Nemrut Dağı

sit arkeoloġiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Turkija

Nemrut Dağı jew l-Għolja ta' Nemrut jew ta' Nemrud (bil-Kurd: Çiyayê Nemrûdê; bl-Armen: Նեմրութ լեռ) hija għolja b'għoli ta' 2,134 metru fix-Xlokk tat-Turkija, magħrufa għall-quċċata artifiċjali tagħha fejn instabu għadd ta' statwi kbar madwar dak li x'aktarx jitqies bħala qabar irjali mis-seklu 1 Q.K. Din l-għolja hija waħda mill-ogħla qċaċet fil-Lvant tal-Muntanji Taurus.

Nemrut Dağı

Nemrut Dağı ġie miżjud fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1] Id-dokument tan-nominazzjoni jgħid dan li ġej:[1]

Il-mawżolew ta' Antijoke I (69-34 Q.K.), li rrenja fuq Commagene, renju stabbilit fit-Tramuntana tas-Sirja u x-xmara Ewfrate wara l-waqgħa tal-imperu ta' Alexander, huwa wieħed mill-iżjed kostruzzjonijiet ambizzjużi tal-perjodu Ellenistiku. Is-sinkretiżmu tal-panteon tiegħu, u n-nisel tar-rejiet tiegħu, li jmorru lura għal żewġ settijiet ta' leġġendi, Griegi u Persjani, huma evidenza tal-oriġini doppja ta' din il-kultura tar-renju.

Pożizzjoni u deskrizzjoni

immodifika
 
In-naħa tal-Lvant ta' Nemrut Dağı

L-għolja ta' Nemrut tinsab 40 kilometru fit-Tramuntana ta' Kahta, ħdejn Adıyaman. Fit-62 Q.K., ir-Re Antiochus I Theos ta' Commagene bena qabar-santwarju fuq għolja, imdawwar bi statwi kbar għoljin tmienja sa disa' metri tiegħu stess, żewġ iljuni, żewġ ajkli, u diversi allat Griegi u Iranjani kompożiti, bħal Erakle-Artagnes-Ares, Żeus-Oromasdes, u Apollo-Mitras-Helios-Hermes.[2][3] Meta bena dan il-panteon, Antijoke ħa ispirazzjoni kbira mit-tradizzjonijiet Partiċi u Armeni sabiex jerġa' jagħti ħajja lir-reliġjon tad-dinastija tal-antenati tiegħu.[4] L-istatwi fl-imgħoddi kienu bilqiegħda, bl-ismijiet ta' kull alla mnaqqxin fuqhom. F'xi stadju tal-istorja, l-irjus tal-istatwi tneħħew mill-iġsma tal-istatwi, u issa jinsabu quddiem il-kumplament tal-iġsma.

Ix-xejra tal-ħsara lill-irjus (l-iktar l-imniħrijiet) tissuġġerixxi li ġew danneġġati apposta bħala riżultat tal-ikonoklastija. L-istatwi ma ġew irrestawrati lura fil-postijiet oriġinali tagħhom. Is-sit jippreserva wkoll ħaġriet b'bassoriljievi li huwa maħsub li kienu parti minn freġju kbir. Dawn il-ħaġriet, jew steli, għandhom lill-antenati Griegi u Persjani ta' Antijoke mnaqqxin fuqhom.[5][6]

L-istess statwi u antenati li nstabu f'diversi partijiet tas-sit, jinstabu wkoll qrib il-quċċata artifiċjali, f'għoli ta' 49 metru (161 pied) u b'dijametru ta' 152 metru (499 pied). Huwa possibbli li t-tumbata tal-quċċata magħmula minn ġebel żgħir u radam tħejjiet bħala protezzjoni tal-qabar mill-ħallelin, peress li l-postijiet skavati malajr setgħu jerġgħu jintradmu.[7] Milli jidher l-istatwi għandhom uċuħ bi stil Grieg, iżda b'ilbies u stil tax-xagħar Persjan.

 
Il-ħaġra bl-iljun u l-istilel

In-naħa tal-Punent tal-quċċata fiha ħaġra kbira b'iljun, flimkien ma' arranġament ta' stilel u l-pjaneti Ġove, Merkurju u Marte. Din il-kompożizzjoni tqieset bħala ċart tas-sema tas-7 ta' Lulju 62 Q.K.[8] Din tista' tkun indikazzjoni ta' meta bdiet il-kostruzzjoni tal-monument. Il-parti tal-Lvant tal-quċċata hija ppreservata sew u hija magħmula minn diversi saffi ta' ġebel u radam. Hemm mogħdija li twassal sal-bażi tal-għolja u hija evidenza ta' mogħdija bil-ħitan li kienet tikkollega l-Lvant u l-Punent tal-quċċata. Fost l-użi possibbli ta' dan is-sit kien hemm iċ-ċerimonji reliġjużi, minħabba n-natura astronomika u reliġjuża tal-monument.

L-arranġament ta' dawn l-istatwi huwa magħruf bit-terminu hierothesion. Arranġamenti simili nstabu f'Arsameia f'Nymphaios fil-hierothesion ta' missier Antijoke, Mithridates I Callinicus.

Storja tal-qedem

immodifika

Is-santwarju reliġjuż stabbilit f'Nemrut kien parti mill-programm politiku ta' Antijoke biex jerġa' jagħti ħajja lit-tradizzjonijiet Persjani ta' Commagene. Sabiex jagħmel dan, huwa wettaq fużjoni u aġġustament tat-tradizzjonijiet politiċi u reliġjużi ta' Cappadocia, Pontus, u l-Armenja.

Bħalma għamlu l-mexxejja Mithridatiċi ta' Pontus, Antijoke enfasizza d-dixxendenza tiegħu mill-Akimenidi u mis-Selewċidi, u ddikjara wkoll il-legat irjali tal-Armenja. Waħda mill-partijiet essenzjali ta' din l-identità kien il-panteon Grieg-Iranjan li kien għadu kemm ġie stabbilit dak iż-żmien, li kien jiġi meqjum f'santwarji speċifiċi f'Commagene.[9]

Storja moderna

immodifika

Is-sit ġie skavat fl-1881 minn Karl Sester, inġinier Ġermaniż li kien ivvaluta r-rotot tat-trasport għall-Ottomani. Wara l-ewwel żjara tagħha fl-1947, Theresa Goell iddedikat ħajjitha għas-sit, u bdiet kampanji ta' skavi fl-1954. Skavi sussegwenti ma rnexxielhomx jiżvelaw il-qabar ta' Antijoke. Minkejja dan, it-twemmin komuni hu li Nemrut huwa s-sit fejn indifen Antijoke. L-istatwi, kollha kemm huma "b'rashom maqtugħa", ma ġew restawrat għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Nemrut Dağı

Nemrut Dağı ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1][10]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

It-turisti tipikament iżuru l-iktar is-sit minn April sa Ottubru għaliex fix-xhur l-oħra jaħkem ħafna r-riħ u jkun hemm ħafna borra. Ir-raħal fil-qrib ta' Adıyaman huwa post popolari minn fejn isiru mawriet sas-sit bil-karozzi u bil-karozzi tal-linja, u wieħed jista' saħansitra jagħmel mawra bil-ħelikopter minn hemm. Barra minn hekk hemm ukoll vjaġġi organizzati ta' jumejn li jitilqu minn Malatya jew Kahta.[11]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Nemrut Dağ". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-27.
  2. ^ Widengren, G. (1986). "Antiochus of Commagene". Encyclopaedia Iranica, Vol. II, Fasc. 2. pp. 135–136.
  3. ^ Shayegan, M. Rahim (2016). "The Arsacids and Commagene". In Curtis, Vesta Sarkhosh; Pendleton, Elizabeth J.; Alram, Michael; Daryaee, Touraj (eds.). The Parthian and Early Sasanian Empires: Adaptation and Expansion. Oxbow Books. ISBN 9781785702082. p. 13.
  4. ^ Shayegan, M. Rahim (2016). "The Arsacids and Commagene". In Curtis, Vesta Sarkhosh; Pendleton, Elizabeth J.; Alram, Michael; Daryaee, Touraj (eds.). The Parthian and Early Sasanian Empires: Adaptation and Expansion. Oxbow Books. ISBN 9781785702082. p. 203.
  5. ^ Goell, Theresa; Bachmann, H. G.; Sanders, Donald Hugo, eds. (1996). Nemrud Dagi: The Hierothesion of Antiochus I of Commagene: Results of the American Excavations Directed by Theresa B. Goell. Vol. 1. Eisenbrauns. p. 3.
  6. ^ Spawforth, Antony; Eidinow, Esther; Hornblower, Simon, eds. (2014). The Oxford Companion to Classical Civilization. Oxford University Press. p. 542.
  7. ^ Hewsen, Robert H. (2001). Armenia: A historical Atlas. p. 42.
  8. ^ Neugebauer, O.; van Hoessen, H.B. (1959). "Greek horoscopes". Memoirs of the American Philosophical Society. Philadelphia. XLVIII: 14–16.
  9. ^ Canepa, Matthew (2020). The Iranian Expanse: Transforming Royal Identity Through Architecture, Landscape, and the Built Environment, 550 BCE–642 CE. Oakland: University of California Press. ISBN 9780520379206. pp. 202-203.
  10. ^ Giorgio Lollino; Andrea Manconi; Fausto Guzzetti; Martin Culshaw; Peter Bobrowsky; Fabio Luino, eds. (2014). Engineering Geology for Society and Territory - Volume 5: Urban Geology, Sustainable Planning and Landscape Exploitation (illustrated ed.). Springer. p. 45. ISBN 9783319090481.
  11. ^ Patricia Erfurt-Cooper, ed. (2014). Volcanic Tourist Destinations; Geoheritage, Geoparks and Geotourism (illustrated ed.). Springer Science & Business Media. p. 93. ISBN 9783642161919.