San Gimignano
San Gimignano ([san dʒimiɲˈɲaːno]) huwa raħal Medjevali żgħir bis-swar fl-għoljiet fil-provinċja ta' Siena, it-Toskana, fit-Tramuntana ċentrali tal-Italja. Huwa magħruf ukoll bħala r-Raħal tat-Torrijiet Sbieħ. San Gimignano huwa famuż għall-arkitettura Medjevali tiegħu, unika minħabba l-preservazzjoni ta' madwar tnax-il dar bit-torrijiet, li flimkien mal-pajsaġġ fl-għoljiet u s-swar, jiffurmaw "pajsaġġ li min jarah ma jinsieh qatt". Fi ħdan is-swar, il-binjiet ippreservati sew jinkludu eżempji notevoli tal-arkitettura Rumaneska u Gotika, b'eżempji straordinarji ta' binjiet lajċi kif ukoll ta' knejjes. Il-Palazzo Comunale, il-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin fihom l-affreski, inkluż ċikli li jmorru lura għas-sekli 14 u 15. Iċ-"Ċentru Storiku ta' San Gimignano" huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Ir-raħal huwa magħruf ukoll għaż-żagħfran, il-Perżut tad-Deheb, u l-inbid abjad tiegħu, il-Vernaccia ta' San Gimignano, prodotti mill-varjetà antika tal-għenba Vernaccia li titkabbar mal-ġnub tal-għoljiet tal-blat ramli taż-żona.[2][3]
San Gimignano | ||
---|---|---|
Italja | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Pajjiż | Italja | |
Region of Italy | Toskana | |
Provinċja tal-Italja | Provinċja ta' Siena | |
Kodiċi postali |
53037u 53030 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 43°28′04″N 11°02′36″E / 43.467719°N 11.043221°EKoordinati: 43°28′04″N 11°02′36″E / 43.467719°N 11.043221°E | |
Superfiċjenti | 138.6 kilometru kwadru | |
Għoli | 324 m | |
Fruntieri ma' | Certaldo, Colle di Val d'Elsa (en) , Poggibonsi (en) , Gambassi Terme (en) , Barberino Tavarnelle (en) u Volterra (en) | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 7,480 abitanti (1 Jannar 2023) | |
Informazzjoni oħra | ||
Kodiċi tat-telefon |
0577 | |
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | |
bliet ġemellati | Meersburg (en) , Český Krumlov, Mestia (en) , Clermont-l'Hérault (en) u Ludwigshafen (en) | |
comune.sangimignano.si.it |
Territorju
immodifikaIl-muniċipalità ta' San Gimignano hija estiża fuq 138 km² u tinsab fuq għolja fil-wied ta' Val d'Elsa. Id-differenza fl-altitudni tvarja bejn minimu ta' 64 metru mil-livell tal-baħar fil-pjanura tax-xmara Elsa ħdejn Certaldo u massimu ta' 631 metru fiż-żona ta' Cornocchio.[4]
Storja
immodifikaFis-seklu 3 Q.K. kien hemm villaġġ żgħir tal-Etruski fil-post fejn illum hemm San Gimignano. Il-kronisti Lupi, Coppi u Pecori jirrakkontaw li matul il-konfoffa ta' Katilina kontra r-Repubblika Rumana fis-seklu 1 W.K., żewġ aħwa patrizji, Muzio u Silvio, ħarbu minn Ruma u marru lejn Valdelsa fejn bnew żewġ kastelli f'Mucchio u f'Silvia (li issa hija San Gimignano). L-isem ta' Silvia nbidel għal San Gimignano fl-450 W.K. wara li l-Isqof Gimignano, il-Qaddis ta' Modena, intervjena biex isalva l-kastell mill-qerda tas-segwaċi ta' Attila tal-Unni.[5] B'riżultat ta' dan, inbniet knisja li ġiet iddedikata lill-qaddis, u fis-sekli 6 u 7 żviluppa villaġġ bis-swar madwaru, li sussegwentement ġiet imsejħa l-"Kastell ta' San Gimignano" jew il-Kastell tal-Foresta minħabba l-bosk estensiv li kien hemm fil-madwar. Mid-929 ir-raħal ġie mmexxi mill-isqfijiet ta' Volterra.[6]
Fil-Medju Evu u fir-Rinaxximent, dan kien punt fejn kienu jieqfu l-pellegrini Kattoliċi fi triqithom lejn Ruma u l-Vatikan, peress li jinsab fil-mogħdija Medjevali tal-Via Francigena.[5] L-iżvilupp tal-belt ittejjeb ukoll permezz tal-kummerċ ta' prodotti agrikoli mill-għoljiet għammiela tal-madwar, b'mod partikolari ż-żagħfran, li kien jintuża kemm fit-tisjir kif ukoll għall-għoti tal-kulur fid-drappijiet u fl-inbid Vernaccia, li jingħad li kien ta' ispirazzjoni għall-Papiet u għall-poeti.[6]
Fl-1199, il-belt għamlet lilha nnifisha indipendenti mill-isqfijiet ta' Volterra u stabbiliet podestà, filwaqt li arrikkiet il-komun bil-knejjes u bil-binjiet pubbliċi. Madankollu, il-paċi tar-raħal ġiet iddisturbata għaż-żewġ sekli ta' wara minħabba kunflitt bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, u piki bejn il-familji fi ħdan San Gimignano. Dan wassal biex il-familji f'kompetizzjoni ma' xulxin bnew djar bit-torrijiet, waħda itwal mill-oħra. Lejn l-aħħar tal-Medju Evu, kien hemm 72 dar bit-torrijiet, uħud minnhom twal saħansitra sa 70 metru (230 pied). Ir-rivalità bejn il-familji trażżnet meta l-kunsill lokali ordna li l-ebda torri ma seta' jkun itwal minn dak maġenb il-Palazzo Comunale.[6]
Filwaqt li l-qaddis patrun uffiċjali huwa San Gimignano, ir-raħal jagħti ġieħ ukoll lil-Santa Fina, magħrufa wkoll bħala Serafina, li twieldet f'San Gimignano fl-1238 u li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-12 ta' Marzu. Il-Kappella ta' Santa Fina fil-Knisja Kolleġġjali tospita s-santwarju tagħha u fiha affreski ta' Ghirlandaio.[7] Id-dar fejn jingħad li kienet tgħix għadha teżisti fir-raħal.
Fit-8 ta' Mejju 1300, ir-raħal ta' San Gimignano ospita lil Dante Alighieri fir-rwol tiegħu bħala ambaxxatur tal-Lega tal-Gwelfi fit-Toskana.[6]
Ir-raħal iffjorixxa sal-1348, meta faqqgħet il-Pesta s-Sewda li affettwat lill-Ewropa kollha, u madwar nofs il-popolazzjoni tar-raħal mietet. Ir-raħal kellu jbaxxi rasu għat-tmexxija ta' Firenze. Inizjalment, xi binjiet Gotiċi nbnew bl-istil ta' Firenze, u bosta mit-torrijiet tnaqqsu sal-għoli tad-djar. Sussegwentement kien hemm ftit żvilupp, u San Gimignano baqa' ppreservat fil-qagħda Medjevali tiegħu sas-seklu 19, meta l-istatus tiegħu bħala post turistiku u artistiku ġie rrikonoxxut.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku ta' San Gimignano ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Deskrizzjoni
immodifikaSan Gimignano jinsab fil-quċċata ta' għolja u l-assi prinċipali tiegħu huwa mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Huwa mdawwar bi tliet livelli ta' ħitan u fl-ogħla punt tiegħu, lejn il-Punent, hemm il-fdalijiet ta' fortizza li ġġarrfet fis-seklu 16. Hemm tmien daħliet għar-raħal, stabbiliti fit-tieni livell ta' ħitan, li jmorru lura għas-sekli 12 u 13.[8] Id-daħliet prinċipali huma Porta San Giovanni fuq in-naħa tal-għolja estiża lejn in-Nofsinhar, Porta San Matteo lejn il-Majjistral u Porta San Jacopo lejn il-Grigal. It-toroq ewlenin huma Via San Matteo u Via San Giovanni, li jaqsmu r-raħal mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Fil-qalba tar-raħal hemm erba' pjazez: Piazza Duomo, fejn hemm il-Knisja Kolleġġjali; Piazza della Cisterna, Piazza Pecori u Piazza delle Erbe. Lejn it-Tramuntana tar-raħal hemm pjazza sinifikanti oħra, Piazza Agostino, fejn hemm il-Knisja ta' Santu Wistin. Il-postijiet fejn jinsabu l-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin u l-pjazez rispettivi tagħhom effettivament jaqsmu r-raħal f'żewġ reġjuni.
Attrazzjonijiet
immodifikaIr-raħal ta' San Gimignano għandu bosta eżempji ta' arkitettura Rumaneska u Gotika. Flimkien mal-knejjes u l-fortifikazzjonijiet Medjevali, hemm eżempji ta' arkitettura Rumaneska lajka u domestika li wieħed jista' jiddistingwi permezz tal-ħnejjiet tondi u ppuntati tagħhom, rispettivament. Karatteristika partikolari li hija tipika tar-reġjun ta' Siena hi li l-ħnejjiet tal-fetħiet huma iktar baxxi, b'koxox tal-bibien li spiss ikollhom it-tieni ħnejja iktar baxxa taħt ħnejja ppuntata jew b'għamla ta' semiċirku. Xi kultant kemm it-twieqi Rumaneski kif ukoll dawk Gotiċi għandhom għamla ta' żewġ ponot, b'żewġ fetħiet diviżi b'ċumbatura tal-ġebel taħt ħnejja waħdanija.[9]
Pjazez
immodifikaPiazza della Cisterna
immodifikaDin il-pjazza wieħed jidħol għaliha minn Via San Giovanni, u hija l-pjazza prinċipali tar-raħal. Għandha għamla triangolari u hija mdawra bi djar Medjevali li nbnew f'dati differenti, fosthom xi eżempji fini ta' binjiet Rumaneski u Gotiċi. Fin-nofs tal-pjazza hemm bir li kien l-għajn ewlieni ta' ilma għar-residenti tar-raħal. L-istruttura tmur lura għall-1346.[6] Għalkemm ħafna minnu ġie rinnovat fl-aħħar tas-seklu 20, partijiet tal-pavimentar imorru lura għas-seklu 13.[6]
Piazza Duomo
immodifikaDin il-pjazza tinsab fit-Tramuntana tal-Piazza della Cisterna u hija kkollegata b'passaġġ maġenb loġġa miftuħa. Lejn il-Punent, fil-parti ta' fuq tal-pjazza, hemm il-Knisja Kolleġġjali, li wieħed jasal għaliha b'taraġ wiesa'. Isem il-pjazza donnu jimplika li din il-knisja xi darba kienet katidral, iżda għalkemm x'aktarx kien ippjanat li ssir hekk, dan qatt ma twettaq. Xi binjiet importanti oħra fil-pjazza jinkludu l-Palazzo Comunale u l-Palazzo Podestà, is-sede tas-sindku. Il-Palazzo Podestà wieħed jagħrfu mill-ewwel mil-loġġa enormi bil-ħnejjiet.
Torrijiet
immodifikaFilwaqt li fi bliet oħra, bħal pereżempju Firenze, il-biċċa l-kbira tat-torrijiet jekk mhux kollha twaqqgħu minħabba gwerer, diżastri naturali jew immodernizzar urban, San Gimignano irnexxielu jikkonserva erbatax-il torri ta' daqsijiet differenti, u kiseb fama internazzjonali permezz tagħhom. It-torrijiet huma:
- Torri tal-Kampnar tal-Knisja Kolleġġjali
- Torri degli Ardinghelli
- Torre dei Becci
- Torre Campatelli
- Torre Chigi (1280)
- Torre dei Cugnanesi
- Torre del Diavolo
- Torre Ficherelli or Ficarelli
- Torre Grossa (1311)[10], 54 metru (177 pied)[11]
- Torre di Palazzo Pellari
- Casa-torre Pesciolini
- Torre Pettini
- Torre Rognosa, 51 metru (167 pied)
- Torri dei Salvucci
Knejjes
immodifikaFir-raħal hemm bosta knejjes: l-iktar tnejn prinċipali huma l-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin, li fihom bosta opri tal-arti minn artisti Rinaxximentali Taljani.
Il-Knisja ta' Pieve di Santa Maria f'Cèllole, villaġġ fil-muniċipalità, hija knisja rurali Rumaneska b'battisterju.
Binjiet ċiviċi
immodifikaIl-Palazzo Comunale, li darba kien is-sede tal-podestà, attwalment jospita gallerija tar-raħal, bix-xogħlijiet ta' Pinturicchio, Benozzo Gozzoli, Filippino Lippi, Domenico di Michelino, Pier Francesco Fiorentino u oħrajn. Mis-Sala ta' Dante fi ħdan il-Palazzo Comunale, wieħed jista' jaċċessa l-affresk Maesta ta' Lippo Memmi, kif ukoll it-Torre del Podestà jew Torre Grossa tal-1311, li huwa twil 54 metru (177 pied).[11]
Kultura
immodifikaF'San Gimignano twieled il-poeta Folgore da San Gimignano (1270–1332).
Fir-rumanz Where Angels Fear to Tread tal-1905 ta' E. M. Forster hemm verżjoni rumanzata ta' San Gimignano, imsejħa Monteriano.
Tea with Mussolini, dramm tal-1999 dwar il-karba tan-nisa Ingliżi u Amerikani espatrijati fl-Italja matul it-Tieni Gwerra Dinjija, inġibed parzjalment f'San Gimignano. L-affreski li n-nisa jsalvaw mill-qerda matul l-irtirar tal-Armata Ġermaniża jinsabu fid-Duomo, il-knisja prinċipali tar-raħal. Il-ġrajja ta' dan l-episodju, fil-biċċa l-kbira tiegħu, hija fittizja, peress li għalkemm hemm rapporti ta' tpattija maħsuba kontra r-raħal[12], ma teżisti l-ebda evidenza ta' pjan biex il-knejjes jinqerdu. Madankollu, ir-referenza għar-riskju ta' qerda kulturali hija storika, peress li l-Alleati bbumbardjaw iż-żona għal għaxart ijiem sħaħ.[13]
Franco Zeffirelli uża lil San Gimignano taparsi r-raħal ta' Assisi fil-film tiegħu tal-1972 dwar San Franġisk t'Assisi Fratello Sole, Sorella Luna. Il-biċċa l-kbira tax-xeni ta' Assisi fil-film fil-fatt inġibdu f'San Gimignano.
Fir-rumanz The Broker ta' John Grisham, Joel Backman jieħu lit-tieni mara tiegħu minn tlieta lejn l-Italja għal vaganza biex jikkonvinċiha ma tiddivorzjahx. Huma jikru monasteru tas-seklu 14 ħdejn San Gimignano għal xahar.
Il-litografija tal-1923 ta' M. C. Escher, San Gimignano, turi t-torrijiet famużi.
Verżjoni tas-seklu 15 tar-raħal tidher fil-logħba elettronika tal-2009 Assassin's Creed II.[14]
Gvern muniċipali
immodifikaSan Gimignano jitmexxa mis-sindku megħjun minn korp leġiżlattiv, il-consiglio comunale, u korp eżekuttiv, il-giunta comunale. Mill-1995, is-sindku u l-membri tal-consiglio comunale jiġu eletti direttament flimkien miċ-ċittadini residenti, filwaqt li mill-1945 sal-1995, is-sindku kien jintgħażel mill-korp leġiżlattiv. Il-President tal-giunta comunale huwa s-sindku, li jaħtar membri oħra bħala kunsilliera lokali msejħa assessori. Is-sede tal-uffiċċji tal-comune hija l-Palazzo Comunale li xi kultant jissejjaħ ukoll municipio.
Mill-1995, is-sindku ta' San Gimignano jiġi elett direttament miċ-ċittadini, oriġinarjament kull erba' snin, u iktar 'il quddiem kull ħames snin. Is-sindku attwali huwa Andrea Marrucci (PD), li ġie elett fis-26 ta' Mejju 2019 b'70.3 % tal-voti mixħuta.
Sindku | Bidu tal-mandat | Tmiem il-mandat | Partit | |
---|---|---|---|---|
Franco Nencioni | 24 ta' April 1995 | 14 ta' Ġunju 1999 | PDS | |
Marco Lisi | 14 ta' Ġunju 1999 | 8 ta' Ġunju 2009 | DS | |
Giacomo Bassi | 8 ta' Ġunju 2009 | 27 ta' Mejju 2019 | PD | |
Andrea Marrucci | 27 ta' Mejju 2019 | fis-seħħ | PD |
Ġemellaġġ
immodifikaSan Gimignano huwa ġemellat ma':
Fl-arti
immodifika- Affresk mal-ħajt f'Grossi Florentino, imwettaq minn studenti ta' Napier Waller taħt superviżjoni.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of San Gimignano". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-20.
- ^ "Vernaccia di San Gimignano Docg". web.archive.org. 2018-01-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-01-23. Miġbur 2022-02-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Vernaccia di San Gimignano". web.archive.org. 2012-11-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-20. Miġbur 2022-02-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "San Gimignano tour - Piccozzo agritour - appartamenti a Casciana Terme Lari Pisa" (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-20.
- ^ a b "StackPath". www.asangimignano.com. Miġbur 2022-02-20.
- ^ a b ċ d e f ġ von der Haegen, Anne Mueller; Strasser, Ruth (2001). Art and Architecture of Tuscany. Kőnemann. ISBN 3-8290-2652-8. pp. 430-433.
- ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 41-50.
- ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 5-6.
- ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 82-83.
- ^ Lafferty, Samantha (1 December 2011). Turkey Travel Adventures. Hunter Publishing, Inc. p. 203. ISBN 9781588436856.
- ^ a b DK Travel (2 May 2016). Family Guide Italy. Dorling Kindersley Ltd. p. 200. ISBN 9780241278383.
- ^ "ITALY (ENEMY VANDALISM) (Hansard, 1 August 1944)". api.parliament.uk. Miġbur 2022-02-20.
- ^ "San Gimignano - Casa Torre Margherita". www.casatorremargherita.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-02-20. Miġbur 2022-02-20.
- ^ Andy Kelly published (2017-03-09). "Revisiting the renaissance with Assassin's Creed 2". PC Gamer (bl-Ingliż).
- ^ Mcpherson, Don (3 November 2006). Ah! Tuscany: The Enlightenment of an Expatriate. Ah! Tuscany. p. 93. ISBN 9781598007671.
- ^ Грузия, Sputnik. "Грузинский курорт Местиа и итальянский Сан-Джиминьяно станут побратимами". Sputnik Грузия (bir-Russu). Miġbur 2022-02-20.