Ġlormu
San Ġlormu (347-430) kien saċerdot Nisrani u wieħed mis-Santi Padri, imsejħin Apoloġisti. Magħruf l-aktar għat-traduzzjoni tal-Bibbja għal-Latin imsejħa il-Vulgata.
San Ġlormu | |
---|---|
San Ġlormu fl-istudju, ta' Filippino Lippi. | |
Twelid |
347 Stridon (forsi Strido Dalmatiae, fuq il-fruntiera bejn id-Dalmazja u Pannonja |
Mewt |
420 Betlem, Ġudea |
L-ikbar santwarju | Bażilika ta' Santa Maria Maggiore, Ruma |
Festa | 30 ta' Diċembru |
Attributi | Kurċifiss, kappell ta' Kardinal, iljun, ras ta' mewt |
Patrun/a | arkeoloġi, bibljotekarji, tradutturi u studjużi in ġenerali |
Bin Ewsebju, Nisrani konvint, Ġlormu twieled fil-belt żgħira mdawra bis-swar ta' Stridonja, bejn id-Dalmazja u l-Pannonja, forsi ħdejn Ljubljana tal-lum.[1][2][3] Meta kellu madwar 29 sena, il-Goti qerdu l-belt ta' Stridonja. Huwa rnexxielu jagħmel kemm ħbieb kif ukoll għedewwa fil-bliet tal-qrib ta' Akwilea u Konkordja. Ħuh Pawlinjanu u oħtu, it-tnejn iżgħar minnu, qabdu bħalu l-ħajja monastika. Missieru Ewsebju kien Nisrani ta' tjieba kbira.[4][5]
Edukazzjoni
immodifikaKien missieru stess missieru li tah l-ewwel edukazzjoni, iżda wara ddependa ħafna mill-benefatturi tiegħu biex kompla javvanza fl-istudji tiegħu.[6] Qrib is-snin 360-367 hu mar Ruma u hemmhekk studja l-grammatika u wara r-retorika. Hu jgħid li s-surmast tiegħu kien Elio Donatu, imma l-kitbiet tiegħu juru li kien midħla sewwa ta' Ċiċerun u ta' Virġilju. F'Ruma wkoll beda jitgħallem il-Grieg, imma mbagħad ipperfezzjona ruħu f'din il-lingwa meta mar fil-Lvant. Fil-fatt hu qatt ma rnexxielu jitgħallem il-letteratura klassika Griega. F'żgħożitu, meta hu kien għadu mhux mgħammed, stinka biex jitgħallem l-elementi bażiċi tal-filosofija, imma qatt ma mexa ħafna 'l quddiem fiha.[7]
Ħajja Monastika
immodifikaJingħad li qabel ma tgħammed Ġirolmu għadda xi żmien fin-namur ma' diversi xebbiet, iżda fl-istess żmien kellu xi ħbieb kompatrijotti tiegħu, bħal Bonosu, Rufinu u Eljodoru, li kienu jmorru miegħu kull nhar ta' Ħadd biex iżuru l-oqbra tal-Appostli u tal-martri. Kien f'din l-istess belt ta' Ruma li Ġirolmu tgħammed. Wara dan mar sa Treviri (Treves) fuq il-Moselle, mhux bogħod mill-fruntiera bejn il-Ġermanja u Franza, bil-ħsieb li jsib xortih f'din il-belt imperjali. Bla ma stenna, iżda, sab ruħu f'ambjent li kien iħajjar lil dak li jkun għall-ħajja monastika ta' stil Orjentali, li hawnhekk kienet fl-aqwa tagħha. Hawn ukoll għamel xi żmien jikkopja x-xogħlijiet ta' Ilarju ta' Poitiers.
Qrib is-sena 370 Ġirolmu reġa' lura lejn Stridonja ma' xi ħbieb tiegħu, bħal Bonosu, Rufinu, Evagriju, Eromazju u Eljodoru, u għex magħhom ħajja rtirata taħt id-direzzjoni tal-Isqof Valerjanu ta' Akwilea. Ġirolmu ddeskriva din il-ħajja monastika bħala ħajja tant armonika li kien iħossha daqs li kieku kienet ‘kor tal-henjin'.
Imma din l-‘hena' nbidlet malajr f'ħajja ta' tilwim bejn il-ħbieb, l-aktar minħabba l-lingwaġġ aħrax li kien juża ma' ħbiebu l-istess Ġirolmu li kien għadu qed jesperimenta fl-axxetiżmu nisrani. Imma t-tilwim kellu wkoll l-aspett tajjeb għax Ġirolmu u sieħbu Rufinu qatgħuha li jmorru f'pellegrinaġġ qaddis biex jesperimentaw il-ħajja monastika fl-Orjent. Evagriju, min-naħa tiegħu, qatagħha li jerġa' lura lejn Antijokja pajjiżu. Dan kien fis-sena 373. Ġirolmu x'aktarx li vvjaġġa miegħu u flimkien għaddew mill-Kappadoċja u minn Antijokja.
Ġirolmu qatta' xi żmien fid-deżert ta' Kalcide, fis-Sud ta' Aleppo fis-Sirja. Hemmhekk kien hemm wieħed Lhudi li kien ikkonverta għall-Kristjaniżmu u li beda jgħallmu l-ilsien tiegħu.
Kien hawnhekk li Ġirolmu beda t-tieni novizzjat tiegħu fl-eremitaġġ. Hekk kif bdieh hu sejjaħ lil ħbiebu biex jissieħbu miegħu fid-deżert, imma fil-fatt irnexxielu jdum hemm inqas minn sentejn, jiġifieri mis-sena 375 sas-sena 377. Dan kollu minħabba l-fatt li l-kultura Rumana ta' Ġirolmu kienet għal kollox differenti minn dik tal-eremiti Griegi Orjentali. Minħabba f'hekk qamu ħafna kontroversji bejn Ġirolmu u l-eremiti tal-post. Ġirolmu tant kien ċert mill-fidi Rumana tiegħu li lanqas biss kien jiġih f'rasu li jipprova jifhem il-fidi ortodossa tagħhom.
Saċerdot
immodifikaF'dan iż-żmien Antijokja kienet tbaqbaq bix-xiżma. Evagriju, wieħed mill-ħbieb ta' Ġirolmu, ingħaqad mal-grupp li kien tbiegħed mit-tagħlim tal-Konċilju ta' Niċea. Kien f'dan l-ambjent, u wara l-esperjenza tal-eremitaġġ ta' Kalcide, li Ġirolmu aċċetta li jkun ordnat saċerdot mill-Isqof Pawlinu li ma kellux komunità lil min jaqdi minħabba li kien qed imexxi grupp żgħir ultraniċen (jiġiferi li kien tbiegħed mit-tagħlim ta' Niċea).
L-esperjenza tad-deżert serviet ta' ħafna ġid għal Ġirolmu. Min-naħa hu ħa ċerta spiritwalita', u mill-oħra tħarreġ fil-Grieg u fil-Lhudi, żewġ lingwi li kellhom jgħinuh ħafna iżjed 'il quddiem. Fl-istess żmien Rufinu mar u baqa' l-Eġittu, filwaqt li Bonosu mar jgħix bħala eremita fil-gżira ta' Illirja.[8]
Fiż-żmien li għadda fid-deżert ta' Kalċide, Ġirolmu kellu ‘viżjoni' li fiha hu deher quddiem it-tribunal ta' Kristu u kien akkużat li baqa' iktar Ċiċeronjan milli Nisrani. Hu nstab ħati ta' din l-akkuża u kien imsawwat ħafna drabi bil-frosta. Hu semma din il-ġrajja liż-żagħżugħa Ewstokjo fl-Ittra 22, 30 bil-ħsieb li jħajjarha tiddedika ruħha għall-istudju tal-Bibbja. Minkejja din il-kriżi psikoloġika li għadda minnha, Ġirolmu baqa' xorta waħda jdaħħal fil-kitba u fid-diskorsi tiegħu siltiet mill-awturi klassiċi pagani. Iktar tard hu kellu kontroversja ma' Rufinu, u dan semmielu l-frugħa tal-‘viżjoni'.
Il-Knisja ta' Antijokja f'dak iż-żmien kienet maqsuma f'żewġ partiti, imma l-eseġeżi baqgħet tiżviluppa bla tbatija fiż-żewġ fergħat. L-Isqof Melezju kellu koadjutur jismu Dijodoru li wara sar Isqof ta' Tarsu. Dan waqqaf l-iskola Antijokena imma, minħabba li kien membru tal-partit oppost, Ġirolmu tah il-ġenb. Minflok Ġirolmu kien imur għal-lezzjonijiet tal-eseġeżi għand wieħed jismu Apollinar ta' Laodiċea, ħabib kbir tal-Isqof Pawlinu, li d-duttrina tiegħu dwar l-Inkarnazzjoni ġa kienet qed issir suspettuża imma kien għadu ma qatax għal kollox l-irbit mal-Knisja Kattolika.
Segretarju tal-Papa
immodifikaQrib is-sena 380 l-Isqof Pawlinu mar Kostantinopli għand l-Imperatur il-ġdid Teodosju biex dan jagħraf l-awtorita' tiegħu bħala isqof. L-Isqof Melezju kien qed jixjieħ, imma ma rriżenjax. Imbagħad ġara li Pawlinu, flimkien mal-protettur tiegħu Epifanju ta' Ċipru u s-segretarju tiegħu Ġirolmu, mar Ruma sabiex jitlob l-għajnuna tal-Papa Damasu (366-383). Meta waslu Ruma l-Papa, li kien qrib it-tmenin sena ried il-paċi, u għalhekk ħatar lil Ġirolmu bħala s-segretarju tiegħu.[9]
Waqt li kien Ruma Ġirolmu wessa' l-appostolat tiegħu hekk li daħal fis-salotti tal-aristokrazija femminili, fid-dar tar-romol Marcella u Pawla, omm ix-xbejba Ewstokjo. Hawnhekk ukoll Ġirolmu sab rabbi li beda jgħallmu Lhudi aktar avvanzat u tah ukoll ħafna kotba fuqiex jistudja. B'hekk Ġirolmu seta' jsaħħaħ il-gruppi bibliċi tiegħu u jgħallem il-Lhudi bażiku lil dawn in-nisa benefatturi tiegħu. Fl-istess żmien fil-Belt Eterna kien hemm propaganda qawwija ta' ħajja axxetika minn gruppi opposti li kienu dejjem lesti biex jikkritikaw u jniggżu lil xulxin. Hekk nibtu ħafna disputi brillanti bejn mexxejja ta' gruppi opposti, ittri devoti li juru livell għoli fl-istudju bibliku u axxetiku, u kitbiet satiriċi minn diversi membri tal-kleru. Ġirolmu kien imdaħħal f'dan kollu u sab ruħu f'karriera eċċezzjonali. Minħabba dan hu daħħal f'rasu li wara l-Papa Damasu I bilfors kien se jkun hu s-suċċessur tiegħu.
Fil-fatt f'Diċembru tas-sena 384 kien hemm l-elezzjoni tal-Papa l-ġdid u ntgħażel il-Papa Siriċju (384-399). Ġirolmu ried l-art tibilgħu. Meta sab ruħu mdawwar minn nies li kienu kontra tiegħu, fis-sajf tas-sena 385 hu farfar it-trab minn mas-sandli tiegħu kontra l-belt li kienet tant ostili għalih u kontra ‘s-senat tal-Fariżej' li kellu l-kuraġġ jikkalunjawh minħabba l-ħbiberija li kellu mal-aristokrazija femminili ta' Ruma.[10]
Jitlaq minn Ruma
immodifikaFtit wara li Ġirolmu telaq minn Ruma, telqu wkoll Pawla u bintha Ewstokjo li mbagħad laħquh f'Reggio Calabria. Minn hemm marru flimkien sa Ċipru fejn qagħdu għand Epifanju ta' Salamina li kien ħabib tagħhom. Wara marru Antijokja u qagħdu għand Evagriju, ħabib antik ta' Ġirolmu. Aktar tard telqu lejn l-Eġittu fejn il-matruna Pawla tat xi flus lir-reliġjużi ta' hemm wara li ħallewha ‘dduq il-ġenna tal-eremiti' Eġizzjani. Fl-istess okkażjoni Ġirolmu ġie f'kuntatt mal-injożi Oriġenista jew l-għarfien tal-misteri spiritwali li kellu Didimu l-Għami taħt l-influwenza tat-tagħlim ta' Oriġene.
Ħajja Monastika f'Betlehem
immodifikaFis-sajf tas-sena 386 twaqqfet komunità axxetika għall-irġiel u oħra għan-nisa f'Betlehem taħt id-direzzjoni spiritwali ta' Ġirolmu. Huma kienu 'l bogħod kemm mill-istorbju tal-belt ta' Ġerusalemm u kemm mill-Għolja taż-Żebbuġ fejn kien hemm il-komunita' axxetika ta' Rufinu u dik tan-nisa li magħhom kienet tgħix il-benefattriċi tiegħu Melanja. Jidher li Ġirolmu fittex li fil-komunitajiet tiegħu tal-irġiel u tan-nisa jkun hemm l-ispiritwalita' ta' Oriġene. Il-monasterju tan-nisa baqa' jitmexxa tista' tgħid għal kollox bil-mentalita' Rumana. Fil-fatt il-monasteru kien maqsum fi tliet klassijiet ta' reliġjużi, skont il-klassi soċjali li minnha kienu ġejjin il-membri femminili. Barra minn dan kellhom foresterija biex iżommu hemm il-pellegrini u l-mistednin tagħhom. Ftit 'il bogħod mill-monasterju ta' Ġirolmu kien hemm il-biblioteka eċċezzjonali ta' Ċesarija, li kienet twaqqfet minn Oriġene u wara miżjuda b'ħafna manuskritti oħra minn Ewsebju.
Fil-komunità ta' Ġirolmu f'Betlehem kien hemm ħafna attività letterarja. Kien hemm traduzzjonijiet tal-kotba tal-Bibbja, adattamenti ta' studji eseġetiċi, kif ukoll il-kitba ta' rumanzi dwar il-ħajjiet ta' xi qaddisin li kienu jgħixu fil-monasteru. Fl-istudji t-Testment il-Qadim kien jingħata aktar importanza mit-Testment il-Ġdid, u l-Lhudi aktar mill-Grieg. Fil-bidu kienet tingħata ħafna importanza lill-istorja tal-Knisja, imma wara ftit din tista' tgħid li serviet biss għall-kitba tal-opra ta' Ġirolmu L-Irġiel Magħrufa. Kien jiġu wkoll diskussi suġġetti ta' attwalità, l-iktar taħt forma ta' polemika.
Fis-sena 393 wieħed jismu Atarbju beda jdur il-monasterji u jitlob lir-reliġjużi li jiffirmaw dikjarazzjoni kontra Oriġene li kien ilu mejjet mis-sena 253. Ġirolmu qabad u ffirma, imma Rufinu ma ffirmax. Imbagħad fil-festa tad-Dedikazzjoni tal-Qabar Imqaddes, f'Settembru tas-sena 393, Epifanju ta' Salamina għamel serje ta' omeliji u fl-aħħar, fir-rebbiegħa tas-sena 394, ordna lil Pawlinjanu, ħu Ġirolmu, biex jiddisprezza d-drittijiet tal-isqof tal-post. Ftit wara ġiet l-iskomunika ta' Ġirolmu. Fl-Għid tas-sena 397, wara li kien għamel penitenza u ta l-paċi lil Rufinu, Ġirolmu kien rikonċiljat mal-Knisja.
Il-Vulgata
immodifikażgur li isem San Ġlormu jibqa' marbut mat-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja u l-istudju tagħha. Ħbiebu nkoraġġewh biex jagħmel traduzzjoni mill-oriġinal tal-Iskrittura kollha, ħidma kbira li swietlu tlieta u għoxrin sena minn ħajtu u li diversi drabi kien se jaqta' qalbu minnha, iżda t-tenaċità tiegħu ta' studjuż għenitu biex iwassalha sa tmiem, xi ħaġa li ġrat ukoll lill-Professur Pietru Pawl Saydon li elf u ħames mitt sena wara daħal waħdu għall-istess biċċa xogħol meta qaleb l-Iskrittura mill-oriġinal għall-Malti.
Fis-seklu sittax, il-Konċilju ta' Trentu iddikjara l-Vulgata ta' Ġlormu bħala t-test Latin awtentiku tal-Knisja Kattolika.
Fis-sena 397 Santu Wistin kiteb ittra lil Ġirolmu u fiha faħħar it-traduzzjoni u l-eseġeżi tiegħu, ukoll jekk għamel hekk b'xi riserva. Ġirolmu ma fehemx mill-ewwel x'importanza kellu dan l-isqof żagħżugħ. Wistin reġa' kitiblu fis-sena 402 u Ġirolmu wieġeb bl-aħrax għal dak li seta' jara bħala kritika għax-xogħol tiegħu. Wistin kien umli u ssaporta l-kliem aħrax ta' Ġirolmu. Imma sa fl-aħħar huma għaqqdu l-forzi tagħhom kontra Pelaġju li kien l-għadu komuni tagħhom.
Fis-sena 399 miet il-Papa Siriċju u laħaq warajh Anastasju I (399-401) li wera ruħu favur Ġirolmu u mill-ġdid laqgħu tajjeb. Ħames snin wara mietet Santa Pawla; Ġirolmu ħassha wisq it-telfa tagħha. Imbagħad fl-24 ta' Awissu tas-sena 410 waqgħet Ruma. Pelaġju ħalla l-Afrika u mar Ġerusalemm. Fis-sena 414 Ġirolmu tkellem kontra tiegħu u minħabba f'hekk grupp ta' terroristi Pelaġjani sentejn wara ħarqulu l-monasteri tiegħu. Fis-sena 417 il-Konċilju ta' Antijokja keċċa lil Pelaġju mill-Palestina.
San Ġirolmu li hu ġustament Duttur tal-Knisja speċjalment għal dik li hi xjenza Biblika. Hu għamel użu tajjeb fil-kitba tiegħu kemm mill-ilsien Lhudi u kemm mill-Grieg li hu tgħallem sewwa, u għalhekk seta' jkollu kuntatt mal-kotba tal-Knisja Griega u mat-testi oriġinali tal-Iskrittura; dan hu vantaġġ għall-Knisja Latina. Iżda baqa' tista' tgħid għomru kollu traduttur u mhux kittieb ta' xogħlijiet oriġinali. Għalhekk hu ftit batut għal dak li hu indipendenza tal-ħsieb. L-influwenza tiegħu fuq l-iżvilupp tat-teoloġiji ma kinitx kbira għax ma kienx ħassieb oriġinali bħal Santu Wistin u San Tumas t'Aquino. Iżda ddefenda t-Tradizzjoni b'għerf kbir u kien difensur tal-awtorità tal-Knisja u tal-maġisteru. Il-personalità tiegħu kienet verament tidher fil-kitbiet tiegħu u fl-istil qawwi tiegħu u kien surmast għall-proża nisranija futura.
San Ġirolmu miet qrib Betlhem fit-30 ta' Settembru tas-sena 419.
San Ġlormu fl-Arti
immodifikaFl-arti, San Ġlormu ħafna drabi huwa rappreżentat bħala wieħed mill-erba' Dutturi Latini tal-Knisja flimkien ma' Santu Wistin, Sant'Ambroġju u San Girgor il-Kbir. Billi għal xi żmien kien Segretarju tal-Papa, jiġi raffigurat anakronistikament bl-ilbies ta' kardinal. Anke meta jitpinġa bħala eremit nofsu mneżża', bis-salib, kranju u Bibbja, ma jonqosx il-kappell aħmar tal-kardinali jew xi sinjal ieħor kardinalizju. Spiss jiġi raffigurat ma' ljun, ħabba storja medjevali li tgħid li neħħa xewka minn sieq ta' ljun - Skont il-leġġenda, darba waqt li kien qed jgħallem daħallu ljun fil-klassi. Id-dixxipli kollha għosfru, iżda Ġlormu neħħielu xewka minn siequ u nfaxxahielu, u bħala ringrazzjament l-iljun baqa' miegħu ghal dejjem.- u ġieli ma' kokka simbolu tal-għerf u l-istudju. L-istrumenti tal-kitba u t-tromba tal-ġudizzju finali huma wkoll parti mill-ikonografija tiegħu.
San Ġlormu tal-Caravaggio
immodifikaSan Ġlormu li tinsab fl-Oratorju tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta hija pittura tat-Taljan Michelangelo Merisi da Caravaggio u saret fl-1607 jew 1608. Pittura oħra ta' San Ġlormu tal-Caravaggio hija dik li hemm fil-Galleria Borghese f'Ruma li saret sena jew sentejn qabel dik ta' Malta.[11]
Fl-aħħar jum tas-sena 1984 din il-pittura nsterqet mill-Kon-Katidral billi tqattgħet b'mus. Biex ħarġuha, il-ħallelin irrumblawha u għamlu ħsara lill-kulur. Patri Marius Zerafa, li kienet Kuratur tal-Mużewijiet, ħadem qatigħ biex tinstab. Huwa ppubblika ktieb, Caravaggio Diaries, dwar is-serqa, it-tfittxija u s-sejba. Jeżistu 'voice recordings' tal-ħallelin jheddu lill-istess Zerafa illi l-pittura qed tiġi mbiċċra jekk ma tingħatax is-somma mitluba, fejn anke kienu jibagħtulu biċċiet tal-canvas imqatta'. Il-pittura kienet ħarġet minn Malta illegalment biex tiġi rkantata imma wara diversi attentivi li fallew, reġgħet daħlet fil-gżira.
Ħoloq esterni
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Scheck, Thomas P. (2008). Commentary on Matthew. The Fathers of the Church. Vol. 117. ISBN 978-0-8132-0117-7. p. 5.
- ^ Ward, Maisie (1950). Saint Jerome. London: Sheed & Ward. p. 7.
- ^ Streeter, Tom (2006). The Church and Western Culture: An Introduction to Church History. AuthorHouse. p. 102.
- ^ "A Select Library of Nicene and Post-Nicene Fathers of the Christian Church ... - Google Knihy". web.archive.org. 2014-07-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-11. Miġbur 2022-09-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Williams, Megan Hale (2006). The Monk and the Book: Jerome and the Making of Christian Scholarship. Chicago: U of Chicago Press. ISBN 978-0-226-89900-8.
- ^ Pevarello, Daniele (2013). The Sentences of Sextus and the origins of Christian ascetiscism. Tübingen: Mohr Siebeck. ISBN 978-3-16-152579-7. p. 1.
- ^ Kelly, J.N.D. (1975). Jerome: His Life, Writings, and Controversies. New York: Harper & Row. pp. 13-14.
- ^ "St. Jerome, Commentary on Daniel (1958) pp. 15-157". www.tertullian.org.
- ^ Louth, Andrew (2022). "Jerome". The Oxford Dictionary of the Christian Church. Oxford University Press. pp. 872–873. ISBN 978-0-19-263815-1.
- ^ "Saint Jerome in His Study · The Walters Art Museum · Works of Art". web.archive.org. 2012-09-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-09-18. Miġbur 2022-09-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Saint Jerome". web.archive.org. 2014-04-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-29. Miġbur 2022-09-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)