Michail Glinka

kompożitur Russu

Mikhail Ivanovich Glinka (bir-Russu: Михаил Иванович Глинка, b'ittri Rumani: Mikhail Ivanovich Glinka, IPA: [mʲɪxɐˈil‿ɨˈvanəvʲɪdʑ‿ˈɡlʲinkə] ; twieled fl-1 ta' Ġunju [skont sorsi oħra fl-20 ta' Mejju] 1804 – miet fil-15 ta' Frar [skont sorsi oħra fit-3 ta' Frar] 1857) kien l-ewwel kompożitur Russu li kiseb fama kbira fi ħdan pajjiżu stess u spiss jitqies bħala s-sors ewlieni tal-mużika klassika Russa. Il-kompożizzjonijiet tiegħu kienu influwenza importanti fuq kompożituri Russi oħra, fosthom il-membri ta' The Five, li pproduċew stil Russu distintiv ta' mużika.[1]

Michail Glinka
Ħajja
Twelid Novospasskoye, 20 Mejju 1804 (in Julian calendar), 1804, 20 Ġunju 1804, 1 Ġunju 1804
Nazzjonalità Imperu Russu
Mewt Berlin, 15 Frar 1857
Post tad-dfin Ċimiterju Tixvin
Familja
Missier Ivan Nikolaevič Glinka
Omm Evgenia Andreevna Glinka-Zemelka
Konjuga/i Maria Petrovna Ivanova (en) Translate
Aħwa
Tribù House of Glinka (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater liċeo tan-nobbli
Lingwi Russu
Għalliema Siegfried Wilhelm Dehn (en) Translate
John Field (mul) Translate
Francesco Basili (en) Translate
Charles Meyer (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
Xogħlijiet importanti Patrioticheskaya Pesnya (en) Translate
Ruslan and Lyudmila (en) Translate
Waltz-Fantasia (en) Translate
A Life for the Tsar (en) Translate
Moviment artistiku opra
romantiċiżmu
mużika sinfonika
musica da camera

Ħajja bikrija u edukazzjoni

immodifika

Glinka twieled fil-villaġġ ta' Novospasskoye, mhux wisq 'il bogħod mix-xmara Desna fil-Governorat ta' Smolensk tal-Imperu Russu (issa fid-Distrett ta' Yelninsky tal-Oblast ta' Smolensk). Missieru kien raġel għani li kien kaptan irtirat tal-armata, u l-familja tiegħu kellha tradizzjoni qawwija ta' lealtà u ta' servizz lill-ksar, u diversi membri tal-familja estiża tiegħu kellhom interess qawwi fil-kultura. Il-bużbużnannu tiegħu kien nobbli tal-Commonwealth Pollakka-Litwana, Wiktoryn Władysław Glinka tal-istemma Trzaska li ngħata artijiet fil-Vojvodevat ta' Smolensk. Fl-1655, Wiktoryn ikkonverta għat-twemmin tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant bl-isem ġdid ta' Yakov Yakovlevich (Ġakbu, iben Ġakobb), u baqa' s-sid tal-artijiet tiegħu taħt il-ksar. L-istemma oriġinarjament ingħatat wara li kkonverta mill-paganiżmu Litwan għall-Kattoliċiżmu skont l-Unjoni ta' Horodło.[2][3]

Mikhail trabba min-nanna paterna protettiva li kienet tħassru, tagħtih il-ħelu, tgeżwru fil-fer, u kienet iżżommu fil-kamra tagħha, li kienet tinżamm b'temperatura ta' 25 °C (77 °F). B'hekk, huwa sar pjuttost ipokondrijaku u iktar 'il quddiem f'ħajtu baqa' jirċievi s-servizzi ta' bosta tobba, u spiss kien jisfa vittma ta' nies li taparsi kienu tobba. L-unika mużika li kien jisma' matul żogħżitu kienet ġejja mit-tokki tal-qniepen tal-knejjes tal-villaġġ u mill-kanzunetti folkloristiċi tal-korijiet tar-raħħala. Il-qniepen tal-knisja kienu intonati skont korda dissonanti, għaldaqstant widnejh draw jisimgħu armonija qawwija. Filwaqt li l-infermiera tiegħu xi kultant kienet tkanta xi kanzunetti folkloristiċi, il-korijiet tar-raħħala li kienu jkantaw bit-teknika tal-podgolosochnaya (stil improvizzat — litteralment "minn taħt l-ilsien" — bl-użu ta' armoniji dissonanti improvizzati fil-qafas tal-melodija) influwenzaw l-indipendenza tiegħu mill-progressjonijiet armonjużi tal-armonija tal-Punent.

Wara l-mewt ta' nanntu, huwa mar jgħix fil-villa ta' ziju tiegħu min-naħa ta' ommu, xi 10 kilometri (6 mili) 'il bogħod, fejn sema' l-orkestra ta' zijuh, b'repertorju li kien jinkludi lil Haydn, Mozart u Beethoven. Meta kellu għaxar snin semagħhom idoqq kwartett bil-klarinett tal-kompożitur Finlandiż Bernhard Henrik Crusell, li kellu effett qawwi fuqu. B'din l-esperjenza f'moħħu, iktar 'il quddiem kiteb "Il-Mużika hija ruħi". Filwaqt li l-għalliema tiegħu għallmitu r-Russu, il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-ġeografija, huwa ġie mgħallem ukoll kif idoqq il-pjanu u l-vjolin.

Meta kellu 13-il sena, Glinka mar lejn San Pietruburgu biex jattendi skola tat-tfal tan-nobbli. Huwa tgħallem il-Latin, l-Ingliż u l-Persjan, studja l-matematika u ż-żooloġija, u wessa' sew l-esperjenza mużikali tiegħu. Huwa ngħata tliet lezzjonijiet tal-pjanu mingħand John Field, il-kompożitur Irlandiż tan-notturni, li qatta' xi żmien miegħu f'San Pietruburgu. Imbagħad huwa kompla jingħata l-lezzjonijiet tal-pjanu mingħand Charles Mayer u beda jikkomponi.

 
L-istemma tal-familja Glinka.

Meta spiċċa l-iskola, missieru riedu jingħaqad mal-Uffiċċju Barrani, u nħatar bħala assistent segretarju tad-Dipartiment tal-Awtostradi Pubbliċi. Dan ix-xogħol mhux iebes ippermetta lil Glinka jambjenta ruħu fil-ħajja ta' dilettant mużikali, fejn sar midħla tas-swali muniċipali u tal-ġemgħat soċjali tal-belt. Huwa diġà kien qed jikkomponi ammont kbir ta' mużika, bħall-mużika romantika melankonika għall-qalb id-dilettanti għonja. Il-kanzunetti tiegħu huma fost l-iżjed partijiet interessanti ta' xogħlu minn dan il-perjodu.

Fl-1830, fuq rakkomandazzjoni ta' tabib, Glinka vvjaġġa lejn l-Italja mat-tenur Nikolai Kuzmich Ivanov. Ħaduha bid-dawra, u għaddew mill-Ġermanja u mill-Iżvizzera, qabel waslu Milan. Hemmhekk, Glinka attenda lezzjonijiet fil-konservatorju flimkien ma' Francesco Basili. Huwa tħabat biex jitgħallem il-kontrapunt, li kien iħoss li kien għadma iebsa. Wara li qatta' tliet snin jisma' lill-kantanti, iġennen lin-nisa warajh bil-mużika tiegħu, u jiltaqa' ma' nies famużi, fosthom Mendelssohn u Berlioz, huwa xeba' l-Italja. Huwa rrealizza li l-missjoni ta' ħajtu kienet li jirritorna lejn ir-Russja, jikkomponi bi stil Russu, u jipproduċi għall-mużika Russa dak li Donizetti u Bellini kien irnexxielhom jipproduċu għall-mużika Taljana.

Fir-ritorn tiegħu għadda mill-Alpi, u waqaf għal xi żmien fi Vjenna, fejn sema' l-mużika ta' Franz Liszt. Huwa baqa' għal ħames xhur f'Berlin, fejn studja l-kompożizzjoni taħt l-għalliem distint Siegfried Dehn. Prodotti importanti ta' dan il-perjodu kienu Kapriċċ dwar Temi Russi għal dwett bil-pjanu u Sinfonija mhux kompluta dwar Żewġ Temi Russi.

Malli sar jaf bil-mewt ta' missieru fl-1834, Glinka telaq minn Berlin u rritorna lejn Novospasskoye.

Karriera

immodifika
 
Ir-ritratt tal-kompożitur magħmul minn Ilya Repin tpitter tletin sena wara mewt Glinka.

Meta kien f'Berlin, Glinka ssaħħar wara kantanta sabiħa u b'talent, li għaliha kkompona Sitt Studji għal Contralto. Huwa fassal pjan biex jirritorna lejha, iżda meta s-seftura Ġermaniża ta' oħtu ma ġabitx id-dokumenti meħtieġa biex taqsam il-fruntiera miegħu, huwa abbanduna l-pjan li kellu u mħabbtu, u baqa' sejjer lejn San Pietruburgu fit-Tramuntana. Hemmhekk reġa' ngħaqad ma' ommu, u sar jaf lil Maria Petrovna Ivanova. Wara żmien qasir ta' għerusija, dawn iżżewġu, iżda ż-żwieġ kellu għomru qasir, għax Maria ma kellha l-ebda interess fil-mużika tiegħu. L-imħabba inizjali tiegħu għaliha jingħad li ispirat it-trio fl-ewwel att tal-opra tiegħu Ħajja għall-Ksar (1836), iżda din battiet ftit ftit mal-kritika kostanti ta' martu u tal-kunjata tiegħu. Meta ż-żwieġ intemm, hija reġgħet iżżewġet, u Glinka mar jerġa' jgħix għand ommu, u iktar tard ma' oħtu, Lyudmila Shestakova.

Ħajja għall-Ksar kienet l-ewwel minn żewġ opri kbar ta' Glinka. Oriġinarjament kien jisimha Ivan Susanin. Stabbilita fl-1612, tirrakkonta l-istorja tar-raħħal u tal-eroj patrijottiku Russu Ivan Susanin li jissagrifika ħajtu għall-Ksar billi jirnexxilu jitlef it-traċċi ta' grupp ta' Pollakki ribelli li kienu qed jikkaċċawh. Il-Ksar Nikola I innifsu segwa l-progress tal-opra b'interess u ssuġġerixxa l-bidla fit-titlu. Kienet suċċess kbir meta ttellgħet għall-ewwel darba fid-9 ta' Diċembru 1836, taħt it-tmexxija ta' Catterino Cavos, li kien kiteb opra dwar l-istess suġġett fl-Italja. Il-Ksar ippremja lil Glinka għal xogħlu b'ċurkett b'valur ta' 4,000 rublu. Matul l-era Sovjetika, l-opra ttellgħet bit-titlu oriġinali tagħha, Ivan Susanin.

Fl-1837, Glinka laħaq bħala s-surmast tal-Kor tal-Kappella Imperjali, b'salarju annwali ta' 25,000 rublu u b'akkomodazzjoni fil-qorti imperjali. Fl-1838, fuq is-suġġeriment tal-Ksar, huwa vvjaġġa lejn l-Ukrajna biex isib vuċijiet ġodda għall-kor; id-19-il tifel ġodda li sab qallgħuh 1,500 rublu oħra mingħand il-Ksar.

Ftit wara ħadem fuq it-tieni opra tiegħu, Ruslan u Lyudmila. It-trama, ibbażata fuq il-ġrajja ta' Alexander Pushkin, tfasslet fi 15-il minuta minn Konstantin Bakhturin, poeta fis-sakra ta' dak iż-żmien. B'hekk, l-opra hija taħlita drammatika, iżda l-kwalità tal-mużika ta' Glinka hija ogħla minn Ħajja għall-Ksar. L-overture hija kkaratterizzata minn skala tonali dixxendenti sħiħa assoċjata mal-antagonista nanu Chernomor, li ħataf lil Lyudmila, bint il-Prinċep ta' Kiev. Hemm coloratura pjuttost Taljana, u l-Att 3 jinkludi diversi biċċiet mużikali taż-żfin klassiku, iżda l-kisba l-kbira ta' Glinka kienet l-użu tal-melodija folkloristika li kulma jmur issir imsejsa fit-trama mużikali. Il-biċċa l-kbira tal-materjal folkloristiku misluf għandu oriġini Orjentali. Fid-debutt tal-opra fid-9 ta' December 1842, ma tantx intlaqgħet tajjeb, iżda sussegwentement kisbet il-popolarità.

Snin ta' wara

immodifika
 
Pittura ta' Mikhail Glinka magħmul minn Yakov Yanenko, 1840.

Glinka kellu sena batuta wara li l-opra ta' Ruslan u Lyudmila ma ntlaqgħetx tajjeb. Irnexxielu jbiddel ftit il-burdata meta vvjaġġa lejn Pariġi u Spanja. Fi Spanja ltaqa' ma' Don Pedro Fernández, is-segretarju u sieħbu għall-aħħar disa' snin ta' ħajtu. F'Pariġi, Hector Berlioz bħala surmast idderieġa xi siltiet mill-opri ta' Glinka u kiteb artiklu ta' tifħir dwaru. Glinka min-naħa tiegħu kien jammira l-mużika ta' Berlioz u ddeċieda li jikkomponi xi fantażiji pittoreski għall-orkestra. Mill-1852, huwa qatta' sentejn f'Pariġi, fejn kien iħobb jgħix fil-kwiet u spiss kien iżur il-ġonna botaniċi u żooloġiċi. Imbagħad mar jgħix f'Berlin, fejn wara ħames xhur, huwa miet ħesrem fil-15 ta' Frar 1857, wara li rbokka riħ. Huwa ndifen f'Berlin, iżda ftit xhur wara l-katavru tiegħu ttieħed lejn San Pietruburgu u ndifen mill-ġdid fiċ-ċimiterju tal-Monasteru ta' Alexander Nevsky.

Ġenesi ta' stil Russu

immodifika

Glinka kien il-bidu ta' direzzjoni ġdida fil-mużika Russa.[4] Il-kultura mużikali waslet fir-Russja mill-Ewropa, u bdiet titfaċċa mużika speċifikament Russa għall-ewwel darba fl-opri ta' Glinka. Spiss bħala l-bażi tagħha kienu jintużaw avvenimenti storiċi, iżda għall-ewwel darba ġew ippreżentati b'mod realistiku.[5][6]

L-ewwel wieħed li nnota din id-direzzjoni l-ġdida kien Alessandru Serov.[7] Imbagħad ingħaqad miegħu l-ħabib tiegħu Vladimir Stasov, li sar l-ewwel teoriku ta' din ix-xejra kulturali; imbagħad ġiet żviluppata iktar mill-kompożituri ta' "The Five".

Il-kritiku modern tal-mużika Russa kiteb: "Il-kultura mużikali Russa [ma kinitx tiżviluppa] mingħajr...tliet opri —Ivan Soussanine, Ruslan u Ludmila, u Il-Mistieden tal-Ħaġar. Soussanine hija opra fejn il-karattru prinċipali huma n-nies; Ruslan huwa l-intrigu profond u mistiku Russu; u f'Il-Mistieden, id-drama tiddomina fuq id-delikatezza tas-sbuħija tal-ħoss". Tnejn minn dawn l-opri — Ivan Soussanine u Ruslan u Ludmila —kienu ta' Glinka.

Ix-xogħol ta' Glinka, u dak tal-kompożituri u tan-nies kreattivi l-oħra li ispira, kien strumentali fl-iżvilupp ta' stil artistiku tassew Russu li jokkupa post prominenti fil-kultura dinjija.

 
Il-qabar ta' Mikhail Glinka fiċ-Ċimiterju ta' Tikhvin f'San Pietruburgu.

Wara l-mewt ta' Glinka, il-merti relattivi taż-żewġ opri tiegħu ġew fil-mira ta' dibattitu jaħraq fl-istampa mużikali, speċjalment bejn Vladimir Stasov u l-eks ħabib tiegħu Alessandru Serov. Il-kompożizzjoni orkestrali ta' Glinka Kamarinskaya (1848) skont Pyotr Ilyich Tchaikovsky kienet "il-ġandra li minnha kiber il-ballut" tal-mużika sinfonika Russa tal-ġejjieni.[8]

Fl-1884, Mitrofan Belyayev stabbilixxa l-Premju Glinka annwali, u r-rebbieħa bikrin tiegħu jinkludu Alexander Borodin, Mily Balakirev, Tchaikovsky, Nikolai Rimsky-Korsakov, César Cui u Anatoly Lyadov.

'Il barra mir-Russja, diversi mix-xogħlijiet orkestrali ta' Glinka kienu pjuttost popolari fil-kunċerti u fir-reġistrazzjonijiet. Apparti l-overtures magħrufa sew tal-opri (speċjalment l-overture tassew enerġetika ta' Ruslan), ix-xogħlijiet orkestrali ewlenin tiegħu jinkludu l-poeżija sinfonika Kamarinskaya (1848), ibbażata fuq il-kanzunetti folkloristiċi Russi; u żewġ xogħlijiet Spanjoli, Lejla f'Madrid (1848, 1851) u Jota Aragonesa (1845). Huwa kkompona wkoll bosta kanzunetti artistiċi u biċċiet mużikali għall-pjanu, kif ukoll xi mużika da camera.[9]

 
Statwa ta' Glinka f'San Pietruburgu.

Xogħol inqas rinomat li sar magħruf fl-aħħar deċennju tas-seklu 20 kien "Patrioticheskaya Pesnya" ta' Glinka, li x'aktarx li nkiteb għal kompetizzjoni tal-innu nazzjonali fl-1833. Fl-1990, ir-Repubblika Sovjetika Suprema tar-Russja adottata bħala l-innu reġjonali tar-Repubblika Soċjalista Federali Sovjetika Russa, li sa dak iż-żmien kienet l-unika stat kostitwenti Sovjetiku mingħajr innu.[10] Wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika u tar-Repubblika Soċjalista Federali Sovjetika Russa, l-innu nżamm b'mod mhux uffiċjali sa ma ġie kkonfermat uffiċjalment bħala l-innu nazzjonali Russu fl-1993 sas-sena 2000, meta ġie sostitwit bl-innu Sovjetiku b'lirika ġdida.[11]

Tliet konservatorji Russi ssemmew għal Glinka:

  • il-Konservartorju Statali ta' Nizhny Novgorod (bir-Russu: Нижегородская государственная консерватория им. М.И.Глинки);[12]
  • il-Konservatorju Statali ta' Novosibirsk (bir-Russu: Новосибирская государственная консерватория (академия) им. М.И.Глинки);[13]
  • il-Konservatorju Statali ta' Magnitogorsk (bir-Russu: Магнитогорская государственная консерватория).

L-astronoma Sovjetika Lyudmila Chernykh semmiet pjaneta minuri bħala 2205 Glinka sabiex tagħtih ġieħ. Din ġiet skoperta fl-1973. Hemm ukoll krater fuq Merkurju li ssemma għall-kompożitur Russu.[14]

Glinkastraße f'Berlin ingħat kunjom Glinka. Fid-dawl tal-protesti rigward George Floyd, isem it-triq biswit l-istazzjon tal-U-Bahn ta' Berlin, Mohrenstraße, ġie propost li jiġi sostitwit bħala "Glinkastraße". Il-pjan ġie kkanċellat minħabba l-antisemitiżmu magħruf ta' Glinka.[15]

 
Bolla postali Sovjetika tal-1954 f'ġieħ Glinka; jidher flimkien ma' Vasily Zhukovsky u Alexander Pushkin.

F'Settembru 2022, wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, triq f'Dnipro, l-Ukrajna, li kienet issemmiet għal Glinka, minflok ingħatat isem ir-Reġina Eliżabetta II.[16]

Fil-kultura popolari

immodifika

L-overture popolari tal-opra ta' Glinka Ruslan u Lyudmila ntużat bħala d-diska ewlenija tas-sensiela tal-kummieda televiżiva tal-Istati Uniti Mom. Il-ħallieqa tagħha kienu tal-fehma li l-mużika orkestrali kumplessa b'ritmu mgħaġġel tagħha kienet tirrifletti t-taqbid tal-karattri biex jegħlbu d-drawwiet distruttivi tagħha u jlaħħqu mal-isfidi tal-ħajja ta' kuljum.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Russian Symphony Orchestra", New York Times, 1904, p. 10.
  2. ^ "Глинка Михаил Иванович - русский композитор. Школьное дополнительное образование: классическая музыка". web.archive.org. 2011-08-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-11. Miġbur 2024-06-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Герб рода Глинков". gerbovnik.ru. Miġbur 2024-06-02.
  4. ^ "Михаил Иванович Глинка (Mikhail Glinka) | Belcanto.ru". www.belcanto.ru. Miġbur 2024-06-02.
  5. ^ "Творчество М.И. Глинки (лекция)". superinf.ru. Miġbur 2024-06-02.
  6. ^ afina. "Творчество М.И.Глинки - начало классической музыки" (bir-Russu). Miġbur 2024-06-02.
  7. ^ "Александр Николаевич Серов (Alexander Serov) | Classic-music.ru". www.classic-music.ru. Miġbur 2024-06-02.
  8. ^ "Mikhail Glinka". Miġbur 2024-06-02.
  9. ^ "Фост Юрий Николаевич. Память о М.И. Глинке в сооружениях Берлина". samlib.ru. Miġbur 2024-06-02.
  10. ^ "Digriet Sovjetiku". web.archive.org. 2016-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-27. Miġbur 2024-06-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Digriet Presidenzjali". web.archive.org. 2015. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-03-22. Miġbur 2024-06-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Нижегородская государственная консерватория им. М.И.Глинки". web.archive.org. 2008-01-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-01-11. Miġbur 2024-06-02.
  13. ^ "Новосибирская Государственная консерватория (академия) им. М.И.Глинки". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2024-06-02.
  14. ^ Schmadel, Lutz D. (2003). Dictionary of Minor Planet Names (5th ed.). New York: Springer Verlag. p. 179. ISBN 3-540-00238-3.
  15. ^ "Mohrenstrasse: Berlin farce over renaming of 'racist' station" (bl-Ingliż). 2020-07-09. Miġbur 2024-06-02.
  16. ^ "У центрі Дніпра з'явилася вулиця Степана Бандери – мер". Українська правда (bl-Ukren). Miġbur 2024-06-02.