Villa Romana del Casale
Il-Villa Romana del Casale (bl-Isqalli: Villa Rumana dû Casali) hija villa Rumana elaborata jew palazz madwar tliet kilometri 'l bogħod mir-raħal ta' Piazza Armerina, Sqallija. Permezz ta' skavi ħarġet fid-dieher waħda mill-ikbar u mill-iktar kollezzjonijiet rikki u varjati ta' mużajk Ruman fid-dinja.[1] Għal din ir-raġuni, is-sit tniżżel fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Il-villa u l-opri tal-arti ta' ġo fiha jmorru lura għall-bidu tas-seklu 4 W.K.
Il-mużajk u l-opus sectile ta' mal-art ikopru xi 3,500 metru kwadru u huma kważi uniċi fl-istat eċċellenti ta' preservazzjoni tagħhom minħabba ċediment tal-art u għargħar li kienu radmu u għattew il-fdalijiet.[3]
Għalkemm huma inqas magħrufa, hemm kollezzjonijiet straordinarja ta' affreski li kienu jkopru mhux biss il-kmamar minn ġewwa iżda anke minn barra fuq il-ħitan tagħhom.
Storja
immodifikaIl-fdalijiet viżibbli tal-villa nbnew fl-ewwel kwart tas-seklu 4 W.K. fuq il-fdalijiet ta' villa rustica iktar antika, li huma l-pars dominica, jew ir-residenza tal-imgħallem, ta' latifundium kbir jew villa agrikola.
L-identità tas-sid ilha tiġi diskussa u ġew ifformulati bosta ipoteżi differenti. Xi karatteristiċi bħall-armi militari Tetrarkiċi u d-data Tetrarkika probabbli tal-mużajk wasslu biex xi studjużi jissuġġerixxu sid imperjali bħal Massimjanu. Madankollu, fl-2011 l-istudjużi bdew jemmnu li l-villa kienet iċ-ċentru ta' proprjetà kbira ta' xi ħadd aristokratiku ta' livell għoli mis-Senat.[4]
Ġew identifikati tliet fażijiet ta' kostruzzjoni suċċessivi; l-ewwel fażi kienet tinvolvi l-peristil kwadrangolari u l-kmamar ta' faċċata tagħhom. Il-kumpless ta' banjijiet privati mbagħad ġie miżjud fuq assi mit-Tramuntana għall-Punent. Fit-tielet fażi, il-villa ngħatat bixra pubblika: il-banjijiet ingħataw daħla ġdida u latrina kbira. Inbniet daħla monumentali grandjuża, barra l-assi lejn il-peristil iżda allinjata mad-daħla l-ġdida tal-banjijiet f'arranġament formali mal-arkata ellittika u s-sala l-kbira bi tliet apsidi. Din is-sala kienet tintuża għad-divertiment u għar-rilassament tal-mistednin speċjali u ssostitwiet iż-żewġ swali statali tal-peristil (is-“sala tal-kaċċa ż-żgħira” u d-“diaeta ta' Orfeo”). Il-bażilika twessgħet u ġiet iddekorata b'irħam sabiħ u eżotiku.
Il-kumpless baqa' abitat għal mill-inqas 150 sena. Madwaru żviluppa villaġġ imsejjaħ Platia (isem il-villaġġ oriġina mill-kelma palatium (li tfisser palazz).
Fis-sekli 5 u 6, il-villa ġiet iffortifikata għal skopijiet difensivi bit-tħaxxin tal-ħitan tal-perimetru tagħhu u bl-għeluq tal-arkati tal-akkwedott li kienu jagħtu għall-banjijiet. Il-villa ġarrbet xi ħsarat u x'aktarx saħansitra nqerdet matul id-dominju qasir tal-Vandali bejn l-469-478. Il-binjiet ta' barra baqgħu jintużaw, mill-inqas parzjalment, matul il-perjodi tal-Biżantini u tal-Għarab. L-insedjament inqered fl-1160-1161 matul ir-renju ta' William I. Is-sit ġie abbandunat fis-seklu 12 W.K. wara li ċediment tal-art radam il-villa u għattiha. Dawk li baqgħu ħajjin marru jgħixu fil-post fejn issa hemm Piazza Armerina.
Il-villa kważi ntesiet għalkollox, għalkemm uħud mill-itwal partijiet tal-fdalijiet baqgħu dejjem viżibbli 'l fuq mill-art. Iż-żona ġiet ikkultivata għall-għelejjel. Fil-bidu tas-seklu 19, instabu biċċiet tal-mużajk u xi kolonni. L-ewwel skavi arkeoloġiċi twettqu iktar 'il quddiem f'dak is-seklu.
L-ewwel skavi professjonali twettqu minn Paolo Orsi fl-1929, segwiti mix-xogħol ta' Giuseppe Cultrera fl-1935–1939. Saru skavi maġġuri għall-ħabta tal-1950–1960 immexxija minn Gino Vinicio Gentili, u mbagħad inbniet għata protettiva fuq il-mużajk. Fis-snin 70 tas-seklu 20, Andrea Carandini wettaq skavi fis-sit. Ix-xogħol kompla sa żminijietna mill-Università ta' Ruma, La Sapienza. Fl-2004 instab insedjament Medjevali kbir tas-sekli 10-12. Minn dak iż-żmien 'l hawn ġew żvelati iktar kmamar lussużi tal-villa.
Latifundium u l-villa
immodifikaFl-aħħar ta' żmien il-qedem, ir-Rumani qasmu l-biċċa l-kbira tal-art fuq ġewwa ta' Sqallija f'proprjetajiet agrikoli enormi msejħa "latifundia". Il-latifundium tal-villa ġiet ikkwotata fl-Itinerarium Antonini u hija magħrufa bħala l-Filosofiana. Il-pars rustica tal-villa, jew is-sezzjoni agrikola, ġiet skoperta fil-Punent taż-żona tad-daħla, kif jidher ċar minn kamra maqsuma fi tliet partijiet permezz ta' pilastri għall-ħażna tal-prodotti agrikoli. Id-daqs tal-villa u l-ammont u l-kwalità tal-opri tal-arti tagħha jindikaw li kienet il-pars dominica ta' tali latifundium.
Il-villa tant kienet kbira li kienet tinkludi diversi kmamar statali u ta' riċeviment. Dan jirrifletti l-ħtieġa li jiġu ssodisfati għadd ta' funzjonijiet differenti u li tinkludi spazji għall-immaniġġjar tal-proprjetà kif ukoll tal-villa stess. B'hekk il-villa ġiet ittrasformata f'qisha belt fiċ-ċokon. Il-villa x'aktarx li kienet residenza permanenti jew semipermanenti tas-sid; kienet il-post fejn is-sid, fir-rwol tiegħu bħala patrun, kien jilqa' lill-klijenti lokali tiegħu.
Il-villa kienet binja b'sular wieħed, iċċentrata fuq il-peristil, u fil-madwar kienu organizzati l-biċċa l-kbira tal-kmamar pubbliċi u privati ewlenin. Id-daħla monumentali tagħti mill-atriju mill-Punent. Il-banjijiet termali jinsabu fil-Majjistral; il-kmamar tas-servizz u x'aktarx il-kmamar tal-mistednin jinsabu fit-Tramuntana; l-appartamenti privati u bażilika enormi fil-Lvant; u kmamar bi skop mhux magħruf fin-Nofsinhar. Kemxejn għaliha, u kważi qisha idea ta' kostruzzjoni li twettqet wara, hemm żona separata fin-Nofsinhar li fiha peristil ellittiku, kmamar tas-servizz, u triclinium (kamra taċ-ċeni formali) enormi.
Il-pjanta kumplessiva tal-villa kienet dettata minn diversi fatturi: kostruzzjonijiet iktar antiki fis-sit, kemxejn pendil fejn inbniet il-villa, u l-mogħdija tax-xemx u tal-irjieħ prevalenti. L-art iktar għolja fil-Lvant fiha l-Bażilika l-Kbira, l-appartamenti privati, u l-Kuritur tal-Kaċċa l-Kbira; l-art medja fiha l-Peristil, il-kmamar tal-mistednin, iż-żona tad-daħla, il-Peristil Ellittiku, u t-triclinium; filwaqt li l-art iktar baxxa fil-Punent fiha l-banjijiet termali.
Il-kumpless kollu huwa pjuttost mhux tas-soltu, peress li huwa organizzat tul tliet assi maġġuri; l-assi primarju huwa l-linja (kemxejn mgħawġa) li tgħaddi mill-atriju, mit-tablinum, mill-peristil u mill-bażilika l-kbira (u tinzerta mal-mogħdija li jgħaddu minnha l-viżitaturi). Il-banjijiet termali u l-peristil ellittiku mat-triclinium huma ċċentrati fuq assi separati.
Ma tantx nafu wisq fuq il-villa iktar antika, iżda milli jidher kienet xi residenza kbira fil-kampanja li x'aktarx inbniet lejn il-bidu tas-seklu 2 W.K.
Permezz ta' skavi reċenti nstab kumpless ieħor ta' banjijiet qrib l-imħażen fid-daħla li jmur lura għall-aħħar fażi ta' żmien il-qedem, u nstab mużajk rari mal-ħitan li kienu parti minn baċir jew funtana.
Daħla monumentali
immodifikaL-aċċess għall-villa kien minn daħla bi tliet arkati, iddekorata bil-funtani u pitturi militari, qisha xi arkata trijonfali. Din kienet tagħti lejn bitħa b'għamla ta' nagħla mdawra b'kolonni tal-irħam b'kapitelli Joniċi u funtana kwadra fin-nofs. Fuq in-naħa tal-Punent tal-bitħa kien hemm latrina, kif ukoll aċċess separat għall-banjijiet u għall-kumplament tal-villa.
Ġnien bil-peristil u l-kmamar tan-Nofsinhar
immodifikaIl-ġnien bil-peristil eleganti huwa mżejjen b'funtana bi tliet baċiri, u fin-nofs tagħha hemm dekorazzjonijiet ta' ħut jgħum qalb il-mewġ. Il-kmamar 33 u 34 kienu ddedikati għal funzjonijiet ta' servizz u fihom mużajk b'motivi ġeometriċi, filwaqt li l-kamra 34 fiha wkoll mużajk li sar fuq l-art oriġinali tal-villa preċedenti, li juri kompetizzjonijiet atletiċi femminili, u għalhekk tissejjaħ "il-kamra tal-palestriti".
Fin-naħa tan-Nofsinhar ukoll hemm l-hekk imsejħa diaeta ta' Orfeo, li hija kampra b'apsida mżejna b'mużajk notevoli ta' Orfeo. Kif kien drawwa, il-mużajk juri lil Orfeo jdoqq il-lira taħt siġra u jimmansa kull xorta ta' annimal bil-mużika tiegħu. X'aktarx, din il-kamra kienet tintuża bħala kamra taċ-ċeni fis-sajf, jew abbażi tas-suġġett tal-mużajk, għat-tgawdija tal-mużika.
Bażilika
immodifikaDin is-sala grandjuża b'apsida kienet sala tal-udjenzi u l-iżjed kamra formali fil-villa, aċċessata minn daħla monumentali kbira maqsuma b'żewġ kolonni tal-granit Eġizzjan roża. Fid-daħla hemm art miksija b'opus sectile polikromatiku ta' tipi differenti tal-irħam minn kull naħa tal-Mediterran, li hija l-iktar dekorazzjoni rikka fil-villa u kienet miksija wkoll mal-ħitan. Dan it-tip ta' irħam, iktar milli l-mużajk, kien materjal bl-ikbar prestiġju fid-dinja Rumana.
L-iskavi wrew li l-volta tal-apsida kienet imżejna b'mużajk tal-ħġieġ.
Triclinium u peristil ellittiku
immodifikaFuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-villa hemm peristil ellittiku, b'nymphaeum f'għamla ta' semiċirku fuq in-naħa tal-Punent. Fil-bitħa miftuħa kien hemm funtani ħerġin mill-pavimentar bil-mużajk.
Il-peristil ellittiku jifforma introduzzjoni spettakolari għat-triclinium lussuża bi tliet apsidi, is-sala l-kbira li tiftaħ lejn il-Lvant. Din fiha sensiela mill-isbaħ ta' mużajk, iddominata fin-nofs mill-għedewwa li ltaqa' magħhom Erkole fit-tnax-il biċċa xogħol li kellu jwettaq. Fl-apsida tat-Tramuntana hemm l-apoteożi tiegħu kkurunata b'Ġove, filwaqt li lejn il-Lvant hemm il-Ġganti b'riġlejn qishom tas-sriep fl-aħħar ta' ħajjithom wara li Erkole laqathom bil-vleġeġ. Fl-apsida tan-Nofsinhar hemm il-mit ta' Likurgu li pprova joqtol in-ninfea Ambrosia, iżda li ġie ċċirkondat bid-dwieli u ġie attakkat minn folla ta' Minadi.
Mużajk
immodifikaKompetizzjoni atletika
immodifikaFl-1959-1960, Gentili skava mużajk fuq l-art ta' kamra li ġiet identifikata bħala l-"Kamra tal-Ġinnasti", u mlaqqma wkoll bħala l-"Kamra tal-Għaxar Tfajliet" (Sala delle Dieci Ragazze bit-Taljan). Is-suġġetti tal-opra tal-arti jidhru f'mużajk li l-istudjużi tawh l-isem ta' "Inkurunazzjoni tar-Rebbieħ". Diversi atleti nisa jidhru jikkompetu fl-isport bħall-erfigħ tal-piżijiet, it-tfigħ tad-discus, il-ġiri, u logħbiet bil-ballun. Fuq in-naħa t'isfel fuq ix-xellug hemm uffiċjal liebes toga li qed iżomm it-trofej tar-rebbieħ (kuruna u fergħa tal-palm), u r-rebbieħa stess tidher inkurunata fin-nofs tal-mużajk. Ingħatat ħafna attenzjoni lill-ilbies tal-kompetituri b'żewġ biċċiet li qishom il-bikinis moderni.[5][6]
Il-Kaċċa ż-Żgħira
immodifikaMużajk ippreservat ieħor fih xena tal-kaċċa, li tinkludi rġiel jikkaċċjaw bil-klieb u jaqbdu varjetà ta' annimali slavaġ.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Villa Romana del Casale ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
immodifika- ^ R. J. A. Wilson: Piazza Armerina. In: Akiyama, Terakazu (Ed.): The Dictionary of Art. Vol. 24: Pandolfini to Pitti. Oxford 1998, ISBN 0-19-517068-7.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Villa Romana del Casale". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-20.
- ^ Unesco, "Advisory Body Evaluation (ICOMOS)", 1997.
- ^ "Pensabene, Patrizio; Gallocchio, Enrico (2011). "The Villa del Casale of Piazza Armerina" (PDF). Expedition Magazine. University of Pennsylvania Museum of Archaeology and Anthropology. 53 (2): 35" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-08-31. Miġbur 2022-02-20.
- ^ "Villa Romana del Casale - Sicilian Unesco World Heritage". www.valdinoto.com. Miġbur 2022-02-20.
- ^ Brouwers, Josho. "Roman girls in "bikinis" - A mosaic from the Villa Romana del Casale". Ancient World Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-20.