard butterfly (en) Translate
Auto da fé (en) Translate
Premjijiet
Nominat għal
uri
  • [[Premju Nobel għal-Letteratura]]
    (1955)
    [[Premju Nobel għal-Letteratura]]
    (1961)
Servizz militari
Iġġieldu L-Ewwel Gwerra Dinjija

Bijografija immodifika

Ħajja bikrija immodifika

Montale twieled f'Genova. Il-familja tiegħu kienu kummerċjanti tal-prodotti kimiċi (missieru kien ifornixxi l-azjenda ta' Italo Svevo). In-neputija tal-poeta, Bianca Montale, fil-Cronaca famigliare ("Kronaka tal-familja") tagħha tal-1986 tiddeskrivi l-karatteristiċi komuni tal-familja bħala "fraġilità nervuża, mistħija, konċiżi meta jitkellmu, tendenza li dejjem jaraw it-tazza nofsha vojta, u ċerti sens umoristiku".

Montale kien l-iżgħar minn sitt ulied. Huwa fakkar:

Konna familja kbira. L-aħwa subien kienu jmorru l-iscagno ["uffiċċju" bid-djalett ta' Genova]. Oħti kellha edukazzjoni universitarja, iżda jien ma kellix dik l-opportunità. F'ħafna familji kien hemm id-drawwa li ma jkunx mistenni li l-iżgħar wild iżomm ir-reputazzjoni tal-familja.

Fl-1915 Montale ħadem bħala kontabilista, iżda tħalla jkompli jindokra l-passjoni letterarja tiegħu, u kien iżur il-libreriji tal-belt u jattendi l-lezzjonijiet privati tal-filosofija ta' oħtu Marianna. Huwa studja wkoll il-kant tal-opri mal-baritonu Ernesto Sivori.

Montale kien kollox ma' kollox awtodidatta. Hu u jikber, l-immaġinazzjoni tiegħu bdiet timraħ lejn ħafna kittieba, inkluż Dante Alighieri, u beda jistudja l-lingwi barranin (speċjalment l-Ingliż), kif ukoll il-pajsaġġi tal-Lvant tal-Liguria, fejn kien iqatta' l-vaganzi mal-familja tiegħu.[2]

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, bħala membru tal-Akkademja Militari ta' Parma, Montale staqsa biex jintbagħat fil-front. Wara esperjenza qasir fil-gwerra bħala uffiċjal tal-fanterija f'Vallarsa u l-Wied ta' Puster, huwa rritorna d-dar fl-1920.

Xogħlijiet poetiċi immodifika

Montale kiteb iktar minn għaxar antoloġiji ta' lirika qasira, ġurnal tat-traduzzjoni tal-poeżiji, kif ukoll diversi kotba ta' traduzzjonijiet tal-proża, żewġ kotba ta' kritika letterarja, u ktieb tal-proża ta' fantasija. Flimkien max-xogħol immaġinattiv tiegħu, huwa kien kontributur kostanti fl-iktar gazzetta importanti fl-Italja, il-Corriere della Sera, fejn kiteb għadd enormi ta' artikli dwar il-letteratura, il-mużika u l-arti. Huwa kiteb ukoll daħla għal "Il-Kummiedja Divina" ta' Dante, fejn isemmi l-kredibbiltà ta' Dante, u l-introspezzjoni u l-immaġinazzjoni imparzjali tiegħu. Fl-1925 huwa kien firmatarju tal-Manifest tal-Intellettwali Anti-Faxxisti. Politikament Montale kien ixaqleb lejn il-liberaliżmu ta' Piero Gobetti u Benedetto Croce.[3][4]

Ix-xogħol ta' Montale, speċjalment l-ewwel ġabra ta' poeżiji tiegħu, Ossi di seppia, li tfaċċat fl-1925, turih bħala anti-Faxxista li kien iħossu mbiegħed mill-ħajja kontemporanja u kien isib il-faraġ u l-kenn fis-solitudni tan-natura.

Poeżija famuża ta' Ossi di seppia tispiċċa b'dawn iż-żewġ versi:

Codesto solo oggi possiamo dirti, ciò che non siamo, ciò che non vogliamo.

Traduzzjoni: Dan biss nistgħu ngħidulek illum, x'ma aħniex, u x'ma rridux.

Il-pajsaġġ Mediterran tar-reġjun fejn twieled Montale, il-Liguria, kienet preżenza b'saħħitha f'dawn il-poeżiji bikrin: permezz tagħhom kien jirnexxilu jikseb xorta ta' "twarrib personali" fid-dawl tal-avvenimenti ta' niket ta' madwaru. Dawn il-poeżiji jenfasizzaw is-solitudni u l-empatija personali fir-rigward ta' affarijiet "żgħar" u "insinifikanti", jew fir-rigward tal-orizzont u l-baħar. Skont Montale, in-natura hija "deżolata, goffa, u ssaħħrek". F'dinja mimlija telf u mrar, in-natura biss kienet donnha għandha dinjità – l-istess bħall-esperjenzi tal-qarrej meta jaqra l-poeżiji tiegħu.

Antikonformiżmu tal-poeżiji l-ġodda immodifika

Montale mar jgħix f'Firenze fl-1927 biex jaħdem bħala editur għall-pubblikatur Bemporad. Firenze kienet in-nieqa tal-poeżija Taljana ta' dak iż-żmien, b'xogħlijiet bħall-Canti orfici ta' Dino Campana (1914) u l-ewwel lirika ta' Giuseppe Ungaretti għar-rivista Lacerba. Poeti oħra bħal Umberto Saba u Vincenzo Cardarelli kienu ġew imfaħħrin ferm. Fl-1929 Montale ntalab ikun il-President tal-Librerija tal-Gabinetto Vieusseux, kariga li ġie mkeċċi minnha fl-1938 mill-gvern Faxxista. Sa dak iż-żmien, il-poeżija ta' Montale kienet reazzjoni kontra l-istil letterarju tar-reġim Faxxist.[5] Huwa kkollabora mar-rivista Solaria, u (mill-1927) beda jsir midħla tal-kafetterija letterarja ta' Le Giubbe Rosse ("Il-Ġkieket Ħomor") fi Piazza Vittoria (issa Piazza della Repubblica). Huwa spiss kien iżur il-kafetterija diversi drabi matul il-jum, u sar figura ċentrali fost grupp ta' kittieba hemmhekk, fosthom Carlo Emilio Gadda, Arturo Loria u Elio Vittorini (kollha kemm huma fundaturi tar-rivista).[6] Huwa kiteb għal kważi r-rivisti letterarji importanti kollha ta' żmienu.

Għalkemm kien imxekkel minn problemi finanzjarji u mill-konformiżmu letterarju u soċjali impost mill-awtoritajiet, f'Firenze Montale ppubblika l-ifjen antoloġija tiegħu, Le occasioni ("L-Okkażjonijiet", 1939). Mill-1933 sal-1938 huwa kellu relazzjoni ta' mħabba ma' Irma Brandeis, studjuża Lhudija-Amerikana ta' Dante li okkażjonalment kienet iżżur l-Italja għal perjodi qosra. Wara li sar iħobb lil Brandeis, Montale rrappreżentaha bħala figura medjatriċi bħal Beatrice ta' Dante. L-antoloġija Le occasioni fiha diversi allużjonijiet għal Brandeis, u fiha tissejjaħ Clizia (a senhal). Franco Fortini ġġudika lil Ossi di seppia u Le occasioni ta' Montale bħala t-timbru eċċellenti tal-poeżija Taljana tas-seklu 20.

T. S. Eliot, li kien jikkondividi l-ammirazzjoni ta' Montale għal Dante, kien influwenza importanti fuq il-poeżija tiegħu dak iż-żmien; fil-fatt, il-poeżiji l-ġodda ta' Eliot intwerew lil Montale minn Mario Praz, li dak iż-żmien kien jgħallem f'Manchester. Il-kunċett tal-korrelattiv oġġettiv li kien juża Montale fil-poeżija tiegħu, x'aktarx li kien influwenzat minn T. S. Eliot. Fl-1948, meta Eliot għalaq sittin sena, Montale kkontribwixxa b'saġġ ċelebrattiv bit-titlu "Eliot u Aħna" f'kollezzjoni ppubblikata biex tfakkar l-okkażjoni ta' għeluq sninu.[7]

Nuqqas ta' armonija mad-dinja immodifika

Mill-1948 sa mewtu, Montale għex f'Milan. Wara l-gwerra, huwa kien membru tal-Partito d'Azione li kien partit liberali. Bħala kontributur tal-Corriere della Sera huwa kien editur tal-mużika u kien jagħmel rapporti barranin ukoll, pereżempju minn Iżrael, fejn mar bħala ġurnalist biex isegwi ż-żjara tal-Papa Pawlu VI hemmhekk. Ix-xogħlijiet tiegħu bħala ġurnalist huma miġbura f'Fuori di casa tal-1969.[8]

La bufera e altro ġie ppubblikat fl-1956 u jimmarka t-tmiem tal-iktar poeżiji rinomati ta' Montale. Hawnhekk il-personaġġ tiegħu Clizia tingħaqad ma' La Volpe ("Il-Volpi"), abbażi tal-poeta żagħżugħa Maria Luisa Spaziani li Montale kellu relazzjoni magħha matul is-snin 50 tas-seklu 20. Madankollu, dan il-volum jinkludi wkoll lil Clizia, ittrattata f'varjetà ta' poeżiji qisha xi alla għasfur li tmur kontra Hitler. Dawn huma wħud mill-aqwa poeżiji tiegħu.

Xogħlijiet oħra tiegħu huma Xenia (1966), Satura (1971) u Diario del '71 e del '72 (1973). Il-poeżija ta' Montale ta' wara dan il-perjodu fiha x'tomgħod u hija ironika, b'riferimenti fuq ir-reazzjoni kritika għax-xogħol bikri tiegħu u fuq id-dinja ta' madwaru f'evoluzzjoni kontinwa. Satura fiha eleġija qawwija lil martu Drusilla Tanzi. Huwa kiteb ukoll sensiela ta' poeżiji li jmissu l-qlub dwar Clizia ftit qabel ma miet. Il-fama ta' Montale sa dak iż-żmien kienet saret waħda internazzjonali. Huwa kien ingħata lawriji onorarji mill-Universitajiet ta' Milan (1961), Cambridge (1967) uRuma (1974), u ġie maħtur Senatur għall-Għomor fis-Senat Taljan. Fl-1973 ingħata l-Girlanda tad-Deheb fil-Lejliet tal-Poeżija ta' Struga, fi Struga stess, il-Maċedonja ta' Fuq.[9] Fl-1975 huwa rċieva l-Premju Nobel għal-Letteratura. Montale miet f'Milan fl-1981.

Fl-1996, feġġ xogħol imsejjaħ Diario postumo li ngħad li kien ġie "kkumpilat" minn Montale qabel mewtu, bl-għajnuna tal-poeta żagħżugħa Annalisa Cima; il-krititku Dante Isella huwa tal-fehma li dan ix-xogħol mhuwiex awtentiku.[10] Joseph Brodsky iddedika s-saġġ tiegħu "Fid-Dell ta' Dante" lill-poeżija lirika ta' Eugenio Montale.

Lista ta' xogħlijiet immodifika

  • 1925: Ossi di seppia, l-ewwel u t-tieni edizzjoni, 1928, b'sitt poeżiji ġodda u introduzzjoni minn Alfredo Gargiulo; it-tielet edizzjoni, 1931, Lanciano: Carabba
  • 1932: La casa dei doganieri e altre poesie, ħames poeżiji ppubblikati b'assoċjazzjoni mal-premju msejjaħ Premio del Antico Fattore lil Montale; Firenze: Vallecchi
  • 1939: Le occasioni, Torino: Einaudi
  • 1943: Finisterre, ktieb ta' poeżiji, imdaħħal l-Iżvizzera minn taħt minn Gianfranco Contini; Lugano: the Collana di Lugano (24 June); it-tieni edizzjoni, 1945, Firenze: Barbèra
  • 1948: Quaderno di traduzioni, traduzzjonijiet, Milan: Edizioni della Meridiana
  • 1948: La fiera letteraria, kritika poetika
  • 1956: La bufera e altro, l-ewwel edizzjoni ta' 1,000 kopja, Venezja: Neri Pozza; it-tieni edizzjoni ikbar ġiet ippubblikata fl-1957, Milan: Arnaldo Mondadore Editore
  • 1956: Farfalla di Dinard, stejjer, edizzjoni privata
  • 1962: Satura, poeżija, ippubblikat f'edizzjoni privata, Verona: Officina Bodoni
  • 1962: Accordi e pastelli, Milan: Scheiwiller (Mejju)
  • 1966: Il colpevole
  • 1966: Auto da fé: Cronache in due tempi, kritika kulturali, Milan: Il Saggiatore
  • 1966: Xenia, poeżiji f'ġieħ Mosca, ippubblikat l-ewwel darba f'edizzjoni privata ta' 50 kopja
  • 1969: Fuori di casa, kollezzjoni ta' kitbiet tal-ivvjaġġar
  • 1971: Satura (1962–1970) (Jannar)
  • 1971: La poesia non esiste, proża; Milan: Scheiwiller (Frar)
  • 1973: Diario del '71 e del '72, Milan: Arnoldo Mondadori Editore (edizzjoni privata ta' 100 kopja ppubblikata fl-1971)
  • 1973: Trentadue variazioni, edizzjoni ta' 250 kopja, Milan: Giorgio Lucini
  • 1977: Quaderno di quattro anni, Milan: Mondadori
  • 1977: Tutte le poesie, Milan: Mondadori
  • 1980: L'opera in versi, l-edizzjoni ta' Bettarini-Contini; ippubblikata fl-1981 bħala Altri verse e poesie disperse, pubblikatur: Mondadori
Tradotti meta Montale kien ħaj
  • 1966: Ossi di seppia, Le occasioni, and La bufera e altro, translated by Patrice Angelini into French; Paris: Gallimard
  • 1978: The Storm & Other Poems, translated by Charles Wright into English (Oberlin College Press), ISBN 0-932440-01-0
Wara mewtu
  • 1981: Prime alla Scala, kritika mużikali, editjat minn Gianfranca Lavezzi; Milan: Mondadori
  • 1981: Lettere a Quasimodo, editjat minn Sebastiano Grasso; pubblikatur: Bompiani
  • 1982: The Second Life of Art: Selected Essays, tradott minn Jonathan Galassi (Ecco), ISBN 0-912946-84-9
  • 1983: Quaderno genovese, editjat minn Laura Barile; ġurnal mill-1917, ippubblikat għall-ewwel darba f'din is-sena; Milan: Mondadori
  • 1987: The Occasions, Tradott minn William Arrowsmith, Norton, New York u Londra.
  • 1990: The Coastguard’s House / La casa dei doganieri : Selected Poems (Bloodaxe Books, Newcastle-upon-Tyne).
  • 1991: Tutte le poesie, editjat minn Giorgio Zampa. Jonathan Galassi jsostni li dan il-ktieb huwa "l-iktar edizzjoni komprensiva tal-poeżiji ta' Montale".
  • 1996: Diario postumo: 66 poesie e altre, editjat minn Annalisa Cima; Milan: Mondadori
  • 1996: Il secondo mestiere: Arte, musica, società and Il secondo mestierre: Prose 1929–1979, edizzjoni b'żewġ volumi li tinkludi l-kitbiet ippubblikati kollha ta' Montale; editjat minn Giorgio Zampa; Milan: Mondadori
  • 1998: Satura : 1962-1970 / tradott bin-noti minn William Arrowsmith (New York, Norton).
  • 1999: Collected Poems, trandott minn Jonathan Galassi (Carcanet) (Premju għat-Traduzzjoni ta' Oxford-Weidenfeld)
  • 2004: Selected Poems, tradott minn Jonathan Galassi, Charles Wright u David Young (Oberlin College Press), ISBN 0-932440-98-3
  • 2016: Xenia (Arc Publications). ISBN 978-1-910345-53-5. Verżjoni bilingwi, tradott minn Mario Petrucci, rebbieħ tal-Premju PEN għat-Traduzzjoni tal-2016, innominat fl-2018 għall-Premju John Florio.
  • 2017: Montale's Essential: The Poems of Eugenio Montale in English, tradott minn Alessandro Baruffi (Literary Joint Press), ISBN 978-1-387-21585-0

Referenzi immodifika

  1. ^ "The Nobel Prize in Literature 1975". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
  2. ^ "Villa Montale Apartment I Limoni · Via Privata Montale, 19016 Monterosso al mare SP, Italy". Villa Montale Apartment I Limoni · Via Privata Montale, 19016 Monterosso al mare SP, Italy (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
  3. ^ Sarti, Roland (2009). Italy: A Reference Guide from the Renaissance to the Present. Infobase Publishing. p. 417.
  4. ^ Ceallachain, Eanna (2017). Eugenio Montale: The Poetry of the Later Years. Routledge.
  5. ^ Eco, Umberto. "Ur-Fascism" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  6. ^ Eugenio Montale, Collected Poems 1920–1954, translated and edited by Jonathan Galassi, New York: Farrar, Straus and Giroux, 1998, ISBN 0-374-12554-6.
  7. ^ Montale, Eugenio. "Eliot and Ourselves." F'T. S. Eliot: A Symposium, editjat minn Richard March u Tambimuttu, pp. 190–195. Londra: Editions Poetry, 1948.
  8. ^ Cambon, Glauco (2014). Eugenio Montale's Poetry: A Dream in Reason's Presence. Princeton University Press. p. 189.
  9. ^ "Eugenio Montale | Струшки вечери на поезијата". web.archive.org. 2014-02-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-02. Miġbur 2021-09-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "Archivio Corriere della Sera". archivio.corriere.it. Miġbur 2021-09-13.