Ilarju ta' Poitiers
Ilarju ta' Poitiers (Poitiers, madwar 315 – Poitiers, 367) kien isqof ta' Pictavium (illum Poitiers), teologuo, filosfu u kittieb. Hu meqjum bħala qaddis fil-Knisja Kattolika, fil-Knisja Ortodossa u fil-Komunjoni Anglikana u ġie proklamat Duttur tal-Knisja.
L-ordinazzjoni ta' Sant'Ilarju, manuskritt tas-seklu XIV | |
Twelid |
madwar 315 Poitiers |
---|---|
Mewt |
367 Poitiers |
Kanonizzazzjoni | Pre kongregazzjoni |
Festa | 13 ta' Jannar |
Il-Bidu
immodifikaTwieled għall-ħabta tas-sena 315, madwar erbgħin sena qabel Santu Wistin. Hu sar Isqof ta’ Poitiers, il-belt kapitali ta’ Poitou li kienet provinċja qadima ta’ Franza, qrib is-sena 350. Fis-sena 356 hu ħa sehem fil-Konċilju ta’ Beziers. Dan tlaqqa’ sena wara l-Konċilju ta’ Milan li minħabba l-pressjoni ta’ l-Imperatur Arjan Kostanzu, iben l-Imperatur Kostantinu, kien ikkundanna lil Atanasju, Isqof ta’ Lixandra, għax dan ma kienx laqa’ mill-ġdid fil-Knisja lill-ereżjarka Arju.
Sant'Illarju kien kontra l-kundanna ta’ Atanasju. Minħabba f’hekk hu kien akkużat fil-Konċilju ta’ Beziers li ma kienx qabel ma’ l-isqfijiet l-oħra Oċċidentali meta dawn ikkundannaw lil Atanasju. Dan kien ħadha kontra Arju li ċaħad kemm l-unità u l-konsustanzjalità tat-Tliet Persuni tat-Trinita’ Qaddisa kif ukoll id-divinità ta’ l-Iben ta’ Alla. Bħala konsegwenza Illarju kien imneħħi minn Isqof ta’ Poitiers u eżiljat fil-Friġja, fl-Asja Minuri.
Is-snin li Illarju għadda fl-eżilju fl-Asja Minuri servewh biex kabbar il-kultura tiegħu u ssaħħaħ fid-duttrina nisranija. Hawnhekk hu sab ruħu espost għall-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja u ta’ kittieba nsara oħrajn li kitbu bil-Grieg. Kien influwenzat b’mod speċjali mill-kitba Griega ta’ Oriġene. Minħabba f’hekk hu seta’ jitbiegħed mill-materjaliżmu ta’ Tertulljanu u jasal għall-ispiritwaliżmu ta’ Platun. Għal dik li hi formazzjoni teoloġika, Illarju sar jaf minn ras il-għajn x’kien ifisser l-Arjaniżmu u x’valur kellha l-kontroversja Arjana. Illarju għamel użu minn din it-teoloġija Griega meta kiteb iż-żewġ trattati ta’ matul l-eżilju, jiġifieri It-Trinita’ u Is-Sinodi. Hu għamel enfasi fuq il-fatt li l-Iben kien imnissel mill-Missier qabel kull żmien, jiġifieri minn dejjem ta’ dejjem. Sostna wkoll li l-Persuni jintgħażlu minn xulxin, imma huma Alla wieħed, b’sustanza waħda, minkejja l-fatt li l-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu s-Santu hu Alla. Min-naħa l-oħra l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier u mill-Iben, u la hu mnissel u lanqas maħluq mill-Iben qabel il-ħolqien ta’ l-univers.
Kemm dam fl-eżilju fil-Friġja, Illarju kien ħieles li jagħmel u jmur fejn irid, mhux bħal xi isqfijiet u kittieba sagri oħra mill-Oċċident, ngħidu aħna Ewsebju ta’ Verċelli u Luċiferu ta’ Cagliari. Minħabba f’din il-libertà hu ħa sehem fil-Konċilju ta’ Selewċja f’Settembru tas-sena 359. Wara li ntemm dan il-Konċilju, l-Arjani u dawk li ma kinux jemmnu fil-konsustanzjalità tat-Tliet Persuni, jiġifieri li l-Persuni huma essenza jew sustanza waħda, marru Kostantinopli għand l-Imperatur Kostanzu li kien Arjan bħalhom u qalulu b’dak li kien ġara.
Fl-istess żmien Illarju mar hu stess Kostantinopli, imma qrib it-tmiem tas-sena 359 waslitlu l-aħbar kerha li l-isqfijiet tal-Knisja Latina kienu ltaqgħu f’Rimini u, taħt il-pressjoni ta’ l-Imperatur Kostanzu, iffirmaw il-formula ta’ fidi Trinitarja li kienet influwenzata mit-tagħlim Arjan u setgħet tissejjaħ formula Filoarjana bħala konsegwenza tat-taħlita tad-duttrina ta’ Filone u dik ta’ Arju.
Fis-sena 364 Illarju mar Milan minn Poitiers biex flimkien ma’ Ewsebju ta’ Verċelli jneħħi lill-Isqof Awsenzju minn dik is-sede. Dan kien ilu isqof ta’ dik id-djoċesi importanti sa mis-sena 355. It-tentattiv falla u l-Isqof Illarju kellu jerġa’ lura pajjiżu bla ma kiseb suċċess. Skont San Ġlormu hu miet kważi tliet snin wara, fis-sena 367.
Id-duttrina Arjana
immodifikaIl-fundatur tad-duttrina Arjana kien Arju, qassis ta’ nisel Libjan (ċ. 256-336) imma li kien tgħallem it-teoloġija f’Antijokja. Hu sar djaknu u wara kien ordnat saċerdot fil-Knisja ta’ Lixandra. Mill-istess skola Antijokena ħarġu ereżjarki oħra, bħal Nestorju u Appollinar ta’ Laodicea. Kien hemm ukoll Teodoru ta’ Mopswestja, imma dan għall-inqas kellu tajbin il-kummentarji bibliċi tiegħu li fihom wera talent kbir eseġetiku; ħdejn l-oħrajn, għalhekk, Teodoru kien inqas ħażin f’tagħlimu.
F’Antijokja fil-fatt kien hemm l-għalliem Luċjanu li l-Isqof Alessandru ta’ Lixandra jgħoddu bħala wieħed mill-fundaturi ta’ l-Arjaniżmu. Qrib is-sena 318 Arju beda jqajjem ħafna diskussjonijiet minħabba l-fatt li beda jippriedka duttrina teoloġika personali u jippreżentaha bħala d-duttrina tal-Knisja Kattolika. Hu kiteb ftit ferm u l-ftit li kiteb intilef, neħħi xi frammenti ’l hawn u ’l hinn.
Arju bena d-duttrina tiegħu fuq tagħrif li kien parzjalment żbaljat. Meta qal li d-divinità ma tistax tkun maħluqa kien qed jgħid sewwa, imma meta sostna li din (id-divinità) ma tistax tkun imnissla kien qed jiżbalja. Minn din it-tieni asserzjoni ġibed il-konklużjoni li l-Logos, jew l-Iben ta’ Alla, mhux Alla imma ħlejqa ta’ Alla. Skond hu l-Iben kien maħluq mix-xejn, imma mhux mis-sustanza ta’ Alla. Għalhekk hu differenti ħafna mill-Missier. Kien hemm żmien meta l-Iben ma kienx jeżisti. Hu jista’ jissejjaħ l-Iben ta’ Alla fis-sens wiesa’ u morali tal-kelma għaliex Alla l-Missier tah l-adozzjoni divina minħabba li applikaha għalih minn qabel ma seħħew il-merti li kien se jikseb f’ħajtu. Alla l-Missier hu l-uniku Alla. Il-Logos, jew l-Iben, għandu post speċjali fil-ħolqien għaliex jokkupa l-post singulari ta’ esseri suprem bejn il-ħolqien u Alla l-Missier. Fil-fatt Arju jgħid li Alla l-Missier ħalaq l-Iben mix-xejn biex hu jieħu ħsieb joħloq id-dinja u kull ma fiha. Imbagħad l-Iben sar bniedem fis-sens li ħa post ir-ruħ ta’ Ġesu’ Kristu. L-Iben wettaq f’Ġesu’ Kristu l-funzjoni tar-ruħ tiegħu. Meta l-Logos imbagħad ġie biex joħloq, l-ewwel ħalaq l-Ispirtu s-Santu u wara l-univers. Din id-duttrina ma kienx Arju li vvintaha imma kienet ilha teżisti mal-ħamsin sena kaġun ta’ l-influwenza tad-duttrini Neoplatoniċi. Dak li għamel Arju kien li bħala duttrina wassalha sa l-estrem.
L-Arjaniżmu kien attakkat sa minn kmieni minħabba l-fatt li kien qed jesponi duttrina li kienet teħodha kontra l-bażi tat-teoloġija nisranija. Li kieku l-Iben ma kienx Alla, hu ma kienx ikun jista’ jifdi l-umanità mid-dnub tan-nisel u mid-dnubiet personali.
Il-qagħda tal-kontroversja Arjana ħżienet meta Alessandru, Isqof ta’ Lixandra, talab lil Arju u lis-segwaċi tiegħu biex jirtiraw id-duttrina falza tagħhom. Dawn irrifjutaw bil-qawwa kollha. Għalhekk fis-sena 318 l-Isqof Alessandru sejjaħ sinodu li skomunika lil Arju u lis-segwaċi tiegħu. Minflok ma aċċetta s-sentenza, Arju fittex l-appoġġ tal-kondixxipli tiegħu f’Antijokja. Xi wħud minn dawn kienu ġa isqfijiet, fosthom Ewsebju ta’ Nikomedja li tah l-appoġġ kollu u għamillu laqgħa kbira. B’hekk in-nuqqas ta’ qbil infirex fil-knisja Griega u l-periklu kiber. L-Imperatur Kostantinu ried li tinstab soluzzjoni u għalhekk laqqa’ l-ewwel Konċilju Ekumeniku: dak ta’ Niċea. B’kollox kien hemm aktar minn tliet mitt isqof li ħadu sehem. Il-konklużjoni kienet li l-konċilju kkonferma s-sentenza ta’ l-Isqof Alessandru kontra Arju u fformula s-Simbolu jew Kredu ta’ Niċea li għadu magħruf sa llum għad-dettalji duttrinali li jesponi.
L-Imperatur Kostantinu bagħat lil Arju fl-eżilju f’Illirja, imma wara għaxar snin, fis-sena 328, ħallieh jerġa’ lura lejn pajjiżu. Wara s-Sinodu ta’ Tir u dak ta’ Ġerusalemm, fis-sena 335, l-isqfijiet iddeċidew li jaħfru lil Arju u jerġgħu jilqgħuh fil-Knisja fost il-membri tal-kleru. Fis-sena 336 l-Imperatur Kostantinu ordna li ssir rikonċiljazzjoni solenni f’Kostantinopli bil-ħidma ta’ l-isqof tal-belt imperjali, imma lejliet il-jum tar-rikonċiljazzjoni Arju miet għal għarrieda.
Ir-ritorn ta’ Illarju fi Poitiers
immodifikaSa fl-aħħar l-Imperatur Kostanzu ta l-maħfra lil Illarju u ħallieh jerġa’ lura lejn pajjiżu fi Franza bla ma ġiegħlu jiffirma l-formula tal-fidi Filoarjana. Illarju kien milqugħ bil-kbir. Ftit wara hu ħa sehem fil-Konċilju ta’ Pariġi li sar fis-sena 351.
L-isqfijiet li ħadu sehem fil-Konċilju ta’ Pariġi rnexxielhom isibu termini dommatiċi li kienu kompatibbli mat-tagħlim tal-Knisja u setgħu jkunu milqugħa bħala teoloġikament tajbin.
Fil-kontroversja Arjana kien hemm min tkellem dwar it-Tliet Persuni tat-Trinita’ u ħareġ bit-tifsira omousiana, terminu li jfisser li l-Persuni għandhom essenza waħda, dik li llum ngħidulha sustanza waħda. Kien hemm ukoll min ħareġ bit-tifsira omeousiana, terminu li jfisser li l-Persuni tat-Trinita’ jixxiebħu fl-essenza jew fis-sustanza. Il-Konċilju ta’ Pariġi aċċetta dawn iż-żewġ tifsiriet, imma fl-istess ħin ikkundanna l-mexxejja ta’ l-Arjaniżmu tal-Knisja Latina, filwaqt li wera ħniena kbira ma’ l-isqfijiet li f’Rimini u bnadi oħra kienu ċedew għall-pressjoni li kienet saret fuqhom mill-Imperatur Kostanzu jew minn ħaddieħor. Ir-riżultat kien li l-Franċiżi kienu meħlusa immedjatament mill-fdalijiet ta’ l-Arjaniżmu.
Il-ħidma letterarja ta’ Illarju
immodifikaIl-parti l-kbira tal-kitbiet ta’ Illarju waslu sħaħ sa għandna u dan juri l-imħabba li kellhom lejh il-qarrejja tiegħu matul iż-żminijiet. Ix-xogħlijiet tiegħu jinqasmu f’erbgħa:
(1) opri dottrinali, (2) opri storiċi, (3) opri eseġetiċi jew ta’ tifsir il-Bibbja u (4) innijiet.
(A) L-opri dottrinali ta’ Illarju
L-opri dottrinali ta’ Illarju huma ż-żewġ trattati li kiteb kemm dam fl-eżilju, jiġifieri It-Trinita’ u Is-Sinodi.
It-Trinita’ (De Trinitate)
Dan it-trattat fih 12-il ktieb. X’aktarx li Illarju ma tahx dan it-titlu. San Ġirolmu jirreferi għalih bħala Kontra l-Kotba ta’ l-Arjani. Hu fil-manuskritt l-iktar riċenti li jissejjaħ It-Trinita’. Kittieba oħra sejħulu Dwar il-Fidi.
Il-kitba kienet ispirata mill-kuntatt li Illarju kellu fl-Orjent mal-omeousiani, jew dawk li kienu jgħidu li l-Persuni tat-Trinita’ għandhom essenza li tixxiebah. Din tista’ tkun duttrina tajba jekk wieħed jgħallem li l-essenza tixxiebah għax hi l-istess, imma hi duttrina ħażina jekk wieħed isostni li l-essenza tal-Persuni Divini tixxiebah biss imma mhix l-istess. Hu f’dan it-tieni sens li l-omeousiani kienu qegħdin jinterpretaw ix-xebh bejn il-Persuni tat-Trinita’.
L-ewwel ktieb hu introduzzjoni. Fil-prologu Illarju jistqarr li ħadd ma jista’ jifhem il-misteru tat-Trinita’, iżda hu kien qiegħed fi ‘vjaġġ lejn Alla’. Imbagħad jagħti sintesi ta’ l-opra kollha. Is-suġġett fil-fatt hu ttrattat mit-tieni ktieb ’il quddiem.
Il-kotba mit-tieni sat-tnax huma maqsumin fi tlieta: (a) l-ewwel taqsima tiġbor fiha t-tieni u t-tielet ktieb, (b) it-tieni tkopri mir-raba’ sas-seba’ ktieb u (ċ) it-tielet mit-tmienja sat-tnax.
L-ewwel taqsima fiha espożizzjoni ġenerali tal-kontroversja dwar ir-rabta bejn il-Missier u l-Iben u dwar id-divinità ta’ l-Iben li kienet miċħuda mill-Arjani. Imbagħad fit-tieni ktieb l-awtur juri x’kienet tgħallem il-Knisja Kattolika dwar id-diversi ereżiji. Jgħid xi ħaġa wkoll dwar l-Ispirtu s-Santu. It-tielet ktieb jeħodha kontra l-argumenti foloz li l-Arjani kienu jġibu biex juru li l-Iben hu inferjuri għall-Missier.
Fit-tieni taqsima Illarju jagħti lista ta’ l-istqarrijiet tal-fidi ta’ l-Arjani. Jagħti traduzzjoni Latina tat-test sħiħ tal-professjoni Arjana li Arju kien bagħat lil Alessandru, Isqof ta’ Lixandra u jeħodha kontra l-kontenut tagħha permezz ta’ siltiet bibliċi biex jipprova li l-Iben hu Alla veru bħall-Missier.
Fit-tielet taqsima jikkonfuta t-tagħlim Arjan u juri li r-rabta bejn il-Missier u l-Iben hi vera u reali u mhux biss morali kif kienu jgħidu l-Arjani. L-Iben mhux inferjuri għall-Missier. Kristu bata iżda b’daqshekk ma kienx esseri imperfett; id-divinità ma tbatix. Sar bniedem biex ikun jista’ jbati u jmut. Qam mill-mewt għaliex kien bniedem u Alla. Fi tmiem din it-taqsima Illarju kiteb il-kapitli 55 u 56 dwar l-Ispirtu s-Santu.
Is-Sinodi (De Synodis)
Illarju kiteb dan it-trattat fis-sena 359 waqt li kien qed jikteb fuq it-Trinita’. Fl-istess ħin kienu qed isiru t-tħejjijiet għall-Konċilju ta’ Rimini u ta’ Selewċja. It-trattat kien indirizzat lill-Isqfijiet tal-Gallja u fl-aħħar lill-Isqfijiet ta’ l-Orjent. L-opra hi maqsuma f’żewġ taqsimiet. Fl-ewwel taqsima (kap1 sa 65) Illarju jeżamina l-istqarrijiet varji tal-fidi li l-Orjentali kienu ppubblikaw bejn is-snin 341 u 359, u li l-Insara tal-Knejjes Latini kienu jqisu kollha flimkien bħala stqarrija tal-fidi Arjana. Illarju qies bħala Arjana l-istqarrija l-iżjed estrema - dik tas-sena 357 imsawra f’Sirmio. Fit-tieni taqsima (kap 66 sa 92) hu jistudja t-termini Griegi homoousios u homoiousios. It-terminu homoousios ifisser li Kristu hu ta’ l-istess essenza jew sustanza tal-Missier; it-terminu homoiousios ifisser li Kristu hu bħall-Missier skond l-essenza jew is-sustanza. Illarju interpreta l-kliem ‘ta’ l-istess sustanza tal-Missier’ bħala li tfisser li l-Iben hu bħall-Missier skond is-sustanza. B’hekk wera li ż-żewġ termini kienu aċċettabli jekk jingħataw interpretazzjoni ortodossa. Għalhekk il-Persuni Divini huma sustanza waħda għalkemm magħżulin minn xulxin.
B. L-opri storiċi ta’ Illarju.
Insibu ħames opri storiċi ta’ Illarju, jiġifieri Ktieb lil Kostanzu, It-Tieni Ktieb lil Kostanzu, Ktieb Kontra Kostanzu, Kontra Awsenzju u Frammenti Storiċi.
(1) Ktieb lil Kostanzu (Liber ad Costantium Augustum)
Fl-ewwel parti ta’ din l-opra nsibu t-test ta’ l-ittri li bagħtu l-isqfijiet tal-Knisja Latina miġburin fil-Konċilji lill-Imperatur Kostanzu biex jitolbuh iwaqqaf il-persekuzzjoni kontra min kien isostni l-Kredu tal-Konċilju ta’ Niċea. Fit-tieni parti Illarju jitkellem dwar il-proċedura irregolari li kien hemm fil-Konċilju ta’ Milan fis-sena 355 u li wasslet għall-kundanna ta’ Atanasju u ta’ Ewsebju ta’ Verċelli.
(2) It-Tieni Ktieb lil Kostanzu
Kitbu fis-sena 359. Wara l-Konċilju ta’ Selewċja Illarju mar Kostantinopli u bagħat jitlob lill-Imperatur Kostanzu biex jippermettilu jidħol f’dibattitu pubbliku ma’ Saturninu ta’ Arles. Talbu wkoll biex ma jistqarrx il-fidi Arjana fformulata f’Rimini iżda jirrikorri għall-fidi li kellu fil-Magħmudija. It-talba ta’ Illarju ma kinitx milqugħa u għalhekk Illarju kiteb din l-opra.
(3) Ktieb kontra Kostanzu (Contra Costantium Imperatorem)
Kitba qalila ħafna fejn Kostanzu hu mqabbel ma’ Neruni u Deċju. Din ukoll kienet intenzjonata bħala apoloġija (difiża) għall-isqfijiet.
(4) Kontra Awsenzju (Contra Auxentium) (jew Contra Arianos)
Illarju kiteb dal-ktieb fis-sena 364, wara li hu u Ewsebju ta’ Verċelli ma rnexxilhomx ineħħu mis-sede episkopali ta’ Milan lill-Isqof Awsenzju li kien Arjan. Illarju kiteb lill-Imperatur Valentinjanu kontra Ewsebju, iżda l-Imperatur ried jibqa’ newtrali fil-każ tal-kontroversji reliġjużi.
(5) Frammenti Storiċi
Dawn il-frammenti fihom diversi dokumenti marbutin mal-Konċilju ta’ Sardica (343) u mas-snin ta’ wara bejn is-Sinodu ta’ Béżiers u t-tluq ta’ Illarju għall-eżilju. Fihom ukoll dokumenti dwar il-Konċilju ta’ Rimini u ittri tal-Papa Liberju. Jinkludu wkoll dokumenti ta’ wara s-sena 359 u jagħtu direttivi dwar kif għandhom ikunu ttrattati l-isqfijiet li ffirmaw il-formula tal-fidi ta’ Rimini.
Dawn il-frammenti jagħtuna dokumentazzjoni tajba dwar il-kontroversji Arjani bejn is-snin 343 u 366.
Ġ. L-opri eseġetiċi ta’ Illarju.
Illarju għandu 3 opri eseġetiċi: (i) Kumment għall-Mattew (355) – opra li fiha jimxi mat-test bibliku u jiddiskuti l-fatti ewlenin u t-tifsira spiritwali tagħhom; (ii) Kumment għas-Salmi (364) – opra li fiha kien influwenzat minn Oriġene li wkoll kien kiteb il-Kumment għas-Salmi. Hawn Illarju jagħti diversi kummenti marbutin mal-kontroversja Arjana; (iii) Dwar il-misteri (ċ. 360) – jgħid li l-Iskrittura titkellem dwar l-Inkarnazzjoni bil-fatti u bil-kliem. Kristu kien prefigurat fl-irqad ta’ Adam, fid-dulluvju ta’ żmien Noè, fil-barka ta’ Melkisedek, fil-ġustifikazzjoni ta’ Abraham fit-twelid ta’ Iżakk, u fil-jasar ta’ Ġakobb. Parti minn din l-opra ġiet skoperta minn J.F. Gammurrini f’manuskritt ta’ Arezzo fl-1887. D. L-innijiet ta’ Illarju
Illarju hu l-ewwel kittieb tal-Knisja Latina li kiteb l-innijiet Latini. Il-Konċilju ta’ Toledo approva l-kant ta’ l-innijiet bħal dawk li kitbu Illarju u Ambroġju ta’ Milan. Ġirolmu jgħid li Illarju kiteb din l-opra. L-innijiet ġew skoperti wkoll minn J.F. Gammurrini.
San Illarju ta’ Poitiers kien espost għall-kitbiet tal-Padri tal-Knisja Griega u tal-kittieba sagri fl-Orjent fi żmien l-eżilju tiegħu fil-Friġja (Asja Minuri). Dan il-fatt kellu importanza kbira fil-formazzjoni personali tiegħu u għall-patrimonju tal-Knisja Latina. Illarju kiteb bil-Latin u għalhekk ta kontribut kbir lill-Ewropa tal-Punent u l-Afrika ta’ Fuq. Għen mhux ftit biex il-Knisja Latina taġġorna ruħha mal-Knisja Griega ta’ dak iż-żmien, tant li ħafna jsejħulu l-Anastasju tal-Punent. Il-Papa Piju IX għamel lil San Illarju ta’ Potiers Duttur tal-Knisja fl-1851.