Residenza ta' Würzburg
Ir-Residenza ta' Würzburg (bil-Ġermaniż: Würzburger Residenz) hija palazz f'Würzburg, il-Ġermanja. Johann Lukas von Hildebrandt u Maximilian von Welsch, rappreżentanti tal-istil Barokk tal-Awstrija/tan-Nofsinhar tal-Ġermanja, kienu involuti fil-kostruzzjoni, kif ukoll Robert de Cotte u Germain Boffrand, li kienu segwaċi tal-istil Franċiż. Balthasar Neumann, l-arkitett tal-qorti tal-Isqof ta' Würzburg, kien l-arkitett prinċipali tar-Residenza, li ġie kkummissjonat mill-Prinċep-Isqof ta' Würzburg Johann Philipp Franz von Schönborn u ħuh Friedrich Carl von Schönborn fl-1720, u l-binja tlestiet fl-1744. Il-pittur Venezjan Giovanni Battista Tiepolo, megħjun minn ibnu Domenico, pitter l-affreski fil-binja.
Fost il-postijiet fuq ġewwa tar-Residenza li jitqiesu bħala kapulavuri tal-arkitettura u tal-arti Barokka/Rokokò jew Neoklassika hemm it-taraġ grandjuż, il-kappella u s-Sala Imperjali. Jingħad li l-binja kienet imsejħa "l-ikbar residenza fl-Ewropa" minn Napuljun.[1] Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ġarrbet ħsarat estensivi mill-bumbardamenti tal-Alleati, u r-restawr ilu jsir mill-1945. Fl-1981 ir-Residenza żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala rikonoxximent tal-arti, tad-disinn u tal-arkitettura Barokka straordinarja tagħha.[2]
Storja
immodifikaSeklu 18
immodifikaIl-Prinċpijiet-Isqfijiet ta' Würzburg kienu jirresjedu fil-Fortizza ta' Marienberg fuq għolja fil-Punent tax-xmara Main sal-bidu tas-seklu 18. Johann Philipp Franz von Schönborn (1719-1724) ittrasferixxa l-qorti lejn palazz li nbena fl-1701-1704 u li kien il-predeċessur tar-Residenza. Madankollu, il-palazz kemxejn żgħir, fl-opinjoni tiegħu ma kienx jirrifletti l-kariga ta' monarka assolut. B'hekk xtaq xi ħaġa paragunabbli għall-Palazz ta' Versailles jew il-Palazz ta' Schönbrunn. Wara li rebaħ somma ta' 600,000 fjorin (kemxa sew għal dak iż-żmien) f'kawża l-qorti fl-istess sena meta sar Prinċep-Isqof, huwa uża l-fondi biex iwettaq proġett ta' kostruzzjoni li kien se jipproklama l-istatus politiku tiegħu lil kulħadd.
F'dan il-proġett, huwa ġie appoġġat bil-ħerqa kollha minn żewġ qrabat tiegħu, zijuh, l-Arċisqof u Elettur ta' Mainz, Lothar Franz von Schönborn (li qerr li kienet ħakmitu ossessjoni ta' kostruzzjoni) u ħuh Friedrich Carl von Schönborn, li mill-1704 sal-1734 kien il-Viċi Kanċillier Imperjali fi Vjenna. It-tnejn li huma ressqu l-ideat tagħha u pprovdew artisti li kienu jafuhom, xi ħaġa li kienet tassew kruċjali. Friedrich Carl kien iltaqa' ma' Hildebrandt fi Vjenna matul il-kostruzzjoni tal-Belvedere. L-ewwel ġebla tas-sisien tpoġġiet fit-22 ta' Mejju 1720. Il-kostruzzjoni bdiet bis-sezzjoni tat-Tramuntana.[3]
Madankollu, is-suċċessur ta' Johann Phillip Franz, il-Prinċep-Isqof Christoph Franz von Hutten (1724-1729) ma tantx kellu wisq interess fil-kostruzzjoni ta' palazz daqshekk enormi. Ried biss li titlesta s-sezzjoni tat-Tramuntana. Din il-kostruzzjoni tlestiet fl-istess sena ta' mewtu u x-xogħlijiet l-oħra kollha waqfu ħesrem.[3]
Madankollu, fl-1730, taħt il-Prinċep-Isqof Friedrich Carl von Schönborn (1729-1746), ix-xogħol fuq is-sezzjoni tan-Nofsinhar beda mill-ġdid. Fl-1732-1733, tlestiet il-faċċata tal-Cour d'honneur. Mill-1735 ’il quddiem, sar ix-xogħol fuq il-binja ċentrali bil-parteċipazzjoni ta' Lucas von Hildebrandt. Fl-1737, inbena t-taraġ ewlieni minn Balthasar Neumann. Il-faċċata tal-ġonna tlestiet fl-1740 u l-qafas estern kollu tal-binja tlesta f'Diċembru 1744. Neumann kien responsabbli l-iktar għall-faċċata tar-Residenza li tħares lejn ir-raħal, filwaqt li Hildebrandt ħadem l-iktar fuq il-faċċata tal-ġonna. L-erba' btieħi interni tas-sezzjonijiet laterali kienu idea ta' von Welsch.[4]
It-tlestija tas-soqfa bil-volti tas-Sala Imperjali u tas-Sala l-Bajda seħħet fl-1742, filwaqt li l-volta ta' fuq it-taraġ tlestiet fl-1743. Fl-istess żmien tlesta t-tiżjin fil-Kappella tal-Qorti u ġiet ikkonsagrata fl-1743. Mill-1740 sal-1745, l-Appartamenti Imperjali (Kaiserzimmer) fin-Nofsinhar u s-Sala tal-Mirja (Spiegelkabinett) ġew imżejna mill-inċiżur ornamentali Ferdinand Hundt, Johann Wolfgang van der Auvera, Antonio Giuseppe Bossi u Johann Rudolf Byss. Bossi wettaq ukoll ix-xogħol bl-istukko fis-Sala l-Bajda fl-1744-1745.
Taħt it-tmexxija tal-Prinċep-Isqof Anselm Franz von Ingelheim (1746-1749), ix-xogħol kollu tal-kostruzzjoni tar-Residenza reġa' waqaf ħesrem. Wara mewtu, ladarba Karl Philipp von Greifenclau zu Vollraths (1749-1754) sar Prinċep-Isqof, huwa ordna t-tkomplija tal-kostruzzjoni. Fl-istess sena, Antonio Bossi lesta x-xogħol bl-istukko fis-Sala tal-Ġnien, u t-tpittir f'din is-sala tlesta s-sena ta' wara. Fl-1750, Lorenz Jakob Mehling, merkant ta' Venezja, bagħat lil Giovanni Battista Tiepolo lejn ir-residenza tal-isqof, wara l-falliment tal-pittur Giuseppe Visconti.[5] Giovanni Battista Tiepolo, megħjun minn uliedu subien, żejjen is-Sala Imperjali u s-saqaf ta' fuq it-taraġ b'affreski fil-bidu tas-snin 50 tas-seklu 18. Fl-1753, Balthasar Neumann miet.
Taħt il-Prinċep-Isqof Adam Friedrich von Seinsheim (1755-1779), Materno u Ludovico Bossi wettqu x-xogħol tat-tiżjin bl-istukko ta' fuq it-taraġ u fl-ewwel u fit-tieni kmamar għall-mistednin tal-Appartamenti Imperjali tat-Tramuntana bejn l-1769 u l-1772. Fl-istess żmien tlestew is-Sala l-Ħadra u s-Sala Neoklassika tal-Prinċpijiet (Fürstensaal). Mill-1776 sal-1781 ġew imżejna l-Kmamar ta' Ingelheim (Ingelheimer Räume), u sar ukoll ix-xogħol bl-istukko minn Materno Bossi.
Il-kostruzzjoni totali ġiet tiswa iktar minn 1.5 miljun fjorin, fi żmien meta ħaddiem kien jaqla' paga ta' fjorin wieħed fil-ġimgħa.[6]
Sekli 19 u 20
immodifikaIl-Prinċipat Episkopali ta' Würzburg ġie abolit bis-sekolarizzazzjoni fl-1802/03. Dan ġie segwit minn interrenju ta' tmien snin mill-Gran Duka Ferdinandu tat-Toskana (li rrenja fl-1806-1814), u matul dan iż-żmien ordna li diversi kmamar tas-sezzjoni tan-Nofsinhar, l-hekk imsejħa Kmamar tat-Toskana (Toskanaräume) jiġu mżejna bl-istil Imperjali. L-Imperatur Napuljun Bonaparte raqad fir-Residenza meta waqaf f'Würzburg tliet darbiet bejn l-1806 u l-1813. Fit-2 ta' Ottubru 1806 huwa ffirma d-dikjarazzjoni tal-gwerra kontra l-Prussja fir-Residenza. Sodda doppja u komodini Neoklassiċi ta' ħdejn is-sodda għammru l-kamra tas-sodda tal-Appartimenti Imperjali tat-Tramuntana għalih u għal martu Marie Louise fl-1812.
Fl-1814, Würzburg saret parti mir-Renju tal-Bavarja. Ix-xatbiet tal-ħadid ferrobattut tul il-Cour d'honneur, li effettivament kienu jisseparaw din iż-żona fuq ġewwa mill-Pjazza l-kbira tar-Residenza, tneħħew fl-1821. Minflokhom illum il-ġurnata hemm il-funtana tal-Frankonja (Frankoniabrunnen) li nħolqot minn Ferdinand von Miller iż-Żgħir. Din il-funtana ġiet żvelata fl-1894 bħala tribut mill-belt ta' Würzburg u mill-Frankonja kollha lill-Prinċep Reġġent Luitpold, li twieled fl-1821 fir-Residenza ta' Würzburg stess.
Ir-Reġina Vitorja u l-Prinċep Albert qagħdu fir-Residenza fi triqithom lejn Schloss Rosenau, f'Coburg, f'Awwissu 1845. Fl-1921, ir-Residenza nfetħet għall-pubbliku.[3]
Qerda fit-Tieni Gwerra Dinjija
immodifikaMinħabba bumbardament mill-ajru devastanti li seħħ fis-16 ta' Marzu 1945, ir-Residenza kważi nqerdet għalkollox min-nirien, u l-unika binjiet li ħelsuha ħafif minn dak l-infern kienu l-binja ċentrali bil-Vestibolu, is-Sala tal-Ġnien, it-Taraġ, is-Sala l-Bajda u s-Sala Imperjali, għalkemm is-soqfa tagħhom inħarqu. Mis-soqfa n-nar ħakem l-injam kollu tal-qafas tal-kostruzzjoni kif ukoll l-għamara kollha li ma kinitx inħażnet xi mkien ieħor. Il-biċċa l-kbira tal-għamara u sezzjonijiet kbar tal-panewijiet tal-ħitan kienu tneħħew qabel il-bumbardament u għaldaqstant ħelsuha mill-qerda. Il-volti tal-ġebel ta' Neumann irreżistew iċ-ċediment tas-saqaf tal-injam minħabba n-nirien. Madankollu, peress li s-soqfa kienu nqerdu, l-umdità u l-ilma tax-xita wara l-bumbardament ikkawżaw ħsarat ulterjuri. Pereżempju fil-Kappella tal-Qorti, il-biċċa l-kbira tal-affreski tas-saqaf magħmula minn Byss inqerdu minħabba l-konsegwenzi ta' wara n-nirien, minkejja li l-volta baqgħet intatta, u kellhom jiġu rikostruwiti b'sabar kbir.[6]
Rikostruzzjoni wara l-gwerra
immodifikaMill-1945 sal-1987, il-binja u l-ispazji tagħha fuq ġewwa ġew rikostruwiti għal kif nafuhom illum il-ġurnata. Ir-rikostruzzjoni swiet madwar €20 miljun.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Residenza ta' Würzburg bil-Ġonna tal-Qorti u l-Pjazza tar-Residenza ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]
Skont l-Evalwazzjoni tal-Korp ta' Konsulenza tal-UNESCO, l-inklużjoni tas-sit fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienet "miżura... tant mixtieqa li l-proposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tantx kellha għalfejn tressaq ġustifikazzjoni fit-tul... Ir-Residenza fl-istess ħin hija l-iżjed omoġenja u l-iżjed straordinarja fost il-palazzi Barokki... Tirrappreżenta twettiq artistiku uniku bis-saħħa tal-programm ambizzjuż, tal-oriġinalità tal-ispirtu kreattiv u tan-natura internazzjonali tax-xogħlijiet tagħha".[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Deskrizzjoni
immodifikaPjanta arkitettonika
immodifikaBarra
immodifikaIr-Residenza nbniet fuq bażi ta' 92 metru b'167 metru. L-istruttura prinċipali tikkonsisti minn sezzjoni ċentrali b'żewġ sezzjonijiet laterali, is-sezzjonijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u kull waħda minnhom għandha żewġ btieħi interni. Fuq in-naħa tar-raħal, is-sezzjonijiet laterali huma estiżi għal 55 metru mill-istruttura prinċipali, u parzjalment jikkonfinaw il-Cour d'honneur. Taħt is-saqaf tal-mansarda hemm gwarniċ imżejjen bil-vażuni u bit-trofej. Il-faċċata madwar il-portal prinċipali fil-Cour d'honneur hija partikolarment imżejna b'mod rikk. Ma għandhiex is-sular nofsani t'isfel iżda għandha gallarija kbira fuq it-tliet portali li hija aċċessibbli mis-Sala l-Bajda (Weisser Saal). Fuq l-entrata hemm stemma kbira ta' Friedrich Carl von Schönborn. Il-Kappella tal-Qorti (Hofkirche) hija integrata għalkollox fil-parti tal-Punent tas-sezzjoni tan-Nofsinhar u bilkemm tingħaraf minn barra.[1]
Oriġinarjament, il-Cour d'honneur kienet limitata minn xatbiet tal-ħadid ferrobattut. Dan il-kapulavur tax-xogħol bil-ħadid ta' Joh. Georg Oegg tneħħa fl-1821 u nbigħ b'irkant, peress li membru tal-familja tar-Re tal-Bavarja ma kinux jogħġbuh.
Il-pjazza ta' quddiem ir-Residenza llum il-ġurnata hija madwar 200 metru b'100 metru u tintuża l-iktar għall-parkeġġ tal-karozzi. Il-funtana tal-Frankonja (Frankoniabrunnen) tal-1894 tinsab f'nofs il-pjazza.
Ġewwa
immodifikaIr-Residenza għandha erba' sulari, il-pjan terran u s-sular ta' fuq b'sular nofsani fuq kull wieħed minnhom. Dawn kienu meħtieġa biex il-faċċata tingħata l-ħajja u biex ikun hemm spazju apposta għall-kwartieri tal-qaddejja, għall-kċejjen u għall-uffiċċji amministrattivi.[4]
Ir-Residenza għandha kważi 400 kamra.
Taraġ
immodifikaIt-taraġ bi stil Barokk kiseb importanza bħala parti minn sala formali tar-riċevimenti. It-taraġ tar-Residenza ta' Würzburg jinsab tul il-volta u għandu erja ta' 18-il metru bi 32 metru, mingħajr pilastri. Jinsab taħt volta mhux mirfuda bix-xorok u huwa kapulavur tal-kostruzzjoni b'għoli massimu ta' 23 metru.
L-iżjed parti baxxa tat-taraġ twassal lil hinn mis-sala tar-riċevimenti, lejn ħajt bjank u mbagħad tinqasam f'żewġ settijiet ta' taraġ li jerġgħu lura. B'hekk, l-ospitant fuq is-sular ta' fuq seta' jara lill-viżitaturi tiegħu li inizjalment kienu jimxu lil hinn minnu. Meta l-mistednin kienu jduru u joqorbu lejh, kulma jmur setgħu jaraw l-affresk enormi mas-saqaf ta' fuq rashom.[8]
Dan l-affresk, l-ikbar wieħed fid-dinja, maħluq mill-1750 sal-1753 mill-pittur Venezjan Giovanni Battista Tiepolo juri pitturi tal-erba' kontinenti: l-Ewropa, l-Amerka, l-Asja u l-Afrika. Kull kontinent huwa rrappreżentat minn pajsaġġ u annimali tipiċi (jew il-viżjoni tal-pittur rigward dawn l-annimali) u figura allegorika femminili. L-Ewropa żżomm f'idejha xettru, u hija simbolizzata minn barri, flimkien ma' tifel jilgħab b'kanun. L-Amerka għandha nattivi bir-rix, li jipprattikaw il-kannabiliżmu fir-rigward tal-priġunieri, u kukkudrill. L-Asja għandha tigra u iljunfant, u s-slaleb ta' Golgota huma viżibbli fl-isfond. L-Afrika għandha ġemel u karovana ta' maġi bit-turban. Tiepolo ġie megħjun fl-isforzi tiegħu minn ibnu Giandomenico u l-artist tal-istukko Antonio Bossi.[9] Hemm ukoll pittura tal-Prinċep-Isqof b'Merkurju ġejja mill-Olimpu filwaqt li Apollo jibgħat iż-żwiemel li jġibu x-xemx magħhom, imdawra b'inkarnazzjonijiet tal-istilel. L-affresk juri wkoll lil Tiepolo nnifsu (fir-rokna tal-Lbiċ) u lil Neumann, fiċ-ċentru tal-faċċata tan-Nofsinhar, iserrħu ma' kanun.[10]
Fit-tħejjija tat-tpittir tal-affresk kbir tiegħu, Tiepolo pinġa skizz ta' verżjoni fuq skala iżgħar; dan l-iskizz jinsab għall-wiri fil-Mużew Metropolitan tal-Art fl-Istati Uniti.[11]
L-arkitett tal-qorti Balthasar Neumann kellu jissielet kontra t-tħassib dwar il-perikli ta' volta enormi bħal dik. Kuntrarjament għall-volta bl-ilwien tagħha, it-taraġ u l-ħitan bilkemm għandhom tiżjin. Filwaqt li l-volta hija mżejna bl-istil Barokk, il-bqija tat-taraġ diġà hija mżejna bl-istil Neoklassiku.
Neumann oriġinarjament ried iżid it-tieni taraġ fuq in-naħa l-oħra tas-Sala l-Bajda, iżda dan ma ġiex aċċettat mill-konsulenti tal-Prinċep-Isqof minħabba l-ispejjeż involuti.
It-taraġ intwera fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni finali tal-karti tal-flus tal-50 Deutsche Mark, li kellhom lil Neumann fuq in-naħa ta' quddiem.
Sala l-Bajda
immodifikaIl-Weisser Saal jew is-Sala l-Bajda bi stil Rokokò kienet is-sala tal-udjenzi u hija ddominata bit-tiżjin bl-istukko ta' Antonio Bossi. L-opri bl-istukko abjad fuq sfond griż ċar huma magħmula minn kwantità kbira ta' rocailles, imħallta minn xbihat ta' oġġetti reali, speċjalment ta' skop militari.
In-nuqqas ta' deheb u ta' kulur jippermetti lill-għajn tistrieħ bejn il-ġmiel tat-taraġ u l-Kaisersaal lil hinn. Ħames kandilabri tal-kristall kienu jintużaw biex idawlu s-sala.[10]
Sala Imperjali
immodifikaDin is-sala tiftaħ lejn il-Lvant mis-Sala l-Bajda u tinsab fiċ-ċentru tal-faċċata tan-naħa tal-ġonna. Kienet tintuża biex jintlaqgħu d-dinjitarji, inkluż dawk li kienu se jsiru imperaturi fi triqithom lejn Frankfurt u fil-vjaġġ tar-ritorn lejn Vjenna. Inħolqot fl-1749-1751 u swiet ħafna flus.
Il-ħitan tas-Sala Imperjali jikkonsistu minn xogħol bl-istukko taparsi irħam bi sfumaturi ta' aħmar, abjad u isfar. Il-koppla hija mpittra b'lewn abjad, u hija mżejna b'xogħol bl-istukko lewn id-deheb kif ukoll b'affreski magħmula minn Tiepolo, li juru l-istorja idealizzata tad-djoċesi ta' Würzburg. Pittura partikolari msejħa Die Trauung Kaiser Barbarossas und der Beatrix von Burgund durch den Würzburger Fürstbischof 1156 turi ż-żwieġ bejn l-Imperatur Federiku I Barbarossa u l-Kontessa Beatriċe ta' Bourgogne, ikkonsagrat minn Gerold, l-Isqof ta' Würzburg. Il-pittura opposta turi lil Federiku II jaħtar lill-Isqof ta' Würzburg, id-Duka ta' Frankonja. Fuq il-koppla hemm pittura li turi l-Brautfahrt: Apollo fil-karru li jiġbed ix-xemx flimkien ma' Beatriċe mdawra minn Venere, Ċeres u Bakkus sa ma jwassalha sal-Imperatur Federiku II, li huwa akkumpanjat mill-Isqof ta' Würzburg.
Iben Giovanni, Domenico, ħoloq is-sopraporti: l-Imperatur Ġustinjanu I jippubblika l-Corpus Juris Civilis, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir jordna li Gallus jiġi ġġustizzjat, u Ambrose jiċħad l-aċċess għall-knisja lill-Imperatur Teodożju I. Il-figuri ta' Bossi juru lil Posejdone u lil Ġunone kif ukoll lil Flora u lil Apollo.
Appartamenti Imperjali tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana
immodifikaMeta l-bibien kollha jinfetħu bejn dawn is-swali, joħolqu qisu kuritur tul il-faċċata kollha tal-ġonna estiż għal total ta' 150 metru. Dawn l-kmamar kienu jintużaw bħala swali ta' riċeviment u bħala akkomodazzjoni għall-mistednin importanti.[12]
L-impatt tal-appartamenti huwa ġġenerat minn sekwenza ta' kmamar b'livelli dejjem jiżdiedu ta' tiżjin. L-iżjed kamra mżejna tal-Appartament tan-Nofsinhar hija l-iSpiegelsaal jew is-Sala tal-Mirja. Il-ħitan tagħha jikkonsistu minn panewijiet tal-ħġieġ minn fuq s'isfel, imżejna fuq wara permezz ta' pitturi jew tpinġijiet inċiżi fi sfond lewn id-deheb u mbagħad mgħoddija b'żebgħa skura li tleqq. Il-pitturi u t-tpinġijiet kollha juru xeni Orjentali, speċjalment Ċiniżi. L-Appartament tan-Nofsinhar jinkludi wkoll it-Toskanasaal. L-iżjed kamra importanti tal-Appartament tat-Tramuntana hija s-Sala l-Ħadra. Il-ħitan tal-kamra huma miksija bl-aħdar metalliku u huma mżejna b'pitturi u b'ornamenti lewn id-deheb.
Kappella tal-Qorti
immodifikaIl-Kappella tal-Qorti hija eżempju prim tal-istil Barokk sagru fil-Ġermanja. Id-disinn fuq ġewwa huwa ddominat mill-ħitan kurvi u mit-tliet volti b'koppla ovali.
Testendi 'l fuq miż-żewġ sulari prinċipali tar-Residenza. Il-kolonni riffieda huma magħmula mill-irħam b'lewn l-agata. Il-kolonni taż-żewġ artali laterali u s-sitt statwi huma magħmula mill-irħam abjad, u ġew imnaqqxa f'Genova. L-artali laterali huma bbażati fuq disinni ta' Hildebrandt u ġew impittra fl-1752 minn Tiepolo (it-Tlugħ is-Sema tal-Madonna fin-Nofsinhar, u l-Gwerra fil-Ġenna fit-Tramuntana). L-artal maġġuri huwa magħmul mill-istukko taparsi tal-irħam u ġie magħmul minn Antonio Bossi. Fuq l-artal hemm matroneum bi statwa tal-Kunċizzjoni Immakulata fiċ-ċentru u oratorji fuq iż-żewġ naħat. Bossi kien responsabbli wkoll għax-xogħol bl-istukko kkulurit fuq is-saqaf (1735) u flimkien mal-pitturi Högler u Thalhofer ħoloq l-affreski fil-koppli (1735-1736): il-Martirju tat-tliet appostli Frankonjani Kilian, Totnan u Kolonat (fuq il-kor), l-Inkurunazzjoni tal-Verġni (fiċ-ċentru) u l-Gwerra fil-Ġenna (fuq l-orgni).[13]
Ġonna tal-Qorti
immodifikaIr-Residenza nbniet meta Würzburg kienet għadha belt iffortifikata. Għalhekk, il-ġonna kellhom jiġu ppjanati fi ħdan il-fortifikazzjonijiet. Is-soluzzjoni kienet tinkludi żewġ bastjuni tas-swar tal-belt iffortifikata, u d-differenzi fl-għoli tas-swar intużaw biex jinħoloq pajsaġġ tassew speċjali. Mill-Punent għal-Lvant l-art togħla, sakemm jintlaħaq il-livell tas-swar. Ħdejn ir-residenza stess, il-Hofgarten (jew il-Ġonna tal-Qorti) huwa ddisinjat bi stil Barokk formali ħafna. Iktar lil hinn, l-istil jinbidel għal ġnien Ingliż b'foresti żgħar u bil-mergħat. Id-disinni għall-ewwel parti saru minn Johann Lukas von Hildebrandt, Neumann u François de Cuvilliés. Fil-biċċa l-kbira nħoloq fl-1759-1770. Johann Peter Alexander Wagner żied il-putti, il-vażuni, l-urni u żewġ gruppi ta' skulturi monumentali, l-Istupru ta' Ewropa u l-Ħtif ta' Proserpina, li jinsabu fl-assi ċentrali bejn l-Għalaq tas-Siġar tal-Larinġ u l-paviljun tan-Nofsinhar tar-Residenza. Il-figuri żdiedu fil-park taħt il-Prinċep-Isqof Adam Friedrich von Seinsheim, li ordna li l-park f'Veitshöchheim jiżżejjen b'mod simili. Tliet daħliet monumentali jwasslu għall-Ġonna tal-Qorti, u dawn ġew ikkummissjonati minn Friedrich Karl von Schönborn bis-saħħa ta' Joh. Georg Oegg.[1]
Preżent
immodifikaIl-ġonna u l-kmamar rappreżentattivi deskritti hawn fuq huma miftuħa għall-pubbliku. Hemm kamra ta' mafkar iddedikata lill-qerda tar-Residenza f'Marzu 1945. Tonora wkoll lill-Maġġur John Davis Skilton, "raġel tal-monumenti" tal-Armata tal-Istati Uniti li kien strumentali għall-preservazzjoni ta' ħafna mit-teżori tal-arti wara l-wasla tiegħu f'Würzburg f'Ġunju 1945.[14]
Il-biċċa l-kbira tal-bqija tar-residenza hija okkupata mill-Mużew ta' Martin von Wagner (ittrasferit hawnhekk fl-1963) u minn organizzazzjonijiet tal-Università ta' Würzburg.
Xi xeni tal-film tal-2011 The Three Musketeers inġibdu fir-Residenza ta' Würzburg.
Gallerija
immodifika-
L-orangerie
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (bil-Ġermaniż). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. p. 52.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Würzburg Residence with the Court Gardens and Residence Square". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-26.
- ^ a b ċ "Bayerische Schlösserverwaltung | Residenz Würzburg | Baugeschichte – Zeittafel". www.residenz-wuerzburg.de. Miġbur 2022-10-26.
- ^ a b Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (bil-Ġermaniż). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. p. 54.
- ^ "Wie kam Tiepolo nach Würzburg ?". www.zum.de. Miġbur 2022-10-26.
- ^ a b ċ "Bayerische Schlösserverwaltung | Residenz Würzburg | Baugeschichte". www.residenz-wuerzburg.de. Miġbur 2022-10-26.
- ^ "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-UNESCO" (PDF).
- ^ Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (bil-Ġermaniż). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. pp. 54-55.
- ^ Tiepolo, Giovanni Battista; veneziano, Museo del Settecento; N.Y.), Metropolitan Museum of Art (New York (1996). Giambattista Tiepolo, 1696-1770 : [Venice, Museum of Ca' Rezzonico, from September 5 to December 9, 1996] : The Metropolitan Museum of Art, New York, [from January 24 to April 27, 1997] (bl-Ingliż). Metropolitan Museum of Art. p. 305. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ a b Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (German). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. p. 55.
- ^ "Met Museum". www.metmuseum.org. Miġbur 2022-10-26.
- ^ Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (German). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. p. 56.
- ^ Dettelbacher, Werner (1974). Franken - Kunst, Geschichte und Landschaft (German). Dumont Verlag. ISBN 3-7701-0746-2. p. 57.
- ^ "Bayerische Schlösserverwaltung | Residenz Würzburg | Rundgang | Gedenkraum". www.residenz-wuerzburg.de. Miġbur 2022-10-26.