Zollverein
Iz-Zollverein jew il-Kumpless Industrijali tal-Minjieri tal-Faħam taz-Zollverein (bil-Ġermaniż: Zeche Zollverein) huwa sit industrijali kbir antik fil-belt ta’ Essen, fl-istat federali ta’ Nordrhein-Westfalen (NRW), il-Ġermanja. Ġie mniżżel fil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-14 ta’ Diċembru 2001[1], u huwa sit importanti tar-Rotta Ewropea tal-Wirt Industrijali.[2]
L-ewwel minjiera tal-faħam fil-kumpless ġiet stabbilita fl-1847, u x-xogħol tal-estrazzjoni fil-minjieri seħħ mill-1851 sat-23 ta’ Diċembru 1986. Mis-snin 50 tas-seklu 20, għal deċennji sħaħ, iż-żewġ partijiet tas-sit industrijali, jiġifieri l-Minjiera tal-Faħam taz-Zollverein u l-Impjant tal-Ikkokkjar taz-Zollverein (li ġew stabbiliti bejn l-1957 u l-1961, u li ngħalqu fit-30 ta’ Ġunju 1993), kienu fost l-ikbar minjieri u impjanti ta’ dak it-tip fl-Ewropa. Ix-Xaft Nru 12, li nbena fl-istil tal-Oġġettività Ġdida, infetaħ fl-1932 u jitqies bħala kapulavur arkitettoniku u tekniku, u sar rinomat bħala “l-isbaħ minjiera tal-faħam fid-dinja”.[3]
Storja
immodifika1847-1890
immodifikaIl-Minjiera tal-Faħam taz-Zollverein ġiet stabbilita mill-industrijalist imwieled f’Duisburg, Franz Haniel (1779-1868), li kellu bżonn il-kokk għall-produzzjoni tal-azzar. Mit-tħaffir ta’ prova fir-reġjun ta’ Katernberg ħareġ ċar li kien hemm depożiti rikki tal-faħam. Fl-1847, Haniel stabbilixxa kumpanija u semmiha Bergrechtliche Gewerkschaft Zollverein (Unjoni tax-Xogħol taz-Zollverein skont il-Liġi tax-Xogħol fil-Minjieri). Dak iż-żmien fil-Prussja kien hemm liġi tax-xogħol fil-minjieri li kienet tħeġġeġ l-isfruttament tar-riżorsi naturali. Il-liġi kienet tħeġġeġ il-ħolqien ta’ forma speċjali ta’ korporazzjoni, imsejħa “unjoni tax-xogħol” (Gewerkschaft), iżda fil-fatt kienet tkun kumpanija kapitalista. Haniel semma l-kumpanija tiegħu Zollverein bħall-Unjoni Doganali Ġermaniża, li ġiet stabbilita fl-1834. Haniel iddistribwixxa l-ishma tal-kumpanija l-ġdida fost il-membri tal-familja tiegħu u sid l-art fejn iktar ’il quddiem kienet se tinbena l-minjiera.[4]
It-tħaffir fil-fond tax-Xaft Nru 1 beda fit-18 ta’ Frar 1847, u l-ewwel saff tal-faħam intlaħaq f’fond ta’ 130 metru. L-ewwel xogħol tal-estrazzjoni beda fl-1851. Ix-Xaft Nru 2 infetaħ fl-1852, għalkemm it-tħaffir fil-fond beda flimkien ma’ dak tax-Xaft Nru 1. Iż-żewġ xaftijiet kellhom torrijiet tal-ġebel identiċi u kienu jikkondividu kompartiment tal-magni. Iktar ’il quddiem, dan il-kunċett ġie adattat b’minjieri tal-faħam b’xaftijiet tewmin.
Mill-1857 ’il quddiem, il-munzelli tal-faħam kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-kokk. Fl-1866, dawn il-munzelli ġew sostitwiti b’impjant modern tal-ikkokkjar u bi fran industrijali.
Fl-1880 beda t-tħaffir fil-fond ta’ xaft ieħor, ix-Xaft Nru 3, fid-distrett viċin ta’ Schonnebeck. Dan ix-xaft infetaħ fl-1883 u kellu qafas tal-azzar li kien jirfed it-torri tad-dawran. Sal-1890, t-tliet xaftijiet kienu diġà kisbu output ta’ miljun tunnellata, u b’hekk iz-Zollverein kien l-iktar kumpless tal-minjieri produttiv fil-Ġermanja.[5]
1890-1918
immodifikaPeress li l-industriji tal-faħam, tal-ħadid u tal-azzar fiż-żona urbana ta’ Ruhr (bil-Ġermaniż: Ruhrgebiet) tkattru fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, il-kumpless tal-minjieri taz-Zollverein ġie estiż b’mod sinifikanti.
Bejn l-1891 u l-1896, ix-Xaftijiet tewmin Nri 4 u 5 inbnew fil-limiti ta’ Heßler (li llum il-ġurnata huwa subborg ta’ Gelsenkirchen). Dawn iż-żewġ xaftijiet kellhom liftijiet speċjali għall-estrazzjoni tal-faħam kif ukoll għat-trasport tal-ħaddiema tal-minjieri, u kellhom kanali tal-ventilazzjoni. Xaft ieħor, ix-Xaft Nru 6, infetaħ fl-1897.
Sal-1897, fiz-Zollverein kienu diġà seħħew diversi inċidenti fix-xogħol tal-estrazzjoni minħabba rilaxxi tal-gassijiet tal-minjieri kkawżati minn problemi fil-ventilazzjoni. Sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi, infetħu xaftijiet addizzjonali għall-ventilazzjoni biss, qrib ix-xaftijiet eżistenti: fl-1899 infetaħ ix-Xaft Nru 7 ħdejn ix-Xaft Nru 3, fl-1900 infetaħ ix-Xaft Nru 8 ħdejn ix-Xaftijiet Nri 1 u 2, u fl-1905 infetaħ ix-Xaft Nru 9 ħdejn ix-Xaft Nru 6.
Wara l-ftuħ ta’ dawk ix-xaftijiet addizzjonali, saret rinnovazzjoni kontinwa u z-Zollverein kompla jitwessa’. Wara l-kostruzzjoni tax-xaftijiet tal-ventilazzjoni Nri 7 sa 9, ix-Xaftijiet Nri 1 u 2, kif ukoll l-impjant tal-ikkokkjar tagħhom, ġew rinnovati, u wieħed mit-torrijiet tewmin tagħhom twaqqa’ u ġie sostitwit b’qafas modern tal-azzar. Fl-1914 infetħu x-Xaft Nru 10 u impjant ġdid tal-ikkokkjar, u x-Xaft Nru 9 ġie kkonvertit minn xaft tal-ventilazzjoni għal xaft tal-estrazzjoni.
Sa qabel faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-output taz-Zollverein kien żdied għal bejn wieħed u ieħor 2.5 miljun tunnellati fis-sena.
1918-1932
immodifikaFl-1920, il-familja Haniel, li kienu s-sidien taz-Zollverein sa dak iż-żmien, bdew jikkooperaw ma’ Phönix AG, kumpanija tax-xogħol tal-minjieri li sussegwentement ħadet il-ġestjoni tas-sit f’idejha. Taħt il-ġestjoni ta’ Phönix AG, diversi xaftijiet ġew immodernizzati mill-ġdid, u fl-1927 infetaħ ix-Xaft Nru 11. Meta seħħet il-fużjoni ta’ Phönix AG fil-Vereinigte Stahlwerke fl-1926, iz-Zollverein għadda taħt il-kontroll tal-Gelsenkirchener Bergwerks-AG (GBAG), li bdiet tagħlaq il-biċċa l-kbira tal-impjanti tal-ikkokkjar li kienu saru antiki.
Xaft Nru 12
immodifikaFl-1928, il-GBAG iddeċidiet li tibni xaft ġdid għalkollox, ix-Xaft Nru 12, iddisinjat bħala faċilità ċentrali tax-xogħol tal-minjieri. Meta x-xaft infetaħ fl-1932, l-output ta’ kuljum tiegħu flimkien mal-erba’ faċilitajiet eżistenti l-oħra bi 11-il xaft kien ilaħħaq sa 12,000 tunnellata.
Ix-Xaft Nru 12 sar magħruf bħala x-Xaft Albert Vögler, li kien isem id-direttur tal-GBAG, u ġie ddisinjat mill-arkitetti Fritz Schupp u Martin Kremmer. Ix-xaft modern malajr sar magħruf minħabba d-disinn sempliċi iżda funzjonali skont l-istil tal-Bauhaus, b’binjiet kubi magħmula minn konkoż imsaħħaħ u mirfuda b’riffieda bil-puntali tal-azzar.[6]
Fis-snin ta’ wara, it-torri tad-dawran karatteristiku tax-xaft, magħruf bħala Doppelbock, mhux biss sar l-arketip ta’ ħafna faċilitajiet ċentrali tax-xogħol tal-minjieri li ġew warajh, iżda sar ukoll simbolu tal-industrija peżanti tal-Ġermanja. It-torri tad-dawran tax-Xaft Nru 12 bil-kitba Zollverein sar simbolu magħruf sew ta’ Essen u taż-żona urbana kollha ta’ Ruhr. Filwaqt li dan is-simbolu bil-mod il-mod jaf kien beda jintesa meta l-industrija peżanti Ġermaniża bdiet tmajna fit-tieni nofs tas-seklu 20, dan ix-xaft u t-torri tad-dawran karatteristiku tiegħu saru simbolu tal-bidla strutturali taż-żona urbana ta’ Ruhr.
1932-1968
immodifikaFl-1937, iz-Zollverein kien jimpjega 6,900 ruħ u kellu output ta’ 3.6 miljun tunnellata. Il-maġġoranza ta’ dan l-output kien qed jinkiseb permezz tax-Xaft Nru 12 il-ġdid. Ix-xaftijiet l-oħra ma ngħalqux għalkollox, u wħud, bħax-Xaft Nru 6, saħansitra nbnewlu torrijiet tad-dawran ġodda (għalkemm kien ferm inferjuri minn dak tax-Xaft Nru 12). Fl-istabbiliment tal-impjant tal-ikkokkjar l-antik tax-Xaftijiet Nri 1, 2 u 8, infetħet faċilità żgħira b’54 forn ġdid, b’output ta’ 200,000 tunnellata ta’ kokk fis-sena.
Iz-Zollverein ma tantx ġarrab ħsarat tul it-Tieni Gwerra Dinjija u sal-1953 reġa’ kien fl-ewwel post fost il-minjieri Ġermaniżi kollha, b’output ta’ 2.4 miljun tunnellati. Fl-1958, ix-Xaft Nru 1 ġie sostitwit b’binja ġdida għalkollox. Ir-rikostruzzjoni sħiħa tax-Xaftijiet Nri 2, 8 u 11 li saret mill-1960 sal-1964 kienet ġiet ippjanata għal darb’oħra minn Fritz Schupp. Madankollu, dawn ir-rinnovazzjonijiet damu biss sal-1967, għaliex 11-il xaft ingħalqu, u l-uniku xaft li baqa’ miftuħ kien ix-Xaft Nru 12.
Għaldaqstant, mill-1961 ix-Xaft Nru 12 sar il-fornitur ewlieni tal-impjant ċentrali l-ġdid tal-ikkokkjar b’192 forn, li mill-ġdid ġie ddisinjat minn Fritz Schupp. Wara żmien ta’ espansjoni fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, iz-Zollverein kien fost l-iktar impjanti tal-ikkokkjar produttivi fid-dinja, b’madwar 1,000 ħaddiem u output ta’ kuljum sa 8,600 tunnellata ta’ kokk. Dan l-output kien jinkiseb fin-naħa tal-impjant magħrufa bħala n-naħa skura/sewda. In-naħa bajda tal-impjant kienet tipproduċi prodotti bħall-ammonijaka, il-benżen mhux maħdum, u l-qatran mhux maħdum.
Fl-1968, iz-Zollverein għadda f’idejn ir-Ruhrkohle AG (RAG), l-ikbar kumpanija tax-xogħol tal-minjieri fil-Ġermanja.
1968-1993
immodifikaL-RAG tat bidu għall-mekkanizzazzjoni u għall-konsolidazzjoni ulterjuri tax-xogħol tal-minjieri. Fl-1974, iz-Zollverein issieħbet f’Verbundbergwerk (qisha sħubija ta’ minjieri konġunti) flimkien mal-minjieri tal-faħam Bonifacius u Holland f’Kray u f’Gelsenkirchen rispettivament. Fl-1982, issieħbet ukoll il-minjiera tal-faħam Nordstern.
Is-saff tal-faħam ta’ Flöz Sonnenschein fit-Tramuntana tat-territorju taz-Zollverein kien l-aħħar saff li fih saru xogħlijiet tal-minjieri fit-territorju taz-Zollverein, u dawn bdew fl-1980. L-output tal-Verbundbergwerk Nordstern-Zollverein kien ta’ bejn wieħed u ieħor 3.2 miljun tunnellati, iżda dan ma kienx qed iwassal għal biżżejjed profitt. Għalhekk, fl-1983 ġie deċiż li z-Zollverein jingħalaq għalkollox.
Meta għalaq, iz-Zollverein kien l-aħħar kumpless attiv tal-minjieri tal-faħam f’Essen. Minkejja li l-impjant tal-ikkokkjar baqa’ miftuħ sat-30 ta’ Ġunju 1993, ix-xogħlijiet tal-minjieri fix-Xaft Nru 12 intemmew fit-23 ta’ Diċembru 1986. Għalkemm huwa x-xaft ċentrali tas-Sit Kulturali ta’ Wirt Dinji, ix-Xaft Nru 12 mhuwiex miftuħ għall-pubbliku għaliex għadu jintuża flimkien max-Xaft Nru 2 għall-iskular tal-ilma taż-żona urbana ċentrali ta’ Ruhr.[7]
Mill-1993 ’il quddiem
immodifikaIz-Zollverein huwa wieħed mix-xenarji li ntuża fir-rumanz All the Light We Cannot See ta’ Anthony Doerr li rebaħ Premju Pulitzer fl-2015.[8]
Barra minn hekk, iz-Zollverein deher bħala wieħed mill-“Għeġubijiet” fil-logħba elettronika Civilization VI.
Monument
immodifikaBħalma ġara fil-biċċa l-kbira tas-siti tal-industriji peżanti li ngħalqu, iz-Zollverein kien se jiffaċċja perjodu ta’ sadid u żdingar. Madankollu, l-istat federali tal-NRW xtara t-territorju tal-minjieri tal-faħam mill-RAG ftit wara li z-Zollverein ingħalaq fl-aħħar tal-1986, u ddikjara x-Xaft Nru 12 bħala sit ta’ wirt kulturali. Dan mexa id f’id mal-obbligu li s-sit jiġi ppreservat fl-istat oriġinali tiegħu u li jiġu mminimizzati l-effetti tal-elementi fuq il-kumpless. Fl-1989, il-belt ta’ Essen u l-istat federali tal-NRW stabbilew il-Bauhütte Zollverein Schacht XII li kellu jieħu ħsieb is-sit minflok is-Stiftung Zollverein (jiġifieri l-Fondazzjoni taz-Zollverein) fl-1998.
Wara li l-impjant tal-ikkokkjar ingħalaq fl-1993, kien ġie ppjanat li dan jinbiegħ liċ-Ċina. Madankollu, in-negozjati ma wasslu għall-ebda bejgħ u sussegwentement kien hemm it-theddida li l-kumpless jitwaqqa’ għalkollox. Proġett ieħor tal-istat federali tal-NRW niżżel il-kumpless tal-minjieri tal-faħam taz-Zollverein f’lista ta’ siti futuri tal-wirjiet. Dan irriżulta fi ftit modifiki żgħar fil-kumpless u l-impjant tal-ikkokkjar sar ukoll sit ta’ wirt kulturali uffiċjali fis-sena tal-2000.[9]
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaFil-25 sessjoni tal-UNESCO f’Diċembru 2001, il-kumpless tal-minjieri tal-faħam u tal-impjanti tal-ikkokkjar taz-Zollverein sar Sit ta’ Wirt Dinji. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO peress li s-sit jikkostitwixxi evidenza materjali notevoli tal-evoluzzjoni u tad-deklin ta’ industrija essenzjali tul l-aħħar 150 sena: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba l-binjiet tal-kumpless industrijali huma eżempji straordinarji tal-applikazzjoni tal-kunċett tad-disinn tal-Moviment Modern fl-arkitettura f’kuntent totalment industrijali; u l-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba l-binjiet tal-kumpless industrijali taz-Zollverein jirrappreżentaw perjodu kruċjali fl-iżvilupp tal-industriji peżanti tradizzjonali fl-Ewropa.[1][9]
Mużew dwar iż-Żona Urbana ta’ Ruhr
immodifikaIl-mużew dwar iż-żona urbana ta’ Ruhr fl-eks impjant tat-tindif tal-faħam taz-Zollverein huwa mużew reġjonali. Fil-wirja permanenti tiegħu, il-mużew jippreżenta, permezz ta’ iktar minn 6,000 oġġett, l-istorja notevoli ta’ wieħed mill-ikbar reġjuni industrijali fid-dinja, mill-formazzjoni tal-faħam xi 300 miljun sena ilu għall-bidla strutturali attwali favur il-Metropoli ta’ Ruhr. Il-mużew dwar iż-żona urbana ta’ Ruhr għandu kollezzjonijiet estensivi dwar l-istorja tal-ġeoloġija, tal-arkeoloġija, industrijali u soċjali, kif ukoll ritratti taż-żona urbana ta’ Ruhr. Flimkien mal-wirja permanenti tiegħu, il-mużew juri b’mod regolari wirjiet speċjali u joffri programm diversifikat b’workshops, żjarat iggwidati, eskursjonijiet, lekċers, lejliet fejn jintwerew xi films, gwidi elettroniċi bl-awdjo u attivitajiet għall-familji.[9]
Referenzi
immodifika- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Zollverein Coal Mine Industrial Complex in Essen". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-08.
- ^ "European route of industrial heritage – ERIH". www.erih.net. Miġbur 2021-03-08.
- ^ "Zeche Zollverein und Kokerei Zollverein Essen – Industriekultur im Ruhrgebiet". www.ruhrgebiet-industriekultur.de. Miġbur 2021-03-08.
- ^ Andreas Koerner / Klaus Scholz / Wolfgang Sykorra: Man war nie fremd. Die Essener Bergbaukolonie Schönebeck und ihr Stadtteil. Edition Rainruhr, Essen 2009, p. 158, ISBN 978-3-9811598-9-9.
- ^ Walter Buschmann: Zechen und Kokereien im rheinischen Steinkohlenbergbau. Aachener Revier und westliches Ruhrgebiet (= Die Bau- und Kunstdenkmäler von Nordrhein-Westfalen. Bd. 1: Rheinland). Mann, Berlin 1998, ISBN 3-7861-1963-5, pp. 414–485.
- ^ Wilhelm Busch und Thorsten Scheer: Symmetrie und Symbol. Die Industriearchitektur von Fritz Schupp und Martin Kremmer. Köln 2002, ISBN 3-88375-616-4.
- ^ Dietmar Osses: Kohle, Koks, Kultur. Die Kokereien der Zeche Zollverein. Stiftung Industriedenkmalpflege und Geschichtskultur, Dortmund 2002, ISBN 3-935783-09-4.
- ^ ""All the Light We Cannot See, by Anthony Doerr (Scribner)"".
- ^ a b ċ "The heritage of mankind" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-03-08.