Songo Mnara
Songo Mnara huwa insedjament storiku Swahili li jinsab fuq il-Gżira ta' Songo Mnara f'Pande Mikoma, fid-Distrett ta' Kilwa tar-Reġjun ta' Lindi tat-Tanzanija. Il-gżira tospita raħal tal-ġebel Swahili Medjevali. Ir-raħal tal-ġebel kien okkupat mis-sekli 14 sa 16.[1] Songo Mnara tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien mar-raħal tal-ġebel ta' Kilwa Kisiwani fil-qrib.[2][3] B'kollox, l-arkeologi sabu sitt moskej, erba' ċimiterji u tnax-il blokka ta' djar flimkien ma' spazji miftuħa inkorporati fil-gżira.[4] Songo Mnara nbena bil-qroll grezz u t-tkaħħil.[5] Dan ir-raħal tal-ġebel inbena bħala wieħed mill-bosta rħula kummerċjali fl-Oċean Indjan. Is-sit huwa rreġistrat bħala Sit Storiku Nazzjonali.[6]
Konfigurazzjoni tal-Irħula Swahili
immodifikaL-arkeologi ilhom janalizzaw il-konfigurazzjoni tal-irħula tal-ġebel tul il-kosta Swahili, u ffukaw l-iktar fuq ir-rabta bejn il-moskej u d-djar, sabiex jifhmu r-rwol tal-kosta Swahili fil-kultura Iżlamika, il-funzjonijiet ta' rħula speċifiċi, u l-proċess ekonomiku u ritwali kumpless tas-sjieda tal-art. L-ispazji miftuħa fl-irħula kienu jintużaw għal skopijiet funzjonali u għall-organizzazzjoni soċjali. Iċ-ċimiterji jinsabu kemm fi ħdan il-ħitan tar-raħal kif ukoll 'il barra minnhom. Il-konfigurazzjoni ta' Songo Mnara hija tipika tal-irħula tal-ġebel tul il-kosta Swahili, għalkemm il-ħajt ta' dan is-sit huwa karatteristika unika.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Fdalijiet ta' Kilwa Kisiwani u l-Fdalijiet ta' Songo Mnara ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Skavi
immodifikaL-iskavi għenu lill-arkeologi jifhmu aħjar l-istili ta' għajxien f'Songo Mnara. Bosta żoni differenti ġew skavati, inkluż diversi mill-iktar minn 40 dar madwar ir-raħal tal-ġebel. Tħaffru trunċieri fid-Dar Nru 44, fid-Dar Nru 23 'il barra miż-żona tad-djar, qrib qabar u qrib bir. Instabu bosta tipi differenti ta' artefatti, għalkemm uħud ġew irkuprati minn ġod-djar skavati. L-arkeologi mmappjaw u rreġistraw is-sejbiet li għamlu.
Id-Dar Nru 44 kienet żona importanti ta' riċerka minħabba l-kumplessità tal-kmamar u l-fatt li kienet dar ta' indivdwu. Din id-dar sarulha skavi f'kull kamra, u kull trunċiera ngħatat numru differenti. Kien hemm unità ta' prova ta' 1x1 metru fil-kamra tal-Lbiċ, li tħaffret bil-galbu minħabba s-saffi taċ-ċeramika. L-iskavi waqfu meta laqtu l-livell ta' ġibs taħt l-art tad-dar. Kien hemm unità oħra fil-Lbiċ tad-dar ta' madwar 4x2.25 metri. Instabu wkoll bċejjeċ taċ-ċeramika f'din il-kamra. Il-kamra ta' wara kienet fiċ-ċentru tad-dar, fejn instab ġibs u qroll qalb is-saffi ta' radam. F'din il-kamra, l-iskavi waqfu fl-art tal-ġibs. Saru skavi wkoll fil-kamra tad-daħla, fil-kamra tal-Lbiċ u fil-kamra ta' wara tad-dar. Il-bċejjeċ taċ-ċeramika li nstabu mid-Dar Nru 44 kienu tas-seklu 15.
Id-Dar Nru 23 tinsab fin-naħa tal-Lbiċ ta' Songo Mnara. Minħabba n-nuqqas ta' ħin, minn din id-dar ittieħdu biss xi kampjuni minflok ma saru skavi bir-reqqa kollha kif suppost. Tħaffret unità ta' 4x1 metru fl-ispazju miftuħ intern tad-dar. Matul l-iskavi ġew żvelati xi tarġiet, flimkien ma' art magħmula mis-saff ewlieni tal-qroll. Il-kamra ta' wara kienet kamra ċentrali u tħaffret unità ta' 2x2 metri. Ma kien hemm l-ebda art tal-ġibs kif instab fid-Dar Nru 44.
Id-Djar Nri 31, 40 u 34 ġew skavati matul proġett ta' skola f'Songo Mnara li sar fl-2011. Saret riċerka preliminari matul proġett ieħor ta' skola fl-2009. Matul l-iskavi tal-2009 l-arkeologi sabu sitt żoni fi ħdan id-dar ta' Songo Mnara. Mill-ġdid instabu artijiet tal-ġibs f'kull dar kif ukoll xi artefatti. Instabu bċejjeċ taċ-ċeramika f'waħda mid-daħliet li x'aktarx li rat ħafna attività. Il-kamra ta' wara li ġiet ittestjata ma rriżultatx li kellha l-attività tal-kmamar ta' quddiem peress li kienet żbarazzata wisq meta mqabbel mal-kmamar ta' quddiem. Matul il-proġetti tal-iskola msemmija hawn fuq, instabu muniti tat-tip ta' Kilwa taħt l-art. L-informazzjoni kollha li nstabet f'dawn id-djar uriet mhux biss li l-ispazju miftuħ kien kondiviż, iżda anke li d-djar tas-sit kienu kondiviżi.
Matul il-proġett ta' skola tal-2009, saru skavi fl-ispazji miftuħa ta' Songo Mnara. L-attività kollha ġiet imqassma skont l-istrutturi li jisseparaw l-ispazji privati mill-ispazju pubbliku. Meta wieħed iħares lejn is-sit mil-lenti arkeoloġika, hemm abbundanza ta' attività li tista' tinsilet mis-saffi ta' bċejjeċ taċ-ċeramika u artefatti oħra. Instabu wkoll muniti fl-ispazji miftuħa. Matul il-proġett ta' skola tal-2011 f'Songo Mnara, l-ispazju miftuħ ġie investigat ukoll b'fosos ta' prova bl-għarbiel u bil-kazzola, din id-darba bit-tir li jaraw x'informazzjoni setgħet tagħti l-ħamrija dwar is-sit. Tħaffru wkoll trunċieri kbar, li abbażi tal-artefatti li nstabu wrew li l-żoni kienu jintużaw għall-attivitajiet tad-dar.[7]
Matul l-proġett ta' skola tal-2011, ġew investigati l-moskej, għad-differenza tal-proġett tal-2009 f'Songo Mnara. Il-moskea ċentrali ġiet investigata biex tinġabar iktar informazzjoni dwar is-sit ta' Songo Mnara. B'ħarsa lejn l-oqbra, ħareġ fid-dieher li n-nies tal-post kellhom għal qalbhom lin-nies li difnu.[8]
Studju li sar fl-2023 minn Brielle u oħrajn wassal għall-iskavi tal-fdalijiet mis-sit arkeoloġiku biex jiġu analizzati l-mudelli tad-DNA bħala parti minn proġett ikbar ta' traċċar tat-taħlita barranija tad-DNA tul il-kosta Swahili. L-analiżi tad-DNA tal-qedem tlestiet fuq il-fdalijiet umani ta' seba' individwi ta' Songo Mnara sabiex jiġu ddeterminati l-proporzjonijiet ta' sekwenzi tad-DNA "simili għal dawk tal-Afrikani, tal-Persjani u tal-Indjani". Madankollu, l-arkeologi u l-ġenetisti ma rnexxielhomx jipproduċu data soda għal bosta mill-individwi ta' Songo Mnara. L-analiżi tad-DNA wriet li mill-inqas individwu wieħed ta' Songo Mnara jista' jiġi kkollokat fil-mudell tad-DNA tal-qedem tat-tliet reġjuni msemmija. Kienet disponibbli biżżejjed evidenza tad-DNA li kienet tindika nisel Persjan. Madankollu, għadd ikbar ta' kampjuni u ta' "data ta' kwalità ogħla" kienu jżidu l-ammont ta' konklużjonijiet li setgħu jinsiltu minn dan is-sit.[9]
L-introduzzjoni ta' DNA barranija ġiet stmata li seħħet bejn is-708 u l-1219 W.K. Madankollu, l-awturi tal-istudju jindikaw li x'aktarx seħħ fuq "diversi ġenerazzjonijiet" u li minn dak iż-żmien 'il quddiem kien hemm taħlita ta' popolazzjonijiet Ewrasjatiċi u Afrikani. Dawn ir-riżultati huma konsistenti mal-ġrajjiet irrakkontati permezz tal-Kronaka ta' Kilwa.[10]
Ġeoarkeoloġija
immodifikaSongo Mnara hija gżira mibnija fuq is-saff ewlieni tal-blat u fuq sottoswol ramli. Il-prossimità tagħha għall-epiċentru ta' Kilwa Kisiwani u l-okkupazzjoni limitata tagħha għamluha żona favorevoli għar-riċerka ġeoarkeoloġika. Fl-2011 ittieħdu kampjuni tal-ħamrija minn Songo Mnara, u l-ġeoarkeologi wettqu analizijiet kimiċi u fitolitiċi mikrostratigrafiċi sabiex jisiltu liema materjal ġie depożitat b'mod naturali u liema ġie depożitat mir-residenti umani. Ġew ittestjati żewġ spazji miftuħa: wieħed fit-Tramuntana ta' Songo Mnara, u wieħed fin-Nofsinhar tas-sit. Ittieħdu wkoll kampjuni tar-radam mill-kmamar u mill-artijiet tad-djar. Fil-kampjuni mid-Dar Nru 44 instab għadd kbir ta' palm fitolitiku, li ma kienx okkorrenza naturali.[11][12][13]
Muniti tat-tip ta' Kilwa
immodifikaIl-muniti jmorru lura għas-sekli 11 sa 16. Il-maġġoranza tal-muniti kienu leġġibbli. Dawn instabu permezz tat-trunċieri tal-iskavi li saru f'Songo Mnara, l-iktar fis-saffi tal-art. Il-muniti li nstabu fis-sit kienu tat-tip ta' Nāsir al-Dunya, ta' ‘Ali bin al-Hasan, u ta' al-Hasan bin Sulaimān. Il-muniti tat-tip ta' Nāsir al-Dunya ma setgħux jinqraw faċilment minħabba li ma tantx kienu ppreservati sew. Il-biċċa l-kbira tal-muniti tat-tip ta' Kilwa għandhom il-kitba ta' ‘Ali b. al-Hasan fuqhom. Il-muniti jaf tħallew fil-wiċċ minn nies oħra, għaliex huma ta' żmien qabel l-okkupazzjoni tas-sit.[14]
Kummerċ
immodifikaIl-kummerċ tul il-kosta Swahili kien ivarja miċ-Ċina, mill-Indja u minn pajjiżi oħra li kienu jwettqu kummerċ fl-Oċean Indjan. Meta wieħed iħares lejn min kien iwettaq kummerċ mar-residenti ta' Songo Mnara, isib evidenza ta' bċejjeċ taċ-ċeramika miċ-Ċina u mix-Xlokk tal-Asja. Il-bċejjeċ taċ-ċeramika Ċiniża kienu tal-porċellana b'lewn blu u abjad u l-oġġetti tal-ġebel kienu gglejżjati bl-aħdar u jmorru lura għas-seklu 14. Il-biċċiet tax-Xlokk tal-Asja ma kinux igglejżjati u kienu joriġinaw minn Thi. Ammont żgħir biss ta' oġġetti importati nstabu minħabba l-agrikoltura fis-sit. Il-bċejjeċ taċ-ċeramika f'Songo Mnara kienu oġġetti ta' skambju.[15]
Dokumentazzjoni bl-istħarriġ tridimensjonali bil-laser
immodifikaBejn l-2005 u l-2009, il-kumpanija Zamani Project iddokumentat uħud mill-fdalijiet Swahili ta' Songo Mnara permezz tal-istħarriġ terrestri tridimensjonali bil-laser. L-istrutturi ddokumentati ta' Songo Mnara jinkludu: il-palazz, il-moskea u għadd ta' binjiet residenzjali. Uħud mill-mudelli tridimensjonali żviluppati, veduti panoramiċi, elevazzjonijiet, sezzjonijiet u pjanti tas-sit huma disponibbli fuq is-sit web tal-kumpanija.[16]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Stoetzel, Jack (2011). "Field Report: Archaeological Survey of Songo Mnara Island". Nyame Akuma. 76: 9–14.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ruins of Kilwa Kisiwani and Ruins of Songo Mnara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-10.
- ^ Welham, K.; Fleisher, J.; Cheetham, P.; Manley, H.; Steele, C.; Wynne-Jones, S. (2014). "Geophysical Survey in Sub-Saharan Africa: Magnetic and Electromagnetic Investigation of UNESCO World Heritage Site of Songo Mnara, Tanzania". Archaeological Prospection. 21 (4): 255–262.
- ^ Fleisher, Jeffrey; Wynne-Jones, Stephanie (2012). "Finding Meaning in Ancient Swahili Spatial Practices". African Archaeological Review. 29 (2–3): 171–207.
- ^ Fleisher, Jeffery. "How Public Space is Used in Ancient Cities: The Case of Songo Mnara, a Medieval Swahili City in Tanzania" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-12-22. Miġbur 2024-01-10.
- ^ "Siti tal-Qedem tat-Tanzanija" (PDF).
- ^ Wynne-Jones, Stephanie; Fleisher, Jeffrey (June 2010). "Archaeological Investigation at Songo Mnara, Tanzania, 2009". Nyame Akuma. 73: 2–9.
- ^ Wynne-Jones, Stephanie; Fleisher, Jeffrey (December 2011). "Archaeological Investigations at Songo Mnara, Tanzania, 2011". Nyame Akuma. 76: 3–8.
- ^ Brielle, Esther S.; Fleisher, Jeffrey; Wynne-Jones, Stephanie; Sirak, Kendra; Broomandkhoshbacht, Nasreen; Callan, Kim; Curtis, Elizabeth; Iliev, Lora; Lawson, Ann Marie; Oppenheimer, Jonas; Qiu, Lijun; Stewardson, Kristin; Workman, J. Noah; Zalzala, Fatma; Ayodo, George (March 2023). "Entwined African and Asian genetic roots of medieval peoples of the Swahili coast". Nature. 615 (7954): 866–873.
- ^ Brielle, Esther S.; Fleisher, Jeffrey; Wynne-Jones, Stephanie; Sirak, Kendra; Broomandkhoshbacht, Nasreen; Callan, Kim; Curtis, Elizabeth; Iliev, Lora; Lawson, Ann Marie; Oppenheimer, Jonas; Qiu, Lijun; Stewardson, Kristin; Workman, J. Noah; Zalzala, Fatma; Ayodo, George (March 2023). "Entwined African and Asian genetic roots of medieval peoples of the Swahili coast". Nature. 615 (7954): 866–873.
- ^ Sulas, Federica; Madella, Marco (2012). "Archaeology at the micro-scale: micromorphology and phytoliths at a Swahili stonetown". Archaeological and Anthropological Sciences. 4 (2): 145–159.
- ^ Fleisher, Jeffrey (2014). "The complexity of public space at the Swahili town of Songo Mnara, Tanzania". Journal of Anthropological Archaeology. 35: 1–22.
- ^ Wynne-Jones, Stephanie (2013). "The public life of the Swahili stonehouse, 14th-15th centuries AD". Journal of Anthropological Archaeology. 32 (4): 759–773.
- ^ Fleisher, Jeffrey; Wynne-Jones, Stephanie (2010). "Kilwa-type coins from Songo Mnara, Tanzania: New Finds and Chronological Implications". The Numismatic Chronicle. 179: 491–506.
- ^ Zhao, Bing (March 2012). "Global Trade and Swahili Cosmopolitan Material Culture: Chinese-Style Ceramic Shards from Sane ya Kati and Songo Mnara (Kilwa, ,Tanzania)". Journal of World History. 23: 41–85.
- ^ "Site - Songo Mnara - Swahili monuments". zamaniproject.org. Miġbur 2024-01-10.