Rammelsberg

muntanja fil-katina muntanjuża ta' Harz, il-Ġermanja

Rammelsberg hija muntanja żgħira, b'għoli ta' 635 metru (2,083 pied), li tinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-katina muntanjuża ta' Harz, fin-Nofsinhar tar-raħal storiku ta' Goslar fl-istat federali Ġermaniż ta' Niedersachsen. Fil-qalba tal-muntanja hemm minjiera importanti tal-fidda, tar-ram u taċ-ċomb. Meta ngħalqet fl-1988, kienet l-unika minjiera li baqgħet taħdem b'mod kontinwu għal iktar minn elf sena. Minħabba l-istorja twila tagħha fix-xogħol tal-estrazzjoni bħala xhieda tal-avvanz u tal-iskambju tat-teknoloġija matul bosta sekli, il-minjiera ta' Rammelsberg tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 flimkien ma' Goslar u s-sistema tal-ġestjoni tal-ilma fin-naħa ta' fuq tal-katina muntanjuża ta' Harz.[1][2]

Il-minjiera fix-xaqlibiet tar-Rammelsberg li issa hija mużew.

Skont leġġenda, il-muntanja ngħatat isem kavallier jismu "Ramm", li kien qaddej tal-Imperatur Otto l-Kbir. Fid-968, hu u jikkaċċja, il-kavallier rabat iż-żiemel tiegħu ma' siġra, sabiex isegwi xi ċriev f'art tassew imħarbta. Iż-żiemel tiegħu tilef is-sabar u beda jagħti mal-art bin-nagħla hu u jistenna lil sidu jiġi lura, u hu u jagħmel hekk kixef vina ta' minerali tal-fidda. Skont spjegazzjoni oħra, l-isem jaf oriġina mit-tewm selvaġġ (bil-Ġermaniż t'Isfel: Ramsen) li jikber b'mod mifrux fuq ix-xaqlibiet tal-muntanja. Madankollu, x'aktarx li "ram" huwa terminu Ġermaniż antik ħafna li jirreferi "mineral tar-ram", l-istess bħall-Malti jew bħat-Taljan, fejn "rame" huwa "ram".

Formazzjoni tal-minerali

immodifika

Għad-differenza tad-depożiti tal-minerali tan-naħa ta' fuq tal-katina muntanjuża ta' Harz, id-depożiti tal-minerali fir-Rammelsberg ġew ikkawżati mir-rilaxx ta' fawwariet termali jaħarqu, mimlijin metalli, f'qiegħ il-baħar fil-perjodu Devonjan. Din il-formazzjoni hija magħrufa teknikament bħala depożitu sedimentarju eżalattiv. Fil-qiegħ tal-baħar fil-perjodu Devonjan, iffurmaw żewġ lentijiet enormi tas-sulfur li iktar 'il quddiem inqabdu fit-tiwi tal-blat matul il-perjodu Karboniferu u b'hekk spiċċaw maqlubin b'mod angolat fil-muntanja.[3]

L-estrazzjoni tal-minerali bdiet fis-"Saff tal-Qiegħ l-Antik" jew fil-"Korp l-Antik tal-Minerali" (Altes Lager), li ġie espost fil-wiċċ bl-erożjoni, matul Żmien il-Bronż. Is-"Saff tal-Qiegħ il-Ġdid" (Neues Lager) ġie skopert biss fis-seklu 19 bħala riżultat ta' esplorazzjoni speċifika. Il-minjieri tbattlu mill-minerali fis-snin 80 tas-seklu 20 u ngħalqu fl-1988. Il-minerali kien fihom medja ta' 14 % żingu, 6 % ċomb, 2 % ram, 1 g/t deheb u 140 g/t fidda.[3]

Storja tal-estrazzjoni

immodifika

L-istorja tal-estrazzjoni fir-Rammelsberg seħħet bħala proċess kontinwu f'fażijiet differenti. Inizjalment il-prodott prinċipali tal-estrazzjoni kienu l-minerali tar-ram, imbagħad (ferm) iktar 'il quddiem iċ-ċomb, u mbagħad il-fidda.

L-analiżi ta' sorsi bil-miktub u ta' sejbiet arkeoloġiċi ta' biċċiet imdewba ta' minerali u ta' gagazza li nstabu matul l-iskavi arkeoloġiċi li saru bejn l-1981 u l-1985 f'Düna (qrib Osterode) fin-naħa t'isfel tal-katina muntanjuża ta' Harz, tindika li l-iżjed attività bikrija tal-estrazzjoni fir-Rammelsberg seħħet lejn l-aħħar tas-seklu 7 W.K.[4] Fl-Ingilterra ġew skavati wkoll oġġetti funebri Anglo-Sassoni magħmula mill-minerali tal-katina muntanjuża ta' Harz.[5]

Medju Evu

immodifika
 
Minerali tar-ram mid-depożitu sedimentarju eżalattiv tar-Rammelsberg.

L-estrazzjoni fir-Rammelsberg issemmiet għall-ewwel darba fid-dokumenti għall-ħabta tad-968 mill-kronista Sassonu Widukind ta' Corvey. Skont ir-Res gestae saxonicae, l-Imperatur Otto l-Kbir ordna li jinfetħu d-depożiti tal-minerali tal-fidda (bil-Latin: venas argenti) u jiġu estratti. L-insedjament ta' Goslar ibbażat fuq l-industrija tal-estrazzjoni ma ssemmiex qabel id-979. Fl-1005, attirat mill-preżenza tal-fidda, ir-Re Enriku II tal-Ġermanja ordna l-kostruzzjoni tal-Palazz Imperjali ta' Goslar (Kaiserpfalz Goslar) taħt il-muntanja tar-Rammelsberg, u fl-1009 saret l-ewwel Assemblea Imperjali hemmhekk. Estiż mis-suċċessuri Saljani tiegħu, Konrad II u Enriku III, il-palazz ta' Goslar gradwalment ħa post l-eks Palazz Irjali ta' Werla.[6]

Il-minjieri li kienu qed jagħmlu qligħ baqgħu Reichsgut b'sjieda diretta tal-Imperatur Ruman Sagru. Meta fl-1175 l-Imperatur Federiku Barbarossa sejjaħ għall-appoġġ fil-kampanja militari tiegħu kontra l-bliet Taljani tal-Lega Lombarda, id-Duka Welf Enriku l-Iljun talab għall-appoġġ tiegħu u ta' dan jikkumpensah bil-minjieri ta' Goslar, iżda Federiku rrifjuta. Id-Duka Enriku assedja r-raħla u ordna li l-impjanti tal-estrazzjoni jinqerdu. Wara li ġie depost, il-minjieri tar-Rammelsberg ġew irrestawrati mill-ġdid iżda reġgħu ġew ikkontestati fl-1198/99 matul it-taqbida għat-tron bejn il-Welf u l-Hohenstaufen, fi kliem ieħor bejn ibnu Otto IV u iben Federiku Filippu ta' Swabja.

Wara li l-influwenza imperjali battiet, il-minjieri nżammew mill-kunsill tal-belt imperjali ta' Goslar fuq pleġġ, u uffiċjalment xtraw l-intitolament għad-drittijiet u għar-royalties tal-estrazzjoni (Bergregal) fl-1359. Fl-1376 ġie ddokumentat aċċident fil-minjieri, fejn intradmu u mietu iktar minn 100 ħaddiem tal-minjieri. Il-minerali prinċipali estratti fir-Rammelsberg kienu l-minerali taċ-ċomb u taż-żingu, il-minerali tar-ram, il-minerali tal-kubrit, il-minerali mħallta (Melierterz), l-ispar kannella (Braunerz), il-minerali tal-barit (Grauerz), il-minerali f'medda (Banderz) u l-kniest flimkien ma' minerali importanti oħra bħall-galena, il-kalkopirit, l-isfalerit, il-barit u l-vitrioli. Il-metalli ewlenin estratti minn dawn il-minerali kienu jinkludu l-fidda, iċ-ċomb, ir-ram u ż-żingu, u fuqhom kien ibbażat il-ġid ta' Goslar. Bis-saħħa ta' dan il-ġid, il-minjieri ta' Goslar u tar-Rammelsberg kienu influwenti fil-Lega Anseatika matul is-snin 40 tas-seklu 15, iżda fl-1552, il-kontroll tal-minjieri ġie ttrasferit minn Goslar għall-Margravjat ta' Brandenburg.[6]

Era moderna

immodifika
 
Il-belt imperjali ta' Goslar u r-Rammelsberg, pittura tal-1574.

Għal sekli sħaħ il-minjieri ta' Goslar kienu biċċa uġigħ ta' ras għad-Duki ta' Brunswick-Wolfenbüttel li kienu qed imexxu t-territorji biswit ta' Harz. Fl-1552 – wara deċennji ta' proċedimenti ġuridiċi, fewdi u ġlied – id-Duka Enriku V ħataf l-okkażjoni tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-belt fil-Gwerra Xmalkaldika u ħa f'idejh is-sjieda tal-minjieri miċ-ċittadini. L-operazzjonijiet tal-estrazzjoni komplew jiġu promossi minn iben Enriku, is-suċċessur tiegħu d-Duka Ġulju ta' Brunswick-Wolfenbüttel mill-1568. Matul il-Gwerra ta' Tletin Sena, għal darb'oħra ċ-ċittadini ta' Goslar reġgħu ppruvaw jieħdu l-minjieri tar-Rammelsberg u ddistingwew ruħhom bħala partitarji leali tal-forzi imperjali kontra l-kmandant Protestant Kristjanu ż-Żgħir ta' Brunswick; madankollu, ma rnexxilhomx peress li n-neputi tiegħu d-Duka Awgustu ż-Żgħir irrikonċilja mal-Imperatur Ferdinandu fl-1642. Taħt id-Duki Welf, mis-seklu 18 'il quddiem inkiseb ukoll id-deheb.

Flimkien ma' Goslar, il-minjieri tar-Rammelsberg għaddew għand ir-Renju ta' Hanover fl-1814 u għand ir-Renju tal-Prussja fl-1866. Taħt ir-Rammelsbergprojekt tal-1936/37, il-minjiera tkabbret ferm taħt l-awtoritajiet Nażisti skont il-Pjan ta' Erba' Snin. In-Nażisti ħassew li r-Rammelsberg bil-minerali tal-metalli tiegħu kien vitali għall-isforzi militari tagħhom u d-diffikultà tal-arrikkiment minerali kienet ġiet solvuta teknikament permezz tat-tagħwim bir-ragħwa. Dan wassal għall-kostruzzjoni tal-impjanti attwali fuq l-art, inkluż l-impjant tal-ipproċessar mal-ġenb tal-muntanja u x-xaft tar-Rammelsberg. L-arkitetti kienu Fritz Schupp u Martin Kremmer, li ddisinjaw binjiet industrijali importanti oħra, inkluż is-Sit ta' Wirt Dinji tal-Unesco fiż-żona tar-Ruhr, iz-Zeche Zollverein.[7]

Wara iktar minn 1,000 sena li matulhom ġew estratti kważi 30 miljun tunnellati ta' minerali, il-minjiera ngħalqet finalment mill-kumpanija Preussag fit-30 ta' Ġunju 1988 peress li fil-biċċa l-kbira d-depożiti tal-minerali kienu ġew eżawriti. Assoċjazzjoni taċ-ċittadini argumentat bis-saħħa kontra l-pjanijiet ta' twaqqigħ tal-impjanti ta' fuq l-art u li l-impjanti tal-estrazzjoni storiċi taħt l-art jintradmu. B'konsegwenza ta' dan, il-minjiera li kienet ingħalqet ġiet żviluppata f'mużew biex jiġi ppreservat il-wirt industrijali u tintwera l-istorja tal-minjiera u tat-tagħmir industrijali tagħha.

Prospettar fl-2009

immodifika
 
Rota idrawlika fil-mużew tal-estrazzjoni.

Fi Frar 2009, il-kumpanija Scandinavian Highlands Holding A/S ippubblikat ir-riżultati tal-investigazzjonijiet ġeofiżiċi magħmula mis-sussidjarja tagħha Harz Minerals GmbH. Skontha jaf huma preżenti depożiti tal-minerali mhux magħrufa ta' daqs simili għal dawk li kien hemm fir-Rammelsberg xi żewġ kilometri fil-Punent tad-depożiti tal-minerali tar-Rammelsberg. Fil-ħarifa tal-2009 diversi tentattivi ta' tħaffir esplorattiv twettqu fiż-żona ta' Hessenkopf u ta' Gosetal sa fond ta' 500-600 metru. Fl-aħħar ta' Jannar 2010, wara nuqqas ta' aħbarijiet għal bosta xhur, il-kumpanija ħabbret li kienet se twettaq tħaffir sa fond ta' 800 metru, fejn kienet qed tissuspetta li jaf hemm depożiti tal-minerali rikki.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-mużew tal-estrazzjoni tar-Rammelsberg.

Iċ-ċentru storiku ta' Goslar u l-minjieri tar-Rammelsberg ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[2] Fl-2010 is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġie estiż biex tiġi inkluża s-sistema tal-ġestjoni tal-ilma tan-naħa ta' fuq ta' Harz, l-Abbazija ta' Walkenried u l-Foss storiku ta' Sansun. Il-Mużew tar-Rammelsberg u l-minjiera miftuħa għall-viżitaturi huma waqfa importanti tul ir-Rotta Ewropea tal-Wirt Industrijali (bl-Ingliż: European Route of Industrial Heritage - ERIH).

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jipproteġi bosta artefatti mill-Medju Evu tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni fil-muntanja, inkluż:

  • il-fosos l-antiki tar-radam u l-munzelli tal-gagazza (l-eqdem fosthom imorru lura għas-seklu 10);
  • il-binarji tat-trasport tal-minerali li jmorru lura għas-seklu 12;
  • il-Gallerija ta' Roeder (b'sistema ta' vireg ċatti u diversi roti tal-ilma li jappoġġaw id-drenaġġ tal-foss u l-olzar tal-minerali; hemm replika fid-Deutsches Museum f'Munich);
  • il-Maħżen ta' Feuergezäher (l-eqdem spazju tal-estrazzjoni taħt l-art b'qafas tal-injam u l-brikks (ausgemauert) fl-Ewropa Ċentrali);
  • il-Gallerija ta' Rathstiefste (passaġġ orizzontali Medjevali tad-drenaġġ; imżejjen bi qxur tal-vitrioli kkuluriti);
  • il-qafas strutturali ewlieni tal-minjiera (tas-seklu 18);
  • it-Torri tas-Sorveljatur Ewlieni tal-Fosos (Maltermeisterturm) (l-eqdem binja tal-estrazzjoni fil-Ġermanja li tinsab fuq l-art).

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Faċilitajiet tal-minjiera

immodifika
 
It-Torri tas-Sorveljatur Ewlieni tal-Fosos.

Torri tas-Sorveljatur Ewlieni tal-Fosos

immodifika

It-Torri tas-Sorveljatur Ewlieni tal-Fosos (Maltermeisterturm) huwa l-eqdem binja industrijali fuq l-art li għadha teżisti fir-Rammelsberg u x'aktarx fil-Ġermanja kollha. Inbena għall-ħabta tal-1500 fuq munzell gagazza mal-ġenb tar-Rammelsberg. Inizjalment it-torri kien jintuża għas-sorveljanza tal-fosos; mill-1578 'il quddiem intuża bħala torri ta' kampnar (Anläuteturm).

Minn nofs is-seklu 18, fit-torri kien jgħix is-sorveljatur ewlieni (Maltermeister). Dan kien jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-injam meħtieġ għall-minjiera, li kien jitkejjel f'malters, u b'hekk inżamm l-isem attwali.

Għadira ta' Herzberg

immodifika

L-Għadira ta' Herzberg inħolqot fl-1561 sabiex ikun hemm biżżejjed ilma biex ikunu jistgħu jduru r-roti tal-ilma fiż-żminijiet tan-nixfa. Mill-1926, din intużat bħala pixxina tal-għawm fil-boskijiet. Sal-għeluq tal-minjieri, l-ilma kien jintuża għat-tberrid u l-ilma sħun kien jiġi ppumpjat lura fl-għadira u b'hekk issaħħan il-baċir tal-water was used for cooling and the warm water was pumped back into the pixxina tal-għawm fil-boskijiet.

Arrikkiment minerali fuq il-Bollrich

immodifika
 
L-Għadira ta' Herzberg u l-impjant tal-arrikkiment minerali tar-Rammelsberg fuq in-naħa tal-lemin tagħha.

Minħabba l-Wirtschaftswunder ("miraklu ekonomiku") Ġermaniż ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija u ż-żieda kbira fil-prezzijiet taċ-ċomb u taż-żingu fl-1950, saru investigazzjonijiet fid-depożiti tal-minerali f'medda (Banderz). Wara tentattivi li rnexxew ta' pproċessar tal-minerali b'kontenut fqir ta' metalli (b'kontenut ta' metalli li setgħu jiġu rkuprati ta' madwar 25 %), l-arrikkiment tal-minerali f'medda nbeda fl-1953 fuq il-Bollrich iktar 'il fuq mill-villaġġ ta' Oker. Għal darb'oħra l-arkitett tal-minjiera Fritz Schupp kien responsabbli għall-ippjanar tal-faċilitajiet.

Is-sit ġie kkollegat mal-minjiera tar-Rammelsberg permezz tal-linja ferrovjarja tal-foss li tgħaddi mill-Gallerija ta' Gelenbeek. It-tneħħija ta' konċentrati taċ-ċomb imdewweb f'Oker u taż-żingu fl-impjanti ta' Harlingerode ġiet iffaċilitata permezz ta' linja ferrovjarja b'gejġ standard.

Munita kommemorattiva

immodifika

Fl-2008 iċ-ċentru storiku ta' Goslar u l-minjiera tar-Rammelsberg kienu s-suġġett tal-muniti tad-deheb ta' 100 ewro li jiġu zzekkati kull sena bħala parti minn serje ta' muniti kommemorattivi ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Harzer Wandernadel

immodifika

Il-Mużew tar-Rammelsberg huwa l-waqfa Nru 91 fis-sistema ta' waqfiet li jiffurmaw in-network tal-mixi magħruf bħala l-Harzer Wandernadel.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Knolle, Friedhart et al. (2007). Geopark Harz, Braunschweiger Land, Ostfalen – Landmark 3 – Rammelsberg, Regionalverband Harz e.V., Koch-Druck Halberstadt.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mines of Rammelsberg, Historic Town of Goslar and Upper Harz Water Management System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-15.
  3. ^ a b Large D, Walcher E. (1999). "The Rammelsberg massive sulphide Cu-Zn-Pb-Ba-Deposit, Germany: an example of sediment-hosted, massive sulphide mineralisation". Mineralium Deposita. 34 (5–6): 522–538.
  4. ^ J. Schneider (2005). SEDEX/VMS deposits in the Rhenohercynian Zone, Germany: Rammelsberg: Lat. 40º30'N, Long. 6º50'E; Meggen: Lat. 40º30'N, Long. 6º50'E, in D. Blundell, N. Arndt, P.R. Cobbold, C. Heinrich eds., Geodynamics and Ore Deposit Evolution in Europe. Elsevier. p. 268. ISBN 9780080931340.
  5. ^ I. Blanchard (2001). Mining, Metallurgy and Minting in the Middle Ages, vol. 2. Steiner. p. 531 (nota 6). ISBN 9783515079587.
  6. ^ a b "Rapport tal-ICOMOS".
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Zollverein Coal Mine Industrial Complex in Essen". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-16.
  8. ^ "The Rammelsberg deposit". e-sga.org. Miġbur 2023-03-16.