Mtskheta
Mtskheta (bil-Georgian: მცხეთა, b'ittri Rumani: mtskheta [ˈmtsʰχetʰa]) hija belt fir-reġjun ta' Mtskheta-Mtianeti, il-Georgia. Hija waħda mill-eqdem bliet fil-Georgia kif ukoll waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja.[1] Tinsab madwar 20 kilometru (12-il mil) fit-Tramuntana ta' Tbilisi, fil-konfluwenza tax-xmajjar Mtkvari u Aragvi. Attwalment hija belt kapitali provinċjali żgħira, u għal kważi millenju sas-seklu 5 W.K., Mtskheta kienet belt iffortifikata kbira, ċentru ekonomiku u politiku sinifikanti tar-Renju tal-Iberja.
Mtskheta | |
---|---|
Georgia | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Georgia |
Mkhare | Mtskheta-Mtianeti |
Municipality of Georgia | Muniċipalità ta' Mtskheta |
Isem uffiċjali | მცხეთა |
Ismijiet oriġinali | მცხეთა |
Kodiċi postali |
3300 |
Ġeografija | |
Koordinati | 41°50′35″N 44°43′10″E / 41.8431°N 44.7194°EKoordinati: 41°50′35″N 44°43′10″E / 41.8431°N 44.7194°E |
Għoli | 460 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 7,606 abitanti (2021) |
Informazzjoni oħra | |
Żona tal-Ħin | UTC+4 |
bliet ġemellati | Argos, Leuville-sur-Orge, Trakai, Skrundau Irpin |
mtskheta.gov.ge |
Minħabba l-importanza storika tal-belt u d-diversi knejjes u monumenti kulturali straordinarji, il-"Monumenti Storiċi ta' Mtskheta" saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[2] Bħala l-post tat-twelid u wieħed mill-iżjed ċentri vibranti tal-Kristjaneżmu fil-Georgia, Mtskheta ġiet iddikjarata bħala l-"Belt Sagra" mill-Knisja Ortodossa tal-Georgia fl-2014.
Fl-2016, il-Monumenti Storiċi ta' Mtskheta tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO taħt Protezzjoni Msaħħa, mekkaniżmu stabbilit mit-Tieni Protokoll tal-1999 sal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali f'Każ ta' Kunflitt Armat.
Mtskheta hija stabbilita fuq art baxxa, imdawra bil-muntanji, fil-konfluwenza taż-żewġ xmajjar, Mtkvari u Aragvi. Wieħed jaċċessa l-belt mit-Tramuntana mill-muntanji tal-Kawkasi ta' Fuq u min-Nofsinhar mill-muntanji tal-Kawkasi t'Isfel.
Stabbiliment
immodifikaMinn evidenza arkeoloġika ħareġ li l-insedjament uman fl-inħawi ta' Mtskheta beda mit-tieni millenju Q.K. sal-bidu tal-ewwel millenju W.K.[3] Diversi difniet ta' Żmien il-Bronż (mill-bidu tal-ewwel millenju Q.K.) juru li Mtskheta diġà kienet insedjament sinifikanti f'dak il-perjodu.
Skont il-Kronaka tal-Georgia, Mtskheta ġiet stabbilita minn Mtskhetos, iben Kartlos, l-antenat ewlieni tal-Georgia. Il-ħajt ta' madwar il-belt inbena mill-antenat ta' Nimrod, Ardam. Skont verżjoni oħra, iktar aċċettata mill-istoriċi, Mtskheta ġiet stabbilita mit-tribujiet antiki Meskjani fis-seklu 5 Q.K.[4]
Belt Kapitali tar-Renju tal-Iberja
immodifikaMtskheta kienet il-belt kapitali tar-Renju Bikri tal-Iberja fil-Georgia mis-seklu 3 Q.K. sas-seklu 5 W.K. Il-kronaka ssemmi li r-Renju tal-Iberja u l-belt kapitali tagħha nħakmu minn Alessandru Manju fis-seklu 4 Q.K., iżda ċerti storiċi ma jaċċettawx din il-kronaka. Eventwalment, il-mexxej maħtur minn Alessandru qered il-ħitan ta' Mtskheta u ħalla erba' fortizzi biss, li waħda minnhom għadha magħrufa bħala Armazi.
Sorsi antiki tas-sekli 4-3 Q.K. isemmu li Mtskheta kellha għadd ta' viċinati. Fosthom, Armazis-tsikhe, Tzitzamuri, Jvari u oħrajn. Bħal irħula oħra tal-Georgia, Mtskheta kienet maqsuma fil-belt proprja u fiċ-ċittadella.
Kemm l-iskavi kif ukoll il-Kronaka tal-Georgia jsemmu l-kostruzzjoni konsiderevoli fil-perjodu Ellenistiku: djar residenzjali, palazzi u fortifikazzjonijiet. L-ewwel re tal-Georgia, Parnavaz, bena ħajt ġdid madwar Mtskheta, fil-bidu tas-seklu 3 Q.K., li iktar 'il quddiem issaħħaħ minn ibnu Saurmag fl-aħħar tas-seklu 3 u fil-bidu tas-seklu 2 Q.K. Fl-aħħar tas-seklu 2 u fil-bidu tas-seklu 1 Q.K., ir-re Parnajom saħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Persjani u stieden lill-qassisin Żoroastrijani jinsedjaw Mtskheta. Dan x'aktarx li wassal għall-kostruzzjoni tat-tempji Żoroastrijani fil-belt. Minkejja dan, ma teżisti l-ebda evidenza arkeoloġika ta' dan. Mill-ġdid il-ħitan ta' Mtskheta ttejbu matul ir-renju ta' Bartom fis-seklu 1 Q.K., u iktar 'il quddiem anke minn Aderki, spiss identifikat ma' Pharasmanes I. Dan ir-re jiġi assoċjat mal-ewwel komunitajiet Kristjani li feġġew f'Kartli u mal-wasla tat-Tunika Mqaddsa f'Mtskheta, miġjuba minn Ġerusalemm mil-Lhud lokali.
F'dak il-perjodu l-belt ġiet iffortifikata sew. Il-ħitan kienu jipproteġu l-belt miż-żewġ naħat tax-xmara Mtkvari, flimkien ma' tliet fortijiet. Iċ-ċittadella prinċipali, Armazi, fuq l-Għolja ta' Bagineti, kienet tikkontrolla d-daħla min-Nofsinhar u mil-Lvant, Tsitsamuri, fil-bażi tal-Għolja Jvari mit-Tramuntana, u Sarkine mill-Punent.
Mtskheta kienet sit ta' attività Kristjana bikrija li rriżultat fil-Kristjanizzazzjoni tal-Iberja, fejn il-Kristjaneżmu ġie pproklamat bħala r-reliġjon tal-istat fit-337. Il-belt għadha s-sede prinċipali tal-Knisja Ortodossa tal-Georgia. Għal dik il-ħabta, Mtskheta kienet belt żviluppata kulturalment. Lapida datata bejn l-aħħar tas-seklu 4 u l-bidu tas-seklu 5, li nstabet fin-nekropoli ta' Samtavro, fiha epitafju bil-Grieg, li ssemmi l-arkitett u l-artist prinċipali ta' Mtskheta, Aurelius Acholis.
Fl-ewwel snin wara l-konverżjoni tal-Georgia għall-Kristjaneżmu, inbniet knisja żgħira tal-injam fiċ-ċentru tal-belt, li iktar 'il quddiem saret il-Katidral ta' Svetitskhoveli. L-iskavi arkeoloġiċi ħarġu fid-dieher il-fdalijiet tal-knisja tal-injam fi ħdan il-katidral. Sas-seklu 5 W.K. il-knisja ż-żgħira ma baqgħetx biżżejjed biex tilqa' l-komunità dejjem tikber tal-belt, u Vakhtang Gorgasali bena bażilika kbira, l-ikbar knisja tat-Tlugħ is-Sema fil-Georgia, il-Katidral ta' Svetitskhoveli, li baqgħet teżisti sas-seklu 11. L-ewwel katolikos ġie elett fis-seklu 5, u r-residenza tiegħu kienet fil-Katidral ta' Svetotskhoveli, f'Mtskheta. Sas-seklu 11, il-bażilika iktar bikrija ta' Svetitskhoveli reġgħet saret żgħira wisq biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-komunità, u l-Katolikos Melchizedek I bena knisja oħra minflokha.
Medjuevu
immodifikaIr-re Dachi tal-Iberja (fil-bidu tas-seklu 6 W.K.), li kien is-suċċessur ta' Vakhtang I tal-Iberja, ittrasferixxa l-belt kapitali minn Mtskheta għal Tbilisi peress li kien iktar faċli li tiġi difiża, abbażi tat-testment li kien ħalla warajh missieru. B'hekk l-importanza ta' Mtskheta bdiet tbatti, filwaqt li dik ta' Tbilisi bdiet tikber. Madankollu, Mtskheta baqgħet is-sit tal-inkurunazzjoni u tad-dfin tal-biċċa l-kbira tar-rejiet tal-Georgia sal-aħħar tar-renju fis-seklu 19. Mtskheta ġarrbet ħsarat kbar matul it-telfa tal-Khazar kontra l-Kaliffat tal-Umajjad bejn is-736 u s-739, u mill-ġdid meta Timur ħakem l-inħawi fis-seklu 15. Dawn l-attakki ċekknu d-daqs tal-belt, u meta l-Georgia saret parti mir-Russja fl-1801, kienet saret ftit iktar minn villaġġ biss. Madankollu, l-industrijalizzazzjoni tejbet il-qagħda tal-belt.
Żminijiet moderni
immodifikaIċ-ċentru storiku tal-belt jinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Mtkvari u Aragvi.
Bħala rikonoxximent tar-rwol tal-belt fl-istorja Kristjana tal-Georgia, Mtskheta ngħatat l-istatus ta' "Belt Sagra" mill-Katolikos-Patriarka Ilia II tal-Georgia, f'konformità mat-testment bil-miktub tal-predeċessur tiegħu tas-seklu 11, Melchizedek I tal-Georgia.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaSit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO | |
---|---|
Kriterji | Kulturali: iii, iv |
Referenza | 708 |
Deżinjazzjoni | 1994 (18-il Sessjoni) |
Fil-Periklu | 2009 — 2016[5] |
Erja | 3.85 ha |
Żona ta' Lqugħ | 2,382.5 ha |
Il-Monumenti Storiċi ta' Mtskheta ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Monumenti
immodifikaIl-Katidral ta' Svetitskhoveli (is-seklu 11), il-Monasteru ta' Samtavro (is-seklu 4) u l-Monasteru ta' Jvari (is-seklu 6) f'Mtskheta huma fost l-iżjed monumenti sinifikanti tal-arkitettura Kristjana tal-Georgia, u huma importanti storikament fl-iżvilupp tal-arkitettura Medjevali fil-Kawkasu kollu. Huma ta' importanza speċjali l-kitbiet imnaqqxa bikrin, li jiffurmaw referenza siewja fl-istudju tal-oriġini tal-alfabett tal-Georgian bikri. In-nekropoli ta' Samtavro, post tad-dfin fit-Tramuntana tal-monasteru, ġie datat bejn nofs it-tielet millenju Q.K. u s-seklu 10.
Fil-periferiji ta' Mtskheta hemm il-fdalijiet tal-fortizza ta' Armaztsikhe (is-seklu 3 Q.K.), l-akropoli ta' Armaztsikhe (l-aħħar tas-seklu 1 Q.K.), il-fdalijiet ta' pont (li skont il-leġġendi nbena mil-leġjunarji Rumani ta' Pompeo l-Kbir fis-seklu 1 Q.K.), il-fdalijiet frammentarji
ta' palazz irjali (is-seklu 1–3 W.K.), qabar fil-qrib tas-seklu 1 W.K., u l-fortizza ta' Bebris Tsikhe (is-seklu 14). L-Istitut tal-Arkeoloġija, u l-ġnien ta' Mikheil Mamulashvili huma notevoli wkoll. Barra minn hekh, hemm monument iddedikat lill-iskultur Elena Machabeli.
Qrib l-istazzjon ferrovjarju ta' Mtskheta nstab mawżolew ta' mara sinjura tas-seklu 1 W.K. L-istruttura qisha dar bil-bejt imsaqqaf bil-madum. Fost is-sejbiet fi ħdan il-mawżolew kien hemm statwa żgħira tal-bronż ta' żagħżugħ idoqq il-flawt.
Theddidiet
immodifikaIl-Monumenti Storiċi ta' Mtskheta kienu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu, minħabba "deterjorament serju fil-ħitan u fl-affreski" bħala t-theddida prinċipali għall-preservazzjoni fit-tul tas-sit.[6] Tneħħew mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2016.[7]
Ġemellaġġ
immodifikaMtskheta hija ġemellata ma':
- Vagharshapat, l-Armenja (2016);
- Leuville-sur-Orge, Franza (2001);
- Argos, il-Greċja (1991).[8]
Nies notevoli
immodifikaNies notevoli minn Mtskheta:
- Tochinoshin Tsuyoshi, Levan Gorgadze, twieled fl-1987, lottatur tas-sumo.
Referenzi
immodifika- ^ "Historical city Mtskheta becomes "Holy City" | AGENDA.GE". agenda.ge (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-10.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Monuments of Mtskheta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-10.
- ^ Джанберидзе Н., Мачабели К. (1981) Тбилиси. Мцхета. Мoska: Искусство, 255 c. (bir-Russu).
- ^ Александр Джавахишвили. "География Грузинской СССР". Госиздат Грузинской ССР. 1955. P. 162 "Недалеко от Тбилиси расположен древнейший город Грузии — Мцхета (основан приблизительно в V веке до н. э.)" (bir-Russu).
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Monuments of Mtskheta, Georgia, removed from List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-10.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Georgia's Historical Monuments of Mtskheta inscribed on Danger List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-10.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Monuments of Mtskheta, Georgia, removed from List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-10.
- ^ "Ġemellaġġ" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-01-15. Miġbur 2024-04-10.