Seokguram

grotta artifiċjali Buddista fil-Korea t'Isfel

Seokguram, jew il-Grotta ta' Seokguram, hija eremitaġġ u parti mill-kumpless tat-Tempju ta' Bulguksa. Tinsab erba' kilometri fil-Lvant tat-tempju fuq l-Għolja Tohamsan, f'Gyeongju, il-Korea t'Isfel. Hija kklassifikata bħala t-Teżor Nazzjonali Nru 24 mill-gvern tal-Korea t'Isfel u tinsab f'994, Jinhyeon-dong, Gyeongju-si, Gyeongsanbuk-do. Il-grotta artifiċjali tħares lejn il-Baħar tal-Ġappun (jew il-Baħar tal-Lvant), madwar 750 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Fl-1962 is-sit ġie ddeżinjat bħala l-24 Teżor Nazzjonali tal-Korea t'Isfel. Fl-1995, Seokguram żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mat-Tempju ta' Bulguksa.[1][2] Tħaddan fiha wħud mill-aqwa eżempji ta' skulturi Buddisti fid-dinja.[3]

Il-veduta frontali ta' Seokguram minn ġewwa

Seokguram jingħad li nbniet minn Kim Daeseong u oriġinarjament kienet imsejħa Seokbulsa (석불사, Tempju tal-Buddha tal-Ġebel). Il-kostruzzjoni bdiet fis-742 meta Kim Daeseong irriżenja mill-kariga tiegħu fil-qorti tar-re jew fis-751, l-għaxar sena tar-renju tar-Re Gyeongdeok tas-Silla. Dan il-perjodu kien il-quċċata kulturali tas-Silla Magħquda. Il-grotta tlestiet mill-qorti tas-Silla fis-774, ftit wara l-mewt ta' Kim Daeseong. Leġġenda antika ssostni li Kim ġie reinkarnat minħabba għemilu fil-ħajja preċedenti tiegħu. Il-leġġenda tgħid li t-Tempju ta' Bulguksa kien iddedikat lill-ġenituri ta' Kim fil-ħajja preżenti tiegħu, filwaqt li Seokguram kienet iddedikata lill-ġenituri ta' Kim fil-ħajja preċedenti tiegħu.

Il-grotta attwalment hija waħda mill-iżjed destinazzjonijiet kulturali magħrufa fil-Korea t'Isfel. Xi ħaġa popolari ferm hija tlugħ ix-xemx fuq il-baħar, li hija viżibbli minn ħdejn il-post fejn tinsab bilqiegħda l-istatwa tal-Buddha.

Arkitettura immodifika

 
Seokguram minn barra

It-tradizzjoni tat-tinqix tax-xbieha tal-Buddha fil-ġebel, ta' xbihat sagri u ta' stupi fl-irdumijiet u fl-għerien naturali bdiet fl-Indja. Din il-prattika ġiet ittrasferita lejn iċ-Ċina u mbagħad lejn il-Korea t'Isfel. Il-ġeoloġija tal-Peniżola Koreana, li fiha abbundanza ta' granit iebes, mhijiex adattata għat-tinqix tal-immaġnijiet tal-ġebel fl-irdumijiet. Seokguram hija grotta artifiċjali magħmula mill-granit u għandha disinn uniku. Id-daqs żgħir tal-grotta jindika li x'aktarx kienet tintuża b'mod esklużiv mill-familja rjali tas-Silla.

Seokguram tissimbolizza vjaġġ spiritwali fin-Nirvana. Il-pellegrini suppost kellhom jibdew il-pellegrinaġġ tagħhom fit-Tempju ta' Bulguksa jew taħt l-Għolja Tohamsan li kienet sagra għas-Silla.[4] Fid-daħla tas-santwarju kien hemm funtana fejn il-pellegrini kienu jbaħbħu wiċċhom biex jiffriskaw. Fil-grotta, l-antikamra u l-kuritur jirrappreżentaw id-Dinja, filwaqt li r-rotunda tirrappreżenta l-ġenna.

Il-konfigurazzjoni bażika tal-grotta tinkludi daħla bi ħnejja li tagħti għal antikamra rettangolari u mbagħad għal kuritur dejjaq mimli bassoriljievi, li finalment jagħti għar-rotunda prinċipali. L-oġġett ċentrali tas-santwarju tal-granit huwa statwa tal-Buddha bilqiegħda fis-sala prinċipali. L-identità tal-Buddha għadha fil-mira ta' għadd ta' dibattiti. Il-Buddha jidher bilqiegħda fuq tron tal-lotus b'riġlejh ġo xulxin.[5] Il-Buddha għandu espressjoni hienja ta' meditazzjoni. L-istatwa tal-Buddha hija mdawra bi ħmistax-il pannell ta' bodhisattvas, arhats u allat Indjani tal-qedem fir-rotunda u hija akkumpanjata minn għaxar statwi f'niċeċ mal-ħajt tar-rotunda. Is-sala prinċipali ta' Seokguram tospita statwa Bojon ta' Bodhisattva u d-dixxipli tiegħu. Erbgħin figura differenti fil-grotta jirrappreżentaw il-prinċipji u t-tagħlimiet Buddisti. Il-grotta nbniet madwar dawn l-istatwi biex tipproteġihom mill-elementi. Is-saqaf tal-grotta ta' Seokguram hija mżejna b'nofs qmura; il-parti ta' fuq hija mżejna bil-fjura tal-lotus. L-arkitetti tas-Silla użaw is-simetrija u milli jidher ħadmu bil-kunċett tar-rettangolu tad-deheb.

Il-grotta hija msawra b'mijiet ta' ġebliet differenti tal-granit. Ma ntużax tkaħħil fil-kostruzzjoni tagħha; l-istruttura hija mirfuda flimkien permezz ta' rivets tal-ġebel. Il-kostruzzjoni tal-grotta użat ukoll il-ventilazzjoni naturali. Il-koppla tar-rotunda hija 6.84 metri b'6.58 metri bħala djametru.[6]

Skultura fil-grotta immodifika

 
Struttura tal-injam b'qanpiena fid-daħla tas-sit ta' Seokguram u t-Tempju ta' Bulguksa

Il-Buddha prinċipali tal-grotta hija opra tal-arti Buddista notevoli.[7] Hija għolja 3.5 metri u tinsab bilqiegħda fuq pedestall b'għamla ta' lotus twil 1.34 metu. Il-Buddha huwa realistiku fl-għamla tiegħu u x'aktarx li jirrappreżenta lil Seokgamoni Buddha; il-pożizzjoni ta' idejn il-Buddha tissimbolizza l-illuminazzjoni. Il-Buddha għandu wkoll usnisa, jiġifieri simbolu tal-għerf. L-ilbies tal-Buddha, bħat-tinjiet b'għamla ta' mrewħa fejn riġlejn il-Buddha jiġu f'xulxin, huwa eżempju tal-interpretazzjonijiet Koreani tal-prototipi Indjani. Għad-differenza ta' statwi oħra tal-Buddha li għandhom raġġiera mehmuża wara r-ras, il-Buddha ta' Seokguram joħloq l-illużjoni ta' raġġiera bit-tqegħid ta' għamla tonda tal-granit imnaqqxa bil-petali tal-lotus fuq il-ħajt ta' wara tar-rotunda. Il-pedestall huwa magħmul minn tliet partijiet; il-partijiet ta' fuq u ta' taħt huma mnaqqxin bil-petali tal-lotus filwaqt li x-xaft ċentrali jikkonsisti minn tmien pilastri.

Flimkien mal-Buddha prinċipali, hemm ir-riljievi ta' tliet bodhisattvas, għaxar dixxipli, u żewġ allat Induisti tul il-ħajt tar-rotunda. Għaxar statwi ta' bodhisattvas, qaddisin, u l-fidili jinsabu fin-niċeċ 'il fuq mill-bassoriljievi. L-għaxar dixxipli kienu dixxipli ta' Seokgamoni u qegħdin ħamsa fuq kull naħa tal-Avalokitesvara. Il-fattizzi tagħhom jissuġġerixxu influwenza Griega. Iż-żewġ bodhisattvas huma ta' Manjusri u ta' Samantabhadra. Iż-żewġ allat Induisti huma Brahma u Indra.

L-Erba' Rejiet tas-Smewwiet donnhom qegħdin għassa tal-kuritur. Hemm ukoll xbihat ta' Vajrapanis, li huma l-figuri gwardjani u jinsabu mal-ħitan tad-daħla għall-kuritur, fl-antikamra. Tmien Divinitajiet Gwardjani jżejnu l-antikamra.

Figura notevoli oħra hija l-Avalokitesvara bi ħdax-il wiċċ, il-Bodhisattva tal-Kompassjoni. Tinsab fuq il-ħajt ta' wara tar-rotunda u hija għolja 2.18 metri. Din il-figura hija waħda biss mill-bassoriljievi li jħarsu 'l quddiem; l-oħrajn iħarsu lejn il-ġenb. L-Avalokitesvara liebsa kuruna, libsa b'għadd ta' drappijiet u ġojjellerija, u f'idejha żżomm vażun bi fjura tal-lotus.

Żewġ statwi min-niċeċ u pagoda tal-irħam li jingħad li fl-imgħoddi kienu jinsabu quddiem l-Avalokitesvara huma neqsin mill-grotta; jingħad li nsterqu mill-Ġappuniżi.

Rikostruzzjoni immodifika

Minħabba l-perjodi twal ta' abbandun u bosta rinnovazzjonijiet, ħafna dettalji huma dibattuti fost l-istudjużi, fosthom il-konfigurazzjoni eżatta tal-grotta oriġinali, il-binjiet fit-Tempju ta' Bulguksa jew l-għamla tal-mogħdija tal-ilma, li ma għadhiex teżisti, quddiem it-tempju.

Fl-1703 u fl-1758 saru xi tiswijiet u titjib, matul id-dinastija Joseon.[8] Madankollu, il-mexxejja orjentati lejn il-Konfuċjaniżmu għakksu l-Buddiżmu, u l-grotta remota fil-muntanji ġarrbet ħsarat serji lejn il-bidu tas-seklu 20. Il-Ġeneral Magħżul tal-Gvern wettaq xogħlijiet ta' restawr tliet darbiet, iżda xorta waħda baqgħu l-problemi tal-umdità u problemi oħra.

Il-Ġappun għamel l-ewwel sensiela ta' tiswijiet mill-1913 sal-1915. Dawn it-tiswijiet saru mingħajr biżżejjed studju tal-grotta. Matul l-isforzi ta' tindif tal-Ġappuniżi, l-istruttura tal-grotta ġiet kważi żarmata għalkollox u assemblata mill-ġdid. Żball kbir li għamlu l-Ġappuniżi kien it-tentattiv tagħhom li jistabbilizzaw l-istruttura b'involukru miksi bil-konkos, li dak iż-żmien kienet l-iktar teknoloġija avvanzata. Dan wassal biex tinġema' l-umdità u biex jgħaddi l-ilma ġewwa, u kkawża l-erożjoni tal-iskulturi peress li l-grotta ma setgħetx "tieħu n-nifs" iktar. Fl-1917, il-katusi tad-dranaġġ indifnu fuq il-koppla biex l-ilma tax-xita jittieħed lil hinn mill-grotta. Madankollu, peress li xorta baqa' dieħel l-ilma, saru sensiela oħra ta' tiswijiet mill-1920 sal-1923. Intuża asfalt impermeabbli għal wiċċ il-konkos, li kompla jiggrava l-problema. Bdiet tifforma l-moffa u l-indewwa, u fl-1927 il-metodu tal-isprejjar tal-istim sħun (xi ħaġa li ma baqgħetx issir fi żminijietna) intuża għat-tindif tal-iskulturi.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fis-snin 60 tas-seklu 20, il-President Park Chung Hee ordna li jsir proġett ewlieni ta' restawr. Il-problema tal-kontroll tat-temperatura u tal-umdità ġiet solvuta sa ċertu punt bl-użu ta' sistemi mekkaniċi. Is-sovrastruttura tal-injam li nbniet fuq l-antikamra għadha kwistjoni ta' dibattitu għal bosta storiċi li jemmnu li Seokguram oriġinarjament ma kellhiex struttura simili li timblokka l-veduta tat-tlugħ ix-xemx fuq l-oċean, u li taqta' l-fluss tal-arja fil-grotta.

Attwalment wieħed jista' jara l-grotta minn ġewwa biss wara ħajt tal-ħġieġ, li ġie installat bħala protezzjoni mill-bosta turisti li jżuruha u mill-bidla fit-temperatura.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
L-istatwa tal-Buddha mill-qrib

Il-Grotta ta' Seokguram u t-Tempju ta' Bulguksa ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Destinations by Region : VisitKorea Destinations by Region Gyeongju Seokguram Grotto [UNESCO World Heritage] (경주 석굴암 [유네스코 세계문화유산]) | Official Korea Tourism Organization". english.visitkorea.or.kr (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-30.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Seokguram Grotto and Bulguksa Temple". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-30.
  3. ^ Behnke, Alison. South Korea in Pictures. 2005, ISBN 9780822519089.
  4. ^ Leece, Sharon; Nelson, Kerry; Brown, Stephanie. Treasures of the Dragon. ISBN 9789881702647.
  5. ^ Jinyoung, Lim; Lyong, Ryoo Seong (16 April 2014). K-architecture: Tradition Meets Modernity. ISBN 9788973755820.
  6. ^ Jinyoung, Lim; Lyong, Ryoo Seong. K-architecture: Tradition Meets Modernity. ISBN 9788973755820.
  7. ^ Uk, Kwak Dongseok and Huh Hyeong (2015-07-08). SCULPTURES OF UNIFIED SILLA: 통일신라의 조각 (bl-Ingliż). 국립중앙박물관. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  8. ^ Charles, Victoria. 1000 Buddhas of Genius. ISBN 9781783104635.